EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ħarsien ta’ tiġieġ li jbid

Ħarsien ta’ tiġieġ li jbid

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 1999/74/KE — standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid. Ma tapplikax għal stabbilimenti b’inqas minn 350 tiġieġa li tbid jew stabbilimenti li jrabbu tiġieġ li jbidu għat-trobbija.
  • It-trobbija ta’ tiġieġ li jbidu għandha tikkonforma mar-regoli rilevanti stabbiliti mid-Direttiva 98/58/KE relatati mal-ħarsien ta’ annimali li jinżammu għal skopijiet ta’ biedja u ma’ dawk stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

PUNTI EWLENIN

Sistemi alternattivi

Mill-1 ta’ Jannar 2002, kull sistema ta’ produzzjoni mibnija jew mibnija mill-ġdid u kull sistema ta’ produzzjoni ta’ dan it-tip li bdiet tintuża għall-ewwel darba kellha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

  • is-sistemi kollha għandhom jiġu mgħammra bi:

    • jew b’feeders lineari (mill-inqas 10 ċm għal kull tiġieġa) jew b’feeders ċirkolari (mill-inqas 4 ċm għal kull tiġieġa),
    • b’ħawt ta’ tisqija kontinwa (2,5 ċm għal kull tiġieġa) jew b’ħawt ċirkolari ta’ tisqija (1 ċm għal kull tiġieġa),
    • mill-inqas bejta waħda għal kull 7 tiġiġiet,
    • perċi adegwati (mill-inqas 15-il ċm għal kull tiġieġa),
    • u mill-inqas 250 cm2 ta’ żona biż-żibel għal kull tiġieġa;
  • l-art tal-installazzjonijiet għandha tappoġġa d-dwiefer ta’ kull sieq li jħarsu ’l quddiem;
  • hemm regoli speċjali dwar is-sistemi ta’ trobbija li jippermettu lit-tiġieġ jiċċaqalqu b’mod ħieles u/jew jippermettu aċċess għal ftuħ ta’ barra;
  • id-densità tal-istokk ma tistax taqbeż disa’ tiġieġ li jbidu għal kull m2 ta’ żona li tista’ tintuża (madankollu, fejn iż-żona li tista’ tintuża tikkorrispondi għall-wiċċ tal-art disponibbli, għandha tiġi awtorizzata densità tal-istokk ta’ 12-il tiġieġa għal kull m2 sal-31 ta’ Diċembru 2011 għal dawk l-istabbilimenti li japplikaw din is-sistema fit-3 ta’ Awwissu 1999.)

Il-pajjiżi tal-UE kellhom jiżguraw li dawn ir-rekwiżiti japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2007.

Trobbija f’sistemi ta’ gaġeġ mhux arrikkiti

  • Mill-1 ta’ Jannar 2003, kull gaġġa mhux arrikkita kellha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

    • għandha tingħata żona tal-gaġġa ta’ mill-inqas 550 cm2 għal kull tiġieġa;
    • irid jiġi pprovdut ħawt tal-ikel (b’tul ta’ mill-inqas 10 cm immultiplikat bin-numru ta’ tiġieġ), li jista’ jintuża mingħajr restrizzjonijiet;
    • kull gaġġa jrid ikollha sistema ta’ xorb xierqa;
    • il-gaġeġ iridu jkunu għoljin ta’ mill-inqas 40 ċm fuq ta’ mill-inqas 65 % taż-żona tal-gaġġa u mhux inqas minn 35 ċm fi kwalunkwe punt;
    • l-artijiet tal-gaġeġ iridu jinbnew b’tali mod li jappoġġaw id-dwiefer ta’ kull sieq. Jekk l-art tkun fuq pendil, dan il-pendil ma jistax ikun aktar minn 14 % jew 8 %, għajr fejn l-art tkun magħmula minn materjal differenti mill-gożwajer;
    • il-gaġeġ għandhom jiġu mgħammra b’tagħmir xieraq għat-tqassir tad-dwiefer.
  • Mill-1 ta’ Jannar 2003, l-ebda gaġġa mhux arrikkita ma tista’ tinbena jew tibda titħaddem għall-ewwel darba. Din it-tip ta’ sistema ta’ trobbija ġiet ipprojbita mill-1 ta’ Jannar 2012.

Trobbija f’gaġeġ arrikkiti

Mill-1 ta’ Jannar 2002, kull gaġġa arrikkita kellha tikkonforma mill-inqas mar-rekwiżiti li ġejjin:

  • kull tiġieġa li tbid għandu jkollha:

    • mill-inqas 750 cm2 ta’ gaġġa,
    • bejta,
    • ħmieġ li miegħu it-tiġieġ jistgħu jnaqqru u jħokku;
    • passiġġieri xierqa li jippermettu twal mill-inqas 15-il ċm;
  • irid jiġi pprovdut ħawt tal-ikel li jkun jista’ jintuża mingħajr restrizzjonijiet. It-tul tiegħu jrid ikun ta’ mill-inqas 12-il ċm immultiplikat bin-numru ta’ tiġieġ fil-gaġġa;
  • kull gaġġa jrid ikollha sistema ta’ xorb xierqa;
  • irid ikun hemm passaġġ bi spazju minimu ta’ 90 ċm bejn il-lott ta’ gaġeġ u jrid jitħalla spazju ta’ mill-inqas 35 ċm bejn l-art tal-bini u l-qiegħ tal-lott tal-gaġeġ;
  • il-gaġeġ għandhom jiġu mgħammra b’tagħmir xieraq għat-tqassir tad-dwiefer.

Regoli finali

  • L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE jridu jirreġistraw l-istabbilimenti koperti minn din id-Direttiva u jagħtuhom numru distintiv li jiżgura t-traċċabbiltà tal-bajd impoġġija fis-suq għall-konsum uman.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-ispezzjonijiet jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti biex jiċċekkjaw li jkun hemm konformità mar-regoli tad-Direttiva. Huma jridu jippreżentaw rapport dwar l-ispezzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, li mbagħad għandha tinforma lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (PAFF).
  • Esperti veterinarji mill-Kummissjoni jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Is-sejbiet ta’ dawk il-kontrolli jiġu diskussi mal-awtoritajiet kompetenti, li mbagħad jieħdu kwalunkwe miżura li l-kontrolli wrew li hija meħtieġa.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jżommu jew japplikaw fit-territorji tagħhom regoli li huma aktar stretti minn dawk previsti minn din id-Direttiva.

Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) 2017/625, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar il-kontrolli uffiċjali tal-ikel uman u tal-għalf tal-annimali, jemenda ċerti dettalji tekniċi minuri tad-Direttiva. Dawn il-bidliet ser japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2019.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Hi bdiet tapplika mit-3 ta’ Awwissu 1999. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2002.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta’ Lulju 1999 li tistabbilixxi l-istandards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid (ĠU L 203, 3.8.1999, pp. 53-57)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 1999/74/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENT RELATAT

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1-142)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE tat-30 ta’ Jannar 2002 dwar ir-reġistrazzjoni tan-negozji stabbiliti tat-trobbija tat-tiġieġ li jbidu, koperta mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (ĠU L 30, 31.1.2002, pp. 44-46)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 05.09.2017

Top