EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0398R(01)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa

/* COM/2014/0398 final/2 */

52014DC0398R(01)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa /* COM/2014/0398 final/2 */


Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa

1. Daħla: ekonomija ċirkolari li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli

L-ekonomiji tagħna qed jitilfu ċertu materjali ta' valur. La fid-dinja qed jibqgħu jiżdiedu d-domanda u l-kompetizzjoni għar-riżorsi limitati u xi kultant skarsi, u la l-pressjoni fuq ir-riżorsi qed iżżid id-degradazzjoni u l-fraġilità ambjentali, l-Ewropa tista' tgawdi mil-lat ekonomiku u ambjentali jekk tuża aħjar dawn ir-riżorsi. Sa minn żmien ir-rivoluzzjoni industrijali, l-ekonomiji tagħna żviluppaw xejra tat-tkabbir ta' "ħu, agħmel, uża u armi" — mudell lineari bbażat fuq is-suppożizzjoni li r-riżorsi huma bir bla qiegħ, disponibbli, jistgħu jinkisbu faċilment u jistgħu jintremew bl-irħis. Maż-żmien ilkoll qed nifhmu aħjar li dan qed jhedded il-kompetittività tal-Ewropa.

It-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari hi vitali biex titmexxa l-aġenda għall-użu effiċjenti tar-riżorsi stabbilita bl-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[1]. B’rabta mal-użu effiċjenti tar-riżorsi, mhux diffiċli li titjieb il-prestazzjoni b'mod qawwi u sostnut, u dan kollu joħloq ġid ekonomiku kbir.

Is-sistemi tal-ekonomija ċirkolari jirnexxilhom iżommu l-valur miżjud fil-prodotti għall-itwal żmien possibbli u jeliminaw l-iskart. Meta prodott ikun wasal fi tmiem ħajtu, dawn is-sistemi jirnexxilhom iżommu r-riżorsi fl-ekonomija ħalli jibqgħu jintużaw b’mod produttiv u allura jinħoloq aktar valur. Iżda t-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari teħtieġ qabelxejn li jsiru bidliet tul il-ktajjen ta’ valur, mid-disinn tal-prodotti sa mudelli ġodda tan-negozju u tas-suq, u minn modi ġodda kif l-iskart isir riżorsa sa bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi. Dan jimplika bidla sistemika sħiħa, u innovazzjoni mhux biss fit-teknoloġiji, iżda anki fl-organizzazzjonijiet, fis-soċjetà, fil-metodi tal-finanzi u fil-politiki. Anki f'ekonomiji tassew ċikolari, xorta jibqa' ċertu element ta' linearjetà għax ir-riżorsi verġni jibqa' bżonnhom u l-iskart residwu jrid jintrema.

L-industrija diġà tagħraf lok kummerċjali qawwi biex titjieb il-produttività tar-riżorsi. Hu stmat li t-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi matul il-katini tal-valur jista' jnaqqas il-ħtiġijiet ta' inputs materjali bi 17%-24% sal-2030[2] u użu aħjar tar-riżorsi jaf ikun ifisser iffrankar ġenerali potenzjali ta' EUR 630 biljun kull sena għall-industrija Ewropea[3]. Minn studji mmexxija min-negozji u bbażati fuq mudellar fil-livell tal-prodott joħorġu fid-dieher bosta opportunitajiet ta' ffrankar fl-ispejjeż materjali għall-industrija tal-UE permezz tal-approċċi tal-ekonomija ċirkolari u jidher ukoll potenzjal li l-PDG tal-UE jitqawwa sew sa 3.9%[4] billi jinħolqu swieq ġodda u prodotti ġodda u jiżdied il-valur għan-negozji. Għalhekk mhix sorpriża li n-negozji qed jaħdmu bla heda biex itejbu l-ġestjoni tar-riżorsi iżda xorta jibqgħu lura minħabba bosta ostakli tas-suq.

Il-Pjattaforma Ewropea ta' livell għoli għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[5], li tlaqqa' għadd ta' gvernijiet, negozji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sejħet għal azzjoni sabiex nadottaw ekonomija iktar ċirkolari, li tistrieħ iktar fuq l‑użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja u ferm inqas fuq il-materja prima primarja.

Bil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[6], fl-2011 il-Kummissjoni proponiet qafas għal azzjoni u saħqet fuq il-ħtieġa ta' approċċ integrat f'ħafna oqsma u livelli tal-politika. Issa, l-ideat ewlenin tal-Pjan Direzzjonali qed jiġu żviluppati fis-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-Seba' EAP)[7].

Jekk issir it-tranżizzjoni għal mudelli ekonomiċi aktar ċirkolari, l-ekonomija Ewropea futura tkun aktar b'saħħitha. B'hekk l-Ewropa tkun tista' tilqa' l-isfidi ta' żmienna u futuri li jġibu l-pressjoni dinjija fuq ir-riżorsi u ż-żieda fin-nuqqas ta' sigurtà tal-provvista. Sabiex jitjiebu r-reżiljenza u l-kompetittività, jeħtiġilna nużaw u nerġgħu nużaw ir-riżorsi b’mod produttiv, innaqqsu l-iskart u nnaqqsu d-dipendenza fuq il-provvisti inċerti. Dan jgħin biex it-tkabbir ekonomiku jinfired mill-użu tar-riżorsi u mill-impatti tiegħu u allura joffri l-prospett ta’ tkabbir sostenibbli dejjiem.

Il-produttività tar-riżorsi fl-UE żdiedet b'20 % fil-perjodu 2000-2011, iżda din jaf tkun parzjalment minħabba l-effetti tar-riċessjoni. Jekk tinżamm din ir-rata, sal-2030 tibqa' tiżdied bi 30 % u jaf ittejjeb il-PDG bi kważi 1%, filwaqt li toħloq 'il fuq minn żewġ miljun impjieg aktar minn kemm jinħolqu‑jekk‑kollox jibqa' kif inhu[8]. It-tisħiħ tal-isforzi għal aktar produttività tar-riżorsi jimxi id f'id mal-għanijiet attwali tal-politika tal-Komunità bħal ngħidu aħna li jonqsu emissjonijiet tal-karbonju, li tiżdied l-effiċjenza enerġetika, li ssir riindustrijalizzazzjoni sostenibbli tal-ekonomija tal-UE, u li jkun żgurat aċċess għall-materja prima, filwaqt li jonqsu l-impatti ambjentali u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Hemm firxa wiesgħa ta' miżuri li jippromwovu l-effiċjenza tar-riżorsi, li huma ppruvati li joħolqu l-ġid u bil-potenzjal li jiġu applikati b'mod aktar sistematiku. Qed jittieħdu wkoll il-passi meħtieġa biex ikun żgurat li dawn il-bidliet joħolqu għadd ġmielu ta' impjiegi, l-aktar bil-Komunikazzjoni dwar l-Impjiegi Ekoloġiċi[9] u bil-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SME[10].

2. It-twaqqif ta' qafas tal-politika ta' abilitazzjoni

Is-swieq huma fattur importanti fl-użu effiċjenti tar-riżorsi u fl-ekonomija ċirkolari, għax il-materjali u l-enerġija saru l-input ewlieni tal-ispejjeż għal ħafna kumpaniji. Madankollu, filwaqt li s-swieq diġà qed jimbuttaw il-bidla, jeżistu għadd ta' ostakli tas-suq għal ġestjoni effettiva u effiċjenti tar-riżorsi. Il-prevenzjoni tal-iskart, l-ekodisinn, l-użu mill-ġdid u miżuri simili jaf iġibu frankar nett ta' € 600 biljun, jew 8 % tal-fatturat annwali, għan-negozji fl-UE, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra bi 2-4 %[11]. Madankollu, biex dan iseħħ, jeħtieġ li jingħelbu l-ostakli tas-suq li jżommu dawn l-opportunitajiet milli jiġu żviluppati.

Filwaqt li l-produttività tar-riżorsi tista' tkun ta' ġid għal firxa wiesgħa ta’ setturi, permezz tagħha l-kumpaniji Ewropej jistgħu jgawdu wkoll minn tkabbir mgħaġġel fis-swieq għall-ekoindustriji, li qed jitbassar li jirdoppjaw bejn l-2010 u l-2020. Internazzjonalment, f'firxa wiesgħa ta' setturi industrijali qed jintalab li titjieb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

L-infrastruttura eżistenti, il-mudelli tan-negozju u t-teknoloġija, kif ukoll l-imġiba, iwaħħlu lill-ekonomiji fil-mudell lineari. Il-kumpaniji jaf ma jkollhomx l-informazzjoni, il-kunfidenza u l-kapaċità meħtieġa biex iħaddmu soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari. Xi drabi s-sistema finanzjarja ma tipprovdix biex isir investiment li jtejjeb l-effiċjenza jew f'mudelli innovattivi tan-negozju, għax dawn jitqiesu iktar riskjużi u kumplessi, u allura jgerrxu lil ħafna investituri tradizzjonali. Anki d-drawwiet tal-konsumaturi konvenzjonali jxekklu l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda. Dan ix-xkiel għandu tendenza jibqa' jeżisti meta l-prezzijiet ma jixhdux l-ispejjeż veri tal-użu tar-riżorsi għas-soċjetà, u meta l-politika ma jirnexxilhiex tipprovdi sinjali b'saħħithom u konsistenti favur it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari.

Skont evidenza minn prodotti ewlenin, materjali, u ktajjen tal-valur, il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet konċernati sabiex toħloq qafas ta’ abilitazzjoni għall-ekonomija ċirkolari billi tuża miżuri li jħalltu r-regolamentazzjoni intelliġenti, l-istrumenti bbażati fuq is-suq, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-inċentivi, l-iskambju tal-informazzjoni u l-appoġġ għall-approċċi volontarji. Qafas bħal dan jgħin biex jintlaħaq l-għan ta’ rinaxximent industrijali sostenibbli fl-UE u jistrieħ fuq konsumaturi u negozji proattivi, l-aktar l-intrapriżi żgħar u medji. Internazzjonalment, l-UE trid taħdem mill-qrib ma' sħab oħrajn kemm fil-livell multilaterali kif ukoll fil-livell bilaterali ħalli tiżgura l-ikbar impatt possibbli tal-kunċett ta' ekonomija ċirkolari.

Il-Kummissjoni se:

- tanalizza aktar il-fallimenti ewlenin fil-governanza u fis-suq li qed iżommu lura lill-materjali tal-iskart milli jiġu evitati jew jerġgħu jintużaw, filwaqt li se tqis l-eteroġeneità tat-tipi ta' materjal u l-użi tagħhom, biex jikkontribwixxu għal qafas ta' politika li jippermetti l-effiċjenza tar-riżorsi fil-livell tal-UE.

2.1. It-tfassil u l-innovazzjoni favur ekonomija ċirkolari

L-approċċi tal-ekonomija ċirkolari huma ddisinjati biex jeliminaw l-iskart u jinvolvu l-innovazzjoni matul il-katina kollha tal-valur, minflok ma jserrħu biss fuq soluzzjonijiet fi tmiem il-ħajja tal-prodotti. Pereżempju din jaf:

· tnaqqas il-kwantità ta’ materjali meħtieġa biex jingħata servizz partikolari (prodotti eħfef);

· ittawwal iż-żmien tal-użu tal-prodott (id-durabbiltà);

· tnaqqas l-użu tal-enerġija u tal-materjali fl-istadji tal-produzzjoni u tal-użu (l-effiċjenza);

· tnaqqas l-użu ta' materjali perikolużi jew li diffiċli jiġu riċiklati fi prodotti jew proċessi tal-produzzjoni (is-sostituzzjoni);

· toħloq swieq għal materjali (riċiklati) tal-materja prima sekondarja (imsejsa fuq standards, l-akkwist pubbliku, eċċ);

· tiddisinja prodotti li jkunu aktar faċli jinżammu, jissewwew, jiġu aġġornati, jiġu manifatturati mill-ġdid jew jiġu riċiklati (l-ekodisinn);

· tiżviluppa s-servizzi meħtieġa għall-konsumaturi f'dan ir-rigward (is-servizzi tal-manutenzjoni u tat-tiswija, eċċ);

· tagħti inċentivi u appoġġ biex jonqos l-iskart u għal separazzjoni tal-iskart ta’ kwalità għolja min-naħa tal-konsumaturi;

· tagħti inċentivi għal sistemi ta’ separazzjoni u ġbir tal-iskart li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż tar-riċiklaġġ u tal-użu mill-ġdid;

· tagħmilha eħfef li jonħolqu r-raggruppamenti tal-attivitajiet biex tevita li l-prodotti sekondarji ma jispiċċawx skart (simbjożi industrijali); u

· tħeġġeġ aktar għażla u għażla aħjar għall-konsumaturi permezz tal-kiri, is-self u l-qsim tas-servizzi bħala alternattiva għas-sjieda tal-prodotti, filwaqt li tħares l-interessi tal-konsumatur (mil-lat ta' spejjeż, protezzjoni, informazzjoni, termini fil-kuntratt, aspetti tal-assigurazzjoni, eċċ).

Punt tat-tluq importanti hu d-disinn ta' proċessi tal-produzzjoni, prodotti u servizzi. Il-prodotti jistgħu jiġu ddisinjati mill-ġdid sabiex jintużaw iktar fit-tul, jissewwew, jiġu aġġornati, jiġu manifatturati mill-ġdid jew eventwalment jiġu riċiklati, minflok ma jintremew. Il-proċessi tal-produzzjoni jistgħu jissejsu aktar fuq kemm il-prodott jew il-materja prima jistgħu jerġgħu jintużaw u fuq il-kapaċità ristorattiva tar-riżorsi naturali, filwaqt li mudelli innovattivi tan-negozju jistgħu joħolqu rabta bejn il-kumpaniji u l-konsuamturi.

B'mod simplifikat, din id-dijagramma kunċettwali turi l-istadji ewlenin ta' mudell tal-ekonomija ċirkolari, u kull stadju jippreżenta opportunitajiet mil-lat ta' tnaqqis fl-ispejjeż u fid-dipendenza fuq ir-riżorsi naturali, mil-lat ta' spinta fit-tkabbir u fl-impjiegi, u mil-lat ta' limitazzjoni tal-iskart u tal-emissjonijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Il-fażijiet huma relatati bejniethom, għax il-materjali jistgħu jintużaw b'mod sekwenzjali, ngħidu aħna l-industrija tpartat il-prodotti sekondarji, il-prodotti jiġu rinnovati jew manifatturati mill-ġdid, jew il-konsumaturi jagħżlu sistemi ta' prodotti u servizzi. Dan għandu l-għan li jnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' riżorsi li jintilfu miċ-ċiklu ħalli s-sistema taħdem bl-aqwa mod.

Xi politiki u strumenti tal-UE diġà jipprovdu għodod u inċentivi skont il-mudell tal-ekonomija ċirkolari. Bil-mod il-mod il-ġerarkija tal-iskart li fuqha tissejjes il-leġiżlazzjoni tagħna dwar l-iskart qed twassal biex jiġu adottati l-alternattivi preferuti tal-prevenzjoni tal-iskart, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, u inqas rimi fil-miżbliet. Barra minn hekk il-politika dwar is-sustanzi kimiċi għandha l-għan li tneħħi ftit ftit dawk is-sustanzi tossiċi ta’ tħassib serju ħafna. Xi miżuri tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija jinkludu rekwiżiti dwar id-durabbiltà u li jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ. L-Istrateġija tal-Bijoekonomija[12] tippromwovi l-użu sostenibbli u integrat tar-riżorsi bijoloġiċi u l-flussi tal-iskart għall-produzzjoni tal-ikel, l-enerġija u prodotti b'bażi bijo. Il-politika dwar il-klima toħroġ b'inċentivi biex tiffranka l-enerġija u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Qafas komuni u koerenti tal-UE għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari jgħin biex dawn l-elementi jingħaqdu mal-inizjattivi tal-programm Orizzont 2020 sabiex tiġi indirizzata l-isfida tar-riċerka u l-innovazzjoni[13].

Sabiex tappoġġa disinn u innovazzjoni għal ekonomija iktar ċirkolari, il-Kummissjoni se:

- turi, fil-kuntest tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni msejjaħ “Orizzont 2020”, l-opportunitajiet li hemm biex ikollna ekonomija ċirkolari fillivell Ewropew permezz ta’ proġetti tal-innovazzjoni fuq skala kbira mmirati għal koperazzjoni fil-ktajjen tal-valur u bejniethom, sabiex jitrawwem l-iżvilupp tal-ħiliet u tkun appoġġata l-applikazzjoni fis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

- tistabbilixxi sħubija msaħħa biex tappoġġa l-politiki dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-ekonomija ċirkolari;

- tiffaċilita l-iżvilupp ta’ mudelli aktar ċirkolari għall-prodotti u s-servizzi, inkluż permezz ta’ politika aktar koerenti għall-prodotti, u tkompli tiżviluppa l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn billi tagħti aktar attenzjoni lil kriterji tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, inkluż għall-gruppi ta’ prodotti ta’ prijorità futuri fil-Pjan ta’ Ħidma għall-2015 sal-2017; u

- tħeġġeġ il-prinċipju sekwenzjali fl-użu sostenibbli tal-bijomassa, filwaqt li tqis kull settur li juża l-bijomassa ħalli din tintuża bl-aktar mod effiċjenti fejn jidħlu riżorsi.

2.2. Inħajru investiment f'soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari

L-UE u l-Istati Membri għandhom iħeġġu investiment fl-innovazzjoni tal-ekonomija ċirkolari u l-użu ta' din l-innovazzjoni u, fl-isfond tar-riforma tas-sistema finanzjarja, jegħlbu l-ostakli biex ikollhom aktar finanzjament mis-settur privat għall-użu effiċjenti tar-riżorsi. Bil-proposti riċenti tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju[14], il-finanzjament fit-tul[15] u l-fondi tal-pensjonijiet okkupazzjonali[16] din tintegra r-rekwiżiti biex tiġi żvelata informazzjoni ambjentali rilevanti lill-investitutri jew biex jitqiesu r-riskji tal-investiment marbutin mal-iskarsezza tar-riżorsi u mat-tibdil fil-klima.

Sabiex jonqos ir-riskju għall-investituri, qed jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi bħall-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kapital Naturali tal-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment. Anki s-sħubijiet pubbliċi-privati huma strumenti effettivi sabiex jinkisbu iktar azzjonijiet u investimenti mis-settur privat b’rabta mal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Is-sħubija pubblika-privata msejħa “Industrija tal-ipproċessar sostenibbli permezz tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u tal-enerġija (SPIRE)” u l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta tal-Industriji bbażati fuq prodotti bijoloġiċi qed jikkontribwixxu b’mod attiv għall-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari.

Il-politika għandha wkoll ir-rwol li tipprovdi s-sinjali t-tajba għal investiment fl-użu effiċjenti tar-riżorsi billi tneħħi s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u billi t-tassazzjoni ma tibqax fuq ix-xogħol iżda ssir fuq it-tniġġis u r-riżorsi. Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jindirizza l-progress li jkun sar fuq ir-riforma tat-taxxa ambjentali fl-Istati Membri tal-UE.

Sabiex tikseb investiment fl-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni se:

- tindirizza oqsma promettenti li tidentifika d-Diskussjoni dwar il-Finanzjament tal-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[17] inklużi strumenti finanzjarji innovattivi, filwaqt li tqis kwistjonijiet marbutin mar-riżorsi fir-regoli tal-kontabbiltà tal-kumpaniji, tiċċara r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji (id-dmirijiet fiduċjarji) b’rabta mas-sostenibbiltà, toħloq metodoloġiji li għandhom jużaw il-kumpaniji għat-testijiet tal-istress fuq ir-riżorsi, u teżamina l-potenzjal tas-suq tal-bonds biex iktar fondi jmorru għall-proġetti marbutin mal-użu effiċjenti tar-riżorsi;

- tħejji għajnuna dwar il-possibbiltajiet li joffru d-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (l-APE), u Rakkomandazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Istati Membri biex jilħqu l-mira indikattiva ta' 50% GPP[18], tappoġġa strumenti innovattivi bħall-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku għall-innovazzjoni, u tħaffef l-istabbiliment ta' netwerks tal-APE fost l-awtoritajiet pubbliċi; u

- tkompli twaħħad il-prijoritajiet tal-ekonomija ċirkolari mal-finanzjament tal-UE u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex il-finanzjament disponibbli tal-UE fi programmi u proġetti jintużaw fl-ekonomija ċirkolari, l-aktar permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment.

2.3. Inħajru lin-negozji u lill-konsumaturi jieħdu azzjoni u nappoġġaw lill-intrapriżi żgħar u medji

In-negozji u l-konsumaturi jibqgħu l-atturi ewlenin fit-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari. Hemm bżonn li d-deċiżjonijiet ’il fuq u ’l isfel li jittieħdu fil-katina tal-valur ikunu konnessi aħjar, u li dawn jipprovdu inċentivi koerenti għall-produtturi, l-investituri, id-distributuri, il-konsumaturi u r-riċiklaturi u jiżguraw distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u l-benefiċċji. Iridu jintużaw mekkaniżmi tas-suq biex jiġu żgurati l-aħjar allokazzjoni tar-riżorsi u l-iktar użu effiċjenti tagħhom, u meta jkun hemm nuqqasijiet fis-suq jew ostakli għall-innovazzjoni, dawn għandhom jiġu indirizzati. Jeħtieġ jiġi żviluppaw il-funzjonament tas-swieq tal-materjali sekondarji. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex l-intraprendituri jitħallew jisfruttaw swieq ġodda potenzjali marbutin mal-ekonomija ċirkolari, u biex ikun żgurat li fis-suq tax-xogħol ikun hemm il-bażi ta’ ħiliet meħtieġa. Il-konsumaturi għandhom jitħeġġu biex jagħmlu għażliet informati permezz ta' informazzjoni aħjar dwar il-kredenzjali ekoloġiċi ta' prodotti differenti.

Il-Pjattaforma Ewropea dwar l-Effiċjenza tar-Riżorsi identifikat[19] opportunitajiet importanti għan-negozju fi stadji differenti taċ-ċirku li jroddu lura l-materjali fil-proċess tal-produzzjoni jew f'bosta ħoloq tal-katina tal-provvista ta' oriġini jew f'katini oħra tal-provvista. Dawn l-opportunitajiet jitnebbħu mill-esperjenza tal-inizjattivi li rnexxew, li tista' tintefaħ u titwessa' biex tinkludi:

· fl-istadju tal-produzzjoni, standards biex jintużaw sorsi sostenibbli, skemi volontarji mmexxija mill-industrija u mill-bejjiegħa bl-imnut, u simbjożi industrijali biex jinħolqu swieq għall-prodotti sekondarji;

· fl-istadju tad-distribuzzjoni, titjieb l-informazzjoni dwar ir-riżorsi li hemm fil-prodotti u kif jistgħu jissewwew jew jiġu riċiklati, li tissemma fir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma bl-isem "passaport tal-prodott"; u

· fl-istadju tal-konsum, mudelli tal-konsum kollaborattiv ibbażati fuq is-self, il-bdil, it-tpartit u l-kiri ta' prodotti, u sistemi ta' prodotti u servizzi sabiex jinkiseb iktar valur mill-assi jew mir-riżorsi li ma jkunux qed jintużaw biżżejjed, bħal karozzi, għodda, akkomodazzjoni).

L-istadju pilota tal-Impronta Ambjentali stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi[20] qed ilaqqa' flimkien lill-partijiet ikkonċernati biex dawn jiżviluppaw mod komuni u miftiehem kif jitkejjel l-impatt ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet. Wara l-istadju pilota, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk dawn il-metodi rnexxewx ħalli jkunu jistgħu jiġu applikati fi strumenti eżistenti jew ġodda ħalli titjieb il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti.

Dawn il-miżuri jeħtieġ li jitwessgħu biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' qafas tajbin u kundizzjonijiet indaqs għannegozji eżistenti u ġodda biex dawn jadattaw għax-xejriet il-kbar tar‑riżorsi dinjin, biex jiġu rikonoxxuti l-aqwa kumpaniji, biex l-intraprendituri l-ġodda jitħajru jiżviluppaw soluzzjonijiet għan-negozju tal-ġejjieni, biex jittestjawhom fis-suq, u biex il-konsumatur jingħata informazzjoni kredibbli. Il-proċess ta' bosta partijiet ikkonċernati li tnieda fil-kuntest tal-Aġenda tal-Konsumatur Ewropew[21] saħaq fuq il-bżonn ta' għodod effettivi kontra dikjarazzjonijiet ambjentali qarrieqa u bla bażi.

Il-forza tax-xogħol irid ikollha l-ħiliet meħtieġa sabiex tiżgura tranżizzjoni effettiva li toħloq l-impjiegi[22]. Il-Komunikazzjoni dwar l-Impjieg Ekoloġiku[23] toħloq il-qafas biex jinfetħu l-opportunitajiet tal-ħolqien tax-xogħol ta’ ekonomija aktar ċirkolari u li tuża r-riżorsi b'mod iktar effiċjenti. 'L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali wkoll għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta' appoġġ immirat u kkoordinat f'termini ta' investiment, infrastruttura, teknoloġija u ħiliet, l-aktar dak mmirat għall-intrapriżi żgħar u medji. Anki dawn jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jiffaċilitaw il-bidla fil-konsumatur biex jagħżel prodotti u servizzi li jkunu iktar sostenibbli, u biex iħajruhom jibdlu mġibithom.

Sabiex tappoġġa l-azzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozji, l-aktar tal-intrapriżi żgħar u medji, il-Kummissjoni se:

- tibni fuq ir-riżultati tal-istadju pilota tal-Impronta Ambjentali li se jibqa' għaddej sal-2016, u tistabbilixxi modi kif il-kejl tal-impatt ambjentali għandu jintuża fid-disinn tal-prodotti u tal-proċessi u kif dan għandu jiġi applikat biex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni aħjar dwar għażliet li jkunu ambjentalment sostenibbli;

- tistimola koperazzjoni usa' fost il-partijiet ikkonċernati b'azzjoni ta' koordinazzjoni u appoġġ permezz tal-programm Orizzont 2020 u l-istrumenti tiegħu, fosthom l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Eko-innovazzjoni, il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs, u l-Aġenda tal-Konsumaturi Ewropej;

- tibni fuq l-impenji tal-partijiet interessati fil-kuntest tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni b’Rabta mal-Materja Prima, li huma relatati direttament mal-produttività tar-riżorsi;

- tappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi u l-ivilupp tal-ħiliet permezz ta’ koordinazzjoni mtejba tal-politika, billi tixħet il-finanzjament Ewropew fi programmi u skemi li jappoġġaw it-tkabbir ekoloġiku, billi ttejjeb l-informazzjoni u l-monitoraġġ, fosthom permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew u ħidma mas-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet ikkonċernati oħrajn; u

- tappoġġa l-iskambji tal-aqwa prattiċi fil-livell internazzjonali.

3. Nimmodernizzaw il-politika u l-miri marbutin mal-iskart: l-iskart bħala riżorsa

It-trasformazzjoni tal-iskart f'riżorsa hi parti mill-mod kif iċ-ċirku jingħalaq f'sistemi ta' ekonomija ċirkolari. L-għanijiet u l-miri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ewropea kienu xprun siewi biex tjieb l-immaniġġjar tal-iskart; dawn jistimolaw l-innovazzjoni fir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid, jillimitaw ir-rimi fil-miżbliet u jinċentivaw il-bidla fl-imġiba; Madankollu, bħala medja fl-UE għadhom jinħolqu madwar ħames tunnellati skart għal kull persuna kull sena, u fil-verità ftit iktar minn terz ta’ dan l-iskart biss jiġi riċiklat.

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-impenn politiku tagħha[24] li tnaqqas il-ħolqien tal-iskart, li tirriċikla l-iskart f’sors kbir u affidabbli ta’ materja prima għall-Unjoni, li tirkupra l-enerġija biss minn materjali li ma jistgħux jiġu riċiklati, u li telimina kważi għal kollox ir-rimi fil-miżbliet. It-tmexxija ’l quddiem tal-politika dwar l-iskart se tkun ta' ġid ħafna għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi bi spiża relattivament baxxa jew bl-ebda spiża, filwaqt li tgħin għal ambjent aħjar. Fir-rigward tas-swieq globali, politika ambizzjuża dwar l-iskart tkun mistennija tistimola l-innovazzjoni u tgħin lill-kumpaniji tal-UE jsiru aktar kompetittivi fil-provdiment ta' servizzi tal-immaniġġjar tal-iskart u toffri opportunitajiet ġodda tas-suq lill-esportaturi tal-UE.

3.1. Niddefinixxu l-miri tal-iskart biex ikollna soċjetà li tirriċikla

L-Ewropa mxiet 'il quddiem ferm fit-trasformazzjoni tal-iskart f'riżorsa u fil-promozzjoni ta' modi sostenibbli tal-immaniġġjar tal-iskart bħar-riċiklaġġ. Madankollu, il-prestazzjoni tvarja sew fost l-Istati Membri. Sitt Stati Membri diġà eliminaw, prattikament, ir-rimi tal-iskart muniċipali fil-miżbliet u naqqsuh minn 90 % għal inqas minn 5 % fl-aħħar 20 sena u laħqu rati tar-riċiklaġġ ta’ 85 % f’ċertu reġjuni. Oħrajn għadhom jarmu 90 % tal-iskart fil-miżbliet u inqas minn 5 % biss jiġi riċiklat.

Hemm bżonn ta’ sinjali qawwija tal-politika sabiex tinħoloq prevedibbiltà fit-tul għallinvestiment u l-bidla ħalli materjal bħall-plastik, il-ħġieġ, il-metall, il-karta, l-injam, il-gomma u materjal ieħor li jista’ jiġi riċiklat, jerġa’ jsib postu fl-ekonomija bħala materja prima sekondarja.. Jekk nistabbilixxu miri tar-riċiklaġġ għall-perjodu sal-2030, dan jagħti din il-prevedibbiltà. Jekk il-ġbir ikun separat mill-bidu nett u jintużaw metodoloġiji li jikkalkulaw ir-rati tar-riċiklaġġ, dawn jiżguraw riċiklaġġ ta' kwalità għolja u jgħinu fl-iżvilupp ta' swieq għall-provdiment ta' materja prima sekondarja ta' kwalità għolja. Għal dak il-għan, għandu jiġi ċċarat il-metodu tal-kejl attwali li jivvaluta x'jiġi fil-fatt riċiklat, għax bħalissa xi Stati Membri jirrappurtaw skart miġbur bħala skart riċiklat minkejja li bejn dawn iż-żewġ fażijiet jintilef għadd ġmielu ta' materjal. Ir-rimi fil-miżbliet tal-iskart riċiklabbli kollu għandu jiġi evitat sal-2025. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex sal-2030 virtwalment iwaqqfu għalkollox ir-rimi fil-miżbliet. L-irkupru tal-enerġija, inklużi l-irkupru tal-iskart għall-enerġija u l-użu tal-bijokarburanti, għandu rwol fejn jidħol l‑iskart li ma jistax jerġa' jintuża u li ma jistax jiġi riċiklat.. Dan se jkun jeħtieġ użu iktar effiċjenti tal-kapaċità għall-irkupru tal-enerġija li hija disponibbli bħalissa fl-UE u li mhix imqassma tajjeb, flimkien ma’ miżuri biex tiġi evitata l-kapaċità żejda.

Jekk tirnexxi l-implimentazzjoni jkunu jistgħu jinħolqu aktar minn 180 000 impjieg dirett fl-UE sal-2030, apparti xi 400 000 impjieg li jinħolqu bl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li hemm fis-seħħ[25]. Dawn iwasslu għal persentaġġ sodisfaċenti ta' bejn l-10% u l-40% ta' domanda tal-materja prima fl-UE, filwaqt li jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira tal-UE sal-2030 li jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'40%  jiġu evitati 62 Mt ta' ekwivalenti ta' CO2 kull sena fl-2030.

Sabiex jiżdied il-ġid ekonomiku, soċjali u ambjentali li jġib immaniġġjar aħjar tal-iskart muniċipali, il-Kummissjoni tipproponi li:

- tagħti spinta lill-użu mill-ġdid u lir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għal mill-anqas 70% sal-2030;

- iżżid ir-rata ta’ riċiklaġġ fejn jidħol l-iskart mill-imballaġġ għal 80% sal-2030, b’miri intermedji ta’ 60% sal-2020 u ta’ 70% sal-2025, inklużi l-miri għal materjali speċifiċi;

- tipprojbixxi sal-2025 ir-rimi fil-miżbliet ta' plastik, metall, ħġieġ, karta u kartun riċiklabbli u ta' skart bijodegradabbli, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex sal-2030 virtwalment iwaqqfu għalkollox ir-rimi fil-miżbliet[26];

- tippromwovi aktar l-iżvilupp tas-swieq għal materja prima sekondarja ta' kwalità għolja, inkluż b'evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-kriterji dwar tmiem l-istadju tal-iskart għal ċertu materjali speċifiċi. u

- tiċċara l-metodu tal-kalkolu għal materjal riċiklat sabiex tiżgura livell għoli ta' kwalità fejn jidħol ir-riċiklaġġ.

3.2. Nissimplifikaw il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u nimplimentawha aħjar

Il-miri jagħtu lill-Istati Membri l-flessibilità li jiddeċiedu kif se jiksbuhom. Madankollu, hemm potenzjal sinifikanti biex tiġi simplifikata aktar il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u biex tkompli tittejjeb l-implimentazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali u jonqsu d-differenzi attwali.

Fl-2012, il-Kummissjoni żviluppat Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart, kif ukoll pjanijiet direzzjonali b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li kellhom l-agħar prestazzjoni. Din se tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-aktar Istati Membri mbiegħda mill-miri, u se tara li id f'id magħhom tindirizza d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni minn kmieni.

Il-miżuri ekonomiċi wrew li kienu siewja biex jitjieb l-immaniġġjar nazzjonali tal-iskart, l-aktar bit-taxxi fuq il-miżbliet u l-inċinerazzjoni, bl-iskema ta’ ħlas skont kemm tarmi u bl-iskema tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi, jew bl-inċentivi lill-awtoritajiet lokali biex jippromwovu l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Il-projbizzjoni fuq il-miżbliet kienet effettiva wkoll. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi għall-iskemi ta’ responsabbiltà tal-produtturi fil-livell tal-UE se jgħin biex jonqsu l-ispejjeż u jitneħħew l-ostakli li jsibu l-produtturi meta jkollhom iħarsu bosta skemi nazzjonali fl-UE.

Jistgħu jingħataw fondi Ewropej biex l-Istati Membri jingħataw appoġġ fl-isforzi tagħhom għal immaniġġjar integrat tal-iskart, fosthom l-infrastruttura għall-ġbir separat, għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ. Ir-rimi fil‑miżbliet jew ilproġett tal-inċinerazzjoni indipendenti m’għandhomx jingħataw appoġġ fil-ġejjieni.

Sabiex il-kapaċità għall-immaniġġjar tal-iskart disponibbli fl-UE tintuża bl-aħjar mod, hemm bżonn pjanar aħjar u qsim tal-informazzjoni, u jaf ikollhom jitħallew isiru aktar vjeġġi tal-iskart fl-UE lejn l-aktar impjanti moderni u effiċjenti, għallinqas bħala miżura tranżitorja.

Hemm lok li l-ġbir tad-dejta u r-rappurtar fil‑livell nazzjonali jkomplu jiġu razzjonalizzati u jeħfiefu, filwaqt li tiżdied l-affidabbiltà taddejta u l-konsistenza tagħha fost l-Istati Membri tal-UE. Jekk jiġu adottati indikaturi komuni, jeħfiefu u jitjiebu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-Istati Membri[27].

L-azzjonijiet biex fejn jidħol l-iskart, l-acquis jiġi ssimplifikat aktar u li jiżguraw l-effiċjenza u l-effettività, se jissejsu fuq l-isforzi li diġà saru biex jonqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-politika dwar l-iskart, pereżempju, billi ċertu SMEs jiġu eżentati mir-rekwiżiti tat-teħid lura u billi jsiru sforzi biex l-iskambju tad-dejta elettronika dwar il-vjeġġi tal-iskart isir obbligatorju.

Sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun ta' ġid bis-simplifikazzjoni u b'implimentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni tipproponi li:

- il-miri tal-iskart ma jirfsux lil xulxin u d-definizzjonijiet ikunu armonizzati;

- tissimplifika sew l-obbligi tar-rappurtar għall-Istati Membri u għall-intrapriżi żgħar u medji, fosthom billi tiċċara u tissimplifika l-metodi tal-kalkolu għall-miri tal-iskart muniċipali, tal-iskart tal-miżbliet u tal-iskart mill-imballaġġ;

- l-Istati Membri jitħallew jeżentaw lill-SMEs jew lill-impriżi li jiġbru u/jew iġorru ammont żgħir ħafna ta' skart mhux perikoluż, mir-rekwiżiti ġenerali tal-permess jew ir-reġistrazzjoni li timponi d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

- jibda jsir rappurtar annwali f'post waħdieni tad-dejta kollha dwar l-iskart u l-istatistika dwar l-iskart issir konsistenti mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, filwaqt li tagħmel valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali mal-istandards tal-istatistika;

- teżiġi li jinħolqu sistemi kompjuterizzati ta' monitoraġġ tad‑dejta u ssir verifika taddejta flIstati Membri minn partijiet terzi;

- tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ twissija bikrija biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw sett xieraq ta’ miżuri biex jilħqu l-miri fil-ħin;

- tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi għat-tħaddim tal-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi, li jistgħu jiġu żviluppati aktar fil-livell nazzjonali jew f’dokumenti ta’ gwida tal-UE, u tippromwovi l-użu ta’ strumenti ekonomiċi fl-Istati Membri; u

- tippromwovi l-investiment dirett fl-alternattivi tal-immaniġġjar tal-iskart li jkunu jinsabu fuq nett fil-ġerarkija tal-iskart.

3.3. Nindirizzaw sfidi speċifiċi marbutin mal-iskart

Hemm bżonn li jitfasslu approċċi apposta biex jindirizzaw sfidi partikolari dwar l-iskart li huma relatati mat-telf sinifikanti tar-riżorsi jew mal-impatti ambjentali.

Il-prevenzjoni tal-iskart: Bħala l-ewwel prijorità li tolqot lil kull stadju f'ekonomija ċirkolari, għandu jkun żgurat li jinħoloq inqas skart. Bħalma titlob id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, dan l-aħħar l-Istati Membri adottaw programmi tal-prevenzjoni tal-iskart, u bħalissa l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent qed tivvalutahom. Wara l-Valutazzjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni se toħloq inizjattivi li jippromwovu l-aqwa prattiċi fil-prevenzjoni tal-iskart fl-UE.

L-iskart fil-baħar: L-iskart fil-baħar iniġġes il-bajjiet, jagħmel ħsara lill-ħlejjaq li jgħixu fil-baħar u joħloq problema tal-iskart fit‑tul, li jiswa ħafna flus biex jitnaddaf. Is-Seba’ EAP jitlob li tinħoloq mira ewlenija fl-Unjoni kollha għal tnaqqis kwantitattiv, bl-appoġġ ta’ miżuri bbażati fuq is-sorsi.

L-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri fil-pakkett leġiżlattiv rivedut tal-UE dwar l-iskart tista’ twassal biex l-ammont ta' skart fil-baħar jonqos bi 13 % sal-2020 u b’27 % sal-2030. Jekk tinħoloq mira apposta għat-tnaqqis sal-2020, ikun qed jingħata sinjal ċar lil dawk l-Istati Membri li qed jiżviluppaw miżuri biex jiksbu “status ambjentali tajjeb” għall-ilmijiet tal-baħar tagħhom sal-iskadenza tal-2020 fil-kuntest tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, u jipprovdi impetu biex jinħolqu l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-iskart fil-baħar li jipprevedu l-erba’ Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali. Anki miżuri oħrajn fil-livell tal-UE, fosthom li jiġu integrati r-riżultati tal-evalwazzjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet[28], jgħinu biex tintlaħaq il-mira. It-tieni stadju tal-mira li tnaqqas li l-iskart se jinħoloq fiż-żmien qarib, imsejjes fuq aktar analiżi tal-potenzjal tat-tnaqqis minn sorsi oħra bbażati fuq l-art jew fil-baħar, filwaqt li jitqies l-impenn ta' Rio+20 li sal-2025 jonqos ġmielu r-rimi tal-iskart fil-baħar.

L-iskart mix-xogħol tal-bini u mit-twaqqigħ tal-bini: Is-swieq għall-materjali riċiklati huma siewja biex tiżdied ir-rata ta’ riċiklaġġ tal-iskart mix-xogħol tal-bini u mit-twaqqigħ tal-bini. Bħalma tiddeskrivi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Opportunitajiet għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi fis-Settur tal-Bini, qafas għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tax-xogħol tal-bini se jkun fih it-tfassil ta’ immaniġġjar aħjar tal-iskart mix-xogħol tal-bini u mit-twaqqigħ tal-bini, li jżid ir-riċiklabbiltà u l-kontenut riċiklat fil-materjal użat għax-xogħol tal-bini[29].

Barra minn hekk, skont il-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija propost, se jsir monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Istati Membri u titqabbel mal-mira ta' 70 % riċiklaġġ sal-2020, b'miżuri bħal ħlasijiet ogħla għal rimi ta' skart mix-xogħol tal-bini u mit-twaqqigħ tal-bini fil-miżbliet, jew aktar obbligi tal-għażla tal-iskart fis-siti l-kbar tat-twaqqigħ tal-bini ħalli titjieb il-kwalità tal-materjali riċiklati.

L-iskart tal-ikel: Kien stmat li 30% tal-ikel kollu prodott fid-dinja jintilef jew jinħela. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tressaq proposti speċifiċi biex jonqos l-iskart tal-ikel.

L-iskart perikoluż: L-immaniġġjar tajjeb tal-iskart perikoluż jibqa' sfida dejjiema u għal parti minn dan l-iskart, ma teżistix dejta dwar il-proċess tat-trattament attwali. Bħala l-ewwel pass, se jissaħħu żżamma tar‑rekords u t‑traċċabbiltà billi jinħolqu reġistri taliskart perikoluż u jiġu identifikati l-kapaċitajiet tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart perikoluż tal-Istati Membri u l-ostakli li jsibu. Dawn ir-reġistri jistgħu jitwessgħu ftit ftit biex jinkludu tipi oħra ta' skart bħalma diġà jiġri f'bosta Stati Membri.

L-iskart tal-plastik: Il-produzzjoni tal-plastik fl-UE hi mistennija tiżdied b'rata ta' 5 % kull sena. Filwaqt li 24 % biss tal-iskart tal-plastik qed jiġi riċiklat, kważi 50 % jintrema fil-miżbliet u l-bqija jiġi inċinerat. Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-iskart tal-plastik li l-Kummissjoni wettqet fl-2013[30] ħarġet fid-dieher potenzjal sinifikanti biex il-plastik jintuża b’mod aktar sostenibbli, u appoġġ qawwi biex il-plastik ma jibqax jintrema fil-miżbliet u biex il-plastik u tal-prodotti tal-plastik jitfasslu aħjar. Passi imporanti biex jitjieb l-immaniġġjar tal-iskart tal-plastik, dan l-aħħar il-Kummissjoni ħarġet bi proposta li tippermetti lill-Istati Membri jillimitaw l-użu tal-basktijiet tal-plastik,[31] filwaqt li fl-istess Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tagħmel għadd ta' proposti biex jiżdied ir-riċiklaġġ u biex jiġi jieqaf ir-rimi fil-miżbliet.

Riċiklaġġ tal-materja prima kritika: Filwaqt li kull materja prima hi importanti, il-materja prima kritika jixirqilha attenzjoni partikolari għax il-produzzjoni tagħha fid-dinja tinsab fi ftit pajjiżi biss, li ħafna minnhom għandhom rati baxxi ta' sostitwibbiltà u ta' riċiklaġġ. Il-Kummissjoni tħajjar l-użu effiċjenti u r-riċiklaġġ tal-materja prima kritika fil-qafas tal-Inizjattiva tas-Swieq tal-Materja Prima[32] u tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima.

Vjeġġi ta' skart illegali: Il-Kummissjoni se żżid l-azzjoni biex tiżgura konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart kif emendat dan l-aħħar biex jissaħħu l-ispezzjoni tal-vjeġġi tal-iskart.

Ir-riċiklaġġ tal-fosfru: Il-fosfru hu riżorsa vitali għall-produzzjoni tal-ikel, iżda jġib miegħu bosta riskji għassigurtà talprovvista u l-użu attwali tiegħu joħloq skart u telf f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. Wara l-Komunikazzjoni Konsultattiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Fosfru,[33] il-Kummissjoni qed tiżviluppa qafas għal iktar azzjoni.

Sabiex tindirizza l-isfidi speċifiċi marbutin mal-iskart, il-Kummissjoni:

- tipproponi mira ambizzjuża biex l-iskart fil-baħar jonqos bi 30 % sal-2020 għall-aktar għaxar oġġetti tal-iskart komuni li jinstabu fil-bajjiet, u din il-lista qed tiġi adattata għal kull wieħed mill-erba’ reġjuni marittimi tal-UE;

- tipprevedi miżuri sabiex tħeġġeġ swieq ta' materjal riċiklat li jkun ġej mill-iskart mix-xogħol tal-bini u mit-twaqqigħ tal-bini u sabiex toħloq qafas komuni tal-UE għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tax-xogħol tal-bini;

tipproponi li l-Istati Membri joħolqu strateġiji nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart tal‑ikel u jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-iskart tal-ikel fis-setturi tal-manifattura, il-bejgħ bl-imnut/id-distribuzzjoni, is-servizzi tal-ikel/ospitalità jonqos b'mill-anqas 30% sal-2025;

- tipprevedi li tinħoloq sistema tajba ta’ reġistri, mill-anqas għall-iskart perikoluż fl-Istati Membri kollha;

- apparti l-proposta biex jonqos l-użu tal-basktijiet ħfief tal-plastik, qed tipproponi wkoll mill-2025 ir-rimi tal-plastik fil-miżbliet jiġi pprojbit;

- tipproponi li fil-pjanijiet nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart, l-Istati Membri idaħħlu miżuri dwar il-ġbir u r-riċiklaġġ ta' skart li jkun fih ammont ġmielu ta' materja prima kritika; u

- beħsiebha toħloq qafas tal-politika dwar il-fosfru biex jitjieb ir-riċiklaġġ tiegħu, titrawwem l-innovazzjoni, jitjiebu il-kundizzjonijiet tas-suq, u biex l-użu sostenibbli tal-fosfru jiddaħħal sew fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-fertilizzanti, l-ikel, l-ilma u l-iskart.

4. Nistabbilixxu mira għall-użu effiċjenti tar-riżorsi

Fis-Seba’ EAP, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew iddeċidew li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi indikaturi u miri għall-użu effiċjenti tar-riżorsi, kif ukoll li tivvaluta l-adegwatezza li fis-Semestru Ewropew jiddaħħlu indikatur u mira ewlenin. Wara konsultazzjonijiet wesgħin, il-produttività tar-riżorsi, kif imkejla bil-PDG relattiv għall-Konsum tal-Materja Prima (RMC), ġiet identifikata li tista' tkun fost il-miri tal-produttività tar-riżorsi[34].

Mira realistika biex tiżdied il-produttività tar-riżorsi, approvat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, se tixħet l-attenzjoni politika u tisfrutta l-potenzjal mhux mittiefes ta' ekonomija ċirkolari li toħloq tkabbir u impjiegi sostenibbli u żżid il-koerenza tal-politika tal-UE. Din il-mira tkun mod proporzjonat biex tiżgura din il-koerenza u tħeġġeġ l-azzjoni.

L-UE diġà beħsiebha żżid il-produttività tar-riżorsi tagħha bi 15 % bejn l-2014 u l-2030 jekk kollox jibqa' kif inhu. Jekk jintużaw politiki mfasslin b’mod intelliġenti li jippromwovu t-tranżizzjoni għal ekonomija iktar ċirkolari, kif titlob il-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, din ir-rata tkun tista’ tirdoppja. Filwaqt li tkun qed tgħin sew fid-dimensjoni tas-sostenibbiltà tat-tkabbir, jekk il-produttività tar-riżorsi tiżdied bi 30 %, din tħalli impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tal-PDG[35].

L-industrija tibbenifika minn dan it-titjib fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' kompetittività aħjar[36]. L-ispejjeż tar-riżorsi jistgħu jagħmlu parti sinifikanti tal-istruttura tal-ispejjeż tagħhom, u dawn ikunu jeħtieġu provvisti disponibli u prevedibbli[37]. Se jkun hemm gwadann finanzjarju immedjat u benefiċċji strateġiċi fit-tul, peress li d-domanda dinjija żżid il-prezzijiet tar-riżorsi u volatilità. Għalhekk, jekk l-Ewropa ssir effiċjenti aktar fl-użu tar-riżorsi, dan jgħinha tilħaq l-għan tagħha ta' riindustrijalizzazzjoni.

Mira tal-produttività tar-riżorsi, filwaqt li ma tkunx vinkolanti u tkun stabbilita fil-livell tal-UE, din tagħti spinta lil dawk l-Istati Membri li għad m'għandhomx mira fil-livell nazzjonali biex jiżviluppaw miżuri li jqisu l-użu tar-riżorsi. Din toħloq miżuri aktar bilanċjati li jqisu l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali usa' u jimlew dan il-vojt.

L-Istati Membri jkunu ħielsa li jsibu l-bilanċ tal-aktar politiki u azzjonijiet vantaġġjużi mil-lat ekonomiku u ambjentali f'konformità mal-għanijiet usa' tal-politika. Meta jagħmlu dan, dawn igawdu minn firxa tal-aqwa prattiki diġà ppruvati — iżda li mhumiex mifruxin biżżejjed — u jistgħu jadottawhom u jaddattawhom għall-ħtiġijietu għaċ-ċirkostanzi tagħhom. Bħalissa qed issir ir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020[38] bl-appoġġ ta' konsultazzjoni pubblika biex jinġabru l-opinjonijiet kollha dwar dan l-iżvilupp. Għaldaqstant il-Kummissjoni jidhrilha li kull deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta' mira ewlenija fil-produttività tar-riżorsi għandha tittieħed fir-reviżjoni, wara li jkunu tqiesu r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u r-rakkomandazzjonijiet mill-Pjattaforma Ewropea għall-Effiċjenza tar-Riżorsi.

Sabiex ikun żgurat li min ifassal il-politika jkun jaf l-istampa ġenerali tal-pressjonijiet fuq l-ambjent li jġib l-użu tar-riżorsi, irid jitqiesu indikaturi oħrajn, b’mod partikulari għall-użu tal-ilma u għar-riżorsa limitata tal-art. Il-Eurostat ippubblikat Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi sa mill-2013 bħala parti mill-indikaturi ta' Ewropa 2020[39]. Din tfasslet sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, toħroġ ir-rabta bejn ir-riżorsi, u tinvolvi aktar lill-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-kejl tal-progress fis-soċjetà lil hinn mill-PDG.

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-kuntest tat-tkabbir sostenibbli:

- il-Kummissjoni se tqis ir-rakkomandazzjonijiet mill-Pjattaforma Ewropea għall-Effiċjenza tar-Riżorsi għal mira ewlenija dwar l-effiċjenza tar-riżorsi kif ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni li qed issir tal-Istrateġija Ewropa 2020;

- b'mod parallel, se tiġi żviluppata aktar Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi li tintuża għall-monitoraġġ tal-indikaturi tal-użu ta' riżorsi oħra li mhumiex il-karbonju u l-materjali, b’mod partikulari l-art u l-ilma; u

- l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika għandhom jaħdmu biex jistabbilixxu metodoloġija aċċettata b’mod komuni fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika sabiex jiġi kkalkulat il-konsum tal-materja prima fil-livell nazzjonali.

[1]     COM(2010) 2020, COM(2011) 21.

[2]     Immudellar makroekonomiku tal-iżvilupp sostenibbli u rabtiet bejn l-ekonomija u l-ambjent.(2011), Meyer, B. et al.

[3]     Gwida għall-effiċjenza fir-riżorsi fil-manifattura: Esperjenzi mit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-kumpaniji tal-manifattura. (2012), Europe INNOVA.

[4]      Tranżizzjoni għal Ekonomija Ċirkolari: Razzjonal ekonomiku u kummerċjali għal tranżizzjoni mħaffa (2012), Ellen MacArthur Foundation.

[5]     http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/re_platform/index_en.htm.

[6]     COM(2011) 571.

[7]     ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171-200.

[8]     Nimmudellaw l-impatti ekonomiċi u ambjentali tal-bidla fil-konsum tal-materja prima (2014), Cambridge Econometrics et al.

[9]     COM(2014) 446.

[10]    COM(2014) 440.

[11]    L-opportunitajiet għan-negozju biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi (2013), AMEC et al.

[12]    COM(2012) 60.

[13]    Ara l-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni.

[14]    COM(2013) 207.

[15]    COM(2014) 168.

[16]    COM(2014) 167.

[17]    MEMO/13/110.

[18]    COM/2008/400.

[19]    http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/documents/erep_manifesto_and_policy_recommendations_31-03-2014.pdf.

[20]    COM(2013) 196 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE.

[21]    COM(2012) 225.

[22]    COM(2012) 173.

[23]    COM(2014) 446.

[24]    Is-Seba' EAP

[25]    SWD(2014) 207.

[26]    Ċertu ammont ta' skart 'residwu' ma jistax jiġi rkuprat u billi ma jeżisti l-ebda trattament alternattiv, dan jaf ikollu jintrema fil-miżbliet. Dan se jiġi limitat għal mhux aktar minn 5 %.

[27]    Pereżempju, għall-mira tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali jistgħu jintużaw erba’ metodi tal-kalkolu. Ir-riżultati jistgħu jvarjaw ħafna (b’madwar 20 %) skont il-metodu li jintgħażel.

[28]    Id-Direttiva 2000/59/KE.

[29]    COM(2014) 445.

[30]    COM(2013) 123.

[31]    COM(2013) 761.

[32]    COM(2011) 25.

[33]    COM(2013) 517.

[34]    Il-konsum tal-materja prima (RMC) hu indikatur aggregat li jkejjel ir-riżorsi kollha użati fl-ekonomija (f’tunnellati), filwaqt li jqis l-użu tar-riżorsi integrat fl-importazzjonijiet. Bħalissa, dan hu disponibbli għall-UE u għal xi Stati Membri tagħha. Fil-frattemp, il-pajjiżi li għalihom dan l-indikatur għadu mhux disponibbli jistgħu jużaw il-Konsum tal-Materjal fil-Pajjiż.

[35]    SWD(2014) 211.

[36]    Xi partijiet ikkonċernati ppreferew l-RMC bħala miżura tal-użu tar-riżorsi għax din taħfen l-użu tar-riżorsi inkorporati kemm fil-prodotti importati kif ukoll fil-prodotti li huma magħmulin domestikament, u alluta tippermetti li jsir paragun ġust tal-effiċjenza tar-riżorsi rispettiva tagħhom.

[37]    Studji riċenti li saru fis-setturi tal-azzar u tal-aluminju juru li l-materja prima tilħaq madwar 30-40% tal-istrutturi tal-ispejjeż tagħhom, jiġifieri pereżempju aktar mill-ispejjeż tax-xogħol.

[38]    COM(2014) 130 tad-19.3.2014; "Titqies l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv".

[39]    http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/europe_2020_indicators/ree_scoreboard.

Top