EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Baġit għall-Ewropa (2014–2020)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Baġit għall-Ewropa (2014–2020)

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta għall-baġit għall-perjodu 2014–2020 bil-għan li ssir kontribuzzjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-miżuri proposti jridu jippermettu l-finanzjament tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni fit-tul ta’ baġit Ewropew reali.

ATT

Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions of 29 June 2011 - A Budget for Europe 2020 [COM(2011) 500 final – Not published in the Official Journal] (Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-29 ta’ Ġunju 2011 intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM(2011) 500 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)).

SOMMARJU

Din il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-baġit futur tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-perjodu 2014–2020 u hija parti mill-istrateġija Ewropa 2020. Din il-proposta tal-baġit trid tippermetti sabiex:

  • jiġu ffinanzjati l-politiki komuni, bħall-Politika Agrikola Komuni (PAC);
  • jiġu megħjuna l-inqas reġjuni prosperużi billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ solidarjetà;
  • jiġi kompletat is-suq intern;
  • jiġu favorizzati s-sinerġiji, il-kooperazzjonijiet u l-proġetti fuq skala kbira fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni jew il-ġustizzja;
  • jiġu mwieġba l-isfidi persistenti jew ġodda li jitolbu approċċ komuni fuq skala Ewropea, bħat-tibdil fil-klima, l-evoluzzjoni demografika jew il-katastrofi tal-bniedem.

Baġit allokat għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku

L-UE trid tkun kompetittiva fil-qasam tal-innovazzjoni jekk trid li jkollha rwol importanti fix-xena dinjija. Iżda tinsab kemxejn lura f’termini ta’ innovazzjoni u riċerka. Biex tlaħħaq mal-bqija, il-Kummissjoni tixtieq tgħolli l-livell ta’ investimenti Ewropej fir-riċerka u l-iżvilupp u ttellgħu għal 3 % tal-PDG.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipprevedi talloka 80 biljun euro għall-perjodu 2014–2020 fil-qafas tal-istrateġija komuni għar-riċerka u l-innovazzjoni, flimkien ma’ fondi strutturali.

Baġit allokat għas-solidarjetà għal tkabbir u impjiegi sostenibbli

L-UE tiddedika l-politika ta’ koeżjoni tagħha għas-solidarjetà mal-aktar reġjuni batuti. Il-politika ta’ koeżjoni għandha rwol importanti wkoll fl-ilħuq tal-ambizzjonijiet u l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 madwar l-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni tixtieq toħloq kategorija ġdida ta’ reġjuni, jiġifieri “r-reġjuni fi tranżizzjoni”, li tkun tinkludi r-reġjuni kollha li l-PDG tagħhom għal kull abitant ikun bejn il-75 % u d-90 % tal-medja tal-27 Stat Membru tal-UE.

Barra minn hekk, il-qgħad u l-faqar jeħtieġu koordinazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali u Ewropej. Din hija r-raġuni għala il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu rwol importanti f’dan ir-rigward. L-azzjoni tiegħu tista’ tiġi kompletata permezz tal-programm PROGRESS u n-netwerk EURES.

Il-Kummissjoni beħsiebha talloka 376 biljun euro għall-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni u taqsam dan l-ammont bejn l-oqsma differenti li ġejjin:

  • 162,6 biljun euro għar-reġjuni bil-għan ta’ konverġenza;
  • 38,9 biljun euro għar-reġjuni fi tranżizzjoni;
  • 53,1 biljun euro għar-reġjuni bil-għan ta’ kompetittività;
  • 11,7 biljun euro għall-kooperazzjoni territorjali;
  • 68,7 biljun euro għall-Fond ta’ Koeżjoni.

Baġit għall-interkonnessjoni tal-Ewropa

Sabiex ikun operazzjonali fis-sħuħija tiegħu, is-suq uniku jeħtieġ infrastrutturi moderni. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li jinħoloq mekkaniżmu għall-interkonnessjoni tal-Ewropa bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess ta’ kulħadd għas-suq intern.

Il-Kummissjoni sejra talloka 40 biljun euro għall-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu għall-interkonnessjoni fl-Ewropa kif ukoll 10 biljun euro għall-investimenti marbutin mat-trasport fi ħdan il-Fond ta’ Koeżjoni. Dan l-ammont se jinqasam bejn tliet setturi differenti:

  • 9,1 biljun euro għall-enerġija;
  • 31,6 biljun euro għat-trasport;
  • 9,1 biljun euro għall-ICT.

Baġit għall-Politika Agrikola Komuni

Il-PAK trid tkun kompetittiva, tiggarantixxi provvista alimentari sikura u adegwata, tippreżerva l-ambjent u l-pajsaġġ filwaqt li tiggarantixxi livell ta’ ħajja ekwitabbli għall-popolazzjoni agrikola. Sabiex tikseb dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni beħsiebha twettaq xi bidliet sabiex tintegra l-PAK fl-istrateġija Ewropa 2020. Fil-ġejjieni, il-baġit iddedikat għall-agrikoltura sejjer isostni anki l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u sejjer jikontribwixxi għall-iżvilupp territorjali ekwilibrat madwar l-Ewropa kollha.

Il-Kummissjoni beħsiebha żżomm l-istruttura tal-PAK li sserraħ fuq żewġ pilastri bl-ewwel pilastru aktar ekoloġiku u mqassam b’mod aktar ugwali u t-tieni pilastru li jiffoka aktar fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ambjent. Għandha l-għan li tniedi l-bidliet li ġejjin:

  • ekoloġizzazzjoni tal-ħlasijiet diretti;
  • konverġenza tal-ħlasijiet;
  • tfassil tal-limitu massimu għal-livell tal-ħlasijiet diretti.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġu allokati:

  • 281,8 biljun euro għall-ewwel pilastru tal-PAK;
  • 89,9 biljun euro għall-iżvilupp rurali.

Barra minn hekk, sejjer jitqassam total ta’ 15,2 biljun euro bejn is-setturi li ġejjin:

  • 4,5 biljun euro għar-riċerka u l-innovazzjoni;
  • 2,2 biljun euro għas-sigurtà alimentari;
  • 2,5 biljun euro għall-għajnuna alimentari;
  • 3,5 biljun euro għal riżerva ġdida għal kriżijiet eventwali fis-settur agrikolu;
  • sa 2,5 biljun euro għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

Baġit għall-investiment fir-riżorsi umani

L-istrateġija 2020 tixħet dawl fuq il-ħtieġa li jiżdied in-numru ta’ gradwati mill-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u li jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, filwaqt li jiġu valorizzati l-attivitajiet kulturali u dawk relatati mal-midja.

Bħalissa, l-istruttura tal-programmi li għandhom l-iskop li jilħqu dawn l-għanijiet għadha frammentata wisq. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi implimentat programm uniku fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq talloka 15,2 biljun euro fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll 1,6 biljun euro għall-kultura. Dan il-finanzjament irid jiġi akkumpanjat mill-fondi strutturali.

Baġit sabiex jiġu megħluba l-isfidi marbutin mal-migrazzjoni

Il-politiki relatati mas-sigurtà u l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni huma fil-qalba tat-tħassib tal-Ewropej. Mat-Trattat ta' Lisbona, ġew introdotti bidliet sinifikanti fil-mod kif jiġu amministrati dawn il-politiki. Għalhekk, minn issa ’l quddiem il-Kummissjoni tixtieq tissimplifika l-istruttura tal-istrumenti ta’ nfiq billi tnaqqas in-numru ta’ programmi għal żewġ Fondi:

  • Fond għall-migrazzjoni u l-ażil;
  • Fond għas-sigurtà interna.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha talloka 8,2 biljun euro għall-affarijiet interni tal-UE, kif ukoll 455 biljun euro għall-protezzjoni ċivili u għall-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Ewropa għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Baġit sabiex l-UE ssir attur mondjali

Huwa importanti li l-UE jkollha rwol ewlieni fix-xena mondjali u tiżgura l-istabilità, il-prosperità u d-demokrazija fil-pajjiżi mdawrin magħha. Il-Kummissjoni tixtieq tiżviluppa strateġija esterna speċjalment billi toħloq strument pan-Afrikan fil-qafas tal-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ICD). L-UE tixtieq anki tagħti s-sehem tagħha fil-proċess ta’ demokratizzazzjoni tad-dinja Għarbija.

Il-Kummissjoni tqis li mhemmx bżonn riorganizzazzjoni mill-ġdid tad-dispożizzjoni leġiżlattiva applikabbli għall-amministrazzjoni tar-relazzjonijiet esterni tagħha. Tipproponi li jiġu allokati 70 biljun euro għall-istrumenti ta’ għajnuna esterna għall-perjodu 2014–2020.

Barra minn hekk, l-għotjiet li ġejjin ma jaqgħux taħt l-MFF:

  • Fond Ewropew għall-Iżvilupp (pajjiżi tal-AKP): 30 biljun euro;
  • Fond Ewropew għall-Iżvilupp (pajjiżi u territorji extra-Ewropej): 321 miljun euro;
  • Fond Globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u ta’ protezzjoni tal-bijodiversità;
  • riżerva ta’ assistenza ta’ emerġenza: 2,5 biljun euro.

Proġetti li jeħtieġu finanzjament barra l-baġit tal-UE

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) (EN) (FR) mhuwiex iffinanzjat mill-baġit tal-UE minħabba l-ispeċifiċità tiegħu, bħall-proġetti ITER jew il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-Dinja (GMES) li l-ispejjeż tagħhom huma għoljin wisq sabiex jiġu inklużi fil-baġit tal-UE.

Baġit simplifikat

Il-qafas baġitarju l-ġdid tal-UE jrid iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ sempliċità. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas in-numru ta’ programmi u strumenti differenti. Il-programmi kumplessi li ma kinux konklużivi sejrin jiġu jew riorganizzati f’forma ssimplifikata aktar effikaċi, jew inkella abbandunati.

Mod ieħor ta’ simplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-programmi jikkonsisti fl-inklużjoni tagħhom fi kwadru uniku mgħammar b’regoli komuni filwaqt li jiġi limitat kemm jista' jkun in-numru ta’ eċċezzjonijiet jew ta’ każijiet partikolari: pereżempju, it-tliet sorsi prinċipali ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni sejrin jingħaqdu fi gruppi f’qafas strateġiku komuni għar-riċerka u l-innovazzjoni. Fir-rigward tal-fond ta’ ġestjoni kondiviża, kwadru strateġiku komuni sejjer jieħu post l-approċċ attwali li jikkonsisti fit-twaqqif ta’ settijiet differenti ta’ linji gwida strateġiċi għall-istrumenti kollha.

L-aġenziji eżekuttivi huma mistennija jkollhom rwol aktar importanti sabiex jipprovdu servizzi ta’ kwalità aħjar.

Peress li hija mgħarrfa bir-restrizzjonijiet baġitarji li l-Istati Membri huma sottomessi għalihom u filwaqt li kkunsidrat it-tnaqqis li sar fl-ispejjeż pubbliċi nazzjonali fuq l-amministrazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jitnaqqas b'5 % il-persunal ta’ kull istituzzjoni, servizz, aġenzija jew korp ieħor.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġu modifikati l-ħames strumenti li ma jaqgħux taħt il-qafas finanzjarju, bħal:

  • ir-riżerva ta’ assistenza ta’ emerġenza (DE) (EN) (FR);
  • l-istrument ta’ flessibilità (DE) (EN) (FR);
  • il-fondi ta’ solidarjetà (DE) (EN) (FR);
  • il-Fondi ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (DE) (EN) (FR);
  • l-istrument il-ġdid ta’ reazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi fis-settur agrikolu.

Konklużjoni

Fost it-testi leġiżlattivi li jakkumpanjaw din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi regolament li jwaqqaf kwadru finanzjarju multiannwali ġdid, ftehim interistituzzjonali dwar il-kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba u deċiżjoni relatata mar-riżorsi proprji (bil-modalitajiet ta’ applikazzjoni korrispondenti).

Sa tmiem is-sena 2011, l-istrateġija spjegata f’din il-komunikazzjoni sejra tingħata fid-dettall fil-proposti leġiżlattivi relatati mal-programmi u l-istrumenti ta’ nfiq previsti f’kull qasam.

ATTI RELATATI

Proposta għal Regolament tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014–2020 (COM(2011) 398 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2011) 510 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

L-aħħar aġġornament: 03.10.2011

Top