EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Farm incomes and operations - EU statistics
Id-dħul u l-operazzjonijiet tal-irziezet - statistika tal-UE
Id-dħul u l-operazzjonijiet tal-irziezet - statistika tal-UE
In-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabbiltà Agrikola (FADN) jagħti ċ-ċans lill-Kummissjoni Ewropea (KE) tiġbor dejta dwar id-dħul u l-attivitajiet ekonomiċi tal-azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (UE) sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet informati bil-għan li ssawwar il-Politika Agrikola Komuni fil-ġejjieni.
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea
Bil-għan li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet l-oħrajn u l-pubbliku jkollhom aċċess sempliċi u konvenjenti għar-rapporti analitiċi annwali abbażi tal-FADN, ir-rapporti li jkopru s-setturi magħżula huma ppubblikati fuq sit elettroniku ddedikat.
Huwa jistabbilixxi r-regoli għall-ġbir ta’ dejta komparabbli tal-kontabbiltà agrikola madwar l-UE kollha. Din id-dejta tintuża sabiex tiddetermina d-dħul annwali tal-azjendi agrikoli u għall-analiżi kummerċjali tal-attivitajiet tagħhom. Id-dejta tinġabar kull sena abbażi ta’ kampjun kompost minn aktar minn 80,000 azjenda agrikola.
Il-proċess għall-ġbir tad-dejta tal-kontabbiltà
Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-istħarriġ li jsir fit-territorju tagħhom u kull wieħed għandu jaħtar aġenzija ta’ kollegament, li torganizza l-ġbir tad-dejta minn sorsi differenti (bħal irziezet, uffiċċji tal-kontabbiltà) u tibgħat id-dejta b’mod elettroniku lill-Kummissjoni.
Kumitat Nazzjonali huwa responsabbli mill-għażla tal-azjendi prospettanti (jiġifieri l-impriżi li jieħdu sehem fl-istħarriġ). Meta pajjiż tal-UE jkun kompost minn diversi diviżjonijiet, il-Kumitat Nazzjonali jista’ jistrieħ fuq il-kumitati reġjonali.
Redditu tal-irziezet
Kull razzett soġġett għall-istħarriġ jimla dokument uffiċjali msejjaħ “return”, li huwa tip ta’ kwestjonarju. Id-dejta li trid tinġabar u tintbagħat lill-KE hija identika għall-pajjiżi kollha tal-KE, irrispettivament mill-prattiki tal-kontabbiltà tagħhom u minn kif jorganizzaw il-proċess tal-ġbir tad-dejta.
Ir-Regolament (UE) Nru 1318/2013 jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 (l-att bażiku tal-FADN) u jintroduċi ċerti bidliet fir-regoli tal-FADN.
Huwa jagħti lill-KE s-setgħa li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat delegati jirrigwardjaw, fost l-oħrajn:
Bħala riżultat ta’ din is-setgħa delegata, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw xi elementi tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 (eż. il-korrispondenza bejn it-tipi ta’ biedja jew il-lista tal-gruppi ewlenin ta’ dejta dwar il-kontabbiltà li trid tinġabar).
Fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/220 jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009. Dawn jinkludu d-deskrizzjoni dettaljata tal-grupp ta’ dejta dwar il-kontabbiltà li trid tinġabar f’kull redditu tal-irziezet u l-limiti massimi ekonomiċi applikati f’kull pajjiż.
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009, id-dejta hija koperta minn regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u tista’ tintuża biss sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-politika agrikola komuni. Pereżempju, dawn ma jistgħux jintużaw mill-awtoritajiet għall-finijiet ta’ taxxa jew konformità.
Fl-aħħarnett, ir-regolament jistipula li l-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat għan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabbiltà Agrikola, kompost minn rappreżentanti tal-pajjiżi kollha tal-UE.
Ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009 daħal fis-seħħ f’Jannar 2010, filwaqt li l-emenda li ġiet introdotta mir-Regolament (UE) Nru 1318/2013 bdiet tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.
Aktar tagħrif huwa disponibbli minn fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea.
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009 |
4.1.2010 |
- |
Att(i) li jemenda(w) |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Ir-Regolament (UE) Nru 1318/2013 |
20.12.2013 |
- |
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 tal-1 ta' Awwissu 2014 li jissupplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 321 tas-7.11.2014, p. 2-6)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/220 tat-3 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabbiltà dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 46 tad-19.2.2015, p. 1-106)
l-aħħar aġġornament 02.09.2015