EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għajnuna de minimis għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

Għajnuna de minimis għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 360/2012 — applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mgħotija lis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

Artikolu 107 TFUE — Għajnuniet mgħotija mill-istati

Artikolu 108 TFUE — Għajnuniet mgħotija mill-istati

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi liema miżuri jikkostitwixxu għajnuna Statali.
  • L-Artikolu 108(3) tat-TFUE jirrikjedi, bħala prinċipju ġenerali, li l-għajnuna mill-Istat tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkun tista’ tivvaluta jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern.
  • Regolament (UE) Nru 360/2012 jikkumplimenta r-regolament ġenerali dwar għajnuna de minimis, jiġifieri ammonti żgħar ta’ għajnuna mill-Istat* (Regolament (UE) 1407/2013 — ara s-sommarju). Iż-żewġ regolamenti jipprovdu li għajnuna taħt ċertu limitu massimu tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika.
  • Madankollu, dan ir-regolament japplika speċifikament għal għajnuna mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEIs), li huma servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali bħas-saħħa u l-kura fit-tul, l-indukrar tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u r-riintegrazzjoni fih, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli. Dan ir-regolament iżid iċ-ċertezza legali u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-għoti ta’ kumpens għal SGEI żgħar.

PUNTI EWLENIN

  • Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/1588 dwar l-applikazzjoni ta’ Artikoli 107 u 108 TFUE għal ċerti tipi ta’ għajnuna mill-Istat (ara sommarju) jħallu lil Kummissjoni tinkludi regola de minimis*f’kull regolament li taddotta. Taħt din ir-regola, ammonti żgħar ta’ għajnuna mhumiex ikkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat għax m’għandhom ebda effett fuq il-kompetizzjoni u/jew il-kummerċ bejn Stati Membri tal-UE; allura mhumiex suġġetti għar-rekwiżit ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 360/2012 jikkumplimenta r-regolament ġenerali de minimis u japplika għall-għajnuna mogħtija lil organizzazzjonijiet li jipprovdu SGEI. Għajnuna bħal din ma jeħtieġx li tiġi nnotifikata jekk l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħti lil organizzazzjoni li tipprovdi SGEI ma taqbiżx EUR 500,000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali u jekk il-kundizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni jiġu rrispettati. B’kuntrast għal dan, l-ogħla limitu stabbilit għall-għajnuna eżentata fir-Regolament (UE) Nru 1407/2013 huwa biss €200,000.

Monitoraġġ

  • Jekk Stat Membru għandu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis taħt dan ir-regolament, għandu jinforma lill-organizzazzjoni kkonċernata bil-miktub dwar:
    • l-ammont tal-għajnuna proposta;
    • l-SGEI li għaliha qed tingħata l-għajnuna;
    • il-karattru de minimis tal-għajnuna.
  • Qabel ma jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru tal-UE għandu jikseb dikjarazzjoni mill-organizzazzjoni kkonċernata, bil-miktub jew b’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li rċieva taħt dan ir-regolament jew taħt regolamenti de minimis oħra matul is-sentejn fiskali preċedenti u s-sena fiskali kurrenti. L-Istat Membru għandu jiċċekkja li s-somma l-ġdida mhux ser iżżid l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża ogħla mil-limitu ta’ €500,000.
  • Alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu reġistru ċentrali għall-għajnuna kollha de minimis mgħotija fit-territorju tagħhom.

Deroga marbuta biż-żmien fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

Ir-Regolament (UE) 2020/1474 jemenda Regolament (UE) Nru 360/2012 biex jippermetti impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 imma li saru impriżi f’diffikultà matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat- 30 ta’ Ġunju 2021 bħala konsegwenza tat-tifqigħa ta’ COVID-19 jibqgħu eliġibbli taħt Regolament (UE) Nru 360/2012 għal perjodu ta’ żmien limitat.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Inizjalment, il-perjodu tal-applikazzjoni kellu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2018. Il-Kummissjoni qieset li ċ-ċirkostanzi sottostanti għar-regolament ma nbidlux sostanzjalment.u allura adottat Regolament (UE) 2018/1923, li jestendi l-perjodu ta’ applikazzjoni b’sentejn iktar sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-emenda tar-Regolament (UE) 2020/1474 estendiet iktar il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ Regolament (UE) Nru 360/2012 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ir-regola de minimis. Regola li teżenta lis-sussidji żgħar mill-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, pp. 8–13).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 360/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 2 — Għajnuniet mogħtija mill-Istati — Artikolu 107 (ex Artikolu 87 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 91-92)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 2 — Għajnuniet mogħtija mill-Istati — Artikolu 108 (ex Artikolu 88 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 92-93).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (kodifikazzjoni) (ĠU L 248, 24.9.2015, pp. 1-8).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, pp. 1–8).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.10.2021

Top