EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Soċjetà Kooperattiva Ewropea

Soċjetà Kooperattiva Ewropea

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

SOMMARJU

X’JAGĦMLU DAN IR-REGOLAMENT U DIN ID-DIRETTIVA?

  • Dawn jistabbilixxu l-istatut legali ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) li għandha l-għan li tgħin lill-kooperattivi li għandhom attivitajiet f’aktar minn pajjiż tal-UE wieħed.
  • Dawn jipprovdu wkoll bażi legali għal kumpaniji oħra li jixtiequ jingħaqdu flimkien fi grupp.

PUNTI EWLENIN

Formazzjoni

SCE tista’ tkun iffurmata:

  • minn ħames jew iktar persuni jew kumpanniji:
    • ibbażati f’mill-inqas żewġ pajjiżi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE, jiġifieri l-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja),
    • iffurmati skont il-liġi ta’ pajjiż tal-UE;
    • u rregolati mil-liġi ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE differenti;
  • minn għaqda bejn kooperattivi ffurmati skont il-liġi ta’ pajjiż tal-UE b’uffiċċji rreġistrati u uffiċċji ewlenin f’dak il-pajjiż, sakemm mill-inqas tnejn minnhom ikunu rregolati mil-liġi ta’ pajjiżi tal-UE differenti;
  • b’konverżjoni ta’ kooperattiva ffurmata skont il-liġi ta’ pajjiż tal-UE, li għandha l-uffiċċju rreġistrat u l-uffiċċju ewlieni tagħha fi ħdan iż-ŻEE jekk il-kooperattiva jkun kellha stabbiliment jew sussidjarja regolata mil-liġi ta’ pajjiż tal-UE ieħor għal mill-inqas sentejn.

Pajjiż tal-UE jista’ jippermetti lil kumpanija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha ma jkunx fiż-ŻEE tieħu sehem fl-iffurmar ta’ SCE jekk:

  • din tkun iffurmata skont il-liġi ta’ pajjiż tal-UE;
  • ikollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’dak il-pajjiż tal-UE;
  • ikollha rabta reali u kontinwa mal-ekonomija tal-pajjiż tal-UE.

Kaptial

Il-kapital ta’ SCE, irrappreżentat mill-ishma tal-membri tagħha, irid ikun minimu ta’ EUR 30 000. SCE jista’ jkollha proporzjon limitat ta’ “membri investituri”. Huma ma jużawx is-servizzi tal-kooperattiva u għandhom drittijiet tal-vot limitati.

Taxxa

SCE għandha l-istess status ta’ taxxa bħal kull kumpanija multinazzjonali u b’hekk trid tħallas it-taxxa f’dawk il-pajjiżi fejn hija stabbilita b’mod permanenti.

Uffiċċju reġistrat

L-uffiċċju reġistrat ta’ SCE jista’ jiġi trasferit lejn pajjiż tal-UE ieħor mingħajr ma dan jirriżulta fl-istralċ tal-SCE jew fil-ħolqien ta’ kumpannija ġdida. L-uffiċċju rreġistrat u l-uffiċċju ewlieni jridu jkunu fl-istess post.

Stralċ, likwidazzjoni, insolvenza u sospensjoni ta’ pagamenti

Jista’ jsir stralċ ta’ SCE jew:

  • b’deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali, b’mod partikolari meta l-perjodu ffissat fir-regoli jkun skada jew meta l-kapital ikun naqas għal inqas mil-livell minimu;
  • jew minn qorti, pereżempju meta l-uffiċċju rreġistrat ikun ġie ttrasferit barra ż-ŻEE.

F’każijiet ta’ likwidazzjoni, insolvenza jew sospensjoni ta’ pagamenti, l-SCE hija suġġetta għal-liġijiet tal-pajjiż fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha.

Involviment ta’ impjegati

L-arranġamenti għall-involviment tal-impjegati (informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni) iridu jiġu stabbiliti minn kull SCE. Fl-istabbiliment ta’ dawn l-arranġamenti, ir-regoli nazzjonali tal-pajjiż fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni japplikaw għal SCEs stabbiliti:

  • esklużivament minn persuni fiżiċi jew minn entità legali waħda u persuni fiżiċi; u
  • li flimkien jimpjegaw inqas minn 50 impjegat, jew jimpjegaw 50 impjegat jew aktar f’pajjiż tal-UE wieħed biss.

Rapport

Rapport tal-Kummissjoni tal-2012, ibbażat fuq konsultazzjoni pubblika, sab li twaqqfu relattivament ftit SCEs. Dan talab sabiex il-partijiet interessati jiġu mistoqsija jekk l-Istatut għandux jiġi simplifikat u kif.

F’Konferenza tal-Presidenza tal-UE f’Ċipru matul is-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi fl-2010, ġie deċiż li ma ssirx emenda tar-regolament iżda li jiġu mfittxija r-raġunijiet għall-applikazzjoni fqira tal-SCE mill-operaturi tas-suq.

Grupp ta’ Ħidma

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperattivi ġie stabbilit fl-2013 sabiex jevalwa l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi kooperattivi fir-rigward ta’ varjetà wiesgħa ta’ kwistjonijiet bħall-qafas regolatorju tal-UE xieraq, l-identifikazzjoni ta’ ostakoli fil-livell nazzjonali u l-internazzjonalizzazzjoni tal-kooperattivi. (Ara r-Rapport tad-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma u l-minuti tal-laqgħa).

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENT U D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva tapplika mit-18 ta’ Awwissu 2003. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sat-18 ta’ Awwissu 2006.

Ir-regolament japplika mit-18 ta’ Awwissu 2006.

SFOND

Soċjetà kooperattiva Ewropea

ATTI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1-24)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1435/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25-36)

Ara l-verżjoni konsolidata.

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (COM(2012) 72 finali tat-23.2.2012)

l-aħħar aġġornament 16.03.2016

Top