EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sigurtà tal-kontejners: Ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti

Sigurtà tal-kontejners: Ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2004/634/KE dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika f’dak li hu intensifikar u twessigħ tal-ftehim dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f’affarijiet doganali biex tkun inkluża l-koperazzjoni f’dik li hi sigurtà fir-rigward ta’ containers u affarijiet relatati

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti f’dak li hu intensifikar u twessigħ tal-ftehim dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f’affarijiet doganali biex tkun inkluża l-koperazzjoni f’dik li hi sigurtà fir-rigward ta’ containers u affarijiet relatati

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-ftehim għandu l-għan li jestendi l-ftehim tal-1997 dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali (CMAA), li kien imfassal biex jiżviluppa l-kooperazzjoni doganali bl-aktar kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ possibbli bejn il-Komunità Ewropea (issa l-Unjoni Ewropea) u l-Istati Uniti.
  • Sabiex tkun koperta s-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-kummerċ transatlantiku, skont il-ftehim estiż l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-għan li jintensifikaw il-kooperazzjoni doganali biex jiżguraw li l-kontroll doganali ġenerali jqis kif xieraq it-tħassib dwar is-sigurtà.
  • Id-deċiżjoni timmarka l-konklużjoni tal-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Il-ftehim jipprevedi l-espansjoni immedjata tal-inizjattiva għas-sigurtà tal-kontejners (CSI) għall-portijiet kollha fl-UE li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti. Dan għandu l-għan li jtejjeb is-sigurtà tal-merkanzija fuq bażi reċiproka għaż-żewġ partijiet filwaqt li jiżgura trattament ugwali tal-portijiet u l-operaturi tal-Istati Uniti u tal-UE. Il-ftehim jistabbilixxi wkoll programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-miżuri li ġejjin:
    • l-iżvilupp ta’ standards għat-tekniki tal-immaniġġjar tar-riskji;
    • l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati vjeġġi b’riskju għoli importati mill-partijiet;
    • programmi ta’ sħubija industrijali.
  • Il-koordinazzjoni esterna tal-istandards għall-kontroll doganali mal-Istati Uniti hija meħtieġa wkoll biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-katina tal-provvista u tiżgura l-fluss kontinwu ta’ kummerċ leġittimu fil-kontejners. L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet doganali involuti f’partijiet preċedenti tal-katina tal-provvista. Dan sabiex tintuża teknoloġija ta’ informazzjoni u spezzjoni f’waqtha biex jiġu mmirati u spezzjonati kontejners b’riskju għoli qabel ma jintbagħtu mill-portijiet jew mill-postijiet ta’ tagħbija jew it-trasbord tagħhom fil-pajjiżi rispettivi. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-portijiet tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-CSI abbażi ta’ prinċipji uniformi. L-adozzjoni ta’ standards komparabbli għandha tiġi promossa wkoll fil-portijiet tal-Istati Uniti.
  • Sabiex titwessa’ u tiġi intensifikata l-kooperazzjoni doganali bejn il-partijiet, ġiet stabbilita proċedura ta’ konsultazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE li jinnegozjaw arranġamenti mal-Istati Uniti fl-oqsma rregolati mis-CMAA estiża għandhom jikkonsultaw minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi l-oħra tal-UE kif ukoll jikkondividu l-informazzjoni u jiżguraw li l-arranġamenti miftiehma jikkonformaw mat-trattati u l-politiki tal-UE u s-CMAA estiża. Jekk il-Kummissjoni tqis li arranġament li pajjiż tal-UE jixtieq jinkludi f’kooperazzjoni mal-Istati Uniti ma jikkonformax, hija tinforma lill-pajjiż ikkonċernat. Bl-istess mod, dak il-pajjiż jiġi infurmat meta suġġett irid jiġi ttrattat skont is-CMAA estiża.
  • Il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu l-mandat li jsib forma u kontenut xierqa għad-dokumenti u l-miżuri bil-għan li jkompli jimplimenta kooperazzjoni doganali intensifikata u mwessgħa skont il-ftehim.
  • Il-ftehim jistabbilixxi grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Uniti megħjuna minn pajjiżi tal-UE interessati. Dan jirrapporta regolarment lill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali, lid-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti u lill-Kummissjoni. Il-ftehim għandu l-kompitu li jeżamina u jagħmel rakkomandazzjonijiet f’oqsma bħal:
    • id-definizzjoni ta’ standards minimi u metodi ta’ rakkomandazzjoni li bihom dawk l-istandards jistgħu jintlaħqu;
    • l-identifikazzjoni u t-twessigħ tal-applikazzjoni tal-aħjar prattika għall-kontrolli tas-sigurtà tal-kummerċ internazzjonali, speċjalment dawk żviluppati skont is-CSI;
    • l-istabbiliment ta’ standards għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati u mmonitorjati vjeġġi b’riskju għoli importati fi, trasbordati minn, jew fi tranżitu mill-Istati Uniti u l-UE;
    • it-titjib u l-istabbiliment ta’ standards għall-immirar u l-iskrinjar ta’ tali vjeġġi b’riskju għoli u l-iżvilupp ta’ standards minimi għat-teknoloġiji ta’ spezzjoni u l-metodoloġiji ta’ skrinjar;
    • it-titjib u l-istabbiliment ta’ standards għall-programmi ta’ sħubija industrijali biex tittejjeb is-sigurtà tal-katina tal-provvista u jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu;
    • l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe bidla regolatorja jew leġiżlattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;
    • il-kunsiderazzjoni tat-tip ta’ dokumenti u miżuri biex tiġi implimentata ulterjorment kooperazzjoni doganali intensifikata u estiża dwar il-kwistjonijiet stabbiliti fl-anness tal-ftehim.
  • Fl-2004, l-UE u l-Istati Uniti adottaw, permezz tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali, rakkomandazzjonijiet dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tat-trasport marittimu tal-kontejners skont il-ftehim.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fit-28 ta’ April 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/634/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika f’dak li hu intensifikar u twessigħ tal-Ftehim dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f’affarijiet doganali biex tkun inkluża l-koperazzjoni f’dik li hi sigurtà fir-rigward ta’ containers u affarijiet relatati (ĠU L 304, 30.9.2004, pp. 32-33)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika f’dak li hu intensifikar u twessigħ tal-Ftehim dwar koperazzjoni doganali u għajnuna reċiproka f’affarijiet doganali biex tkun inkluża l-koperazzjoni f’dik li hi sigurtà fir-rigward ta’ containers u affarijiet relatati (ĠU L 304, 30.9.2004, pp. 34-37)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/541/KE tal-21 ta’ Mejju 1997 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna reċiproka f’affarijiet doganali (ĠU L 222, 12.8.1997, p. 16)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrativa bejn iż-żewġ partijiet fuq affarijiet doganali (ĠU L 222, 12.8.1997, pp. 17-24)

l-aħħar aġġornament 01.04.2020

Top