EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mini tat-toroq: Regoli tas-sigurtà tal-UE

Mini tat-toroq: Regoli tas-sigurtà tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2004/54/KE dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Network Trans-Ewropew tat-Toroq

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi standards tas-sigurtà minimi rigward id-diversi aspetti organizzattivi, strutturali, tekniċi u operazzjonali tal-mini tat-toroq li jiffurmaw parti minn infrastruttura tat-trasport trans-Ewropea magħżula.

PUNTI EWLENIN

Ħtiġiet tas-sigurtà

  • Id-direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-mini kollha li huma itwal minn 500 metru, kemm jekk qed jaħdmu, qed jinbnew jew fl-istadju tad-disinn, u li jiffurmaw parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq, jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ sigurtà ġodda armonizzati.

Awtorità amministrattiva

  • Kull pajjiż tal-UE jrid jinnomina awtorità amministrattiva waħda jew aktar, responsabbli għall-aspetti kollha tas-sigurtà fil-mina. L-awtoritajiet jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw il-konformità mad-direttiva.
  • Din l-awtorità tista’ tiġi stabbilita fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Fil-każ ta’ mini bejn pajjiżi, kull pajjiż jista’ jaħtar awtorità jew iż-żewġ pajjiżi jaħtru awtorità konġunta.
  • L-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità hija meħtieġa meta tiġi kkummissjonata mina ġdida jew meta tkun se tinbena mill-ġdid waħda eżistenti. L-awtorità għandha l-poter li tissospendi jew tirrestrinġi l-operazzjoni ta’ mina jekk il-kundizzjonijiet tas-sigurtà ma jitħarsux.
  • L-awtorità tiżgura li l-kompiti li ġejjin jitwettqu:
    • eżami u spezzjoni tal-mini fuq bażi regolari u tħejjija ta' ħtiġiet tas-sigurtà relatati;
    • tqegħid postu tal-iskemi tal-organizzazzjoni u tal-operazzjoni (inklużi l-pjanijiet ta' risposta f’każ ta’ emerġenza) għat-taħriġ u t-tagħmir għas-servizzi ta’ emerġenza;
    • l-istabbiliment tal-proċedura għall-għeluq immedjat ta’ mina f’każ ta’ emerġenza;
    • l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għat-tnaqqis fir-riskju.

Amministratur tal-mini

  • Għal kull mina li tinsab fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE, irrispettivament minn jekk tkunx fl-istadju tad-disinn, fil-kostruzzjoni jew qed topera, l-awtorità tidentifika bħala Amministratur tal-Mina, il-korp pubbliku jew privat responsabbli mill-amministrazzjoni tal-mina fl-istadju in kwistjoni. L-Amministratur tal-Mina jrid iħejji rapport fil-każ ta’ kwalunkwe inċident jew aċċident sinifikanti li jseħħ f’mina.

Uffiċjal tas-sigurtà

  • Għal kull mina, l-Amministratur tal-Mina, bl-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità amministrattiva, jaħtar Uffiċjal tas-Sigurtà li jikkoordina l-miżuri tal-projbizzjoni u tas-salvagwardja kollha biex jiżguraw is-sigurtà tal-utenti u tal-persunal tal-operazzjoni. Il-kompiti tal-Uffiċjal tas-Sigurtà jinkludu:
    • il-koordinazzjoni ma' servizzi ta’ emerġenza u jieħu sehem fil-preparazzjoni ta' skemi ta' operazzjoni;
    • il-parteċipazzjoni fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza;
    • il-parteċipazzjoni fit-tfassil ta’ pjanijiet tas-sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tal-installazzjonijiet tal-infrastruttura;
    • il-verifika li l-persunal tal-operazzjoni u s-servizzi tal-emerġenza huma mħarrġa sew u qed jieħdu sehem fl-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji li jinżammu fuq intervalli regolari;
    • l-għoti ta’ pariri dwar il-kommissjonar tal-istruttura, it-tagħmir u l-operazzjoni tal-mini;
    • il-verifika li qed issir manutenzjoni u tiswija fuq l-istruttura u t-tagħmir tal-mini;
    • il-parteċipazzjoni fil-valutazzjoni ta’ kull inċident jew aċċident sinifikanti.

Spezzjonijiet perjodiċi

  • Il-pajjiżi tal-UE jiżguraw li l-ispezzjonijiet, il-valutazzjonijiet u t-testijiet isiru mill-korpi tal-ispezzjoni.
  • L-awtorità amministrattiva tivverifika li jsiru spezzjonijiet regolari mill-korp tal-ispezzjoni biex tiżgura li l-mini kollha li jaqgħu taħt l-iskop ta’ din id-direttiva jħarsu r-regoli tagħha.
  • Il-perjodu bejn żewġ spezzjonijiet konsekuttivi ta’ mina partikolari m’għandux jaqbeż sitt snin.

Analiżi tar-riskju

  • L-analiżi tar-riskju, ibbażata fuq metodoloġija unika definita fuq il-livell nazzjonali, għandha ssir minn korp li jiffunzjona b’mod indipendenti fuq talba tal-awtorità amministrattiva. Din tikkunsidra l-fatturi tad-disinn u l-kondizzjonijiet tat-traffiku kollha li jaffettwaw is-sigurtà, l-aktar il-karatteristiċi u t-tip tat-traffiku, it-tul u l-ġeometrija tal-mina, kif ukoll in-numru mbassar ta’ vetturi ta’ tagħbija tqila ta' kull ġurnata.

Rapporti

  • Kull sentejn, il-pajjiżi tal-UE iħejju rapporti dwar in-nirien fil-mini u dwar inċidenti li b'mod ċar jaffettwaw is-sigurtà tal-utenti tat-toroq fil-mini, u dwar il-frekwenza u l-kawżi tat-tali inċidenti, u jivvalutawhom u jipprovdu informazzjoni dwar l-irwol attwali u kemm ikunu effettivi l-faċilitajiet u l-miżuri ta’ sigurtà.

Adattament għall-progress tekniku

  • Il-Kummissjoni għandha s-setgħat li tadatta l-annessi ta' din id-direttiva b’konformità mal-progress tekniku.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-30 ta’ April 2004. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ April 2006.

SFOND

Il-mini huma infrastrutturi importanti essenzjali għat-trasport fuq distanzi twal u għall-iżvilupp tal-ekonomiji reġjonali tal-UE. Madankollu, l-Inċidenti fil-mini, b’mod partikolari n-nirien, jista’ jkollhom konsegwenzi drammatiċi u jkunu jiswew ħafna f’termini ta’ ħajja umana, konġestjoni miżjuda, tniġġis u spejjeż tat-tiswija.

  • Għal aktar informazzjoni, ara, “Il-mini” fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Network Trans-Ewropew tat-Toroq (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 39-91)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/54/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 20.10.2016

Top