EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0400

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 4 ta' Settembru 2014.
Sophia Marie Nicole Sanders vs David Verhaegen (C-400/13) u Barbara Huber vs Manfred Huber (C-408/13).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Amtsgericht Düsseldorf, Amtsgericht Karlsruhe - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Kooperazzjoni f’materji ċivili - Regolament 4/2009 - Artikolu 3 - Ġurisdizzjoni sabiex jiġi deċiż rikors dwar obbligu ta’ manteniment fir-rigward ta’ persuni ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi ċentralizzazzjoni ta’ ġurisdizzjoni.
Każijiet Magħquda C-400/13 u C-408/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2171

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑400/13 u C‑408/13

Sophia Marie Nicole Sanders

irrapreżentata minn Marianne Sanders,

vs

David Verhaegen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il‑Ġermanja)]

u

Barbara Huber

vs

Manfred Huber

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Karlsruhe (il-Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment — Artikolu 3(b) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 — Azzjoni kontra persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru ieħor — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti f’dan il-każ ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti tal-ewwel istanza stabbilita fil-post fejn tinsab is-sede tal-qorti tal-appell reġjonali li fih tinsab ir-residenza abitwali tal-parti li tirresjedi f’dan l-Istat Membru — Esklużjoni ta’ din iċ-ċentralizzazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”

I – Introduzzjoni

1.

F’dawn il-kawżi magħquda, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) u mill-Amtsgericht Karlsruhe (qorti reġjonali ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja) jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ( 2 ).

2.

Il-punti (a) u (b) tal-imsemmi Artikolu 3, fost dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, jirregolaw il-ġurisdizzjoni ratione loci tal-qrati rilevanti tal-Istati Membri ( 3 ), billi jindikaw, bħala alternattivi, “il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu” jew “il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu”, u huwa speċifikat li r-rikorrent jista’ jagħżel b’mod liberu bejn dawn il-kapi ta’ ġurisdizzjoni.

3.

Dawn il-kawżi jaqgħu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet dwar talbiet għal pensjoni tal-manteniment bejn, minn naħa, wild minuri u missieru u, min-naħa l-oħra, mara miżżewġa u żewġha. L-imsemmija talbiet tressqu rispettivament quddiem l-Amtsgericht (qorti tal-ewwel istanza reġjonali) ta’ kull waħda mill-ibliet Ġermaniżi fejn jirresjedu abitwalment il-kredituri tal-manteniment ikkonċernati. Madankollu, kull waħda minn dawk il-qrati, billi applikaw dispożizzjoni li implementat fid-dritt Ġermaniż iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, irrifjutat li tieħu konjizzjoni tal-kawża, favur l-Amtsgericht stabbilita fil-belt fejn għandha s-sede tagħha l-Oberlandesgericht (qorti tal-appell reġjonali) li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha jirresjedu l-imsemmija rikorrenti.

4.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li huwa applikabbli direttament fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandha bħala effett li tiċċentralizza l-ġuridsdizzjoni transkonfinali favur qorti li ma hijiex dik li ż-żona ta’ ġurisdizzjoni ordinarja tagħha tinkludi l-lokalità li fiha tirresjedi abitwalment il-parti li tirresjedi fit-territorju nazzjonali.

5.

Minkejja li r-Regolament Nru 4/2009 ilu japplika mit-18 ta’ Ġunju 2011 ( 4 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma kellha l-opportunità li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu ( 5 ). Għaldaqstant, ser ikun neċessarju, b’mod partikolari, li jiġi kkunsidrat jekk huwiex possibbli, jew saħansitra meħtieġ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tagħlimiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar strumenti oħra applikabbli bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġurisdizzjoni f’materji ċivili u, jekk dan ikun il-każ, li jiġi ddeterminat sa fejn raġunament analoġiku huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009.

6.

Dawn il-kwistjonijiet iqumu, b’mod partikolari, fid-dawl tax-xebh li jeżisti bejn il-kliem tal-imsemmi artikolu u dawk tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment li jinsabu fil-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) kif ukoll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 7 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), li jifforma parti mill-estensjoni ta’ din il-konvenzjoni ( 8 ).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament Nru 4/2009

7.

Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 4/2009 tagħmel espressament riferiment, fost strumenti oħra, għar-Regolament Brussell I. Il-premessa 44 tiegħu tispeċifika li dan ir-regolament jemenda r-Regolament Brussell I “billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment”. Il-premessa 15 tiegħu żżid li “[s]abiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri tal-manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament [Brussell I] [b’mod partikolari billi] m’għandhiex tibqa’ ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali [...]”.

8.

L-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi li “[f]i kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu […]”.

B – Id-dritt Ġermaniż

9.

Ir-Regolament Nru 4/2009 ġie implementat fid-dritt Ġermaniż mil-Liġi tat-23 ta’ Mejju 2011 dwar l-irkupru tal-manteniment fir-relazzjonijiet mal-Istati barranin (Auslandsunterhaltsgesetz, iktar ’il quddiem l-“AUG”) ( 9 ).

10.

Fil-verżjoni tagħha applikabbli meta seħħew il-fatti, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1), ta’ din il-liġi, intitolat “Ċentralizzazzjoni tal-ġurisdizzjoni […]”, tipprevedi li “[m]eta parti ma għandhiex ir-residenza abitwali tagħha fit-territorju nazzjonali, l-Amtsgericht tas-sede tal-Oberlandesgericht, li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha l-konvenuta jew il-kreditur għandhom r-residenza abitwali tagħhom, għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament [Nru 4/2009].”

III – Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A – Il-kawża Sanders (C‑400/13)

11.

Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-wild minuri Sophia Marie Nicole Sanders, irrappreżentata minn ommha, ressqet kawża quddiem l-Amtsgericht li għandha s-sede tagħha f’Mettmann (il-Ġermanja), il-belt fejn tinsab ir-residenza abitwali tagħha, bil-għan li tikseb il-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment mingħand missierha, D. Verhaegen, li jirresjedi l-Belġju.

12.

Wara li semgħet il-partijiet, l-Amtsgericht Mettmann, filwaqt li applikat l-Artikolu 28(1) tal-AUG, irrinvijat il-kawża quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf) bħala l-qorti tal-ewwel istanza reġjonali stabbilita fil-post fejn tinsab is-sede tal-qorti tal-appell reġjonali li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha l-kreditur tal-mateniment kellu r-residenza abitwali tiegħu, jiġifieri l-Oberlandesgericht Düsseldorf.

13.

Madankollu, l-Amtsgericht Düsseldorf qajmet dubju dwar il-ġuridizzjoni territorjali tagħha stess, peress li skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tkun dik tal-post, fi Stat Membru, fejn ir-rikorrenti tirresjedi abitwalment, f’dan il-każ l-Amtsgericht Mettmann. Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fis-16 ta’ Lulju 2013, l-Amtsgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 28(1) tal-[AUG] jikser l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament [Nru 4/2009] ?”

B – Il-Kawża Huber (C‑408/13)

14.

B. Huber bdiet poċedura quddiem l-Amtsgericht li għandha s-sede tagħha f’Kehl (il-Ġermanja), il-belt li fiha hija tirresjedi abitwalment, bil-għan li żewġha, M. Huber, li jirresjedi fil-Barbados, jiġi kkundannat iħallasha pensjoni tal-manteniment wara s-separazzjoni tagħhom.

15.

Fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża dwar l-għoti ta’ għajnuna legali, l-Amtsgericht Kehl rrinvijat il-kawża quddiem l-Amtsgericht Karlsruhe, minħabba li hija biss kellha ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 28(1) tal-AUG, peress li r-rikorrenti kienet residenti abitwalment fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-Oberlandesgericht Karlsruhe.

16.

Peress li ż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali esprimew dubji dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmi Artikolu 28 mal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, l-Amtsgericht Karlsruhe, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-18 ta’ Lulju 2013, aċċettat li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Huwa kompatibbli mal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment jekk ikun ipprovdut fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-[AUG] li jekk parti kkonċernata ma jkollhiex ir-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja, il-qorti li għandha tiddeċiedi esklużivament f’kawżi dwar manteniment li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament [Nru 4/2009] hija l-qorti lokali li għandha ġurisdizzjoni għall-post fejn għandha s-sede tagħha l-qorti reġjonali superjuri li hija fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni fejn il-konvenut jew il-kreditur ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom?”

C – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-25 ta’ Lulju 2013, il-Kawżi C‑400/13 u C‑408/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

18.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV – Analiżi

A – Fuq il-kontenut tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

19.

Minħabba diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mill-formulazzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi, hemm lok li l-ewwel nett jiġu identifikati l-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha f’dan il-kuntest, imbagħad li jiġu speċifikati liema huma d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati, fir-rigward kemm tal-Artikolu 3 kif ukoll ta’ artikoli oħrajn tar-Regolament Nru 4/2009.

20.

L-ewwel nett, bħalma għamel il-Gvern Ġermaniż, nissuġġerixxi li d-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju jiġu rriformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-ġurisprudenza tagħha, fis-sens li l-għan tagħhom ma għandux ikun li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż imsemmija f’dawn id-domandi u li jiġi evalwat jekk dawn jiksrux id-dritt tal-Unjoni, peress li dan ma jaqax fil-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest tar-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 267 TFUE ( 10 ), iżda li jiġi analizzat l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 b’mod li l-qrati nazzjonali jiġu pprovduti bl-elementi utli kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom ( 11 ).

21.

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ qrati tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni kemm tal-punt (a) kif ukoll tal-punt (b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, peress li huwa mfakkar li l-Artikolu 28(1) tal-AUG japplika “fil-każijiet imsemmija mill-Artikolu 3(a) u (b), [tal-imsemmi regolament]” (enfasi tiegħi).

22.

Madankollu, il-Kummissjoni targumenta li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma manifestament inammissibbli sa fejn dawn huma bbażati fuq l-Artikolu 3(a), ta’ dan ir-regolament, peress li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, huwa biss il-punt (b) tal-imsemmi artikolu li għandu konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett ta’ dawn il-kawżi u li huwa għaldaqstant rilevanti f’dan il-każ.

23.

Huwa minnu li fiż-żewġ proċeduri prinċipali li huma pendenti fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti huma kredituri tal-manteniment li għażlu li jressqu kawża quddiem qorti li tinsab fit-territorju Ġermaniż, fejn huma jirresjedu abitwalment, u li din is-sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009. Huwa f’dan il-kuntest li l-qrati tar-rinviju għandhom dubju dwar liema waħda minn dawn il-qrati Ġermaniżi, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi kkunsidrata li għandha ġurisdizzjoni ratione loci skont il-“post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu”, minħabba dubji maħluqa minn dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż.

24.

Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-“post tar-residenza abitwali tal-konvenut”, ma toħloq l-ebda problema konkreta fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi prinċipali. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq domanda jew fuq parti minn domanda preliminari li ma tindirizzax manifestament bżonn oġġettiv inerenti għar-riżoluzzjoni tal-kawża li tkun pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ( 12 ), jien nikkunsidra li r-risposta li ser tingħata f’dawn il-kawżi għandha tkun limitata għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009.

25.

Madankollu, sabiex issir din l-interpretazzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema iktar ġenerali li fiha tinsab id-dispożizzjoni rilevanti ( 13 ), u b’mod partikolari li jiġi rrilevat il-fatt li l-punti (a) u (b) tal-imsemmi Artikolu 3 huma redatti b’mod identiku f’dak li jikkonċerna l-espressjoni li tagħti lok għal dawn il-mistoqsijiet ( 14 ) u li l-imsemmijin punti huma applikabbli alternattivament fl-istess sitwazzjoni, jiġifieri meta t-talba dwar obbligu ta’ manteniment tkun it-talba prinċipali ( 15 ).

26.

It-tielet nett, jista’ jiġi osservat li, fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju fil-kawża Huber (C-408/13), l-Amtsgericht Karlsruhe tinvoka l-possibbiltà li n-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni prevista mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AUG tmur kontra mhux biss l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 iżda wkoll kontra l-Artikoli 4 u 5 ( 16 ), mingħajr madankollu ma ssemmi dawn tal-aħħar fid-domanda preliminari magħmula minnha. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-imsemmija Artikoli 4 u 5, fil-każ li din il-qorti tar-rinviju, minbarra d-domanda li hija fformulat, tixtieq tkun taf jekk iċ-ċentralizzazzjoni ta’ ġurisdizzjoni inkwistjoni hijiex inkompatibbli wkoll ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

27.

Jien nikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ), ma hemmx lok li din tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward, peress li l-Amtsgericht Karlsruhe llimitat id-domanda li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja għad-definizzjoni tal-portata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, filwaqt li l-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-regolament huma ċertament imsemmija iżda ma humiex is-suġġett ta’ din id-domanda, minħabba n-nuqqas ta’ natura deċiżiva sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess skont l-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti ( 18 ).

B – Fuq it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu minn approssimazzjoni ma ’ strumenti oħra

28.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba li tinterpreta r-Regolament Nru 4/2009 għall-ewwel darba f’dawn il-kawżi, huwa xieraq li jiġi mistoqsi jekk jistgħux jinstabu xi linji gwida ta’ riflessjoni jew xi elementi ta’ risposta fid-dawl ta’ strumenti relatati. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex rilevanti li ssir approssimazzjoni ma’ ftehimiet internazzjonali jew ma’ regolamenti oħra dwar il-ġurisdizzjoni f’materji ċivili, li xi wħud minnhom fihom dispożizzjonijiet li għandhom xebh reali ma’ dawk tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 (1). Jekk dan ikun minnu, ikun sussegwentement neċessarju li jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ din l-aħħar leġiżlazzjoni, sa fejn din l-approssimazzjoni tippermetti li ssir interpretazzjoni analoġika, u b’mod partikolari li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti l-oħra. (2).

1. Fuq il-possibbiltà ta’ approssimazzjoni ma’ strumenti oħra

29.

L-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 huwa fformulat f’termini simili għal dawk tar-regoli ta’ “ġurisdizzjoni speċjali” f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment li jinstabu fl-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 19 ) u fl‑Artikolu 5(2) tar-Regolament Brussell I, li jipprovdu li l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam huma “[...]il-qrati tal-post ta’ fejn il-kreditur tal-manteniment ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu” ( 20 ).

30.

Minkejja l-fatt li l-obbligi ta’ manteniment issa ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I ( 21 ), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u ta’ dawk tal-imsemmi regolament jibqgħu, fl-opinjoni tiegħi, rilevanti sabiex jiġu analizzati d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 4/2009. Għalhekk, għalkemm tali approċċ analoġiku għandu jiġi kkwalifikat b’xi mod, jidhirli opportun li l-kunċetti li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

31.

L-ewwel nett, ir-rabtiet sostanzjali li jeżistu bejn ir-Regolament Brussell I u r-Regolament Nru 4/2009 huma ovvji mill-qari ta’ dan tal-aħħar, peress li l-preambolu tiegħu jsemmi ( 22 ) diversi drabi r-Regolament Brussell I u l-Artikolu 68(1) tiegħu jistabbilixxi espressament li dan jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I li kienu applikabbli f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.

32.

It-tieni nett, fir-rigward iktar speċifikament tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, it-tnissil ta’ din id-dispożizzjoni jikkonferma l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet. Fil-fatt, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni tenfasizza n-neċessità li jittejbu l-possibbilitajiet diġà offruti lill-kreditur tal-manteniment mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Brussell I ( 23 ). Il-komunikazzjoni li fiha kummentarju dwar din il-proposta ( 24 ) tikkonferma li l-imsemmi Artikolu 3 jirriproduċi essenzjalment id‑dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Brussell I ( 25 ), li madankollu sarulhom ċerti emendi bil-għan li jitneħħew ċerti ambigwitajiet ( 26 ), li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu adattati għall-partikolaritajiet tad-dritt tal-familja ( 27 ) u li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ( 28 ).

33.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra aċċettabbli bħala premessa li hemm lok li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar artikolu jiġu interpretati f’sens konformi mal-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u ma’ dawk tar-Regolament Brussell I sakemm dawn huma ekwivalenti ( 29 ), madankollu b’xi riżervi relatati mal-iskopijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 4/2009 li se jiġu esposti hawn taħt ( 30 ).

34.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex rilevanti li ssir approssimazzjoni ma’ istrumenti li ma humiex l-imsemmija konvenzjoni u l-imsemmi regolament li huma applikabbli wkoll fil-qasam tal-ġurisdizzjoni f’materji ċivili, u b’mod iktar partikolari f’materji tal-familja ( 31 ).

35.

Fir-rigward tal-Konvenzjoni tad-Den Haag, tat-23 ta’ Novembru 2007, dwar l-irkupru internazzjonali ta’ manteniment għat-tfal u forom oħrajn ta’ manteniment tal-familja ( 32 ), il-premessa 8 tar-Regolament Nru 4/2009 tistabbilixxi li huwa neċessarju li din tittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ( 33 ). Din il-Konvenzjoni ma fihiex regoli ta’ ġurisdizzjoni diretta ( 34 ), iżda d-dokumenti preparatorji relatati magħha jipprovdu indikazzjoni utli sabiex tingħata deċiżjoni f’dan il-każ, billi jispeċifikaw li d-dispożizzjonijiet li jipprevedu ġurisdizzjoni marbuta mal-post tar-residenza jew tad-domiċilju tal-kreditur “[jixtiequ] jipproteġu l-parti (abitwalment) l-iktar dgħajfa (jiġifieri l-kreditur) billi jiġi offert lilha qorti fejn tkun tista’ tressaq l-azzjoni tagħha, jiġifieri f’pajjiżha” ( 35 ).

36.

Fir-rigward tar-regolament normalment imsejjaħ “Brussell IIa” ( 36 ), l-obbligi ta’ manteniment huma ċertament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ( 37 ), minħabba l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċjali, li fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu kienu jinsabu fir-Regolament Brussell I u li attwalment jinsabu fir-Regolament Nru 4/2009. Madankollu, jista’ jiġi osservat, b’mod komparattiv, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li dan jistabbilixxi għandhom bħala punt komuni li jindikaw “il-qrati [ta’] Stat Membru” ( 38 ), u mhux “il-qorti tal-post fejn” bħal fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 ( 39 ).

2. Fuq il-portata tal-approsimazzjoni ma’ strumenti oħra

37.

Nippreċiża mill-bidu nett li għalkemm l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 4/2009 għandha, fl-opinjoni tiegħi, issir fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I, it-traspożizzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza ma tistax issir b’mod mekkaniku.

38.

Fil-fatt, tali interpretazzjoni analoġika hija limitata fid-dawl tas-suġġett speċifiku tar-Regolament Nru 4/2009, li wassal għan-neċessità li jsiru aġġustamenti fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament Brussell I ( 40 ), anki jekk, kuntrarjament għal dak li seta’ ġie rrilevat fir-rigward tar-Regolament Brussell IIa ( 41 ), ir-Regolament Nru 4/2009 ma jirrigwardax biss materji extrapatrimonjali iżda wkoll f’materji patrimonjali. Nenfasizza li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument ibridu ġie stabbilit b’mod iktar estensiv minn dak, b’mod partikolari, tar-Regolament Brussell I, kemm fuq il-livell sostantiv ( 42 ) kif ukoll fuq il-livell ġeografiku ( 43 ).

39.

Fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun hemm ftit eżitazzjoni f’dak li jikkonċerna t-traspożizzjoni f’dan il-każ tal-prinċipju, applikat b’mod stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u dawk tar-Regolament Brussell I ( 44 ), skont liema kunċetti bħal dawk użati fir-Regolament Nru 4/2009 għandhom jingħataw definizzjoni awtonoma, jiġifieri mhux marbuta mat-tifsira prevalenti f’xi Stat Membru jew l-ieħor, bil-għan li tiġi żgurata, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn dan l-istrument għall-Istati Membri u għall-persuni kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-premessa 11 tar-Regolament Nru 4/2009 tispeċifika li l-kunċett ta’ “obbligu ta’ manteniment” fis-sens ta’ dan tal-aħħar “għandu jinftiehem b’mod awtonomu” ( 45 ), fatt li jikkonferma l-metodu li ġie segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 5(2) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell ( 46 ), li wkoll espliċitament ammettiet l-awtonomija tal-kunċett ta’ kreditur tal-manteniment ( 47 ). Għaldaqstant, nikkunsidra li sabiex id-domandi magħmula f’dawn il-kawżi jingħataw risposta, għandu jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tar-regolament ikkonċernat ( 48 ).

40.

Barra dan, minkejja li l-preambolu ta’ dan tal-aħħar ma jindikax dan espressament, jidhirli li huwa innegabbli li l-għanijiet ġenerali stabbiliti fil-premessa 15 tar-Regolament Brussell I ( 49 ) jikkostitwixxu wkoll il-bażi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li r-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi ( 50 ). Madankollu, huma prinċipalment l-għanijiet speċifiċi ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri li “jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment” u li “tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea” ( 51 ), li għandhom jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ. Ma għandux jintesa li l-għan ta’ tisħiħ tal-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-kredituri tal-manteniment kollha ( 52 ) kien effettivament wieħed mir-raġunijiet ewlenin li minħabba fihom il-leġiżlatur Ewropew iddeċieda li jneħħi l-obbligi ta’ manteniment mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, li kien jirigwarda l-obbligi pekunjarji inġenerali, u li jadotta strument speċifiku kkostitwit mir-Regolament Nru 4/2009 ( 53 ). L-imsemmi għan jirriżulta wkoll b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tiegħu ( 54 ).

41.

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, nikkunsidra li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I, iżda bl-aġġustamenti eventwali meħtieġa mill-ispeċifiċitajiet tar-Regolament Nru 4/2009.

C – Fuq l-interpretazzjoni tal-espressjoni “il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu ” fis-sens tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009

42.

Id-domandi preliminari magħmula rispettivament mill-Amtsgericht Düsseldorf u mill-Amtsgericht Karlsruhe huma essenzjalmnt identiċi. Fid-dawl tal-kjarifiki magħmula iktar ’il fuq ( 55 ), dawn għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi li jiddeterminaw jekk l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 għandux jiġi interpretat, fl-opinjoni tiegħi b’mod awtonomu ( 56 ), fis-sens li huwa aċċettabbli li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 57 ), tipprevedi, għal kawżi transkonfinali, ċentralizzazzjoni reġjonali ta’ ġurisdizzjoni f’qorti tal-ewwel istanza li ma tkunx neċessarjament identika għall-qorti tal-istess tip fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni li fiha l-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu iżda li l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha tiġi ddeterminata skont is-sede tal-qorti tal-appell li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha l-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

43.

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni t-tnejn li huma jipproponu li r-risposta għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix regola ta’ ġurisdizzjoni bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjoni Ġermaniża kkonċernata. Għall-kuntrarju, kemm fil-kawża Sanders (C-400/13) ( 58 ) kif ukoll fil-kawża Huber (C-408/13) ( 59 ), il-qrati tar-rinviju esprimew opinjoni kuntrarja.

44.

Dan l-approċċ tal-aħħar jidhirli li huwa fondat l-aħjar minħabba raġunijiet li jirrelataw kemm mal-iskop tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 (1), kemm mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u man-natura stess tal-istrument fejn tinsab (2), kif ukoll mas-sistema li hija tifforma parti minnha (3). Fl-opinjoni tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet kollha jwasslu għal teħid ta’ pożizzjoni li ma tistax tiġi validament kontradetta mill-argumenti li ġew imressqa insostenn tar-regola Ġermaniza inkwistjoni fil-kawża prinċipali(4).

1. Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

45.

Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jikkonċedu li l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 huwa intiż li jirregola kemm il-ġurisdizzjoni transkonfinali tal-qrati tal-Istati Membri kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali fi ħdan kull Stat Membru ( 60 ).

46.

Kif diġà irrilevajt ( 61 ), wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 4/2009, li huwa applikat fl-Artikolu 3 tiegħu, huwa l-protezzjoni tal-kreditur tal-manteniment, li huwa kkunsidrat bħala l-parti l-iktar vulnerabbli fir-relazzjoni li tirriżulta minn obbligu ta’ manteniment u fil-proċedura li tista’ tirriżulta minnha ( 62 ). Din il-kunsiderazzjoni ġiet enfasizzata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 63 ).

47.

F’dan ir-rigward, il-premessi 5 u 9 tar-Regolament Nru 4/2009 jfakkru li wieħed mill-iskopijiet tal-adozzjoni tiegħu kien li jissemplifika l-mezzi għall-ksib u għall-irkupru ta’ pensjoni tal-manteniment li l-kredituri għandhom, anke iktar milli kienu jippermettu l-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Brussell I, b’mod partikolari permezz tat-tneħħija tal-exequatur għad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam bil-kundizzjoni li jkunu ġew mogħtija fl-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali minimi stabbiliti minn dan ir-regolament ( 64 ).

48.

Skont il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx kontra l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 u, b’mod partikolari, kontra l-funzjoni ta’ protezzjoni tal-kreditur li huma jirrikonoxxu fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni.

49.

Dan jidhirli diskutibbli, l-iktar fir-rigward tal-għan addizzjonali li huwa intiż minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-garanzija ta’ viċinanza bejn il-kreditur u l-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża. Dan l-għan doppju, ta’ protezzjoni u ta’ viċinanza, diġà fforma l-bażi tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 65 ), li l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 huwa b’mod ċar l-ekwivalenti tiegħu, u dan ġie rinforzat minn dan tal-aħħar ( 66 ). Fil-fatt, skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni intiża għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tar-Regolament Brussell I diġà joffru lill-kreditur tal-manteniment il-possibbiltà li jaġixxi quddiem awtorità qrib tiegħu, iżda s-sitwazzjoni tista’ titjieb iktar” ( 67 ). Din il-kunsiderazzjoni timplika konkretament li jiġi żgurat li l-kreditur ikun jista’ jressaq rikors mingħajr wisq diffikultajiet fiżiċi marbutin mal-ivjaġġar, iżda wkoll li huwa jkun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu quddiem il-qorti li tkun tinsab fl-aħjar post sabiex tkun taf il-partikolaritajiet ekonomiċi lokali, bl-iskop li tiddefinixxi r-riżorsi u l-bżonnijiet tal-kreditur u, korrelattivament, il-kapaċità tad-debitur ta’ manteniment li jikkontribwixxi għal dawn tal-aħħar ( 68 ).

50.

Nikkunsidra li s-sistema armonizzata ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 4/2009 u l-vantaġġi li jirrizultaw minnu jirriskjaw li jitilfu l-effettività tagħhom, b’mod partikolari mil-lat taċ-ċertezza legali, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta f’dan il-każ l-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament bħala li jippermetti li l-Istati Membri jintroduċu mill-ġdid fil-livell nazzjonali regoli ta’ ġurisidzzjoni tagħhom stess għall-kawżi transkonfinali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti l-ġurisdizzjoni biss lill-qorti tal-ewwel istanza tas-sede tal-qorti tal-appell reġjonali li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha l-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu anke fil-każ fejn din ir-residenza ma tinstabx fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni ordinarja tal-imsemmija qorti.

51.

Issa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kreditur jirresjedi ċertament fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-appell reġjonali kkonernata, iżda mhux fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li lilha tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali d-dispożizzjoni Ġermaniża inkwistjoni. Fil-fatt, ma jeżisti ebda dubju li, f’dan il-każ, huma l-Amtsgericht Mettmann u l-Amtsgericht Kehl li huma l-qrati tal-postijiet fejn il-kredituri tal-manteniment ikkonċernati għandhom ir-residenza abitwali tagħhom. Fi kliem ieħor, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AUG ma tillimitax ruħha li tagħti definizzjoni nazzjonali tal-kunċett ta’ “qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, iżda pjuttost tikkostitwixxi dispożizzjoni li taqsam il-ġurisdizzjonijiet tal-qrati tal-ewwel istanza skont fejn tinsab l-imsemmija residenza fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-appell, li huma stess ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fl-ewwel istanza fuq il-kawża dwar l-obbligu ta’ manteniment.

52.

Għan ieħor, iktar ġenerali, tas-sistema armonizzata prevista mir-Regolament Nru 4/2009, bħal dak stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Brussell imbagħad mir-Regolament Brussell I, huwa li jiġi evitat sa fejn huwa possibbli r-riferiment għal regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonli ( 69 ). Kif ġie enfassizat fir‑rapporti dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jinsabu fiha huma intiżi sabiex jippermettu li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati kkonċernati tkun tista’ tiġi ddefinita mingħajr bżonn ta’ riferiment għal-liġi tal-qorti ( 70 ). Dik iċ-ċaħda tar-regoli nazzjonali jew eċċessivi ta’ ġurisdizzjoni, tiffaċilita sussegwentement ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet fl-Istati Membri kollha, fatt li jikkostitwixxi l-pedament tas-sistema Ewropea ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Issa, fost dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjonijiet speċjali, hemm l-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni li huwa applikabbli f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, li minnu huwa dderivat l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009.

53.

Din l-esklużjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, iktar minn kollox jekk din titqabbel mal-formulazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra simili.

2. Fuq l-interpretazzjoni litterali

54.

Mill-bidu nett nixtieq nenfasizza li fl-opinjoni tiegħi ma tantx huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat, kif jissuġġerixxi l-Gvern Ġermaniż, li jekk kellu jiġi segwit l-orjentament tal-qrati tar-rinviju, dan iwassal sabiex l-espressjoni “post fejn” li tidher fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 tiġi interpretata testwalment, biex b’hekk il-kreditur ikollu jkun jista’ jaġixxi fl-istess belt fejn jirresjedi u għaldaqstant, ikollu jkun hemm qorti disponibbli “f’kull punt ġeografiku immaġinabbli jew f’kull komun tal-Istat Membru”.

55.

Hija konswetudni innegabbli li l-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri hija bbażata fuq il-prinċipju li kull qorti għandha żona ġeografika ta’ ġurisdizzjoni li tikkorrispondi għal porzjon tat-territorju nazzjonali li fih hija teżerċita s-setgħat tagħha, li jista’ jinkludi mhux biss waħda iżda diversi lokalitajiet, bliet jew komuni. ( 71 ).

56.

Fl-opinjoni tiegħi, l-imsemmija espressjoni għandha tiġi pjuttost mifhuma bħala li sempliċiment tfisser li r-regola ta’ ġurisdizzjoni inkwistjoni tindika lill-qorti li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni ordinarja tagħha tinsab ir-residenza abitwali tal‑kreditur, mingħajr ma hija meħtieġa jew anke possibbli xi miżura ta’ implementazzjoni fid-dritt nazzjonali ( 72 ).

57.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 288 KE, regolament tad-dritt tal-Unjoni għandu portata ġenerali u huwa vinkolanti fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha ( 73 ). Skont ġurisprudenza klassika, kull miżura nazzjonali intiża li tinkorpora jew li tittrasponi d-dispożizzjonijiet ta’ regolament fid-dritt intern hija eskluża, fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni leġiżlattiva min-naħa tal-Istati Membri. Huwa biss jekk ir-regolament innifsu jagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementawh, jew jekk, huwa neċessarju, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tiegħu, li jiġu adottati dispożizzjonijiet iktar iddettaljati fil-livell nazzjonali, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jissupplimentawh b’miżuri nazzjonali ( 74 ). Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AUG tmur lil hinn minn dak li huwa permess lil-leġiżlatur nazzjoanli, peress li r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, li hija direttament applikabbli, ma għandhiex bżonn ta’ implementazzjoni partikolari fil-livell nazzjonali.

58.

Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 hija partikolari peress li, billi tirreferi għall-“qorti tal-post fejn”, hija tistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li tippermetti li tiġi identifikata direttament qorti, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir devjazzjoni permezz tad-dritt intern tal-Istati Membri ( 75 ). Hekk kif irrikonoxxut mill-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni hija differenti minn dawk li jagħmlu riferiment mhux biss għal qorti waħda iżda, għall-kuntrarju, għall-qrati kollha ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 6 ta’ dan ir‑regolament ( 76 ) jew l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I ( 77 ). Barra minn hekk, l-awturi tar-Regolament Nru 4/2009 għażlu, fl-Artikolu 3(a) u (b), espressjoni, il-“post fejn”, li hija notevolment distinta minn dik tal-“Istat Membru” li fih waħda mill-partijiet għandha r-residenza abitwali tagħha, li hija pereżempju użata fl-Artikolu 4(a).

59.

Fl-opinjoni tiegħi, il-partikolarità ta’ din il-formulazzjoni għandha twassal għall-esklużjoni tat-traspożizzjoni, f’dan il-każ, tal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Apostolides ( 78 ), skont liema d-determinazzjoni ta’ qrati li għandhom ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament Brussell I ma tirristrinġix il-fakultà ta’ kull Stat Membru li jiddetremina l-organizzazzjoni ġudizzjarja tiegħu stess u li jaqsam il-ġurisdizzjoni tal-qrati fi ħdan it-territorju tiegħu ( 79 ). Fil-fatt, fil-punt 1 tal-imsemmi Artikolu 22, li ġie interpretat f’din is-sentenza, jagħmel riferiment għall-“qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà”, filwaqt li l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 jirreferi għall-“qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu” (enfasi tiegħi). Fl-opinjoni tiegħi, id-differenza fit-terminoloġija tippermetti interpretazzjoni distinta, jew saħansitra kunfliġġenti, ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

60.

Minkejja l-partikolarità tagħha, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, ma hijiex, madankollu, innovattiva, peress li formulazzjoni ekwivalenti tidher ukoll f’serje ta’ dispożizzjonijiet tal- Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I ( 80 ) li, sa fejn naf jien, għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkunsidrat li l-Istati Membri għandhom id‑dritt li jbiddlu l-portata tagħhom permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali ( 81 ). Fl-opinjoni tiegħi, għaldaqstant ma hemmx lok li dan jiġi permess fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

3. Fuq l-interpretazzjoni sistematika

61.

Skont l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ strumenti oħra dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili ( 82 ), l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li jiċċirkondawh f’dan ir-regolament, peress li r-regola ta’ ġurisdizzjoni li huwa jistabbilixxi ma hijiex iżolata iżda tifforma parti minn numru ta’ regoli li huma kumplimentari ma’ xulxin.

62.

L-ewwel nett, jista’ jiġi osservat li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi erba’ kapi ta’ ġurisdizzjoni li huma applikabbli b’mod alternattiv, mingħajr ġerarkija, għall-kuntrarju tar-relazzjoni bejn ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jidhru kemm fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u kif ukoll fir-Regolament Brussell I ( 83 ). Barra minn hekk, l-għażla mogħtija lir-rikorrent b’mod partikolari mill-punti (a) u (b) tal-imsemmi Artikolu 3 tidher iktar newtrali minn dik f’dawn iż-żewġ strumenti oħra, peress li huwa immaterjali jekk huwiex il-kreditur jew id-debitur ta’ manteniment li jeżerċita din l-għażla, anki jekk, fil-prattika, ir-Regolament Nru 4/2009 jivvantaġġja inqas lil dan tal-aħħar milli lill-kreditur ( 84 ).

63.

Fl-opinjoni tiegħi, l-istruttura partikolari tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 toffri gwida estensiva sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula f’dawn il-kawżi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punti (a) u (b) ta’ dan l-artikolu jirregolaw it-tnejn li huma s-sitwazzjonijiet fejn it-talba li tkun ibbażata fuq obbligu ta’ manteniment titressaq bħala t-talba prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-punti (ċ) u (d) tal-istess artikolu japplikaw fil-każ fejn tali talba ma hijiex iżolata iżda “aċċessorja” għal azzjoni oħra dwar, rispettivament, jew l-istatus tal-persuni, jew ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Issa, huwa biss f’dawn il-każijiet tal-aħħar, li huwa espressament previst riferiment għal-liġi tal-qorti sabiex jiġi ddeterminat liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ( 85 ). Fl-opinjoni tiegħi, a contrario, xjentement ma tħalla l-ebda spazju għal regoli nazzjonali fil-kuntest tal-imsemmija punti (a) u (b).

64.

Din il-pożizzjoni hija msaħħa fid-dawl ta’ paragun ma’ dispożizzjonijiet oħra li jirriżultaw mir-Regolament Nru 4/2009. B’mod partikolari, l-Artikolu 71(1) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jkkomunikaw informazzjoni li tikkonċerna, b’mod partikolari, l-isem tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq talbiet għal dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà, skont l-Artikolu 27(1) tal-istess regolament ( 86 ). Huwa għal dak il-għan biss li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħall-Istati Membri l-oħra, setgħet tiddeċiedi li, fir-rigward tat-territorju tagħha, “[i]d-deċiżjonijiet dwar [tali] talb[iet] jittieħdu mit-taqsima tal-familja tal-qorti lokali [Amtsgericht] fil-lokalità fejn hemm Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht), u li fid-distrett tagħha tkun abitwalment residenti l-persuna li kontriha tinġieb l-applikazzjoni jew li fid-distrett tagħha tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni [(ċentralizzazzjoni ta’ ġurisdizzjoni)] […]” ( 87 ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(b) tal-imsemmi regolament ma joffrix possibbiltà simili.

65.

Minn din l-analiżi magħmula mill-perspettiva tal-istruttura ġenerali tar-regolament ikkonċernat, jirriżulta li, bil-mod ta’ kif ifformula din l-aħħar dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni volontarjament illimita l-libertà tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

4. Fuq il-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq ċentralizzazzjoni ta’ ġurisdizzjoni

66.

Bil-għan li jiddefendu r-regola Ġermaniża inkwistjoni hawnhekk, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jiżviluppaw argument li fl-opinjoni tiegħi ma huwiex konvinċenti.

67.

Skonthom u skont id-dokumenti inklużi fil-proċess, jidher li l-leġiżlatur Ġermaniż qies li ċ-ċentralizzazzjoni ta’ ġurisdizzjoni prevista mill-Artikolu 28 tal-AUG f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment internazzjonali jkollha impatt pożittiv fuq l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, peress li din tippermetti li jkun hemm qorti speċjalizzata, li għaldaqstant ikollha esperjenza ogħla f’dan it-tip ta’ kawżi, li topera f’kull reġjun tat-territorju Ġermaniż.

68.

Fil-kawża Huber (C‑408/13), il-qorti tar-rinviju indikat li, fl-opinjoni tagħha, l-Artikolu 28(1) tal-AUG jinkludi essenzjalment regoli ta’ ġurisdizzjoni ratione loci, anki jekk il-leġiżlatur Ġermaniż assoċja din id-dispożizzjoni mal-organizzazzjoni u mas-semplifikazzjoni tal-proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, taħt il-bixra ta’ dawn il-vantaġġi proċedurali, li, barra minn hekk, din il-qorti qed tikkontesta l-ġenwinità tagħhom ( 88 ), il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ teffettwa r-regoli ta’ ġurisdizzjoni transkonfinali previsti mid-dritt tal-Unjoni.

69.

Huwa minnu li l-fatt li tiġi promossa amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari permezz ta’ ragruppament tal-kawżi l-iktar kumplessi fl-istess qorti, huwa wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 4/2009 li huma msemmija fil-premessa 15 tiegħu. Madankollu, dan l-għan għandu jiġi mifhum mhux biss fis-sens ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja li tkun l-iktar razzjonalizzata possibbli, iżda wkoll mill-perspettiva tal-interess tal-partijiet, kemm fir-rigward tal-attur u kif ukoll fir-rigward tal-konvenut, li jibbenefikaw, b’mod partikolari, minn aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja u minn prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni, dovut għal rabta stretta bejn il-qorti u l-kawża ( 89 ).

70.

F’dan ir-rigward, ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali li ġew adottati minn Stat Membru jistgħu jiġu evokati, iżda fl-opinjoni tiegħi, jeżisti dubju serju fir-rigward tal-possibbiltà ta’ traspożizzjoni ta’ din il-ġurisprudenza f’dan il-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja ċivili bejn l-Istati Membri.

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi n-numru ta’ gradi ta’ qorti jew jirregola l-modalitajiet proċedurali u jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni għall-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji interni, billi jippreċiża li dawn ir-regoli li jsegwu interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja għandhom jipprevalu fuq l-interessi individwali, madankollu bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 90 ).

72.

Skont dawn il-prinċipji, l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura jew ta’ ġurisdizzjoni hija aċċettabbli biss sa fejn, minn naħa, ir-rikorsi intiżi għall-iżgurar tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet taħt id-dritt tal-Unjoni ma humiex eżerċitati f’kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk previsti għar-rikorsi intiżi li jipproteġu d-drittijiet taħt il-leġiżlazzjoni interna u, min-naħa l-oħra, dawn ir-regoli ma jikkawżawx lill-partijiet fil-kawża inkonvenjenti proċedurali ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni ( 91 ).

73.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din il-ġurisprudenza dwar l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi sinjifikattivi li jeżistu bejn il-kuntest tas-sentenzi inkwistjoni u dak ta’ dawn il-kawżi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, mhux qed tiġi mistoqsija dwar id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt intern ta’ Stat Membru wieħed, iżda dwar l-interpretazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li ġew armonizzati bejn l-Istati Membri kollha fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili ( 92 ). Barra minn hekk, din hawnhekk ma hijiex kwistjoni li tirrigwarda l-protezzjoni ġudizzjarja, fil-livell nazzjonali, tal-eżerċizzju tad-drittijiet sostantivi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

74.

Fi kwalunkwe każ, fil-każ li din il-ġurisprudenza tiġi madankollu trasposta f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja hija limitata mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jleġmu l-intervent tal-Istati Membri fil-qasam ta’ proċeduri ġudizzjarji, jiġifieri b’mod partikolari li ma jirrendux inqas favorevoli l-eżerċizzju mill-partijiet tal-prerogattivi tagħhom ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. Issa, f’dan il-każ, jidhirli li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment transkonfinali, għandha bħala effett li jiġu rtirati s-setgħat tal-qorti li għandha normalment il-ġurisdizzjoni minħabba l-post tar-residenza abitwali tal-kredituri, jiġifieri abbażi ta’ rabta stretta bejn il-qorti u l-kawża, filwaqt li din il-ġurisdizzjoni tibqa’ intatta sabiex hija tiddeċiedi dwar talbiet identiċi iżda li ma għandhomx dan l-aspett barrani.

75.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-espressjoni “il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu” għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni ordinarja tagħha tinsab ir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment ikkonċernat li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn din tista’ twassal, f’sitwazzjonijiet transkonfinali, għal trasferiment ta’ ġurisdizzjoni territorjali favur qorti tal-ewwel istanza li ma hijiex dik li, bħala prinċipju, tkopri l-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.

V – Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula rispettivament mill-Amtsgericht Düsseldorf (Kawża C‑400/13) u mill-Amtsgericht Karlsruhe (Kawża C‑408/13) għandha tkun kif ġej:

“L-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu” tfisser li għandha ġurisdizzjoni territorjali dik il-qorti li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni ordinarja tagħha l-persuna kkonċernata tirresjedi abitwalment, b’mod li ma hijiex kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li f’każ ta’ kawżi transkonfinali, tirriżerva ġuridizzjoni esklużva lill-qorti tal-ewwel istanza stabbilita fis-sede tal-qorti tal-appell reġjonali li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha tinsab ir-residenza abitwali tal-parti residenti f’dan l-Istat Membru.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2009, L 7, p. 1 u rettifiki ĠU 2011, L 311, p. 26 u ĠU 2013, L 8, p. 19.

( 3 ) Fid-dawl tal-premesi 46 sa 48 tar-Regolament Nru 4/2009, għandu jiġi speċifikat li l-Irlanda (ara l-imsemmija premessa 46), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq [ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/451/KE tat-8 Ġunju 2009, dwar l-intenzjoni tar-Renju Unit biex taċċetta ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (ĠU L 149, p. 73)], kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka [ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’ materji ċivili u kummerċjali (ara ĠU 2009 L 149, p. 80) ] innotifikaw id-deċiżjoni tagħhom li japplikawh.

( 4 ) Ara l-Artikolu 76 tal-imsemmi regolament, ikkompletat minn dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea f’dan ir-rigward (id-dikjarazzjoni hija aċċessibbli fl-indirizz tal-internet: http://www.hcch.net/index_en.php?act=status.comment&csid=1065&disp=type).

( 5 ) Fil-kawża Nagy (C‑442/13), l-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) kienet ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4/2009, dwar il-lis alibi pendens, iżda din il-kawża ġiet imħassra fit-18 ta’ Ġunju 2014 wara li ġiet irtirata l-imsemmija talba.

( 6 ) ĠU 1972, L 299, p. 32.

( 7 ) ĠU 2001, L 12, p. 1.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 18).

( 9 ) BGBl. I 2011, p. 898.

( 10 ) Kuntrarjament għal dak li jkun possibbli li hija tagħmel fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 23); Varzim Sol (C‑25/11, EU:C:2012:94, punt 27), kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 58).

( 11 ) Sentenzi Rhône‑Alpes Huiles et (295/82, EU:C:1984:48, punt 12); Sodiprem et (C‑37/96 u C‑38/96, EU:C:1998:179, punt 22), kif ukoll ASM Brescia (C‑347/06, EU:C:2008:416, punti 25 u 26).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Banchero (C‑387/93, EU:C:1995:439, punti 18 et seq.), kif ukoll Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 36 et seq.).

( 13 ) F’dan ir-rigward, ara punti 61 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Fil-fatt, l-espressjoni “il-qorti tal-post fejn […] għandu r-residenza abitwali tiegħu” tidher kemm fil-punt (a) kif ukoll fil-punt (b) tal-artikolu inkwistjoni.

( 15 ) U mhux b’mod anċillari għal kawża oħra, peress li dawn il-każijiet huma rregolati mill-punti (ċ) u (d) tal-istess artikolu.

( 16 ) L-imsemmija Artikoli 4 u 5 jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni bbażata, rispettivament, jew fuq ftehim ta’ għażla ta’ qorti, jew fuq id-dehra volontarja tal-konvenut. Fil-kawża Sanders (C‑400/13), l-Amtsgericht Düsseldorf, min-naħa l-oħra, ma tagħmel ebda riferiment għal dan, peress li huwa ppreċiżat li l-Artikolu 4(3) jipprevedi li dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli f’kawża dwar obbligu ta’ manteniment fir-rigward ta’ wild ta’ inqas minn 18 sena, kif inhu l-każ f’din il-kawża.

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Affish (C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 24), kif ukoll Kaba (C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 41).

( 18 ) Sabiex tiġġustifika n-“[n]eċessità tar-rinviju preliminari”, hija tindika, minn naħa, li “[i]l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AUG mal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament [Nru 4/2009] hija determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Il-ġurisdizzjoni territorjali tal-Amtsgericht Kehl jew tal-Amtsgericht Karlsruhe tiddependi fuqha” u, min-naħa l-oħra, li d-dubji tal-partijiet li talbu r-rinviju preliminari jirigwardaw biss din il-kwistjoni.

( 19 ) Kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

( 20 ) Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(b) Regolament Nru 4/2009 jiddifferixxi biss fil-fatt li l-konnessjoni alternattiva mad-domiċijlu tal-kreditur ma tissemix iktar (fuq ir-raġunijiet għal dan it-tibdil ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, fil-fatt li l-kunċett ta’ “qorti” ġie ssostitwit b’dak, iktar ġeneriku, ta’ “ġurisdizzjoni” (ara wkoll, b’mod partikolari, l-verżjonijiet bil-lingwa Taljana u Rumena).

( 21 ) Il-Konvenzjoni ta’ Brussell ġiet issostitwita b’dan ir-regolament, qabel ma ġie huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1), li l-premessa 10 u l-Artikolu 1(2)(e) tiegħu, jiġbdu l-konsegwenzi mill-adozzjoni tat-test speċifiku li jikkostitwixi r-Regolament Nru 4/2009.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3, 15 u 44.

( 23 ) Ara l-premessa 10 u l-punt 1.2.1 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2005 [KUMM/2005/0649 finali].

( 24 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tat-12 ta’ Mejju 2006 [KUMM/2006/0206 finali].

( 25 ) Xi tibdiliet għall-Artikolu 3 ġew miċħuda matul ix-xogħljiet preparatorji tar-Regolament Nru 4/2009, iżda fir-rigward tal-punti (a) u (b) tiegħu, il-verżjoni inizjali tagħhom ġiet adottata mingħajr tibdil, u ġie ppreċiżat li ma ġietx segwita l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li ried jinverti l-imsemmija punti (a) u (b) sabiex il-post ta’ residenza abitwali tal-kreditur isir l-ewwel kriterju ta’ ġurisdizzjoni (ĠU 2006, C 185, p. 35, speċjalment il-punt 4.1).

( 26 ) L-imsemmija komunikazzjoni tenfasizza ż-żieda ta’ “preċiżazzjoni importanti fil-punt (d)”.

( 27 ) Peress li r-Regolament Brussell I japplika għall-materji ċivili u kummerċjali kollha, il-komunikazzjoni tindika, fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 3 li “r-Regolament [Nru 4/2009] jabbanduna l-kunċett ta’ domiċilju u jagħmel referenza biss għar-residenza abitwali; dan il-kunċett, fil-fatt, jadatta aħjar għall-istrumenti applikabbli fil-liġi tal-familja”.

( 28 ) Din il-komunikazzjoni tippreċiża li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmi Artikolu 3 “[j]applika[w] tkun fejn tkun ir-residenza abitwali tal-konvenut”.

( 29 ) Ara f’dan is-sens, Béraudo, J.‑P., “Fascicule 3022”, JurisClasseur Europe Traité, LexisNexis, Paris, 2012, punt 9; Gascón Inchausti, F., “Le recouvrement des aliments en Europe”, f’La justice civile européenne en marche, sous la direction de M. Douchy‑Oudot, Dalloz, Paris, 2012, p. 147 et seq., kif ukoll Devers, A., “Les praticiens et le droit international privé européen de la famille”, Europe, 2013, Nru 11, studju 9, punti 9 u 19.

( 30 ) Ara wkoll il-punt 37 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Peress li r-Regolament Nru 4/2009 jaqa’ f’din il-materja, anki jekk dan għandu wkoll aspett finanzjarju (ara l-premessa 11 u l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, kif ukoll punt 3.1 tal-proposta għal regolament [KUMM (2005) 649 finali]).

( 32 ) It-test ta’ din il-konvenzjoni u r-rapport ta’ spjegazzjoni relatat magħha, ippreparat minn Borrás, A. u Degeling, J. huma aċċessibbli fl-indirizz tal-internet http://www.hcch.net/index_en.php?act=conventions.text&cid=131. L-Unjoni nnifisha ffirmat u approvat l-imsemmija konvenzjoni, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-Istati Membri huma marbutin bl-effett ta’ din l-approvazzjoni [ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/220/UE tal-31 ta’ Marzu 2011, ĠU L 93, p. 9, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE tad-9 ta’ Ġunju 2011, JO L 192, p. 39), speċjalment il-premessa 4 ta’ din l-aħħar deċiżjoni].

( 33 ) Ara wkoll il-premessa 17 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009, peress li x- x-xogħlijiet preparatorji ta’ dan tal-aħħar saru b’mod parallel għan-negozjati tal-imsemmija konvenzjoni, bl-isforz ta’ “riċerka ta’ sinerġiji possibbli” bejn dawn iż-żewġ oqfsa leġiżlattivi (ara punt 1.1.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal regolament [KUMM/2005/0649 finali]).

( 34 ) Kien hemm nuqqas ta’ kunsens fi tmiem ta’ dibattitu li tiegħu hemm rendikont fir-rapport ta’ spjegazzjoni msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet (ara p. 58 sa 62).

( 35 ) Ara p. 44 et seq. tar-rapport stabbilit minn Duncan, W. “Towards a New Global Instrument on the International Recovery of Child Support and other Forms of Family Maintenance”, dokument preliminari Nru 3 ta’ April 2003 (http://www.hcch.net/index_en.php?act=publications.details&pid=4108&dtid=35), li jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

( 36 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIa”.

( 37 ) Ara l-premessa 11 u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Brussell IIa.

( 38 ) Ara l-Artikoli 3 u 9 sa 13 tar-Regolament Brussell IIa.

( 39 ) L-ispeċifiċità ta’ din l-aħħar formulazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha għandhom bżonn iktar spjegazzjonijiet (ara l-punti 54 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 40 ) Ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009 u l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża A (C‑523/07, EU:C:2009:39, punti 63 u 64); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Purrucker (C‑256/09, EU:C:2010:296, punt 126), kif ukoll it-teħid ta’ pożizjoni fil-kawża Purrucker (C‑296/10, EU:C:2010:578, punt 95).

( 42 ) B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tar-Regolament Nru 4/2009 jinkludi l-“awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri b’kompetenza fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment”, sakemm huma joffru ċerti garanziji (ara l-premessa 12 u l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament).

( 43 ) Ir-Regolament Nru 4/2009 jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni li jestendu għall-kawżi mhux ċirkoskritti għat-territorji tal-Istati Membri, pereżempju meta r-residenza abitwali tal-konvenut tkun fi Stat terz, bħal fil-kawża Huber (C-408/13) (ara, b’mod partikolari, il-premessa 15). Madankollu, minkejja din il-vokazzjoni universali, dan jirregola l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri biss.

( 44 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Weber (C‑438/12, EU:C:2014:43, nota ta’ qiegħ il-paġna 48), kif ukoll is-sentenza Weber (C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 40).

( 45 ) Bl-istess mod, il-premessa 11 tar-Regolament Brussell I jippreċiża li “[...]d-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti taġurisdizzjoni. (enfasi tiegħi).

( 46 ) Ara s-sentenzi Cavel (120/79, EU:C:1980:70, punti 6 et seq.), kif ukoll van den Boogaard (C‑220/95, EU:C:1997:91, punti 22 et seq.).

( 47 ) Ara s-sentenzi Farrell (C‑295/95, EU:C:1997:168, punti 12 et seq.), kif ukoll Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2004:21, punti 24 et seq.).

( 48 ) Dwar ir-Regolament Brussell I, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cartier parfums‑lunettes u Axa Corporate Solutions Assurance (C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 32), kif ukoll Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 43).

( 49 ) Skont il-premessa 15 tar-Regolament Brussell I, “[f]l-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex [li] ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.” Dan il-prinċipju jitfakkar fil-premessa 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 li jirrevedi l-imsemmi regolament.

( 50 ) Ara wkoll, mill-perspettiva tal-eżekuzzjoni u tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet, l-Artikoli 21(2) u 24(ċ) tar-Regolament Nru 4/2009.

( 51 ) Ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009.

( 52 ) It-tipi kollha ta’ kredituri ta’ manteniment huma koperti, irrispettivament mill-pożizzjoni li huma jokkupaw fir-relazzjonijiet familjari jew oħrajn li huma msemmija fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, anki jekk, fil-prattika, id-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu iktar jipproteġu t-tfal peress li l-maġġoranza tat-talbiet għall-manteniment jikkonċernawhom (ara b’analoġija, il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea, tal-Protokoll dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment [KUMM/2009/0081 finali — CNS 2009/0023]).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 1.2 tal-proposta għal regolament KUMM/2005/0649 finali.

( 54 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 5, 9, 11, 15, 17, 26 u 27 kif ukoll l-Artikolu 8.

( 55 ) Punti 19 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Għar-raġunijiet indikati fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Infakkar li l-Artikolu 28(1) tal-AUG jipprevedi li, meta waħda mill-partijiet fil-proċedura — indipendentament mill-fatt jekk huwiex il-kreditur tal-manteniment jew il-konvenut — tirresjedi barra mill-pajjiż, hija biss l-Amtsgericht tas-sede tal-Oberlandesgericht li fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha l-parti li tirresjedi fil-Ġermanja għandha r-residenza abitwali tagħha li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, skont il-każ, għad-detriment tal-Amtsgericht li l-persuna kkonċernata għandha, bħala prinċipju, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha minħabba l-post ta’ din ir-residenza.

( 58 ) L-Amtsgericht Düsseldorf targumenta li ċ-ċentralizzazzjoni tal-ġurisdizzjoni prevista mill-Artikolu 28(1) tal-AUG għandha bħala effett li ċċaħħad lir-rikorrenti li jirresjedu fil-Ġermanja mill-vantaġġ li joffrilhom l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 li jkunu jistgħu jressqu kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-post tar-residenza abitwali tagħhom. Barra dan, hija tikkonfuta l-opinjoni difiża f’parti mid-dottrina u mill-ġurisprudenza Ġermaniża li tgħid li din id-dispożizzjoni tal-AUG tikkostitwixxi miżura ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja purament nazzjonali.

( 59 ) Skont l-Amtsgericht Karlsruhe, l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009 jirregola l-ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll lokali ta’ qorti sabiex tiddeċiedi dwar kawża transkonfinali koperta minn dan ir-regolament. Skont il-prinċipju ta’ supremazija, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jadottaw regoli ta’ ġurisdizzjoni li ma josservawhx, bħal f’dan il-każ, b’tali mod li l-kreditur jitlef il-fakultà li jressaq il-kawża quddiem il-“qorti ordinarja” tiegħu, jiġifieri dik tal-belt fejn jirresjedi abitwalment.

( 60 ) Il-Gvern Ġermaniż isostni li, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tindikax direttament liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni konkreta sabiex tiddeċiedi u l-formulazzjoni tagħha tista’ tħalli marġini ta’ diskrezzjoni sabiex l-Istati Membri jiddeterminaw iż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li hija rilevanti skont il-post tar-residenza abitwali tal-kreditur.

( 61 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Anki jekk l-imsejjaħ regolament jipprova wkoll jiżgura ekwilibriju bejn id-drittijiet tal-kredituri u dawk tad-debituri tagħhom, li lilhom huwa b’mod partikolari ggarantit smigħ xieraq [ara l-punt 1.2.3 tal-Proposta għal Regolament KUMM(2005) 649 finali]).

( 63 ) Is-sentenza Farrell (EU:C:1997:168, punt 19) tistabbilixxi li “d-deroga prevista fl-Artikolu 5(2), għandha bħala għan li toffri lill-applikant għal manteniment, li huwa kkunsidrat bħala l-parti l-iktar dgħajfa f’tali proċedura, bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni. Bl-adozzjoni ta’ dan l-approċċ, l-awturi tal-konvenzjoni kkunsidraw li dan l-iskop speċifiku kellu jipprevali fuq dak imfittex mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, li huwa li jipproteġi lill-konvenut, bħala l-parti li hija ġeneralment l-iktar dgħajfa peress li huwa dan li jissubixxi l-azzjoni tar-rikorrent” (enfasi tiegħi). Dan il-kriterju ta’ “sitwazzjoni ta’ inferjorità” ġie riprodott fis-sentenza Blijdenstein (EU:C:2004:21, punti 29 et seq.).

( 64 ) Ara l-Artikoli 22 sa 25 tar-Regolament Nru 4/2009.

( 65 ) Ara r-rapport ta’ M. P. Jenard fuq l-imsemmija konvenzjoni (ĠU 1979, C 59, p. 1, speċjalment p. 22 u 24 et seq., iktar ’il quddiem ir-“rapport Jenard”), kif ukoll il-punt 104 tad-dokument preliminari li jikkonċerna l-Konvenzjoni tad-Den Haag tal-2007, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 66 ) Gallant, E., “Le nouveau droit international privé alimentaire de l’Union: du sur‑mesure pour les plaideurs”, Europe, 2012, Nru 2, Studju 2, punti 3 et seq.

( 67 ) Ara punt 1.2.1 tal-Proposta għal Regolament KUMM (2005) 649 finali (enfasi tiegħi).

( 68 ) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tammetti li l-għoti ta’ ġurisdizzjoni territorjali magħmul mill-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 “huwa intiż essenzjalment sabiex jipproteġi lill-partijiet partikolarment vulnerabbli billi jiggarantilhom l-aċċess għal rimedju effettiv” u jippreżumi li “l-qorti lokali, minħabba l-prossimità tagħha mal-fatti, hija l-aħjar sabiex tevalwa b’mod xieraq is-suġġett tal-kawża”.

( 69 ) Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009 tistabbilixxi wkoll li “m’għandhiex tibqa’ ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali”.

( 70 ) Ir-rapport tal-Professur Schlosser fuq il-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll mal-protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71 et seq., speċjalment il-punt 70) jippreċiża li fl-imsemmija regoli, “meta il-Konvenzjoni [ta’ Brussell] tiddetermina mhux biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali, iżda wkoll il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati, bħal pereżempju fl-Artikoli 5 u 6, hija biss qorti ddeterminata fost id-diversi qrati tal-istess livell ta’ Stat li hija ddikjarata li għandha ġurisdizzjoni”. Ara wkoll p. 22 tar-rapport Jenard imsemmi iktar ’il fuq.

( 71 ) Peress li ż-żona ġeografika ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti hija normalment iddefinita b’riferiment għad-diviżjonijiet jew għas-subdiviżjonijiet tal-entitajiet amministrattivi territorjali.

( 72 ) Huwa possibbli li ż-żona ġeografika ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti tvarja skont in-natura tal-kawżi. Għalhekk, ċerti oqsma bħalma huwa d-dritt marittimu jew il-proprjetà intelletwali jistgħu jiġu esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-qrati inferjuri favur il-ġurisdizzjoni ta’ qorti iktar superjuri. Dan it-tip ta’ taqsim ta’ ġuridizzjoni sostantiva li minnu jirriżulta ċentralizzazzjoni tal-ġurisdizzjoni territorjali huwa madankollu totalment distint mis-sitwazzjoni inkwistjoni, sa fejn id-dispożizzjoni Ġermaniża kkonċernata taqsam il-ġurisdizzjoni territorjali għal kawżi li għandhom suġġett simili, jiġifieri dawk li jirrigwardaw l-obbligi ta’ manteniment, b’mod differenti skont il-preżenza jew l-assenza ta’ elementi ta’ estranjetà.

( 73 ) Il-fatt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni transkonfinali applikabbli fl-Istati Membri f’materji ta’ obbligi ta’ manteniment ġew ittrasferiti minn strument intergovernattiv, bħalma hija l-Konvenzjoni ta’ Brussell, lejn strument tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa r-Regolament Brussell I jew ir-Regolament Nru 4/2009, ma biddilx radikalment il-kontenut tagħhom, iżda n-natura ġuridika tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati saret fundamentalment differenti fil-livell nazzjonali.

( 74 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Norddeutsches Vieh- und Fleischkontor (39/70, EU:C:1971:16, punt 4), Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (39/72, EU:C:1973:13, punti 3 et seq.), kif ukoll Variola (34/73, EU:C:1973:101, punt 3).

( 75 ) Ara, b’mod partikolari, Nord, N., “Présentation du règlement “obligations alimentaires””, AJ Famille, 2011, p. 238; Ferrand, F., “The Council Regulation (EC) No 4/2009 […]”, f’Latest Developments in EU Private International Law, taħt id-direzzjoni ta’ B. Campunzano Díaz et, Intersentia, Cambridge, 2011, p. 92; Fongaro, E., “Obligations alimentaires”, Répertoire de droit communautaire, Dalloz, Paris, 2013, punt 19.

( 76 ) L-imsemmi Artikolu 6 jindika, fir-rigward tal-“ġurisdizzjoni sussidjarja”, “l-qrati tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza komuni tal-partijiet.” (enfasi tiegħi).

( 77 ) Dwar l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-rapport Jenard imsemmi iktar ’il fuq jippreċiża li “[i]l-konvenut iddomiċiljat fi Stat kontraenti ma għandux neċessarjament jiġi mħarrek quddiem il-qorti tal-post fejn huwa għandu d-domiċilju jew is-sede tiegħu. Jista’ jiġi mħarrek quddiem l-qrati kollha tal-Istat fejn huwa għandu d-domiċilju tiegħu u li għandhom ġurisdizzjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat, […] il-Konvenzjoni tiddetermina jekk il-qrati ta’ dan l-Istat għandhomx ġurisdizzjoni ġenerali u l-liġi ta’ dan l-Istat tiddeċiedi min-naħa tagħha jekk qorti partikolari f’dan l-istat għandhiex ġurisdizzjoni speċjali” (ara p. 18). L-analiżi għandha tiġi inervertita skont regola ta’ ġurisdizzjoni ta’ natura speċjali bħal dik stabbilita fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009.

( 78 ) (C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 48 u 50).

( 79 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-imsemmi Artikolu 22, “li fih lista imperattiva u eżawrjenti ta’ qrati li għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva tal-Istati Membri”, “sempliċement jindika l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni ratione materiae” (punt 48 tal-istess sentenza).

( 80 ) Fir-Regolament Brussell I, barra l-Artikolu 5(2) dwar l-obbligi ta’ manteniment, numru tajjeb ta’ dispożizzjonijiet oħra jirreferu għall-“qorti tal-post fejn”. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(1)(a), f’materji kuntrattwali; l-Artikolu 5(3), f’materji delittwali jew kważi delittwali; l-Artikoli 9(1)(b), u 10, f’materji ta’ assigurazzjoni; kif ukoll l-Artikolu 19(1) u (2), f’materji ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol. Ara wkoll is-sentenza Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 30).

( 81 ) Ir-rapport Jenard jippreċiża li l-introduzzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, bħal dawk applikabbli f’materji ta’ obbligi ta’ manteniment, ippermettiet li tiġi “indikata direttament il-qorti li għandha ġurisdizzjoni mingħajr riferiment għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fis-seħħ fl-Istat fejn tista’ tinsab tali qorti” u li tiġi “ffaċilitata l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni” billi jiġi evitat li l-Istati li jirrattifikawha jieħdu miżuri sabiex jadattaw il-leġiżlazzjoni interna tagħhom (ara p. 22).

( 82 ) Ara, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza ċċittata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 83 ) Fil-fatt, l-Artikoli 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I jistabbilixxu l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, filwaqt li l-Artikoli 5(2) rispettivi ta’ dawn iż-żewġ strumenti jipprevedu regoli ta’ ġurisdizzjoni derogatorji f’materji ta’ obbligi ta’ manteniment.

( 84 ) Jekk id-debitur huwa r-rikorrent, huwa jista’, fil-fatt, iressaq il-kawża biss quddiem il-qorti tal-post fejn il-konvenut-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, peress li l-kapi ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmija punti jamalgamaw f’dak il-każ, fatt li huwa statistikament iktar rari. Dwar l-inugwaljanza bejn il-kredituri u d-debituri, ara Ancel, B., u Muir Watt, H., “Aliments sans frontières, Le règlement CE no 4/2009 […]”, Revue critique de droit international privé., 2010, p. 457 et seq., speċjalment il-punt 9.

( 85 ) Il-punti (ċ) u (d) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 4/2009 jużaw il-kriterju tal-“qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna [jew, rispettivament,] ir-responsabbiltà ta’ ġenitur […]” (enfasi tiegħi). Sistema ta’ rinviju ekwivalenti kienet diġà inkluża kemm fl-Artikolu 5(2), in fine, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (emendata f’dan is-sens fl-1978) kif ukoll fl-Artikolu 5(2), in fine, tar-Regolament Brussell I.

( 86 ) Informazzjoni simili hija wkoll neċessarja għar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet mogħtija fuq dawn it-talbiet (ara l-Artikolu 32(2)).

( 87 ) Ara l-verżjoni kkonsolidata tal-“Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 71 tar-Regolament [Nru 4/2009]”, speċjalment il-p. 13 (http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/pdf/vers_consolide_mt_4.pdf).

( 88 ) L-Amtsgericht Karlsruhe targumenta li, kuntrarjament għall-għan ta’ semplifikazzjoni intiż mir-Regolament Nru 4/2009, iċ-ċentralizzazzjoni ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 28 tal-AUG tikkomplika l-irkupru internazzjonali tal-krediti ta’ manteniment minħabba l-fatt li l-qorti li mogħtija ġurisdizzjoni permezz ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tkun iktar ’il bogħod mir-residenza abitwali tal-kreditur u ma tkunx l-iktar waħda li għandha l-aħjar konoxxenza tas-sitwazzjoni ekonomika lokali.

( 89 ) Ara b’analoġija, il-premessa 12 tar-Regolament Brussell I, kif ukoll is-sentenza Kainz (C‑45/13, EU:C:2014:7, punti 27 et seq.).

( 90 ) Ara, rispettivament f’materji ta’ kompetizzjoni, ta’ politika agrikola u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, is-sentenza Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 62) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fl-imsemmija kawżi magħquda (EU:C:2006:67, punti 49 et seq.), kif ukoll is-sentenzi Agrokonsulting‑04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punti 35 et seq.), u Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:C:2013:800, punti 38 et seq.).

( 91 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Agrokonsulting‑04 (EU:C:2013:432, punti 39 et seq.).

( 92 ) Fl-opinjoni tiegħi din id-distinzjoni tirriżulta kjarament minn qari a contrario tal-punti 46 u 47 tas-sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (EU:C:2013:800).

Top