EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħruġ tal-muniti tal-euro

Il-ħruġ tal-muniti tal-euro

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 651/2012 jiddefinixxi t-tipi ta’ muniti tal-euro u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati fil-ħruġ tal-munita.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 729/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi tal-muniti tal-euro u jipprovdi għal regoli ġenerali fuq id-disinn tagħhom inkluż l-approvazzjoni tad-disinn.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-Regolament (UE) Nru 651/2012 jiddikjara:
    • il-gvernijiet tal-pajjiżi taż-żona tal-euro (il-pajjiżi li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom) jistgħu joħorġu muniti għaċ-ċirkolazzjoni* u muniti għall-*kollezzjoni;
    • muniti għaċ-ċirkolazzjoni jkunu disponibbli fil-valur nominali tagħhom, minbarra għal massimu ta’ 5 % li jistgħu jitqiegħdu fis-suq għal prezz ogħla minħabba l-kwalitajiet tagħhom jew il-preżentazzjoni f'pakkett speċjali;
    • muniti* kommemorattivi nazzjonali
      • jistgħu jinħarġu darbtejn fis-sena biss (sakemm id-disinn ma jkunx komuni għall-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro);
      • l-għadd totali li jinħareġ ma jistax ikun aktar minn wieħed minn żewġ limiti possibbli, skont liema jkun l-ogħla, bħala perċentwal tal-muniti taż-żewġ euro kollha fiċ-ċirkulazzjoni;
    • muniti għall-kolletturi
      • huma biss munita legali* fil-pajjiż taż-żona tal-euro li joħroġhom;
      • għandhom ikunu jistgħu jintgħarfu b’mod ċar mill-muniti għaċ-ċirkolazzjoni mill-valur nominali tagħhom, mill-immaġni u minn tnejn minn dawn li ġejjin: il-lewn, id-dijametru u l-piż;
    • il-gvernijiet tal-pajjiżi taż-żona tal-euro għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel jeqirdu muniti tal-euro danneġġjati;
    • il-Kummissjoni twettaq stima tal-impatt u tanalizza l-ispejjeż reali tal-produzzjoni tal-muniti ta’ ċenteżmu u żewġ ċenteżmi fid-dawl tal-valur u l-benefiċċji tagħhom.
  • B’referenza għar-Regolament (UE) Nru 729/2014:
    • hemm tmien muniti tal-euro (1, 2, 5, 10, 20 u 50 ċenteżmu u euro u żewġ euro);
    • kull munita għandha naħa distintiva nazzjonali u naħa komuni Ewropea;
    • In-naħat nazzjonali:
      • irid ikollhom ċirku ta’ 12-il kewkba mad-dawra kollha tad-disinn nazzjonali;
      • ma jinbidlux għal 15-il sena, sakemm ma jinbidilx il-kap tal-istat tal-pajjiż;
      • ma jurux il-valur tal-munita, sakemm ma jużawx alfabett differenti;
      • jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament sal-20 ta’ Ġunju 2062;
    • Il-muniti komemorattivi għandu:
      • ikollhom biss valur nominali taż-żewġ euro;
      • ikollhom disinn nazzjonali differenti mill-muniti regolari* taż-żewġ euro;
      • jikkomemoraw biss suġġetti ta’ relevanza nazzjonali jew Ewropea kbira jew
      • jikkomemoraw suġġetti tal-ogħla relevanza Ewropea jekk jinħarġu b'mod kollettiv fiż-żona kollha tal-euro;
    • il-pajjiżi taż-żona tal-euro għandhom jinformaw lil-xulxin u lill-Kummissjoni dwar bidliet proposti fid-disinn nazzjonali u jissottomettuhom għal proċedura ta’ approvazzjoni. Dan jippermetti oġġezzjonijiet
      • minn gvern li jemmen li d-disinn jista’ jdejjaq lil-pubbliku tiegħu stess;
      • mill-Kummissjoni, jekk din tqis li d-disinn ma jirrispettax il-ħtiġijiet tekniki tal-leġiżlazzjoni.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 651/2012 ilu japplika mis-16 ta’ Awwissu 2012.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 729/2014 jikkonsolida r-regoli preċedenti rigward muniti stabbiliti meta ġiet introdotta l-euro fl-2002 bir-Regolament (KE) Nru 975/98 u emendi suċċessivi. Dan ilu japplika mit-22 ta’ Lulju 2014.
  • Iż-żewġ regolamenti integraw l-elementi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumissjoni 2009/23/KE dwar linji gwida komuni għan-naħat nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni.

SFOND

  • Il-muniti tal-euro daħlu fl-użu ġenerali fl-2002. It-tmien denominazzjonijiet ivarjaw fid-daqs, il-lewn u l-ħxuna skont il-valur tagħhom u huma ddisinjati biex jagħmlu r-riproduzzjoni illegali diffiċli ħafna.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Muniti għaċ-ċirkolazzjoni: muniti għall-użu mill-pubbliku ġenerali li huma valuta legali fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro.

Muniti għall-kolletturi: muniti mhux maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, li huma valuta legali biss fil-pajjiż taż-żona tal-euro fejn jinħarġu.

Muniti komemorattivi: muniti għaċ-ċirkolazzjoni taż-żewġ euro biex jikkomemoraw suġġett speċifiku ta’ importanza nazzjonali u Ewropew.

Valuta legali: muniti jew karti tal-flus li għandhom jiġu aċċettati f’pajjiż jekk jiġu offruti bħala pagament għal dejn.

Muniti regolari: muniti għaċ-ċirkolazzjoni esklużi muniti komemorattivi.

DOKUMENTI EWLENIN

Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (ĠU L 201, 27.7.2012, pp. 135–137)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (Riformulazzjoni) (ĠU L 194, 2.7.2014, pp. 1–7)

l-aħħar aġġornament 04.04.2017

Top