EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0521

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Jannar 2016.
SOVAG - Schwarzmeer und Ostsee Versicherungs-Aktiengesellschaft vs If Vahinkovakuutusyhtiö Oy.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punt 2 tal-Artikolu 6 – Ġurisdizzjoni – Azzjoni dwar garanzija jew intervent minn parti terza fi proċedura quddiem il-qorti adita bit-talba oriġinali.
Kawża C-521/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:41

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Punt 2 tal-Artikolu 6 — Ġurisdizzjoni — Azzjoni dwar garanzija jew intervent minn parti terza kontra parti fi proċedura quddiem il-qorti adita bit-talba oriġinali”

Fil-Kawża C-521/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (qorti suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

SOVAG – Schwarzmeer und Ostsee Versicherungs-Aktiengesellschaft

vs

If Vahinkovakuutusyhtiö Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SOVAG – Schwarzmeer und Ostsee Versicherungs-Aktiengesellschaft, minn R. Heß, avukat, u E. Salonen, asianajaja, kif ukoll minn A. Staudinger,

għal If Vahinkovakuutusyhtiö Oy, minn J. Tanhuanpää,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u E. Paasivirta, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qorti f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, SOVAG – Schwarzmeer und ostsee Versicherungs-Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem “SOVAG”), kumpannija tal-assigurazzjonijiet stabbilita fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, If Vahinkovakuutusyhtiö Oy (iktar ’il quddiem “If”), kumpannija tal-assigurazzjonijiet stabbilita fil-Finlandja, dwar talba għar-rimbors ta’ somma ta’ flus imħallsa bħala kumpens lil vittma ta’ inċident tat-traffiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, sabiex jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

4

Il-premessi 11 sa 13 u 15 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)

B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.

[...]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]”

5

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

6

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġu mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-istess sezzjoni, jipprovdi:

“1.   Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Minħabba li kontra tali konvenut, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, independentament min-nazzjonalità tagħha, tapprofitta ruħha f’dak l-Istat mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli hemmhekk, u b’mod partikolari dawk speċifikati fl-Anness I, bl-istess metodu bħal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

9

Skont il-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tkun imfittxija, fi Stat Membru ieħor f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post li fih ikunu jinstabu l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment.

10

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija Sezzjoni 2, jipprevedi dan li ġej:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1.

meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

2.

bħala parti terza f’azzjoni dwar mandat jew garanzija jew f’xi proċedimenti oħra dwar terzi partijiet, fil-qorti li tkun fil-pussess tal-proċedimenti oriġinali, sa kemm dawn kienu ġew mibdija biss bl-obbjettiv uniku li jitneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti li tisma’ l-każ tiegħu;

[...]”

11

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolata “Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni”, jipprovdi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 ta’ l-Artikolu 5.”

12

L-Artikolu 11 tal-istess regolament, li jinsab fl-imsemmija Sezzjoni 3, jipprovdi:

“1.   F’dak li għandu x’jaqsam ma’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità, l-assiguratur jista’ wkoll, jekk tippermetti l-liġi tal-qorti, inkluż fil-proċedimenti li l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun ressqet kontra l-assiguratur.

2.   L-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta jkunu permissibli tali azzjonijiet diretti.

3.   Jekk il-liġi li tirregola tali azzjonijiet diretti jkun fiha disposizzjoni li min ikollu polza ta’ assigurazzjoni jew dak li jkun assigurat jista’ jkun imsieħeb bħala parti mill-azzjoni, l-istess qorti għandu jkollha ġurisdizzjoni fuqhom.”

Id-dritt Finlandiż

13

L-Artikolu 5 tal-Kapitolu 18 tal-Kodiċi tal-proċedura ġudizzjarja (Suomen oikeudenkäymiskaari) jipprovdi:

“Meta parti fi proċedura ġudizzjarja tixtieq, fil-każ li hija titlef, tippreżenta kontra parti terza talba dwar garanzija, jew talba għad-danni, jew kull talba oħra ekwivalenti, hija tista’ tressaq azzjoni relatata ma’ din it-talba fil-kuntest tal-istess proċedura.

Kull persuna li, fir-rigward tar-riżultat li aktarx twassal għalih proċedura bejn partijiet fi proċedura ġudizzjarja, tixtieq tressaq azzjoni relatata ma’ talba fis-sens [tal-ewwel paragrafu] hawn fuq, kontra l-partijiet, jew kontra wieħed minnhom, tista’ tagħmel dan fil-kuntest tal-istess proċedura.”

14

L-Artikolu 61 tal-Liġi tal-assigurazzjoni fuq l-inċidenti [Tapaturmavakuutuslaki (1948/608)], tal-20 ta’ Awwissu 1948 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-assigurazzjoni fuq l-inċidenti”), huwa fformulat kif ġej:

“Il-benefiċjarju ta’ kumpens bl-applikazzjoni ta’ din il-liġi jżomm id-dritt li jirċievi, abbażi ta’ liġi oħra, kumpens għall-konsegwenzi tal-ħsara mġarrba, min-naħa tal-persuna li tkun ikkawżatha jew minn persuna oħra responsabbli sabiex tħallas kumpens. L-ammonti mogħtija bħala tali ma jistgħux, madankollu, jeċċedu l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-kumpens totali tad-danni u l-kumpens mogħti skont din il-liġi.

Il-kumpannija tal-assigurazzjoni li kellha tikkumpensa d-danni taħt din il-liġi għandha d-dritt li tirkupra l-ammont ta’ kumpens minn persuna responsabbli għall-kumpens fis-sens [tal-ewwel paragrafu] hawn fuq, ħlief, madankollu, minn persuni li jkunu diġà ssodisfaw in bona fide l-obbligu tagħhom li jħallsu kumpens, kif ukoll minn persuni responsabbli għall-kumpens għad-danni fuq il-bażi tal-Liġi dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi.

Għalhekk, il-kumpens lill-kumpannija tal-assigurazzjoni ma jistax, madankollu, ikun ogħla minn dak li kienet intitolata għalih il-persuna leża jew il-qraba ta’ din tal-aħħar.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A, li kien il-vittma ta’ inċident tat-traffiku fil-Ġermanja, ressaq azzjoni kontra SOVAG, li magħha kienet assigurata l-vettura responsabbli għad-danni, quddiem il-Länsi-Uudenmann käräjäoikeus (qorti tal-ewwel istanza ta’ Uusimaa tal-Punent). F’dik il-kawża, A talab, b’mod partikolari, li jiġi kkonstatat li huwa ġarrab trawma serja fir-ras u fl-għonq u li, bħala riżultat ta’ dan l-inċident, huwa kellu inkapaċità permanenti għax-xogħol.

16

Peress li dan l-inċident tat-traffiku jikkostitwixxi wkoll inċident fuq ix-xogħol, fis-sens tal-Liġi tal-assigurazzjoni fuq l-inċidenti, If, li hija stabbilita fil-Finlandja, ħallset lil A, fuq il-bażi ta’ din il-liġi, kumpens għall-inċident imsemmi.

17

Wara l-preżentata tal-azzjoni ta’ A kontra SOVAG, If ressqet hija stess azzjoni kontra din il-kumpannija quddiem l-istess qorti tal-ewwel istanza. Hija talbet li jiġi kkonstatat li A kien ġarrab, minbarra ħsarat oħra, trawma serja fir-ras u fil-għonq, li kkawżatlu inkapaċità permanenti għax-xogħol. Barra minn hekk, If talbet, abbażi tal-Artikolu 61(2) tal-Liġi tal-assigurazzjoni fuq l-inċidenti, li jiġi kkonstatat li SOVAG kellha l-obbligu li tagħtiha rimbors tal-kumpens kollu, bl-interessi relatati, li hija ħallset jew li ser ikollha tħallas lil A fir-rigward tal-inċident inkwistjoni.

18

If talbet ukoll li t-talba tagħha tiġi ttrattata fil-kuntest tal-istess proċedura bħal dik imressqa minn A kontra SOVAG. Min-naħa tagħha, SOVAG qajmet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Finlandiżi sabiex jiddeċiedu fuq it-talba mressqa minn If.

19

Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Diċembru 2012, il-Länsi-Uudenmann käräjäoikeus (qorti tal-ewwel istanza ta’ Uusimaa tal-Punent), fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, iddikjarat inammissibbli l-azzjoni mressqa minn If kontra SOVAG, minħabba li l-qrati Finlandiżi ma kellhomx ġurisdizzjoni.

20

Dik il-qorti kkunsidrat li, skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, fil-qasam tal-assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata ħlief permezz tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, bla ħsara għall-Artikolu 4 u għall-punt 5 tal-Artikolu 5 tal-istess regolament.

21

Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ April 2013, it-Turun hovioikeus (qorti tal-appell ta’ Turku), li quddiemha If kienet ippreżentat appell mill-imsemmi digriet, annullat dan id-digriet.

22

Skont dik il-qorti, il-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, u mhux id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, kien japplika għall-każ fil-kawża prinċipali, peress li l-azzjoni mressqa minn If kontra SOVAG kellha rabta diretta mal-kawża bejn A u SOVAG.

23

SOVAG ippreżentat appell minn dik is-sentenza quddiem il-Korkein oikeus (qorti suprema).

24

Skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 ikoprix sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha terza persuna tressaq azzjoni kontra persuna li hija parti fil-proċedura ġudizzjarja oriġinali.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jestendi għal azzjoni mressqa minn terza persuna, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, kontra l-konvenut fil-proċedura oriġinali u li jkollha bħala suġġett talba marbuta mill-qrib ma’ din it-talba oriġinali, intiża sabiex tikseb rimbors għall-kumpens imħallas minn din it-terza persuna lir-rikorrent fl-imsemmija proċedura oriġinali.

27

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi li l-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għandha tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan tal-aħħar, bla ħsara għall-Artikolu 4 u għall-punt 5 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, ma jsemmix il-punt 2 tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament.

28

Skont SOVAG, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma hijiex applikabbli minħabba l-fatt li s-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi, fir-rigward ta’ assigurazzjoni, sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni.

29

Madankollu, għandu jitfakkar li l-għan ta’ din is-sezzjoni huwa, skont il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001, li tipproteġi lill-parti l-inqas b’saħħitha, jiġifieri l-assigurat, il-benefiċjarju jew l-abbonat, permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm ipprovdut fir-regoli ġenerali.

30

Issa, it-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija parti minn relazzjonijiet bejn professjonisti fil-qasam tal-assigurazzjoni u ma hijiex ta’ natura li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni proċedurali ta’ parti kkunsidrata li hija iktar dgħajfa. Peress li l-għan li tiġi protetta din tal-aħħar jintlaħaq ġaladarba tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni skont is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, l-iżviluppi proċedurali sussegwenti fir-relazzjonijiet bejn il-professjonisti biss ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi GIE Réunion européenne et, C‑77/04, EU:C:2005:327, punti 20 u 23, kif ukoll Vorarlberger Gebietskrankenkasse,C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 42).

31

Għalhekk, peress li talba li, bħal dik fil-kawża prinċipali, titressaq minn assiguratur kontra assiguratur ieħor ma hijiex koperta mill-imsemmija sezzjoni, il-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għal tali talba sakemm din tal-aħħar taqa’ taħt il-każijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

32

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati, fl-ewwel stadju, it-termini tal-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001.

33

Il-kliem ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dawk fil-lingwa Ġermaniża, Franċiża, Finlandiża u Żvediża, ma jeskludux li l-qorti li tkun adita bit-talba oriġinali jista’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ r-rikors ippreżentat minn terza persuna kontra waħda mill-partijiet f’din it-talba oriġinali.

34

Verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dik fil-lingwa Ingliża, jidhru, madankollu, li jillimitaw il-portata tagħha għall-azzjoni mressqa kontra terza persuna (“a person domiciled in a Member State may also be sued: [...] as a third party”).

35

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ diverġenzi bejn diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma element minnha (sentenza Jakutis u Kretingalės kooperatineė ŽŪB, C‑103/14, EU:C:2015:752, punt 103).

36

Huwa għalhekk meħtieġ, fit-tieni stadju, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali u l-għan tar-Regolament Nru 44/2001.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 18), diversi għanijiet ta’ dan tal-aħħar jimmilitaw favur interpretazzjoni fis-sens li rikors ippreżentat minn terza persuna kontra waħda mill-partijiet fil-proċedura oriġinali jaqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

38

F’dan is-sens, il-premessa 15 tal-imsemmi regolament tenfasizza li l-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja jiddetta li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġi żgurat li sentenzi irrikkonċiljabbli ma jingħatawx f’żewġ Stati Membri, filwaqt li l-premessa 12 tal-istess regolament tfakkar fil-ħtieġa li l-forum tad-domiċilju tal-konvenut jiġi kkompletat permezz ta’ fora oħra awtorizzati minħabba r-rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-kawża jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

39

Madankollu, it-trattament, fil-kuntest tal-istess proċedura, tat-talba oriġinali u ta’ talba mressqa minn parti terza kontra waħda mill-partijiet f’din il-kawża u marbuta mill-qrib mal-ewwel talba, huwa ta’ natura li jiffavorixxi l-għanijiet imsemmija hawn fuq f’sitwazzjoni fejn tkun tressqet azzjoni mill-parti leża kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għad-danni u fejn assiguratur ieħor, li jkun diġà kkumpensa parzjalment lill-persuna leża għad-danni, ifittex li jikseb mill-ewwel assiguratur ir-rimbors ta’ dan il-kumpens.

40

Fil-fatt, fl-assenza ta’ din il-possibbiltà, kien ikun hemm ir-riskju li żewġ qrati jaslu, fl-istess kawża, għal soluzzjonijiet differenti, li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom imbagħad ikunu inċerti.

41

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tirrileva, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), li l-azzjoni mressqa mill-assigurat kontra l-assiguratur għal kumpens għall-konsegwenzi tal-inċident u l-azzjoni li biha l-imsemmi assiguratur idaħħal fil-kawża, għall-finijiet ta’ kumpens, assiguratur ieħor meqjus li kopra l-istess inċident, kellhom jitqiesu, rispettivament, bħala talba oriġinali u talba dwar garanzija fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 6 tal-istess konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GIE Réunion européenne et, C‑77/04, EU:C:2005:327, punt 27).

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq ir-rapport dwar il-Konvenzjoni mħejji mis-Sur Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1, b’mod partikolari p. 27).

43

Peress li l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni hija valida wkoll għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu klassifikati bħala ekwivalenti (sentenza CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 60), għandu jiġi rrilevat li dan huwa l-każ fir-rigward tal-punt 2 tal-Artikolu 6 ta’ din l-istess konvenzjoni u tal-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001.

44

Fid-dawl tal-interpretazzjoni msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza u tal-għanijiet imfakkra fil-punti 38 u 39 ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li l-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għal talba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa kkonfermat, barra minn hekk, mill-konstatazzjoni li tinsab fl-imsemmi rapport magħmul mis-Sur Jenard fis-sens li t-talba għall-intervent tista’ wkoll tkopri sitwazzjonijiet fejn terza persuna ssir parti fil-proċedura sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħha stess.

45

Peress li l-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jeħtieġ rabta bejn, minn naħa, it-talba oriġinali u, min-naħa l-oħra, it-talba għal intervent jew it-talba dwar garanzija msemmija fih, hija l-qorti nazzjonali adita bit-talba oriġinali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali rabta, fis-sens li trid tiżgura li t-talba għal intervent jew it-talba dwar garanzija ma tkunx intiża biss li tneħħi lill-konvenut mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GIE Réunion européenne et, C‑77/04, EU:C:2005:327, punti 30 u 32).

46

F’dan ir-rigward, il-fatt li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Kapitolu 18 tal-Kodiċi tal-proċedura ġudizzjarja, tissuġġetta l-possibbiltà ta’ terza persuna li tressaq azzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja diġà miftuħa għall-kundizzjoni li din l-azzjoni jkollha rabta mat-talba oriġinali, huwa ċertament fattur li x’aktarx jimpedixxi l-użu ħażin tal-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001.

47

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jestendi għal azzjoni li tressaq terza persuna, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kontra l-konvenut fil-proċedura oriġinali u li jkollha bħala suġġett talba marbuta mill-qrib ma’ din it-talba oriġinali, intiża biex tikseb ir-rimbors tal-kumpens imħallas minn din it-terza persuna lir-rikorrent fl-imsemmija proċedura oriġinali, bil-kundizzjoni li din l-azzjoni ma tkunx tressqet sabiex tneħħi lill-imsemmi konvenut mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tal-qorti f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jestendi għal azzjoni li tressaq terza persuna, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kontra l-konvenut fil-proċedura oriġinali u li jkollha bħala suġġett talba marbuta mill-qrib ma’ din it-talba oriġinali, intiża sabiex tikseb ir-rimbors tal-kumpens imħallas minn din it-terza persuna lir-rikorrent fl-imsemmija proċedura oriġinali, bil-kundizzjoni li din l-azzjoni ma tkunx tressqet sabiex tneħħi lill-imsemmi konvenut mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tiegħu.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top