EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-direttiva:

  • tistabbilixxi sett ta’ regoli aġġornati li jirregolaw in-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (telekomunikazzjoni), servizzi ta’ telekomunikazzjoni, u faċilitajiet u servizzi assoċjati;
  • tistabbilixxi kompiti għal awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet rilevanti oħra, u tistabbilixxi sett ta’ proċeduri biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jkun armonizzat madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha;
  • għandha l-għan li tistimula l-kompetizzjoni u żżid l-investiment fil-5G* u f’netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna, sabiex kull ċittadin u negozju fl-UE jkun jista’ jgawdi konnettività ta’ kwalità għolja, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u żieda fl-għażla ta’ servizzi diġitali innovattivi.

PUNTI EWLENIN

L-għanijiet ġenerali huma li:

  • tippromwovi l-konnettività u l-adozzjoni ta’ netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna, inklużi netwerks fissi, mobbli u bla fili, għaċ-ċittadini u n-negozji kollha tal-UE;
  • tippromwovi l-interessi taċ-ċittadini tal-UE billi:
    • tippermetti benefiċċji massimi f’termini ta’ għażla, prezz u kwalità permezz ta’ kompetizzjoni effettiva,
    • iżżomm is-sigurtà tan-networks u s-servizzi,
    • Tiżgura protezzjoni għall-konsumaturi permezz ta’ regoli speċifiċi, u
    • tindirizza l-bżonnijiet ta’ gruppi soċjali speċifiċi, b’mod partikolari nies b’diżabbiltà, nies akbar fl-età u nies bi bżonnijiet soċjali speċjali;
  • tiffaċilita d-dħul fis-suq u tippromwovi l-kompetizzjoni fit-twassil ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjoni u faċilitajiet assoċjati;
  • tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern fin-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni fl-UE, billi tiżviluppa regoli komuni u regolamentazzjoni prevedibbli li tinkludi:
    • l-użu effettiv, effiċjenti u kkoordinat tal-ispettru tar-radju,
    • innovazzjoni miftuħa,
    • l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej,
    • id-disponibbiltà u l-interoperabbiltà ta’ servizzi mal-Ewropa kollha, u
    • konnettività minn tarf sa tarf.

Ir-responsabbiltà tal-Istati Membrital-UE hija li:

  • jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni Ewropea fl-ippjanar strateġiku u l-koordinazzjoni tal-politika tal-ispettru tar-radju, filwaqt li tiġi evitata interferenza li tagħmel ħsara, permezz tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju;
  • jiżguraw li l-kompiti stabbiliti fid-direttiva jitwettqu minn awtorità rilevanti;
  • jiggarantixxu li awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra huma indipendenti minn manifatturi ta’ tagħmir ta’ telekomunikazzjoni u fornituri tas-servizz;
  • jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali:
    • huma protetti kontra intervent estern jew pressjoni politika li tista’ tfixkel il-valutazzjoni indipendenti tagħhom, u
    • ikollhom awtonomija baġitarja u biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom.

Objettivi u kompiti ġodda

Minbarra li tissostitwixxi u tħassar il-leġiżlazzjoni eżistenti, id-direttiva tintroduċi serje ta’ objettivi u kompiti ġodda.

  • Regoli tal-konsumaturi aktar b’saħħithom għandhom l-għan li jagħmluha eħfef biex taqleb bejn fornituri tas-servizz u joffru protezzjoni aħjar, pereżempju, għal nies li jabbonaw għal servizzi miġbura flimkien. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni simili u ogħla madwar l-UE kollha.
  • Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni issa jinkludu servizzi pprovduti permezz tal-internet li ma jużawx numri għal telefonati, bħal applikazzjonijiet tal-messaġġi u email. Mekkaniżmu ta’ reviżjoni għandu l-għan li jiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi jibqgħu robusti u aġġornati hekk kif ikun hemm tibdil fil-mudelli tan-negozju u l-imġiba tal-konsumaturi.
  • Aċċess għall-internet broadband adegwat u affordabbli jrid ikun disponibbli għall-konsumaturi kollha, irrispettivament minn fejn joqogħdu jew mill-introjtu tagħhom.
  • Il-persuni b’diżabbiltà għandu jkollhom aċċess ekwivalenti għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni.
  • L-Istati Membri se jistabbilixxu sistema ta’ twissija pubblika biex jibagħtu twissijiet liċ-ċittadini fuq il-mowbajls tagħhom f’każ ta’ diżastru naturali jew emerġenza kbira oħra fiż-żona tagħhom.
  • L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-operaturi b’regolamentazzjoni prevedibbli għal-liċenzjar tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla fili għal mill-inqas 20 sena sabiex jippromwovu l-investiment, b’mod partikolari fil-konnettività 5G u aktar konverġenza fil-proċeduri ta’ għażla nazzjonali permezz ta’ forum ta’ evalwazzjoni bejn il-pari.
  • Baned ta’ frekwenza ġodda għall-konnettività 5G għal konnessjonijiet tal-internet aktar rapidi u għal konnettività aħjar, kif ukoll koordinazzjoni ta’ meta jsir liċenzjar tal-ispettru u reġim regolatorju eħfef għall-iskjerament ta’ tagħmir żgħir ta’ netwerks mobbli.
  • Regoli dwar l-aċċess tal-operaturi għal netwerks sabiex tiġi nkoraġġita l-kompetizzjoni u jagħmluha eħfef għal kumpaniji li jinvestu f’infrastruttura ġdida ta’ kapaċità għolja ħafna (veloċitajiet ta’ tniżżil ta’ 100 Mbps jew aktar), inkluż f’żoni remoti, filwaqt li tiġi żgurata regolamentazzjoni effettiva tas-suq.
  • Għodod ġodda se jindirizzaw kwistjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’ċerti ċirkostanzi tas-suq. Regolamentazzjoni simetrika* se tapplika għal fornituri ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika f’xi sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Il-Kummissjoni adottat l-atti ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

  • Ir-Regolament (UE) 2019/2243 li jistabbilixxi mudell għas-sommarju tal-kuntratt li għandu jintuża mill-fornituri ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika; u
  • Ir-Regolament (UE) 2020/1070 li jispeċifika l-karatteristiċi tal-punti ta’ aċċess bla fili ta’ żona żgħira.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-atti delegati li ġejjin li jissupplimentaw id-Direttiva (UE) Nru 2018/1972:

  • Ir-Regolament (UE) 2021/654 li jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mowbajl (imposta għas-sejħiet) u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-UE;
  • Ir-Regolament (UE) 2023/444 dwar miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiv kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-21 ta’ Diċembru 2020. Dawn ir-regoli ilhom japplikaw mill-istess data.

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tirriformula u tissostitwixxi d-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE u 2002/21/KE (u l-emendi sussegwenti tagħhom) li kellhom isiru liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

5G. L-aktar ġenerazzjoni riċenti ta’ komunikazzjoni mobbli ċellulari, ikkaratterizzata minn rata għolja ta’ data, latenza mnaqqsa, iffrankar ta’ enerġija, tnaqqis fl-ispejjeż, kapaċità ogħla tas-sistema u konnettività akbar tal-apparati.
Regolamentazzjoni simetrika. L-istess regolament tal-fornituri kollha tan-netwerk (għal kuntrarju ta’ regolamentazzjoni asimetrika, li tiddistingwi bejn fornituri, ġeneralment biex tipprovdi kundizzjonijiet ekwi bejn fornituri ta’ inqas u aktar importanza).

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, pp. 36–214).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2018/1972 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/444 tas-16 ta’ Diċembru 2022 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’miżuri li jiżguraw aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112”(ĠU L 65, 2.3.2023, pp. 1–8).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 115, 13.4.2022, pp. 1–37).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/173 tas-7 ta’ Frar 2022 dwar l-armonizzazzjoni tal-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni 2009/766/KE (notifikata bid-dokument C(2022) 605) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 28, 9.2.2022, pp. 29–39).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni (ĠU L 137, 22.4.2021, pp. 1–9).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1070 tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-punti ta’ aċċess bla fili ta’ żona żgħira skont l-Artikolu 57 paragrafu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 234, 21.7.2020, pp. 11–15).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2243 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi mudell għas-sommarju tal-kuntratt li għandu jintuża mill-fornituri ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 336, 30.12.2019, pp. 274–280).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, pp. 1–35).

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, pp. 1–30).

Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, pp. 1–18).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE)2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77–89).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-iskjerament ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155,23.5.2014, pp. 1–14).

Id-Deċiżjoni Nru 24/3/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, pp. 7–17).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/411/KE tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar l-armonizzazzjoni tat-3 baned ta’ frekwenzi 3400-3 800 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (notifikati taħt id- dokument numru C(2008) 1873) (ĠU L 144, 4.6.2008, pp. 77–81).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 1–6).

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (ĠU L 201, 31.7.2002, pp. 37–47).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 11.04.2023

Top