EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0780

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-ħames rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju

COM/2016/0780 final

Brussell, 8.12.2016

COM(2016) 780 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-ħames rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju

{SWD(2016) 427 final}


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-ħames rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju

1.Introduzzjoni

Is-settur ferrovjarju 1 jagħmel kontribuzzjoni sostanzjali għall-ekonomija tal-UE, u jimpjega madwar 900 000 ruħ direttament. It-trasport ferrovjarju huwa kritiku wkoll għall-istrateġija tal-UE għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport, tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u tal-konnettività fi ħdan u bejn l-Istati Membri.

Dan ir-rapport huwa l-ħames edizzjoni tar-rapporti dwar il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju sottomessi mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE 2 (“id-Direttiva ta’ Riformulazzjoni”). L-iskop ta’ dan ir-rapport huwa li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fis-swieq ferrovjarji fil-kuntest tal-objettivi tal-politika tas-suq ferrovjarju tal-UE 3 . Ikopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti bħall-evoluzzjoni tas-suq intern fis-servizzi ferrovjarji u fis-servizzi li jridu jiġu fornuti lill-intrapriżi ferrovjarji, il-kundizzjonijiet qafas inkluż għas-servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-ferrovija, l-istat tan-netwerk ferrovjarju tal-Unjoni, l-użu tad-drittijiet ta’ aċċess, l-ostakoli għal servizzi ferrovjarji aktar effettivi, il-limitazzjonijiet infrastrutturali u l-bżonn ta’ leġiżlazzjoni. Analiżi sħiħa hija ppreżentata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq dejta u kontribuzzjonijiet minn diversi sorsi, inklużi r-risponsi tal-Istati Membri għall-istħarriġ dwar il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (RMSS), il-ktejjeb statistiku “EU transport in Figures”, 4 rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, 5 il-Eurostat 6 u diversi riżorsi oħrajn. F’Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni għall-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju, 7 li jistabbilixxi mekkaniżmu obbligatorju ġdid għall-ġbir tad-dejta li għandu jġib miegħu rapportar aktar konsistenti u koerenti fil-ġejjieni.

2.L-istat tan-netwerk ferrovjarju tal-Unjoni

It-tul totali tan-netwerk ferrovjarju fl-2014 kien ta’ madwar 220 000 kilometru, li huwa madwar 2 % aktar mill-2009. Mill-2009, żdiedu 2 800 km ta’ linji elettrifikati, filwaqt li l-proporzjon tagħhom fil-linji kollha żdied b’1.6 punt perċentwali. Għas-snin li ġejjin Banedanmark (il-maniġer tal-infrastruttura tad-Danimarka), u Network Rail (il-maniġer tal-infrastruttura tar-Renju Unit) nedew proġetti fuq skala kbira għall-elettrifikazzjoni ta’ partijiet kbar min-netwerks tagħhom.

Hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri f’termini ta’ veloċitajiet ta’ vvjaġġar. Sar investiment qawwi għall-modernizzazzjoni tan-netwerk ferrovjarju fl-Ewropa tal-Lvant u għall-iżvilupp ta’ linji b’veloċità għolja fl-Ewropa tal-Punent. Il-veloċitajiet ogħla tejbu l-attraenza tal-ferroviji għall-passiġġieri. Madankollu, għad hemm netwerks nazzjonali tal-passiġġieri fl-Ewropa tal-Lvant fejn il-veloċità massima permessa hija ta’ 120 km/h jew saħansitra anqas. Fir-rigward tal-veloċità tal-ivvjaġġar tal-ferroviji tal-merkanzija, f’ċerti netwerks nazzjonali u kurituri ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija din hija ta’ 50-60 km/h. Madankollu għall-parti l-kbira tal-ferroviji internazzjonali tal-merkanzija, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, il-veloċità medja hija ta’ bejn 20 u 30 km/h. Fuq ċerti rotot internazzjonali, il-ferroviji tal-merkanzija jaħdmu b’veloċità medja ta’ madwar 18-il km/h biss 8 . 

3.L-evoluzzjoni tas-suq intern fis-servizzi ferrovjarji

Minkejja klima ekonomika sfavorevoli mill-2009, il-volumi ta’ passiġġieri ferrovjarji f’termini ta’ kilometri-passiġġier ftit li xejn kienu affettwati. Għall-kuntrarju, il-volumi ta’ merkanzija fuq il-ferroviji f’kilometri-tunnellati naqsu ħafna fl-2009, l-agħar fażi tal-kriżi ekonomika u għadhom ma rkuprawx għal kollox. Il-kilometri-ferrovija tal-passiġġieri u tal-merkanzija totali ma żdidux.

Traffiku tal-passiġġieri

Figura 1 –Evoluzzjoni tal-volumi tat-traffiku tal-passiġġieri tal-ferroviji

Sors: RMMS

Id-domanda għall-ferroviji tal-passiġġieri fl-UE żdiedet bejn l-2009 u l-2014 bi 30 biljun kilometru-passiġġier, żieda li tirrappreżenta rata medja ta’ tkabbir ta’ 1.5 % fis-sena. L-akbar żidiet relattivi ġew osservati fir-Renju Unit, fir-Repubblika Ċeka u fil-Lussemburgu, filwaqt li matul l-istess perjodu fil-Kroazja, it-traffiku tal-passiġġieri rrapportat naqas bin-nofs. Madwar 6 % mit-traffiku tal-passiġġieri fl-2014 kien internazzjonali u n-numru ta’ kilometri-passiġġier internazzjonali baqa’ fil-parti l-kbira kostanti mill-2011 ’l hawn.



Figura 2 –Tqassim modali tat-trasport fuq l-art tal-passiġġieri (%)

Sors: Statistical pocketbook 2016, Eurostat

Filwaqt li l-volumi tat-traffiku kibru, mill-2009 is-sehem modali tal-ferroviji tal-passiġġieri mit-trasport fuq l-art fl-UE nbidel biss b’nofs punt perċentwali minn 7.1 % għal 7.5 %. Wara dan il-livell medju tal-UE hemm differenzi ċari fil-prestazzjoni ta’ Stati Membri individwali — titjib qawwi fin-Netherlands u fir-Renju Unit u tnaqqis fil-Latvja, fis-Slovenja, fil-Bulgarija u fil-Kroazja.

Traffiku tal-merkanzija

Figura 3 –Evoluzzjoni tal-volumi tat-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija

Sors: RMMS

Il-produzzjonijiet f’kilometri-tunnellati, filwaqt li għadhom 7 % anqas mill-ogħla livelli tal-2007, laħqu l-417.6 biljun kilometru-tunnellata fl-2014 u wrew rata ta’ żieda annwali medja ta’ 3 %. Aktar minn 50 % tat-traffiku tal-merkanzija fl-2014 kien internazzjonali, biex b’hekk il-merkanzija ferrovjarja ħadet dimensjoni Ewropea ferm aktar b’saħħitha milli kien il-każ għat-traffiku tal-passiġġieri.

Figura 4 –Tqassim modali tat-trasport fuq l-art tal-merkanzija (%)

Sors: Statistical pocketbook 2016, Eurostat

Fl-2014 is-sehem modali tal-merkanzija ferrovjarja fit-trasport tal-merkanzija intern kien ta’ 18 %, li huwa kważi l-istess bħal 10 snin ilu. B’mod simili għat-trasport tal-passiġġieri, hemm tendenzi ferm diverġenti fil-livell tal-Istati Membri: iż-żieda kienet l-akbar fis-Slovenja, fir-Rumanija u fl-Ungerija. Il-kilometri-tunnellati totali meta mqabbla mal-2009 naqsu biss fil-Kroazja, fis-Slovakkja, fil-Greċja u fl-Estonja.

4.Servizzi għal intrapriżi ferrovjarji

Id-Direttiva ta’ Riformulazzjoni introduċiet sett ta’ regoli ġodda għall-faċilitajiet tas-servizzi u għas-servizzi relatati mal-ferroviji bil-għan li ttejjeb it-trasparenza fuq il-kundizzjonijiet u l-imposti applikati u sabiex jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għall-operaturi. Is-suq tal-faċilitajiet tas-servizzi (stazzjonijiet, terminali tal-merkanzija, stazzjonijiet tat-tqassim, faċilitajiet tal-formazzjoni tal-ferroviji, portijiet marittimi u interni, eċċ.) huwa kkaratterizzat minn numru kbir ta’ sidien differenti u ta’ operaturi ta’ diversi daqsijiet.

L-immappjar u d-definizzjoni tal-faċilitajiet huma sfida kontinwa għall-korpi regolatorji nazzjonali u għas-servizzi tal-Kummissjoni. Skont id-dejta disponibbli dwar l-RMMS, fl-2014 kien hemm madwar:

30 000 stazzjon tal-passiġġieri;

3600 terminal tal-merkanzija;

1700 stazzjon tat-tqassim (marshalling yard);

28 500 vija għall-ħażniet;

1300 faċilità ta’ manutenzjoni;

650 faċilità marittima u portwali; u

650 faċilità ta’ alimentazzjoni bil-fuel.

5.L-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet qafas fis-settur ferrovjarju

5.1.Imposti tal-infrastruttura

Il-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-UE għandha l-għan li tnaqqas il-bidliet infrastrutturali bl-aħjar kwalità infrastrutturali possibbli b’approċċ tridimensjonali. L-ewwel nett, il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ispejjeż diretti tal-użu infrastrutturali, jiġifieri l-bażi għall-pakkett ta’ aċċess minimu, ġew armonizzati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni l-ġdid 2015/909 9 . It-tieni, il-valwazzjonijiet pożittivi jistgħu jiġu applikati b’mod supplimentari għall-imposti tal-ispejjeż diretti biss f’segmenti li kapaċi jħallsu għat-tali imposti ogħla. It-tielet, il-maniġers tal-infrastruttura huma mħeġġin jisfruttaw l-inċentivi inerenti f’ċerti komponenti li jġibu magħhom imposti, bħall-iskarsezza, ir-riżervi, il-pussess, l-imposti ambjentali u l-iskemi tal-prestazzjoni, sabiex jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura.

Minħabba dan u fatturi oħrajn, il-livell u l-approċċ għat-talba ta’ imposti jistgħu jvarjaw kemm fi ħdan l-iskema ta’ imposti ta’ maniġer tal-infrastruttura wieħed kif ukoll bejn l-Istati Membri.

Figura 5 –Imposti għall-aċċess għall-binarji għal kategoriji differenti ta’ ferroviji (EUR għal kull km-ferrovija, applikabbli fl-2016 10 )

Imposti għall-passiġġiera ogħla, imħalltin jew indaqs

Imposti ogħla tal-merkanzija

Sors: RMMS
Noti: Imposti fl-2014 ta’ HR, DE, medja aritmetika tal-imposti min/mass fl-2015 ta’ LV, ebda dejta fuq EL, IE

Il- Figure 5 turi s-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri. F’ħafna mill-Istati Membri, l-imposti għall-ferroviji tal-merkanzija huma ogħla minn dawk għall-ferroviji tal-passiġġieri, iżda fil-Ġermanja, fi Spanja, fil-Belġju, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Portugall is-sitwazzjoni hija bil-kontra. Fl-Awstrija, fl-Italja, fl-Iżvezja u fid-Danimarka ma hemm ebda differenza kbira jew inkella r-riżultati huma mħalltin. L-imposti tal-merkanzija fl-Istati Baltiċi huma partikolarment għoljin, u sa ċertu punt dan huwa ġġustifikat minħabba t-tagħbijiet akbar permessi fuq il-fus. L-imposti għal vjaġġi bejn l-ibliet fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja u fi Franza huma relattivament għoljin għaliex dawn jinkludu l-imposti għal linji b’veloċità għolja apposta. L-imposti suburbani huma l-aktar volatili (ivarjaw bejn EUR 0.17 fir-Renju Unit u EUR 11.50 fi Franza) għaliex il-livelli tagħhom jiddependu fuq l-approċċi nazzjonali għall-kuntratti għal servizzi pubbliċi u għall-finanzjament ferrovjarju. Pereżempju, fi Franza, ir-reġjuni stess (u mhux l-intrapriżi ferrovjarji) iħallsu l-hekk imsejħa “redevance d’accès” lill-maniġer tal-infrastruttura għas-servizzi ferrovjarji li jipprovdu skont il-kuntratti għal servizzi pubbliċi. Fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-imposti, l-iżviluppi jvarjaw.

5.2.L-allokazzjoni tal-kapaċità u l-limitazzjonijiet infrastrutturali

Fir-Renju Unit, fil-Lussemburgu, fid-Danimarka, fl-Awstrija, fil-Belġju u fil-Ġermanja, ir-rati ta’ użu tan-netwerk huma madwar 60 % ogħla mill-medja tal-UE. Apparti dan, in-Netherlands għandu bil-bosta l-aktar netwerk saturat b’madwar 50 000 kilometru-ferrovija għal kull kilometru-linja fis-sena. F’dawn l-Istati Membri kollha, id-domanda għall-ferroviji qiegħda tkompli tiżdied.

Figura 6 –Rati ta’ użu tan-netwerk (eluf ta’ km-ferrovija għal kull km-linja, 2014) u l-imposti relattivi mill-2009

Sors: Eurostat u Statistical pocketbook 2016 (fuq il-bażi ta’ rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tas-suq ta’ UIC u IRG, u statistiki u stimi nazzjonali)

Id-dejta dwar l-RMMS għall-2014 turi li 10 Stati Membri ddikjaraw li hemm partijiet min-netwerk tagħhom f’konġestjoni. Sabiex jimmaniġġjaw il-kapaċità f’kundizzjonijiet limitati, il-maniġers tal-infrastruttura jużaw imposti tal-iskarsezza u diversi regoli ta’ prijorità. Il-Kummissjoni speċifikat il-kriterji għall-għoti u għall-emendar tal-ftehimiet ta’ qafas sabiex tiżgura l-użu ottimali tal-infrastruttura f’regolament ta’ implimentazzjoni fl-2016 11 .

5.3.In-nefqa fuq l-infrastruttura u l-finanzjament tagħha

Figure 7 –Evoluzzjoni tan-nefqa fuq l-infrastruttura u l-proporzjon tan-nefqa fuq il-manutenzjoni u t-tiġdid

Sors: RMMS

Minkejja li l-perċezzjoni popolari hija li l-appoġġ pubbliku qed jonqos, in-nefqa fuq l-infrastruttura żdiedet b’mod kostanti minn EUR 29 biljun fl-2011 għal EUR 45 biljun fl-2014. In-nefqa fuq il-manutenzjoni varjat, filwaqt li l-investiment f’tiġdid u f’titjib baqa’ jiżdied b’mod kontinwu. Tal-anqas intnefqu EUR 7 biljun (jew 16 % min-nefqa totali) fuq linji b’veloċità għolja. Il-manutenzjoni tan-netwerk eżistenti, sabiex tinżamm is-sikurezza u l-prestazzjoni operazzjonali tiegħu u sabiex jiġi żgurat servizz affidabbli, tippreżenta sfida kostanti għal ħafna maniġers tal-infrastruttura li tiswiehom ħafna flus.

In-nefqa totali fuq l-infrastruttura kienet l-ogħla fir-Renju Unit u fi Franza, fejn il-maniġers tal-infrastruttura jridu jlaħħqu mas-snin ta’ nuqqas ta’ investiment filwaqt li fl-istess ħin għaddejjin bi proġetti kbar ta’ titjib. Fil-Ġermanja, fl-2014 in-nefqa fuq l-infrastruttura żdiedet b’mod sinifikanti wkoll.

L-UE tista’ tikkofinanzja jew tappoġġja l-proġetti ta’ investiment ferrovjarju permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Ġew allokati aktar minn EUR 33 biljun f’għotjiet skont il-qafas finanzjarju attwali tal-UE (2014-2020) għall-investiment ferrovjarju.

5.4.Il-prezzijiet u l-kwalità tas-servizzi tal-passiġġieri

Fid-dawl tad-diversità tas-servizzi u tan-nollijiet, huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-evoluzzjoni kumplessiva tal-prezzijiet ferrovjarji fil-livell tal-UE. In-nollijiet applikati għas-servizzi tal-passiġġieri jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, it-tipi ta’ biljetti u l-perjodi għall-prenotazzjoni bil-quddiem u spiss dawn ikunu rregolati.



Figura 8 –Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur: trasport ferrovjarju mqabbel mat-trasport totali 

Sors: L-istudju ta’ Steer Davies Gleave Prices and Quality of Rail Passenger Services, analiżi tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur tal-Eurostat

B’mod ġenerali, in-nollijiet ferrovjarji żdiedu b’mod relattivament aktar veloċi minn modalitajiet oħrajn (ara l-Figura 8). Madankollu, hemm eżempji fejn il-kompetizzjoni b’aċċess miftuħ (eż. fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fl-Italja u fl-Iżvezja) wasslet għal tnaqqis fin-nollijiet fuq ċerti linji.

Il-kisba ta’ dejta komparabbli dwar il-puntwalità bejn l-Istati Membri għadha sfida iebsa. Jidher li l-Istati Membri li sejrin l-aħjar għandhom netwerks tal-passiġġieri żgħar jew rati baxxi ta’ użu tan-netwerk. Il-puntwalità tista’ tkun l-aktar ħaġa diffiċli li tinżamm fuq linji li jaraw ħafna traffiku, speċjalment jekk ikollhom taħlita ta’ servizzi tal-passiġġieri u ta’ servizzi tal-merkanzija fuq distanza twila u reġjonali. Il-puntwalità ta’ servizzi fuq distanza twila għandha tendenza li tkun agħar minn dik tas-servizzi reġjonali u lokali. Rigward l-affidabbiltà, fl-2014, fl-Istati Membri Ewropej tal-Punent jew Ċentrali ma tħassrux aktar minn 3 % tas-servizzi reġjonali jew 5 % tas-servizzi fuq distanza twila. Ir-rati ta’ tħassir kienu ogħla f’ċerti Stati Membri Ewropej tal-Lvant.

Rigward is-sikurezza, il-ferrovija għadha waħda mill-aktar modalitajiet sikuri tat-trasport. Skont l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”), fl-Ewropa kien hemm madwar 1000 fatalità ferrovjarja fl-2014. Is-sikurezza ferrovjarja baqgħet titjieb bejn l-2010 u l-2014, b’fatalitajiet, korrimenti serji u aċċidenti sinifikanti li lkoll naqsu. Fl-2013, ir-riskju ta’ fatalità għal passiġġier ferrovjarju kien 16-il darba anqas minn dak ta’ persuna li tivvjaġġa bil-karozza.

5.5.Is-servizzi tat-trasport ferrovjarju koperti minn kuntratti għal servizz pubbliku

Aktar minn żewġ terzi mis-servizzi tal-passiġġieri fl-2014 kienu operati b’kuntratt għal servizz pubbliku, użati l-aktar sabiex jaqdu linji reġjonali u suburbani. F’ħafna mill-Istati Membri, il-kumpens relatat mal-obbligu tas-servizz pubbliku għal kull kilometru-ferrovija kien ogħla minn EUR 5 u l-appoġġ totali pprovdut kien ta’ madwar EUR 20 biljun. Il-proporzjon tad-dħul min-nollijiet mid-dħul totali jvarja bejn aktar minn 90 % fil-Litwanja, fin-Netherlands u fir-Renju Unit għal anqas minn 20 % fl-Ungerija.

5.6.Ħruġ ta' liċenzji

In-numru ta’ intrapriżi ferrovjarji attivi varja fl-2014 bejn 323 fil-Ġermanja u 1 fil-Finlandja. Meta mqabbel mal-2013, in-numru ta’ intrapriżi ferrovjarji attivi kien qed jiżdied fil-Polonja, fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Ungerija u kien naqas bi ftit fil-Bulgarija u fin-Netherlands.

Il-miżati għall-ħruġ ta’ liċenzji jistgħu jvarjaw minn xejn sa EUR 70 000, skont l-Istat Membru u l-kontenut tal-applikazzjoni 12 . Il-politiki ferrovjarji tal-UE għandhom l-għan li:

jnaqqsu l-ammonti dovuti għall-ħruġ ta’ liċenzji;

iħaffu ż-żmien għall-ħruġ ta’ liċenzji;

iżidu t-trasparenza ta’ liċenzji validi; u

jiżguraw li l-kopertura għal aċċidenti tiġi pprovduta bil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr diskriminazzjoni.

Għal dak il-għan, fl-2015 adottat att ta’ implimentazzjoni dwar il-ħruġ tal-liċenzji 13 . Barra minn hekk, ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju jipproponi li jinħoloq punt uniku ta’ servizz bħala punt tad-dħul uniku diġitali fl-Ewropa għall-awtorizzazzjonijiet ta’ vetturi u għaċ-ċertifikazzjonijiet tas-sikurezza. L-għan huwa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri u li jiġi żgurat it-trattament indaqs għall-applikanti madwar l-Ewropa. L-Aġenzija ser ikollha wkoll rwol akbar fil-proċess sabiex issir awtorità tal-UE kollha għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza.

5.7.Il-grad ta’ ftuħ tas-suq u ta’ użu tad-drittijiet ta’ aċċess

Il-ftuħ tas-suq ferrovjarju tal-merkanzija fl-2007 ħabat bl-eżatt mal-kriżi ekonomika li laqtet bis-saħħa s-servizzi tat-trasport tal-merkanzija fil-modalitajiet kollha. Peress li kien hemm żieda kostanti fis-sehem mis-suq tal-operaturi ferrovjarji kompetituri fi kważi l-Istati Membri kollha, jidher li dawk li daħlu ġodda kampaw relattivament aħjar mal-isfidi li ġabet magħha l-kriżi. Bħala medja, is-sehem mis-suq tal-operaturi tal-merkanzija kompetituri (15 % fl-2006) kiber b'aktar mid-doppju sal-2014. Fi tmiem l-2014, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija kien għadu 100 % f’idejn l-operaturi preeżistenti nazzjonali fil-Finlandja, fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Litwanja u fil-Lussemburgu.

Figura 9 –Sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tal-merkanzija (2014, % ta’ kilometri-tunnellata)
u evoluzzjoni 2011-2014 (f’punti perċentwali) 

Sors: RMMS, 2011- 2014 ħlief SE (dejta tal-2010 użata għall-2011), PT u SI (dejta tal-2012 użata għall-2011), LU (dejta tal-2010 użata għall-2011 u dejta tal-2012 għall-2014), IT dejta tal-2014 mill-IRG Rail Annual Market Monitoring Report (2016)

L-ishma mis-suq tal-kompetituri fis-swieq tal-passiġġieri huma anqas, minħabba l-istadju differenti ta’ ftuħ tas-suq, li huwa ferm anqas mill-20 % fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Polonja u fir-Renju Unit. Fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fl-Italja, fis-Slovakkja, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit żviluppat kompetizzjoni b’aċċess miftuħ b'livelli u riżultati differenti. Daħlu operaturi kompetituri fis-swieq ferrovjarji tal-passiġġieri tal-anqas fi 15-il Stat Membru.

Figura 10 –Sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tal-passiġġieri (2014 % ta’ p-km)
u evoluzzjoni 2011-2014 (f’punti perċentwali) 

Sors: RMMS, 2011-2014, ħlief għal IE (dejta tal-2013 użata għall-2014), PT (dejta tal-2012 użata għall-2011), LU (stimi) IT dejta minn IRG Rail Annual Market Monitoring Report (2016); NL u SE kunfidenzjali.

5.8.L-iżvilupp tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet soċjali

Skont l-RMSS, fi tmiem l-2014 kien hemm madwar 900 000 ruħ imħaddmin minn operaturi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura, jiġifieri n-numru ta’ impjegati naqas b’4 % bejn l-2009 u l-2014. Il-forza tax-xogħol hija fil-parti l-kbira ffurmata minn irġiel u s-sehem ta’ ħaddiema li għandhom aktar minn 40 sena huwa akbar minn 50 % f’ħafna kumpaniji. It-tixjiħ huwa ta’ tħassib partikolari fi Spanja, fil-Greċja, fil-Finlandja u fl-Italja 14 . Mil-lat pożittiv, wara perjodu twil li fih ma ddaħħal ebda persunal ġdid, il-kumpaniji ferrovjarji f’ħafna Stati Membri reġgħu bdew idaħħlu n-nies. L-impjiegi siguri, is-salarji tajbin u l-opportunitajiet tal-karriera fi klima korporattiva pożittiva llum saru l-aktar elementi komuni msemmijin fl-Istati Membri fejn is-settur jitqies attraenti.

5.9.Finanzjament tal-ferroviji u l-ostakoli għal servizzi ferrovjarji aktar effettivi

L-ispiża kumplessiva tal-operazzjonijiet ferrovjarji u tal-ġestjoni infrastrutturali fl-UE fl-2012 kienet ta’ madwar EUR 110 biljun, li 60 % minnhom kienu koperti minn dħul mill-passiġġieri u mill-merkanzija, 30 % minn sussidji pubbliċi għall-operazzjonijiet u għall-ġestjoni tan-netwerk, u l-bqija minn sorsi oħrajn ta’ dħul 15 . Bħala medja, il-proporzjon bejn l-ispejjeż infrastrutturali u tal-operaturi fis-sistemi ferrovjarji nazzjonali huwa ta’ madwar 30 %:70 %. Il-flotta tar-rolling stock kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija ilha tiċkien mill-2009. Id-dħul mill-passiġġieri żdied b’mod sinifikanti, filwaqt li l-ispejjeż totali tal-operat baqgħu ġeneralment statiċi f’termini reali.

Filwaqt li kważi kullimkien is-settur ferrovjarju jiddependi minn investiment pubbliku, il-mod kif inhuma allokati l-fondi jvarja skont żewġ mudelli ewlenin ta’ finanzjament 16 . Ċerti pajjiżi (eż. ir-Renju Unit, l-Iżvizzera, in-Netherlands, u l-Iżvezja) jallokaw sussidji primarjament għall-maniġers tal-infrastruttura u jżommu l-imposti tal-aċċess baxxi. Oħrajn (eż. Franza, il-Belġju u l-Ġermanja) jissussidjaw primarjament is-servizzi tat-trasport permezz ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi, filwaqt li l-maniġers tal-infrastruttura jadottaw imposti ta’ aċċess ogħla.

Huwa evidenti li n-negozju ferrovjarju huwa kumpless u multidimensjonali u t-tqabbil bejn is-sistemi nazzjonali spiss ma jkunx sinifikattiv. Minkejja dan, jidher li hemm kunsens ġenerali li s-servizzi ferrovjarji Ewropej għandhom problemi ta’ spejjeż, ta’ kwalità tas-servizzi u ta’ sehem mis-suq. F’ħafna Stati Membri diġà jintużaw diversi indikaturi għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni ferrovjarja (eż. fi ftehimiet kuntrattwali, fi skemi ta’ prestazzjoni, f’kuntratti għal servizz pubbliku). Madankollu, l-isfida affaċċjata hija li jintlaħaq qbil, fuq il-bażi tal-proposti settorjali, fuq miżuri armonizzati madwar l-UE. Għal dan il-għan twettqu diversi inizjattivi mill-organizzazzjonijiet settorjali f’kooperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex ikejlu l-prestazzjoni u jieħdu parametru referenzjarju għaliha (eż. parametraġġ referenzjarju tal-aħjar prattika mwettaq minn PRIME 17 u monitoraġġ tal-prestazzjoni fil-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija bl-assistenza ta’ RailNetEurope).

6.Implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku u istituzzjonali

Bħala l-element finali tar-rapport dwar is-suq ferrovjarju, l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva ta’ Riformulazzjoni jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-bżonn ta’ aktar leġiżlazzjoni. Għalhekk, din it-taqsima tiġbor fil-qosor l-inizjattivi regolatorji attwali u ppjanati tal-Kummissjoni fis-settur ferrovjarju fuq il-bażi tal-analiżi mwettqa f’dan ir-rapport u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah.

Tul l-aħħar żewġ deċennji, il-leġiżlatur Ewropew żviluppa b’mod konsiderevoli l-acquis ferrovjarju tal-UE billi ħeġġeġ il-kompetittività u l-ftuħ tas-suq. L-idea ġenerali kienet li kompetizzjoni akbar twassal għal industrija aktar effiċjenti u risponsiva għall-klijent. B’mod parallel ittieħdu miżuri li jtejbu l-interoperabilità u s-sikurezza tan-netwerks nazzjonali u li jħeġġu l-iżvilupp ta’ sistema ferrovjarja integrata li twassal għal żona ferrovjarja Ewropea unika, kif spjegat fil-white paper tal-2011 dwar it-trasport 18 .

Bl-adozzjoni u bl-implimentazzjoni tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, il-perjodu ta’ bidliet strutturali fis-settur ferrovjarju għandu jasal fi tmiemu. Il-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, li rreveda u ottimizza l-qafas regolatorju dwar l-interoperabilità u s-sikurezza u saħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija, diġà ġie adottat. Il-pilastru tas-suq, li jissalvagwardja l-indipendenza tal-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja u li jżid il-ftuħ tas-swieq għal servizzi domestiċi tal-passiġġieri, huwa mistenni li jiġi approvat mill-koleġiżlaturi sa tmiem l-2016.

Seħħew żviluppi pożittivi fis-suq ferrovjarju, bħal volumi akbar ta’ passiġġieri u investiment akbar fl-infrastruttura kif ukoll il-ftuħ gradwali tas-swieq ferrovjarji nazzjonali. Minkejja dan jidher ċar li bil-pass attwali mhuwiex ser ikun possibbli li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti għas-settur ferrovjarju fil-white paper tal-2011 dwar it-trasport. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tosserva fir-rapport tagħha “Rail freight transport in the EU: still not on the right track” 19 li l-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE għada mhijiex sodisfaċenti. Il-ftuħ tas-suq ma għamilx progress konsistenti f’kull qasam u għadna ferm ’il bogħod minn żona ferrovjarja Ewropea unika.

F’dan il-kuntest, l-enfasi tal-Kummissjoni fis-snin li ġejjin ser tkun fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti mfassla sabiex iġġib magħha t-titjib mixtieq fil-prestazzjoni. It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva ta’ Riformulazzjoni jinsabu fl-aħħar stadji tagħhom, filwaqt li tnedew it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju. Is-servizzi tal-Kummissjoni jaħdmu mill-qrib mal-Aġenzija, mal-Istati Membri, ma’ korpi regolatorji nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati ferrovjarji permezz ta’ forums bħan-Netwerk Ewropew ta’ Korpi Regolatorji Ferrovjarji, PRIME u RU Dialogue sabiex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi implimentata bl-aktar mod effiċjenti u li din tkun mifhuma mis-settur.

Is-servizzi tal-Kummissjoni għadhom għaddejjin bit-tħejjijiet għall-att ta’ implimentazzjoni dwar l-aċċess għas-servizzi u għall-faċilitajiet tas-servizzi (l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Riformulazzjoni), għall-att delegat dwar ir-regoli ta’ skedar (l-Anness VII tad-Direttiva ta’ Riformulazzjoni), u nedew ir-reviżjoni tal-Ispeċifikazzjoni Teknika tal-Interoperabilità fuq l-Istorbju, 20 tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri Ferrovjarji 21 u tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat 22 . Barra minn hekk, l-evalwazzjoni attwali tar-Regolament dwar il-Merkanzija Ferrovjarja 23 u tad-Direttiva dwar is-Sewwieqa tal-Ferroviji 24 tista’ ġġib magħha aġġornamenti ta’ dawn l-atti fis-snin li ġejjin.

Finalment, qed isiru azzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi affaċċjati mis-settur, inklużi l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar it-TEN-T, l-iskjerament ta’ Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, l-iżgurar ta’ fondi u ta’ finanzjament għal proġetti tal-infrastruttura ferrovjarja, l-isfruttar ta’ opportunitajiet miġjuba mit-teknoloġiji diġitali u t-tnedija ta’ proġetti skont Shift2Rail. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni għadhom f’kuntatt mas-settur fl-oqsma tas-sigurtà ferrovjarja, tal- multimodalità u tal-kundizzjonijiet ekwi bejn il-modalitajiet, inkluża l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipji ta’ min juża jħallas/ta’ min iniġġes iħallas.

(1) F’dan ir-rapport, “settur ferrovjarju” tfisser l-intrapriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja.
(2) Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.
(3) Minbarra r-rapport dwar is-suq ferrovjarju, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji tippubblika rapporti biannwali dwar il-prestazzjoni tal-ferroviji f’dak li għandu x’jaqsam mas-sikurezza u mal-interoperabilità.
(4) http://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/statistics/pocketbook-2016_en.htm .
(5) http://www.era.europa.eu/Search/Key-Documents/Pages/Home.aspx.
(6) http://ec.europa.eu/eurostat/web/transport/data/database.
(7) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1100 tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-obbligi ta' rapportar tal-Istati Membri fil-qafas tal-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju, ĠU L 181, 9.7.2015, p. 1.
(8) Ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Rail freight transport in the EU: still not on the right track”.
(9) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat-12 ta' Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (Test b’Rilevanza għaż-ŻEE) ĠU L 148, 13.6.2015, p. 17.
(10) Fl-RMMS attwali, l-Istati Membri jirrapportaw l-imposti applikabbli għall-aċċess ferrovjarju sentejn bil-quddiem.
(11) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/545 tas-7 ta' April 2016 dwar proċeduri u kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' ftehimiet qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja, ĠU L 94, 8.4.2016, p. 1.
(12) Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, SWD (2013) 8.
(13) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/171 tal-4 ta' Frar 2015 dwar ċerti aspetti tal-proċedura ta' liċenzjar tal-impriżi ferrovjarji, ĠU L 29, 5.2.2015, p. 3.
(14) UIC (2012).
(15)  Analiżi ta’ Steer Davies Gleave, dejta tal-2014 mhijiex disponibbli.
(16)  Issue Paper Solid Infrastructure Financing for an Efficient Rail System, http://www.inno-v.nl/wp-content/uploads/2015/03/24022015-Issue-Paper-pour-envoi.pdf.
(17) Pjattaforma ta’ maniġers tal-Infrastruttura Ferrovjarja Ewropea. https://webgate.ec.europa.eu/multisite/primeinfrastructure/en.
(18) White Paper – Pjan direzzjonali għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u b'użu effiċjenti tar-riżorsi (COM/2011/144).
(19) http://www.eca.europa.eu/en/Pages/NewsItem.aspx?nid=6971.
(20) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1304/2014 tas- 26 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta' “vetturi ferrovjarji — storbju”, ĠU L 356, 12.12.2014, p. 421.
(21) Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.
(22) Direttiva 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38.
(23) Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv, ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.
(24) Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità, ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.
Top