EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji

Superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2002/87/KE dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tfittex li ssaħħaħ is-superviżjoni effettiva tal-konglomerati finanzjarji — gruppi finanzjarji kbar li huma attivi f’setturi finanzjarji differenti (servizzi bankarji/ta’ investiment u assigurazzjoni), ħafna drabi bejn il-fruntieri.
  • L-għan ġenerali tagħha huwa li tikkontribwixxi għal stabbiltà finanzjarja u protezzjoni tal-konsumatur akbar.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi:

  • dwar is-solvenza, b’rekwiżit ġenerali li jintegra r-rekwiżiti kollha ta’ solvenza settorjali li għalihom huwa suġġett il-grupp, kif ukoll biex tipprevjeni li l-istess kapital jintuża aktar minn darba bħala buffer kontra r-riskju f’entitajiet differenti fl-istess konglomerat (“l-ingranaġġ finanzjarju multiplu”) u biex tipprevjeni “downstreaming” minn kumpaniji omm, li permezz tiegħu huma joħorġu d-dejn u mbagħad jużaw ir-rikavat bħala ekwità għas-sussidjarji regolati tagħhom (“ingranaġġ eċċessiv”);
  • dwar l-idoneità u l-professjonalità tal-maniġment tal-konglomerat;
  • biex tiżgura ġestjoni tar-riskju u sistemi ta’ kontroll interni adegwati fi ħdan il-konglomerat;
  • li jistipulaw li għandha tinħatar awtorità superviżorja waħda biex tikkoordina s-superviżjoni ġenerali ta’ konglomerat, li tista’ tinvolvi ħafna awtoritajiet differenti li jittrattaw partijiet differenti tal-attivitajiet tal-konglomerat;
  • għall-qsim tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fost is-superviżuri (inkluż dawk f’pajjiżi mhux fl-UE) tal-entitajiet regolati f’konglomerat finanzjarju.

Emendi għad-Direttiva 2002/87/KE

  • Id-Direttiva 2011/89/UE introduċiet emendi li jagħtu setgħat ġodda lis-superviżuri finanzjarji nazzjonali biex jissorveljaw aħjar lill-kumpaniji omm, bħal kumpaniji holding. B’dan il-mod, jekk konglomerat finanzjarju jidħol f’diffikultà, is-superviżuri jistgħu jiksbu informazzjoni aħjar fi stadju aktar bikri u jkunu mgħammra aħjar biex jintervjenu.
  • Id-Direttiva 2013/36/UE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-banek u tad-ditti tal-investiment introduċiet emendi li jippermettu li jiġu żviluppati standards tekniċi sabiex l-istituzzjonijiet li huma parti minn konglomerat finanzjarju japplikaw il-metodi ta’ kalkolu xierqa għad-determinazzjoni tal-kapital meħtieġ fuq bażi konsolidata (ara s-sommarju).
  • Id-Direttiva (UE) 2019/2034 stabbilixxiet qafas prudenzjali speċifiku għad-ditti ta’ investimenti li, sa din id-direttiva, kienu soġġetti għall-istess regoli bħall-banek (ara s-sommarju).

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2002/87/KE ilha tapplika mill-11 ta’ Frar 2003 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-10 ta’ Awwissu 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, pp. 1-27).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/87/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 12.11.2021

Top