EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0096

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u tal-Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati

/* COM/2013/096 final - 2013/0060 (COD) */

52013PC0096

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u tal-Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati /* COM/2013/096 final - 2013/0060 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u l-objettivi tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li temenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen). L-emendi proposti qed isiru minħabba l-proposta li jiġu stabbiliti sistema ta’ dħul u ħruġ u programm tal-vjaġġaturi rreġistrati, li għalihom qed jiġu ppreżentati proposti leġiżlattivi fl-istess ħin.

Kuntest ġenerali

Il-kuntest ġenerali huwa spjegat fil-memoranda ta’ spjegazzjoni għall-proposti leġiżlattivi dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ dħul u ħruġ u ta’ programm tal-vjaġġaturi rreġistrati u fil-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw lil dawn il-proposti.

Dispożizzjonijiet eżistenti

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) u l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjonijiet tal-impatt huma deskritti fil-memoranda ta' spjegazzjoni għall-proposti leġiżlattivi dwar l-istabbiliment ta’ sistema ta’ dħul u ħruġ u ta’ programm tal-vjaġġaturi rreġistrati kif ukoll fil-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw lil dawk il-proposti.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju

L-emendi prinċipali jikkonċernaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

– Definizzjonijiet addizzjonali għal EES, RTP, Vjaġġatur Irreġistrat (RT), Kontroll Awtomatizzat fil-fruntieri (ABC) (l-Artikolu 2)

– L-introduzzjoni, fis-sistema ta’ dħul u ħruġ, ta’ dejta relatata ma’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz u l-eċċezzjonijiet li japplikaw għaliha (l-Artikolu 5a)

– Il-verifikazzjoni tal-awtentiċità taċ-ċipep fid-dokumenti tal-ivvjaġġar li jkun fihom mezz ta’ ħażna elettronika (l-Artikolu 7(2))

– Is-sostituzzjoni tal-ittimbrar li jsir bħalissa tad-dokumenti tal-ivvjaġġar mir-reġistrazzjoni u l-verifikazzjoni elettronika tad-dejta fl-EES (l-Artikolu 5a, l-Artikolu 7(3)(a) u l-Artikolu 7(3)(b)). L-introduzzjoni tal-obbligu li jiġi ċċekkjat jekk persuna tkunx ingħatat aċċess għall-RTP (l-Artikolu 7(3) (aaa))

– Il-verifikazzjoni tal-identità ta’ vjaġġatur irreġistrat (l-Artikolu 7(3)(b)(v))

– L-informazzjoni li tingħata lill-vjaġġatur dwar il-bqija tal-perjodu ta’ soġġorn awtorizzat (l-Artikolu 7(8))

– Eżenzjonijiet għall-vjaġġaturi rreġistrati minn ċerti partijiet tal-kontroll bir-reqqa msemmi fl-Artikolu 7a

– L-obbligu li tiddaħħal id-dejta fis-sistema ta’ dħul u ħruġ, anke fil-każ li l-kontrolli fil-fruntieri jiġu llaxkati (l-Artikolu 8(3))

– It-twessigħ tal-użu tal-korsiji indikati bit-tabella li tidher fil-partijiet A u B tal-Anness III (il-korsiji għaċ-ċittadini tal-UE) (l-Artikolu 9(2)(a))

– L-indikazzjonijiet/il-pittogramma għall-bibien ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera (l-Artikolu 9(6))

– It-tħassir tal-Artikolu 10 (l-obbligu tal-ittimbrar)

– Il-preżunzjoni ta’ soġġorn irregolari fin-nuqqas tar-rekords xierqa (l-Artikolu 11)

– Bidla tal-Anness III

– It-tħassir tal-punt (f) tal-Anness II, tal-Anness IV u tal-Anness VIII

Bażi legali

L-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; minħabba li l-proposta tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli fil-fruntieri ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera esterna.

Din il-proposta temenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li kien imsejjes fuq id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jiġifieri l-Artikoli 62(1) u (2)(a) tiegħu.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

L-Artikolu 77 jagħti s-setgħa lill-Unjoni li tiżviluppa politika bil-għan li “tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni” u li “tassigura li jsiru kontrolli fuq persuni u sorveljanza effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni”.

Din il-proposta ma taqbiżx il-limiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet. L-għan ta’ din il-proposta huwa li jsiru l-emendi meħtieġa fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jiġu stabbiliti s-sistema ta’ dħul u ħruġ u l-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati. Dan it-tir ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri waħidhom minħabba li hija biss l-Unjoni li tista’ temenda Att tal-Unjoni li diġà jeżisti (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni trid tkun tippermetti li l-proposta tilħaq l-għan tagħha u li tiġi implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli.

Il-ħolqien ta’ Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fl-2006 kellu jsir taħt forma ta’ regolament, sabiex ikun żgurat li jiġi applikat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha li japplikaw l-acquis ta' Schengen. L-inizjattiva proposta — l-emendar tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen — hija emenda ta’ regolament li diġà jeżisti u tista' ssir biss permezz ta' regolament. Fir-rigward tal-kontenut, din l-inizjattiva hija limitata għal titjib tar-regolament eżistenti u hija msejsa fuq l-orjentazzjonijiet politiċi li fih. Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Regolament.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-UE.

5.           TAGĦRIF IEĦOR

Konsegwenzi tad-diversi protokolli annessi mat-Trattati u tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni konklużi ma’ pajjiżi terzi

Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, għax tirrigwarda l-qsim tal-fruntieri esterni. Għalhekk, iridu jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi għad-diversi protokolli u ftehimiet ta’ assoċjazzjoni fir-rigward tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit; tal-Bulgarija, tar-Rumanija u ta’ Ċipru; tal-Islanda u tan-Norveġja; kif ukoll tal-Isvizzera u tal-Liechtenstein. Is-sitwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati hija deskritta fil-premessi minn 10 sa 17 ta’ din il-proposta, u huma spjegat f’iżjed dettall fil-memoranda ta' spjegazzjoni għall-proposti leġiżlattivi dwar l-istabbiliment ta’ sistema ta’ dħul u ħruġ u ta’ programm tal-vjaġġaturi rreġistrati.

Ħarsa ġenerali fil-qosor lejn l-emendi proposti għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Artikolu 2, Definizzjonijiet

Definizzjonijiet addizzjonali

Punt 20: Definizzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ dħul u ħruġ

Punt 21: Definizzjoni tal-programm il-ġdid tal-vjaġġaturi rreġistrati

Punt 22: Definizzjoni ta’ "vjaġġatur irreġistrat"

Punt 23: Definizzjoni ta’ “kontroll awtomatizzat fil-fruntiera”

Artikolu 5a ġdid: Dejta li trid tiddaħħal fis-sistema ta’ dħul u ħruġ

L-obbligu ġenerali li persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li tidħol fiż-żona Schengen tiġi rreġistrata fis-sistema ta’ dħul u ħruġ qed jiddaħħal permezz ta’ Artikolu 5a ġdid bl-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw lill-persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li jkunu eżentati mill-kontrolli fil-fruntieri jew mill-obbligu li jaqsmu l-fruntieri esterni biss mill-punti tal-qsim tal-fruntieri jew fil-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti.

Artikolu 7: Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera

Fil-paragrafu (2) żdied l-obbligu li tiġi ċċekkjata l-awtentiċità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li jkun fihom mezz ta’ ħażna elettronika u li jużaw ċertifikati validi.

Fil-paragrafu (3)(a)(iii) l-obbligu li jiġi ċċekkjat jekk persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li tidħol fiż-żona Schengen tkunx diġà qabżet it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat billi jiġu ċċekkjati t-timbri fil-passaport ġie ssostitwit minn obbligu li tiġi kkonsultata s-sistema ta’ dħul u ħruġ.

Il-paragrafu (3)(aaa) il-ġdid jirregola l-obbligu li l-gwardji tal-fruntieri jivverifikaw jekk vjaġġatur bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ikunx diġà ġie rreġistrat fl-EES.

Fil-paragrafu (3)(b)(iv) dwar l-obbligu li l-gwardji tal-fruntieri jivverifikaw, waqt l-iċċekkjar tal-ħruġ, jekk persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz tkunx qabżet iż-żmien massimu permess għas-soġġorn, jiġi ċċarat li din il-verifikazzjoni trid issir billi tiġi kkonsultata s-sistema ta’ dħul u ħruġ.

Fil-paragrafu (3)(b)(v) tiġi deskritta l-verifikazzjoni tal-identità u tal-parteċipazzjoni fil-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati għal vjaġġatur irreġistrat.

Il-paragrafu (8) il-ġdid jipprevedi l-obbligu li l-gwardji tal-fruntieri jgħarrfu lill-persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, jekk dawn jagħmlu talba f’dan is-sens, dwar in-numru massimu ta' ġranet li jkunu jistgħu jibqgħu fiż-żona Schengen kif stabbilit fis-sistema ta’ dħul u ħruġ u, jekk ikun il-każ, fis-sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża.

L-Artikolu 7a: Kontrolli fil-fruntieri fuq vjaġġaturi rreġistrati u l-użu ta’ mezzi awtomatizzati għal kontrolli fil-fruntieri

L-Artikolu 7a(1) il-ġdid jiddeskrivi d-derogi li ġejjin mill-verifikazzjonijiet bir-reqqa previsti fl-Artikolu 7(3)(a) applikabbli għal vjaġġatur irreġistrat fil-punt tad-dħul fiż-żona Schengen.

- l-iċċekkjar bir-reqqa tad-dokument tal-ivvjaġġar (l-Artikolu 7(3)(a)(ii))

-   verifikazzjoni tal-punt tat-tluq u tad-destinazzjoni, kif ukoll tal-iskop tas-soġġorn, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn (l-Artikolu 7(3)(a)(iv))

-   aċċertament li l-persuna jkollha biżżejjed mezzi ta’ sussistenza (l-Artikolu 7(3)(a)(v))

Finalment, l-artikolu jipprovdi proċedura għall-vjaġġaturi li jiġu identifikati minn bieb ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera bħala vjaġġaturi mhux irreġistrati jew għall-vjaġġaturi rreġistrati li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tad-dħul. F'dawn il-każijiet japplikaw il-proċeduri normali (imwettqin minn gwardja tal-fruntiera) previsti fl-Artikolu 7(3)(a).

Il-paragrafu 2 jiftaħ il-possibbiltà li jintużaw mezzi ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera flimkien ma’ "kjoskijiet self-service" għall-vjaġġaturi fejn il-marki tas-swaba’ jinħażnu fil-VIS jew fid-dokument tal-ivvjaġġar (passaport bijometriku) u fejn l-awtoritajiet tal-gwardji tal-fruntieri jkollhom aċċess għal dawn il-marki tas-swaba'. F’dan il-proċess iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 7(3)(a).

Il-paragrafu 3 jipprevedi l-possibbiltà li jintużaw mezzi ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għall-kontrolli tal-ħruġ fuq il-persuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2. Il-kontrolli previsti fl-Artikolu 7(3)(b) u (c) jibqgħu applikabbli, ħlief għall-verifikazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar għal sinjali ta’ falsifikazzjoni jew qerq (l-Artikolu 7(3)(b)(ii)).

Il-paragrafi 2 u 3 mhumiex emendi tekniċi determinati mill-introduzzjoni tas-sistema ta’ dħul u ħruġ u tal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati iżda dispożizzjonijiet addizzjonali biex ikomplu jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-kontrolli fil-fruntieri bl-użu ta’ teknoloġiji moderni. Il-kundizzjonijiet tad-dħul u tal-ħruġ għall-vjaġġaturi kkonċernati bħala tali ma jinbidlux.

L-Artikolu 8: Tnaqqis tal-verifiki fuq il-fruntiera

It-test eżistenti jiġi adattat għall-ħolqien tas-sistema ta’ dħul u ħruġ u għall-abolizzjoni tal-ittimbrar tal-passaporti. Jiġi enfasizzat l-obbligu li d-dejta tal-vjaġġatur tiddaħħal fis-sistema ta’ dħul u ħruġ dejjem meta wieħed joħroġ miż-żona Schengen. Anki f'sitwazzjonijiet fejn il-proċeduri tal-kontrolli fil-fruntieri jiġu llaxkati, issir ir-reġistrazzjoni fis-sistema ta’ dħul u ħruġ.

Artikolu 9: Korsiji separati u informazzjoni fuq tabelli

Il-paragrafu 2(a) jikkjarifika li l-vjaġġaturi rreġistrati jistgħu jużaw il-korsiji previsti għaċ-ċittadini tal-UE.

Jiżdied paragrafu 6 ġdid sabiex titqies l-introduzzjoni ta’ mezzi ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera. Sabiex naħdmu b’mod armonizzat, l-Istati Membri jużaw, għall-korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera, it-tabelli li jidhru fil-Parti D tal-Anness III. Dawn jintużaw mill-Istati Membri kollha fil-punti kollha tal-qsim tal-fruntieri.

Artikolu 11: Preżunzjonijiet fir-rigward tat-twettiq tal-kondizzjonijiet tat-tul ta’ soġġorn

It-test eżistenti jiġi adattat għall-ħolqien tas-sistema ta’ dħul u ħruġ. Bħalissa, l-Artikolu 11 jirregola l-proċeduri u s-suppożizzjonijiet fil-każ tan-nuqqas ta’ timbri tad-dħul jew tal-ħruġ. Bis-sistema ta’ dħul u ħruġ, l-ittimbrar se jiġi ssostitwit minn reġistrazzjoni fis-sistema ta’ dħul u ħruġ.

Anness III: Mudelli ta’ tabelli li jindikaw il-korsiji fil-punti tal-qsim tal-fruntieri

It-tabelli li jidhru fl-Anness III huma kkompletati biż-żieda ta’ sinjali ġodda għall-użu tal-mezzi ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera u għall-introduzzjoni tal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati.

2013/0060 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u tal-Programm ta' Vjaġġaturi Rreġistrati

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Europea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[1] jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, il-kriterji u r-regoli ddettaljati għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(2) [Ir-Regolament (UE) Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-sistema ta’ dħul u ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea] huwa maħsub biex tinħoloq sistema ċentralizzata għar-reġistrazzjoni tad-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għal soġġorn qasir.

(3) [Ir-Regolament (UE) Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati] huwa maħsub biex, fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri għal persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li jkunu jivvjaġġaw ta’ spiss, li r-rekords tagħhom ikunu ġew miflijin bir-reqqa minn qabel, u li d-dettalji tagħhom ikun ntgħarblu minn qabel. Dan l-iffaċilitar ikun fakultattiv, bl-użu ta’ faċilitajiet awtomatizzati għall-qsim tal-fruntieri.

(4) Sabiex isiru l-kontrolli fuq persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006, li jinkludu l-verifikazzjoni li l-persuna bin-nazzjonalità tal-pajjiż terz ma tkunx qabżet it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, il-gwardji tal-fruntieri għandhom jużaw l-informazzjoni kollha disponibbli, inkluża d-dejta fl-EES u fl-RTP.

(5) Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sistema ta’ dħul u ħruġ u tal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati, jeħtieġ li l-kontrolli tad-dħul u tal-ħruġ fil-fruntieri esterni jsiru b’mod armonizzat.

(6) Il-ħolqien ta’ sistema ta’ dħul u ħruġ u ta’ programm tal-vjaġġaturi rreġistrati jimplika l-ħtieġa li l-proċeduri biex isiru l-kontrolli fuq il-persuni meta jaqsmu l-fruntieri esterni, li ġew stabbiliti bir-Regolament 562/2006, jiġu adattati. Dan japplika, b'mod partikolari, għas-sostituzzjoni tal-ittimbrar tal-passaporti mad-dħul u mal-ħruġ bir-reġistrazzjoni ta’ dejta alfanumerika u bijometrika ta' ċerti persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz u għall-possibbiltà li jintużaw mezzi awtomatizzati għall-qsim tal-fruntieri.

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8) Meta wieħed iqis is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u fil-punti differenti tal-qsim tal-fruntieri fl-Istati Membri fir-rigward tan-numru ta’ persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk jadottawx teknoloġiji bħall-faċilitajiet awtomatizzati tal-qsim tal-fruntieri, u sa liema punt jużawhom.

(9) Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jipprovdi għal emendi għar-regoli eżistenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jista’ jintlaħaq biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit ukoll f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(10) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta bih u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk tkunx se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(11) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tat-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(12) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen; għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(13) Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dipożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

(14) Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE.

(15) Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu msemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE.

(16) Fir-rigward ta’ Ċipru, għal dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti relatati mal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew inkella huwa relatat miegħu, kif previst fl-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(17) Fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija, għal dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti relatati mal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew inkella huwa relatat miegħu, kif previst fl-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 huwa emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"20. “Sistema ta’ dħul u ħruġ” tfisser is-sistema stabbilita skont [ir-Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-sistema ta’ dħul u ħruġ biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea];

21. "Programm tal-vjaġġaturi rreġistrati” tfisser programm kif definit fl-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm tal-vjaġġaturi rreġistrati];

22. "Vjaġġatur irreġistrat" tfisser persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz kif definita fl-Artikolu 3 tar-Regolament XXX… [Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm tal-vjaġġaturi rreġistrati];

23. “Kontroll awtomatizzat tal-fruntieri (ABC)” tfisser sistema totalment awtomatizzata li tawtentika d-dokument tal-ivvjaġġar, tistabbilixxi li l-vjaġġatur ikun id-detentur leġittimu tad-dokument, tivverifika mar-reġistri tal-kontrolli tal-fruntieri u, fuq din il-bażi, tivverifika b’mod awtomatiku l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) li jirregolaw id-dħul.”

(2) Jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Dejta li trid tiddaħħal fis-sistema ta’ dħul u ħruġ

1. Id-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz li jiġu ammessi għal soġġorn qasir skont l-Artikolu 5(1) jitniżżlu fis-sistema ta’ dħul u ħruġ skont l-Artikoli 11 u 12 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-sistema ta’ dħul u ħruġ biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea].

2. B'deroga mill-paragrafu 1, id-dejta dwar il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin ma tiddaħħalx fis-sistema ta’ dħul u ħruġ:

(a)     Il-kapijiet ta’ Stat u l-membri tad-delegazzjoni tagħhom li jkunu jibbenefikaw mill-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet fil-fruntieri skont il-punt 1 tal-Anness VII;

(b)     il-bdoti ta’ inġenji tal-ajru u membri oħrajn tal-ekwipaġġ li jkunu jibbenefikaw mill-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet fil-fruntieri skont il-punt 2 tal-Anness VII;

(c)     il-baħrin li jkunu jibbenefikaw mill-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet fil-fruntieri skont il-punt 3 tal-Anness VII;

(d)     il-membri tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri tal-bastimenti tal-kruċieri li ma jkunux soġġetti għall-iċċekkjar fil-fruntieri skont l-Anness VI;

(e)      il-persuni abbord dgħajjes tad-divertiment li ma jkunux soġġetti għall-iċċekkjar fil-fruntieri skont l-Anness VI;

(f)      il-persuni li jkunu eżentati mill-obbligu li jaqsmu l-fruntieri esterni bilfors mill-punti tal-qsim tal-fruntieri u fil-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti skont l-Artikolu 4(2).

3. Id-dejta li tikkonċerna d-dħul u l-ħruġ ta’ detenturi ta’ permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera skont ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2], tista’ tiddaħħal fl-EES filwaqt li jingħata kas tal-iffaċilitar ipprovdut għall-qsim tal-fruntieri kif imsemmi fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament.

(3) l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)          fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

"Jekk il-passaport jew id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih mezz ta' ħażna elettronika (ċippa), l-awtentiċità tad-dejta taċ-ċippa tiġi approvata bl-użu tal-katina valida u kompluta taċ-ċertifikati, sakemm dan ma jkunx impossibbli minħabba li ma jkunx hemm ċertifikati validi jew għal raġunijiet tekniċi oħrajn." ;

(b)          il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)       il-punt (a)(iii) jinbidel b'dan li ġej:

"(iii) il-verifika li l-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ma tkunx diġà qabżet iż-żmien massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, billi tiġi kkonsultata l-EES skont l-Artikolu 15 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-sistema ta’ dħul u ħruġ biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea];"

(ii)      il-punt (aaa) li ġej jiddaħħal wara l-punt (aa):

"(aaa) Il-kontrolli bir-reqqa mad-dħul ikunu jinkludu wkoll il-verifika tal-identità tal-Vjaġġatur Irreġistrat u tal-aċċess mogħti lir-RTP, skont l-Artikolu 32 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati], jekk ikun il-każ.";

(iii)     Fil-punt (b), jiżdiedu l-punti (iv) u (v) li ġejjin:

"(iv) il-verifikazzjoni li l-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ma tkunx qabżet iż-żmien massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, billi tiġi kkonsultata s-sistema ta’ dħul u ħruġ skont l-Artikolu 15 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-sistema ta’ dħul u ħruġ biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea].

(v) il-verifikazzjoni tal-identità tal-vjaġġatur irreġistrat u tal-aċċess mogħti lir-RTP issir skont l-Artikolu 32 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati], jekk ikun il-każ.";

(iv)     fil-punt (c), il-punt (ii) jitħassar;

(c)        Jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

"8. Jekk issir talba għal dan, il-gwardja tal-fruntiera jinforma/tinforma lill-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz bl-għadd massimu tal-jiem ta’ soġġorn awtorizzati, wara li jikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni mas-sistema ta’ dħul u ħruġ u t-tul tas-soġġorn awtorizzat mill-viża, skont il-każ. Il-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz tista’ wkoll titlob għal rekord bil-miktub li jkun fih id-data u l-post tad-dħul jew tal-ħruġ.";

(4) jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

"Artikolu 7a

Kontrolli fil-fruntieri fuq vjaġġaturi rreġistrati u l-użu ta’ mezzi awtomatizzati għall-kontrolli fil-fruntieri

1. B’deroga mill-Artikolu 7(3)(a), il-kontrolli fuq vjaġġaturi rreġistrati ma jkunux jinkludu eżami tal-aspetti msemmijin fl-Artikolu 7(3)(a)(ii), (iv) u (v) ta’ dak il-paragrafu. Il-kontrolli fuq vjaġġaturi rreġistrati jistgħu jitwettqu permezz ta’ mezzi awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri, taħt is-superviżjoni ta’ gwardja tal-fruntiera.

Jekk il-kontroll imwettaq permezz ta’ mezzi awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri jiżvela li l-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ma tkunx vjaġġatur irreġistrat, jew li ma tkunux tissodisfa waħda jew diversi mill-kundizzjonijiet tad-dħul, il-persuna bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz tiġi rriferita għal kontroll skond l-Artikolu 7(3)(a).

2. Fil-każ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li l-marki tas-swaba’ tagħhom ikunu maħżunin fil-VIS jew fuq dokument tal-ivvjaġġar li l-gwardja tal-fruntiera jkun jista’ jkollu/jkollha aċċess għall-marki tas-swaba’ minnu teknikament u legalment, jistgħu jsiru kontrolli bir-reqqa mad-dħul permezz ta’ mezzi awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri, bl-użu wkoll ta’ kjoskijiet self-service, biex jiġu eżaminati l-aspetti msemmijin fl-Artikolu 7(3)(a)(ii), (iv) u (v). Il-proċess jiġi mmoniterjat mill-gwardja tal-fruntiera, li jieħu/tieħu deċiżjoni individwali li jawtorizza/tawtorizza jew jirrifjuta/tirrifjuta d-dħul.

3. B’deroga mill-Artikolu 7(3)(b)(ii), jistgħu jsiru kontrolli bir-reqqa mal-ħruġ fuq Vjaġġaturi Rreġistrati u fuq persuni li l-marki tas-swaba’ tagħhom ikunu maħżunin fil-VIS, jew fuq dokument tal-ivvjaġġar li l-gwardja tal-fruntiera jkollu/jkollha aċċess għall-marki tas-swaba’ kemm teknikament kif ukoll legalment, permezz ta’ mezzi awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri taħt is-superviżjoni ta' gwardja tal-fruntiera.”

(5) Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3.        Anke fil-każ ta’ llaxkar tal-kontrolli, il-gwardja tal-fruntiera jdaħħal/iddaħħal id-dejta fis-sistema ta’ dħul u ħruġ kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ, skont l-Artikolu 5a. Fejn id-dejta ma tkunx tista’ tiddaħħal elettronikament, tiddaħħal manwalment.

B’deroga mill-Artikolu 5a, f’każ ta’ impossibbiltà teknika jew falliment fis-sistema d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ tista’ tinħażen lokalment u tiddaħħal fis-sistema ta’ dħul u ħruġ malli l-impossibbiltà jew il-ħsara jkunu ġew irrimedjati."

(6) l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)          Fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) Persuni li jgawdu l-jedd tal-moviment ħieles skont id-dritt tal-Unjoni u l-vjaġġaturi rreġistrati huma intitolati jużaw il-korsiji indikati bit-tabelli li jidhru fil-partijiet A u B tal-Anness III. Jekk ikollhom passaporti bijometriċi, jistgħu jużaw ukoll il-korsiji indikati bit-tabelli li jidhru fil-Parti D tal-Anness D”;

(b)          jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

"6. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw mezzi awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri, jużaw it-tabelli previsti fil-parti D tal-Anness III biex jidentifikaw il-korsiji rispettivi.”

(7) L-Artikolu 10 jitħassar.

(8) L-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Preżunzjonijiet fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn

1. Jekk persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li tkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru ma jkollhiex reġistrazzjoni tad-dħul fis-sistema ta’ dħul u ħruġ, jew jekk ir-reġistrazzjoni tad-dħul ta’ persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ma tkunx tinkludi data tal-ħruġ li tkun tiġi wara d-data ta’ meta jagħlaq iż-żmien mogħti għas-soġġorn awtorizzat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jissoponu li l-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ma tkunx tissodisfa, jew ma tkunx għadha tissodisfa, il-kundizzjonijiet relatati mat-tul tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.

2. Is-suppożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi kkonfutata meta l-persuna bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz tipprovdi, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli, bħal biljetti tat-trasport jew prova tal-preżenza tagħha barra mit-territorju tal-Istat Membru, li turi li tkun irrispettat il-kundizzjonijiet relatati mat-tul ta’ soġġorn qasir.

Is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfutata wkoll meta persuna bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz tipprovdi, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli li tkun tgawdi mill-jedd tal-moviment ħieles skont id-dritt tal-Unjoni.

F’każijiet bħal dawn, jekk ikun meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti joħolqu fajl tas-sistema ta’ dħul u ħruġ għal dik il-persuna u joħolqu rekord tad-dħul, jaġġornaw l-aktar reġistrazzjoni riċenti ta’ dħul billi jdaħħlu d-dejta li ġejja minbarra d-dejta msemmija fl-Artikoli 11 u 12 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-sistema ta' dħul u ħruġ biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea] jew iħassru fajl eżistenti:

(a)        id-data li fiha l-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz tkun qasmet il-fruntiera esterna ta’ wieħed mill-Istati Membri biex tidħol jew biex toħroġ, u l-punt tal-qsim tal-fruntiera minn fejn tkun għaddiet;

(b)        l-awtorità li tkun daħħlet id-dejta;

(c)        id-data meta tkun iddaħħlet id-dejta;

(d)        id-data tal-iskadenza l-ġdida tal-awtorizzazzjoni għal soġġorn.

3.         Jekk is-suppożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix ikkonfutata, il-persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz tista’ titkeċċa mill-awtoritajiet kompetenti mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Persuna bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li tgħid li tgawdi l-jedd għall-moviment ħieles skont id-dritt tal-Unjoni iżda li ma jirnexxilhiex tagħti prova ta’ dan, tista' titkeċċa biss mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-fruntieri u mill-immigrazzjoni tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat skont id-Direttiva 2004/38/KE.";

(9) il-punt (f) fl-Anness II jitħassar;

(10) L-Anness III jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament;

(11) L-Anness IV jitħassar.

(12) L-Anness VIII jitħassar.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen tal-21 ta’ Novembru 1994 (SCH/Com-ex (94) 16 rev.) titħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-dati indikati fl-Artikolu 48 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-sistema ta’ dħul u ħruġ biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea] u fl-Artikolu 64 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ vjaġġaturi rreġistrati]. [id-dati konkreti se jiddaħħlu meta jkun possibbli]

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

Anness

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 562/2006, tiżdied il-parti D li ġejja:

"PARTI D

Parti D1: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għaċ-ċittadini tal-UE/taż-ŻEE/tal-CH

Ma hemmx għalfejn jintużaw l-istilel għall-Isvizzera, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Islanda

Parti D2: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għall-persuni bin-nazzjonalità ta’ pajjiż terz

Ma hemmx għalfejn jintużaw l-istilel għall-Isvizzera, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Islanda

Parti D3: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għall-passaporti kollha

Ma hemmx għalfejn jintużaw l-istilel għall-Isvizzera, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Islanda”

[1]               ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1.

Top