EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Multilingwiżmu - ass u impenn

Multilingwiżmu - ass u impenn

Din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-valur tad-diversità lingwistika fl-UE. Tippreżenta l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-multilingwiżmu jiġi integrat fil-politiki tal-UE, bil-għan li jintlaħaq l-“għan ta’ Barċellona” (l-Ewropej għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw f’2 ilsna minbarra lsien twelidhom).

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill lill-Parlament Ewropew lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni (COM(2008) 566 final tat-18.9.2008).

SOMMARJU

Din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-valur tad-diversità lingwistika fl-UE. Tippreżenta l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-multilingwiżmu jiġi integrat fil-politiki tal-UE, bil-għan li jintlaħaq l-“għan ta’ Barċellona” (l-Ewropej għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw f’2 ilsna minbarra lsien twelidhom).

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Tipproponi li jsir użu minn programmi u inizjattivi eżistenti għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwa, il-valutazzjoni ta’ ħiliet lingwistiċi u biex ikomplu jiġu żviluppati l-kurrikuli għall-interpreti u t-tradutturi.
  • Ittejjeb il-mobilità tal-istudenti u tal-ħaddiema, tikkomunika r-riżultati tal-istudju dwar il-ħiliet lingwistiċi, trawwem il-kreattività u l-innovazzjoni fit-tagħlim tal-lingwi u tipprovdi pjattaforma għall-partijiet interessati rilevanti biex jiskambjaw l-aħjar prattiki.
  • Tinkoraġġixxi l-użu ta’ sottotitoli u tippromwovi ċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej; tappoġġja proġetti li jinvolvu teknoloġiji tal-lingwa u tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali sabiex jitnaqqas id-distakk fil-lingwi.
  • Tistimula l-promozzjoni tal-lingwi Ewropej f’pajjiżi mhux tal-UE biex jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi u kulturali.

PUNTI PRINĊIPALI

  • Il-multilingwiżmu huwa importanti għall-koeżjoni soċjali u għall-mobilità tal-ħaddiema. Dan huwa punt ewlieni fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2008 li jenfasizza strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu.
  • Irid ikun hemm enfasi akbar fuq l-adulti u fuq dawk barra mill-edukazzjoni formali, li huma aktar probabbli li jkunu monolingwi. Din l-idea hija parti mill-prinċipju ta’ “Tagħlim tul il-ħajja” li kien ifformulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 li tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex joffru liċ-ċittadini opportunitajiet ta’ xogħol abbażi ta’ esperjenzi informali.
  • Il-prinċipju ta’ tagħlim tul il-ħajja huwa wkoll element ewlieni tal-programm Erasmus +, li jġib flimkien l-iskemi attwali tal-UE għall-isport, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u t-taħriġ u joffri lil aktar Ewropej l-opportunità biex jgħixu u jiksbu ħiliet barra minn pajjiżhom.
  • Id-distakk fil-lingwi fl-UE jista’ jitnaqqas permezz tal-midja, ta’ teknoloġiji ġodda u servizzi ta’ traduzzjoni.
  • L-importanza tat-tagħlim tal-lingwi u l-valutazzjoni tal-ħiliet lingwistiċi ġie mtenni fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2014 dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta’ kompetenzi lingwistiċi.

TERMINI EWLENIN

Il-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (LLP) huwa programm li jippermetti lill-Ewropej li jidħlu għat-tagħlim fi kwalunkwe stadju fil-ħajja tagħhom. Jaqa’ taħt il-programm Erasmus+.

Aktar informazzjoni hija disponibbli mill-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea.

ATTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu (2008/C 320/01) (ĠU C 320 tas-16.12.2008, p. 1).

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2012/C 398/01) (ĠU C 398 tat-22.12.2012, p. 1).

Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 50).

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta’ kompetenzi lingwistiċi (2014/C 183/06) (ĠU C 183 tal-14.6.2014, p. 26).

l-aħħar aġġornament 19.12.2014

Top