EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE), li jipprovdi assistenza finanzjarja lill-pajjiżi tal-UE li qed jiffaċċjaw diżastri naturali kbar.
  • Skont ir-regoli l-ġodda adottati fl-2014 (permezz tar-Regolament emendatorju (UE) Nru 661/2014), il-proċeduri ta’ ħidma ġew issimplifikati u l-kriterji ta’ eliġibbiltà ġew iċċarati, u l-Fond ġie estiż biex ikopri n-nixfa.
  • Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020, ir-regoli ġew emendati ulterjorment bir-Regolament (UE) 2020/461 li jippermetti lill-FSUE jipprovdi assistenza finanzjarja mhux biss lill-pajjiżi li qed jiffaċċjaw diżastri naturali iżda wkoll emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri.

PUNTI EWLENIN

Kundizzjonijiet għal intervent

  • Bħala regola ġenerali, l-FSUE jista’ jipprovdi għajnuna finanzjarja jekk il-ħsara totali diretta kkawżata minn diżastri tkun ta’ aktar minn EUR 3 biljun (skont il-prezzijiet tal-2011) jew 0.6 % tad-dħul nazzjonali gross ta’ pajjiż tal-UE (DNG), skont liema minnhom ikun l-anqas.
  • Ir-Regolament (UE) 2020/461 jestendi r-regolament (KE) 2012/2002 biex ikopri emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri li tfisser kwalunkwe periklu għall-ħajja jew inkella periklu serju għas-saħħa ta’ oriġini bijoloġika f’pajjiż eliġibbli li jaffettwa serjament is-saħħa tal-bniedem u li jirrikjedi azzjoni deċiżiva biex jitrażżan aktar it-tixrid tiegħu. Biex tikkwalifika, din l-emerġenza tirriżulta f’piż finanzjarju pubbliku impost fuq il-pajjiż eliġibbli għal miżuri ta’ rispons ta’ emerġenza stmati għal aktar minn EUR 1.5 biljun (skont il-prezzijiet tal-2011), jew aktar minn 0.3 % tad-DNG tiegħu.
  • Għalkemm id-diżastri maġġuri huma l-fokus ewlieni tal-FSUE, l-għajnuna hija disponibbli wkoll għal diżastri reġjonali aktar limitati, li għalihom il-limitu ta’ eliġibilità huwa ta’ 1.5 % tal-prodott gross domestiku (PDG) tar-reġjun, jew 1 % għal reġjun ultraperiferiku.

Strateġiji għall-prevenzjoni ta’ diżastri u għall-immaniġġjar tar-riskji

Ir-regoli l-ġodda jħeġġu lill-pajjiżi tal-UE biex jistabbilixxu strateġiji għall-prevenzjoni tad-diżastri u għall-immaniġġjar tar-riskji billi jirrikjedu rapporti qabel u wara l-applikazzjonijiet. Jekk il-pajjiżi affettwati ripetutament jonqsu milli jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tar-riskju ta’ diżastri, dawn jirriskjaw li l-għajnuna titnaqqas jew tiġi rrifjutata.

Pajjiżi eliġibbli

L-FSUE ikopri lill-pajjiżi tal-UE u pajjiżi fil-proċess tan-negozjati għal sħubija fl-UE.

Għalxiex jintuża l-FSUE?

  • L-FSUE jissupplimenta n-nefqa pubblika tal-pajjiżi stess biex jiffinanzjaw operazzjonijiet ta’ emerġenza essenzjali. Dawn jinkludu:
    • restawr tal-infrastruttura essenzjali pereżempju l-enerġija, l-ilma, is-saħħa u l-edukazzjoni;
    • akkomodazzjoni temporanja u spejjeż tas-servizzi ta’ emerġenza sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet immedjati;
    • żgurar ta’ infrastrutturi ta’ prevenzjoni, bħal digi;
    • miżuri għall-protezzjoni tal-wirt kulturali;
    • operazzjonijiet ta’ tindif; u
    • miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu għajnuna malajr, inkluża assistenza medika, lill-popolazzjoni affettwata minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri u li jipproteġuha mir-riskju li tiġi affettwata, inklużi l-prevenzjoni, il-monitoraġġ jew il-kontroll tat-tixrid tal-mard, il-ġlieda kontra riskji serji għas-saħħa pubblika jew il-mitigazzjoni tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa pubblika.
  • Il-ħlasijiet tal-FSUE huma limitati għal miżuri ta’ finanzjament li jtaffu l-ħsara li ma tistax tiġi assigurata u għandhom jiġu rkuprati jekk l-ispiża tat-tiswija tal-ħsara tiġi sussegwentement imħallsa minn parti terza.

Applikazzjonijiet għall-assistenza

  • Il-pajjiż affettwat għandu japplika mal-Kummissjoni Ewropea fi żmien 12-il ġimgħa mid-diżastru. L-għajnuna finanzjarja proposta mill-Kummissjoni għandha mbagħad tkun approvata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
  • Dettalji speċifiċi dwar l-applikazzjonijiet biex tiġi indirizzata t-tifqigħa tal-COVID-19 huma disponibbli fuq sit web apposta.

Baġit

  • L-FSUE huwa ffinanzjat barra mill-baġit normali tal-UE, jiġifieri, bi flus addizzjonali miġbura mill-pajjiżi tal-UE (ara l-Ftehim Interistituzzjonali ta’ Diċembru 2013 u sommarju). Il-baġit massimu annwali huwa ta’ EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011), kif ukoll kwalunkwe fond li jibqa’ mis-sena preċedenti.

META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 2012/2002 ilu japplika mill-15 ta’ Novembru 2002.
  • Ir-Regolament emendatorju (UE) Nru 661/2014 ilu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2014.
  • Ir-Regolament emendatorju (UE) 2020/461 ilu japplika mill-1 ta’ April 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’Novembru 2002 li jistabblixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, pp. 3-8)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, pp. 1-11)

l-aħħar aġġornament 25.05.2020

Top