EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri kummerċjali eċċezzjonali għall-pajjiżi u għat-territorji involuti fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni tal-UE

Miżuri kummerċjali eċċezzjonali għall-pajjiżi u għat-territorji involuti fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Il-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja) jibbenefikaw minn miżuri kummerċjali internazzjonali għall-importazzjonijiet tagħhom fl-UE. Dawn il-pajjiżi u territorji huma parti mill-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.
  • Skont il-ftehimiet bilaterali konklużi mal-Balkani tal-punent, kważi l-prodotti kollha li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi u territorji diġà għandhom aċċess doganali mingħajr dazju bla limitu għas-suq tal-UE.
  • Ir-regolament jipprovdi preferenzi kummerċjali addizzjonali għal xi prodotti agrikoli (frott, ħxejjex u nbid) li joriġinaw mir-reġjun. Il-miżuri li oriġinarjament kienu japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2010 ġew estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2020 mir-Regolament (UE) 2015/2423, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1215/2009.

Preferenzi kummerċjali

Prodotti li joriġinaw fil-Balkani tal-punent u li huma koperti fil-Kapitoli 7 u 8 tan-Nomenklatura Magħquda* tal-UE (frott u ħxejjex) jistgħu jiġu importati fl-UE mingħajr dazji doganali* jew bidliet li jkollhom effett ekwivalenti u li jkunu mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi* jew miżuri li għandhom effett ekwivalenti. Il-preferenzi eċċezzjonli jinkludu wkoll kwota globali tal-inbid ta’ 30 000 hl li tista’ tintuża minn kull pajjiż jew territorju wara t-tmiem tal-kwota nazzjonali tiegħu skont il-ftehim bilaterali konkluż mal-UE.

Kundizzjonijiet għall-intitolament

Sabiex jibbenefikaw mill-miżuri preferenzjali, il-pajjiżi u t-territorji jeħtiġilhom:

  • jikkonformaw mad-definizzjoni tal-prodotti oriġinarji previsti fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 fil-Kodiċi Doganali tla-UE — il-prodotti jridu jkunu mmanifatturati kompletament jew jgħaddu minn proċessar suffiċjenti fil-pajjiż jew fit-territorju;
  • jimpenjaw ruħhom biex ma jżidux il-livell ta’ taxxi jew restrizzjonijiet fuq il-prodotti importati mill-UE;
  • jiġġieldu l-frodi permezz ta’ mezzi ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-UE;
  • ma jinvolvux ruħhom fi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi drittijiet tal-bniedem ewlenin, u jirrispettaw il-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.

Il-benefiċjarji jenħtieġ ukoll li jinvolvu ruħhom f’riformi ekonomiċi effettivi u f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn ikkonċernati mill-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-ħolqien ta’ żona ta’ kummerċ ħieles reġjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tipproponi li l-preferenzi kummerċjali jiġu sospiżi kollha jew li tiġi sospiża parti minnhom jekk pajjiż jew territorju jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu.

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ kwoti tariffarji* fir-rigward ta’ prodotti agrikoli. Bħalissa, is-sistema tapplika għall-inbid ta’ għeneb frisk li ma jaqbiżx 15 % tal-volum, minbarra nbix fexfiexi li għalih ikun hemm eżenzjoni fir-rigward ta’ kwota ta’ 30 000 hl kondiviża bejn id-diversi pajjiżi u territorji tal-Balkani tal-punent. Is-sehem ta’ din il-kwota għal kull pajjiż huwa stipulat fil-protokolli dwar l-inbid iffirmati ma’ kull wieħed minnhom meta jiffirmaw l-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni rispettivi tagħhom mal-UE.

Il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri protettivi jekk l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli joħolqu tfixkil serju fis-suq intern tal-UE.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-4 ta’ Jannar 2010. Ir-Regolament (UE) 1215/2009 jikkodifika u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2007/2000 (u l-emendi sussegwenti tiegħu).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Nomenklatura Magħquda: mezz ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija biex jiġi ddeterminat liema rata ta’ dazju doganali tapplika u kif tiġi ttrattata l-merkanzija għal finijiet statistiċi jew għal politiki oħra tal-UE.
Dazji doganali: dazju li jibdel il-prezz ta’ prodott importat, irrispettivament mill-isem jew mit-teknika tiegħu, li jwassal għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.
Restrizzjoni kwantitattiva: kwalunkwe regolament kummerċjali li jista’ jkollu l-effett li jillimita l-importazzjonijiet ta’ merkanzija, f’termini ta’ kwantità jew ta’ valur (e.ż. kwota tal-importazzjoni).
Kwota tariffarja: miżura kummerċjali li tippermetti s-sospensjoni totali jew parzjali tad-dazji li normalment jitħallsu fuq prodott impurtat, matul perjodu ta’ żmien jew għal volum limitat.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (verżjoni kodifikata) (ĠU L 328, 15.12.2009, pp. 1-9)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1464 tat-2 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1215/2009 fir-rigward tal-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija lill-Kosovo* Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (ĠU L 209, 12.8.2017, pp. 1-4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, pp. 1-101)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, pp. 1-675)

Ara l-verżjoni konsolidata.


* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

l-aħħar aġġornament 01.02.2019

Top