EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0017

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi

/* COM/2013/017 final */

52013PC0017

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi /* COM/2013/017 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi

1.           Introduzzjoni

L-Ewropa hija dipendenti ħafna fuq iż-żejt impurtat għall-mobbiltà u t-trasport tagħha: fl-2010, iż-żejt kien responsabbli għal 94 % mill-enerġija kkunsmata fit-trasport, b'55 % l-akbar konsumatur, 84 % minnu impurtat, bi spejjeż li laħqu l-EUR 1 biljun kuljum fl-2011, li wasslu għal defiċit sinifikanti fil-bilanċ kummerċjali tal-UE ta' madwar 2.5 % mill-PDG. Il-provvista taż-żejt tagħna, u għalhekk il-mobbiltà tagħna, tiddependi l-aktar fuq reġjuni politikament instabbli, u dan iżid it-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista. L-għoli tal-prezzijiet xprunat mill-ispekulazzjoni dwar l-impatt tal-interruzzjoni fil-provvista taż-żejt, sewa lill-ekonomija Ewropea EUR 50 biljun addizzjonali fis-sena matul l-aħħar erba’ snin.

L-effett tad-dipendenza fuq iż-żejt fuq l-ekonomija Ewropea huwa kbir wisq biex jinċaħad - jeħtieġ li l-Unjoni tieħu azzjoni biex twaqqfu. Strateġija għas-settur tat-trasport biex il-fjuwils alternattivi gradwalment jieħdu post iż-żejt u biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa, tista' ġġib magħha ffrankar fuq l-importazzjoni taż-żejt li sal-2020 ikun ilaħħaq l-EUR 4.2 biljun fis-sena, EUR 9.3 biljun fis-sena sal-2030, u EUR 1 biljun oħra fis-sena mit-tnaqqis taż-żidiet f’salt tal-prezzijiet.

L-appoġġ għall-iżvilupp tas-suq tal-fjuwils alternattivi u l-investiment fl-infrastruttura tagħhom fl-Ewropa se jagħti spinta lit-tkabbir u joħloq firxa wiesgħa ta’ impjiegi fl-UE. Ir-riċerka mwettqa mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Klima ssib li l-bidla għal karozzi aktar ekoloġiċi, sal-2025 tista’ tiġġenera madwar 700 000 impjieg addizzjonali. L-azzjoni intensiva min-naħa tal-Unjoni bħala dik li tieħu l-ewwel pass lejn soluzzjonijiet innovattivi ta’ fjuwils alternattivi (pereżempju rigward il-batteriji u l-unitajiet tal-ġbid) se toħloq opportunitajiet ġodda għall-industrija Ewropea u ssostni l-kompetittività tal-Ewropa fis-suq globali emerġenti.

Fjuwils alternattivi b’livell baxx ta’ CO2, flimkien ma' żieda fl-effiċjenza tat-trasport, huma indispensabbli għad-dekarbonizzazzjoni gradwali tat-trasport, għan ewlieni tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[1] lejn il-mira ta' tnaqqis ta' 60 % fl-emissjonijiet tas-CO2 mit-transport sal-2050, kif stipulat fil-“Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport - Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (White Paper dwar it-Trasport tal-2011)[2] Tali fjuwils huma wkoll ta’ benefiċċju għax iservu ta’ għajnuna għaż-żoni urbani sabiex dawn jissodisfaw l-obbligi tal-kwalità tal-arja tal-Unjoni.

Vetturi b’żewġ roti li jaħdmu b’mutur, u li jagħmlu użu minn fjuwils alternattivi, jikkontribwixxu wkoll għal dawn l-għanijiet.

Fil-preżent, l-iżvilupp tas-suq tal-fjuwils alternattivi għadu qed jinżamm lura minn nuqqasijiet teknoloġiċi u kummerċjali, nuqqas ta’ aċċettazzjoni mill-konsumatur, u nuqqas ta’ infrastruttura adegwata. Il-prezz għoli attwali tal-applikazzjonijiet innovattivi ta’ fjuwils alternattivi huwa l-aktar konsegwenza ta’ dawn in-nuqqasijiet. L-inizjattivi li jappoġġjaw il-fjuwils alternattivi għat-trasport jeżistu fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, iżda tinħass il-ħtieġa ta’ strateġija globali koerenti u stabbli b’qafas regolatorju favur l-investiment.

Għal dawn ir-raġunijiet, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija komprensiva għall-fjuwils alternattivi u triq għall-implimentazzjoni tagħha, li jkopru l-modi kollha tat-trasport. Il-komunikazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ta’ politika fit-tul biex tiggwida l-iżvilupp teknoloġiku u l-investimenti rigward l-implimentazzjoni ta' dawn il-fjuwils, u biex tagħti kunfidenza lill-konsumaturi.

Proposta leġiżlattiva li takkumpanjaha[3] tipprovdi direzzjoni ġenerali għall-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi fiż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport. L-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà li jiżviluppaw oqfsa ta’ politika għall-iżvilupp tas-suq tal-fjuwils alternattivi fil-kuntest nazzjonali tagħhom. Il-proposta tistabbilixxi wkoll miri vinkolanti għall-bini ta’ infrastruttura meħtieġa, inklużi speċifikazzjonijiet tekniċi komuni. Għal punti tal-iċċarġjar elettriċi, il-proposta tipprovdi soluzzjoni ta' konnettur uniku li jiżgura interoperabilità mal-UE kollha u ċertezza fis-suq.

L-istrateġija proposta f’din il-Kommunikazzjoni tibni fuq xogħol sostanzjali mal-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili - fil-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar Fjuwils Futuri għat-Trasport[4][5], il-Grupp Espert Konġunt għat-Trasport u l-Ambjent[6], CARS 21[7], konsultazzjoni pubblika[8], u studji[9].

Għal żmien twil l-Unjoni investiet fir-riċerka u l-iżvilupp tal-fjuwils alternattivi. Il-proposta tal-Kummissjoni għat-tassazzjoni fuq l-enerġija bbażata fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u l-kontenut tal-enerġija[10] tappoġġja l-fjuwils alternattivi. Il-leġiżlazzjoni tal-UE li tillimita l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u l-vannijiet[11] stimulat lill-industrija biex tiżviluppa teknoloġiji tal-fjuwils alternattivi b’livell baxx ta’ CO2. Madanakollu, inizjattivi Ewropej preċedenti li jappoġġjaw il-fjuwils alternattivi[12], inklużi l-kwota tas-suq[13] u t-tassazzjoni favorevoli[14], ġew segwiti b’mod sparpaljat.

Ċerti Stati Membri adottaw miri ambizzjużi rigward l-użu ta' fjuwils alternattivi u ħadu inizjattivi fir-rigward tal-infrastruttura[15], li wasslu għal ċertu progress. Fi Stati Membri oħra, id-diskussjonijiet dwar l-inizjattivi bdew biss reċentement u l-progress miexi bil-mod. Iżda mal-Unjoni Ewropea kollha hemm xejra komuni rigward l-użu tal-potenzjal tal-fjuwils alternattivi fit-trasport. Madanakollu, għażliet teknoloġiċi differenti f’partijiet differenti tal-Ewropa, wasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern, u b’hekk ħolqu fruntieri teknoloġiċi li jfixklu l-mobbiltà ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi mal-Ewropa kollha. Il-penetrazzjoni tas-suq hija mfixkla bin-nuqqas ta' infrastruttura u speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, u teħtieġ miżuri tal-politika speċifiċi addizzjonali.

Il-koordinazzjoni mal-Ewropa kollha hija meħtieġa biex tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-użu fuq skala kbira tal-fjuwils alternattivi. Qafas ta’ politika stabbli b'miri vinkolanti għall-evoluzzjoni tal-infrastruttura huwa essenzjali biex jattira l-investiment privat fil-provvediment ta’ fjuwils alternattivi u l-infrastruttura, mingħajr ma jkun ta’ piż għall-baġits pubbliċi. L-intervent pubbliku għall-ħolqien ta’ qafas regolatorju ċar għandu jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur fl-istadji bikrija tal-adozzjoni mis-suq u jikkumplimenta l-isforzi sinifikanti li qegħdin isiru diġà mill-Istati Membri u l-industrija.

2.           Taħlita komprensiva ta’ fjuwils alternattivi

Strateġija konsistenti fit-tul għall-fjuwils alternattivi trid tissodisfa l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-modi kollha tat-trasport u tkun konsistenti mal-istrateġija UE-2020, inkluż id-dikarbonizzazzjoni. Madanakollu, l-alternattivi disponibbli u l-ispejjeż tagħhom ivarjaw minn mezz għall-ieħor. Il-benefiċċji tal-fjuwils alternattivi huma inizjalment akbar f’żoni urbani fejn l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu huma ta’ tħassib kbir u fit-trasport tal-merkanzija fejn l-alternattivi laħqu livell ta’ maturità suffiċjenti. Għal ċerti modi ta’ transport, b’mod partikulari l-ġarr fit-tul tal-merkanzija bl-art u l-avjazzjoni, hemm ammont limitat ta’ alternattivi disponibbli. Ma hemm l-ebda soluzzjoni unika għall-fjuwils għall-futur tal-mobbiltà u l-għażliet ewlenin kollha għall-fjuwils alternattivi għandhom jiġu segwiti, b’enfasi fuq il-ħtiġijiet ta’ kull mod ta’ trasport.

Għalhekk, approċċ strateġiku biex l-Unjoni tissodisfa l-ħtiġijiet fit-tul tal-mezzi kollha tat-trasport, għandu jibni fuq taħlita komprensiva ta' fjuwils alternattivi. L-għażliet kollha għandhom jiġu inklużi fl-istrateġija mingħajr ma tingħata preferenza lil fjuwil partikulari. Id-disponibbiltà ta’ fjuwils alternattivi mal-UE kollha u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni għandhom jiġu pprovduti għall-fjuwils alternattivi kollha ppreżentati fit-Tabella 1.

Mezz Fjuwil Medda || Triq-passiġġieri || Triq-merkanzija || Ajru || Ferrovjarju || Ilma

qasira || medja || twila || qasira || medja || twila || || || interna || Distanzi qosra || marittima

LPG || || || || || || || || || || ||

Gass Naturali || LNG || || || || || || || || || || ||

CNG || || || || || || || || || || ||

Elettriku || || || || || || || || || || ||

Bijofjuwils (likwidi) || || || || || || || || || || ||

Idroġenu || || || || || || || || || || ||

Tabella 1: Il-modi tat-trasport u l-medda tal-ivvjaġġar bil-fjuwils alternattivi ewlenin

Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għat-trasport hija garantita permezz tad-diversifikazzjoni wiesgħa ta’ sorsi għall-fjuwils alternattivi differenti, b’mod partikulari permezz tal-użu tat-trasportaturi tal-enerġija universali tal-idroġenu u l-elettriku, u r-rabta mill-qrib tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

2.1.        LPG (Gass Likwifikat miż-Żejt)

L-LPG (Gass Likwifikat miż-Żejt) huwa prodott derivat mill-katina tal-fjuwil tal-idrokarbonju. L-użu tiegħu fit-trasport iżid l-effiċjenza fir-riżorsi. Bħalissa, dan il-gass jiġi derivat miż-żejt mhux maħdum u mill-gass naturali; u fil-futur possibbilment anke mill-bijomassa. Bħalissa, l-gass (il-gass naturali kif ukoll l-LPG) qed jinħaraq fi kwantitajiet kbar[16] (140 biljun metru kubiku fl-2011). L-LPG jintuża ħafna fl-Ewropa, u huwa responsabbli għal 3 % tal-fjuwils tal-magni u jħaddem 9 miljun karozza. L-infrastruttura tal-LPG hija mifruxa sew, b’madwar 28 000 sit minn fejn jista' jinxtara l-fjuwil fl-UE, iżda b’distribuzzjoni żbilanċjata ħafna mal-Istati Membri kollha. Il-vantaġġ tiegħu, li jikkonsisti mill-produzzjoni ta’ emissjonijiet baxxi ta' sustanzi li jniġġsu, beda jonqos minħabba li l-istandards EURO avvanzaw lejn limiti ta’ emissjonijiet ġenerali aktar baxxi. Madanakollu, l-LPG jibqa’ vantaġġ ċar fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ partikoli, u xorta jista’ jespandi s-sehem tiegħu fis-suq, anke jekk dan probabbli se jibqa’ suq speċjalizzat.

2.2.        Gass naturali li jinkludi l-bijometan

Il-gass naturali jista’ jiġi fornut minn riżervi kbar tal-fjuwils fossili[17], minn bijomassa u skart bħall-bijometan, fejn il-produzzjoni għandha tiġi minn sorsi sostenibbli, u fil-futur anke minn “metanizzazzjoni” tal-idroġenu ġenerat mill-elettriku rinnovabbli[18]. Kollha jistgħu jiġu injettati fil-grilja tal-gass naturali għall-provvista minn netwerk uniku. Il-gass naturali joffri perspettiva fit-tul f'termini ta’ sigurtà tal-provvista għat-trasport, u potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-fjuwils tat-trasport. Joffri wkoll benefiċċji ambjentali sinifikanti, b’mod partikolari meta jiġi mħallat mal-bijometan u jekk jiġu minimizzati l-emissjonijiet li jaħarbu. Il-gass naturali jippreżenta wkoll vantaġġ f’emissjonijiet baxxi.

LNG (Gass Naturali Likwifikat)

Il-gass naturali likwifikat (LNG) b’densità għolja ta' enerġija joffri alternattiva kosteffiċjenti għad-diżil għal attivitajiet fuq l-ilma (trasport, servizzi lil hinn mill-kosta, u sajd), trakkijiet u ferroviji, b’sustanzi li jniġġsu u emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi u effiċjenza tal-enerġija ogħla. L-LNG huwa adattat b'mod partikulari għat-trasport tal-merkanzija bit-triq fit-tul, li għalih l-alternattivi għad-diżil huma limitati ħafna. It-trakkijiet jistgħu jkunu kapaċi jilħqu l-limiti aktar stretti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu ta' standards EURO VI tal-futur b'mod kosteffiċjenti.

L-LNG huwa wkoll għażla attraenti ta’ fjuwil għall-bastimenti b’mod partikulari biex jintlaħqu l-limiti l-ġodda għall-kontenut tal-kubrit fi fjuwils marittimi li jrid jonqos minn 1 % għal 0.1 % mill-1 ta’ Jannar 2015 fiż-Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Kubrit (SECAs) fil-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana u l-English Channel kif stabbilit mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO)[19]. Dawn l-obbligi se jkunu relevanti għal madwar nofs l-10 000 bastiment li bħalissa joperaw fit-tbaħħir intra-UE. L-LNG huwa alternattiva ekonomika attraenti wkoll għat-tbaħħir lil hinn mis-SECAs, fejn il-limiti tal-kubrit se jonqsu minn 3.5 % għal 0.5 % mill-1 ta’ Jannar 2020, u globalment.

In-nuqqas ta’ infrastruttura għall-forniment tal-fjuwil u speċifikazzjonijiet tekniċi komuni dwar it-tagħmir għall-forniment tal-fjuwil u regolamenti ta’ sikurezza għall-bunkering ifixklu l-adozzjoni tas-suq[20]. L-LNG fit-tbaħħir, min-naħa l-oħra, jista' jkun ekonomikament vijabbli, bil-prezzijiet tal-UE attwali jkunu ħafna aktar baxxi milli għaż-żejt tal-fjuwil tqil u ż-żejt tal-gass marittimu b'livell baxx ta' kubrit, u bi prospetti ta’ firxiet dejjem jiżdiedu fil-futur.

L-iżvilupp tal-LNG f’materja prima fuq livell globali jista’ jtejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija inġenerali billi jagħti spinta lill-użu tal-gass naturali bħala fjuwil għat-trasport. L-użu tal-LNG fit-trasport jista' jżid ukoll il-valur tal-gass li kieku minflok jinħaraq bħala gass żejjed.

CNG (Gass Naturali Kkompressat):

It-teknoloġija tal-vetturi tal-gass naturali mmaturat biżżejjed biex tidħol b'mod wiesa' fis-suq, bi kważi miljun vettura fit-toroq tal-Ewropa u madwar 3 000 stazzjon għall-mili tal-fjuwil. Stazzjonijiet addizzjonali għall-mili tal-fjuwil jistgħu jiġu fornuti faċilment min-netwerk dens ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fl-Ewropa, dejjem jekk il-kwalità tal-gass hija suffiċjenti għall-vetturi tas-CNG.

Il-vetturi tas-CNG għandhom emissjonijiet baxxi ta’ sustanzi li jniġġsu u għalhekk malajr bdew jintużaw fi flotot urbani ta' karozzi tal-linja, kif ukoll bħala trakkijiet ta' utilità u taksis. Vetturi ottimizzati li jaħdmu bil-gass biss jista' jkollhom effiċjenza ogħla ta' enerġija.

Wieħed jista' jistenna żvilupp tas-suq ekonomikament vijabbli minn inizjattivi privati, minħabba li l-vetturi tas-CNG huma kompetittivi ma’ vetturi konvenzjonali f’termini ta’ prezz u prestazzjoni, u minħabba li l-gass naturali huwa orħos mill-petrol u diżil. Iżda l-intervent tal-gvern huwa meħtieġ biex jiġu evitati swieq frammentati fil-livell tal-UE u biex tiġi permessa mobbiltà wiesgħa fl-UE għall-vetturi tas-CNG.

GTL (Gass-għal-Likwidu)

Il-gass naturali jista’ jiġi wkoll ittrasformat fi fjuwil likwidu billi l-ewwel jiġi dekompost f’“gass sintetiku”, li jikkonsisti mill-idroġenu u mill-monossidu tal-karbonju, u mbagħad jiġi rfinat fi fjuwil sintetiku bl-istess karatteristiċi tekniċi bħall-fjuwils konvenzjonali, kompatibbli kompletament mal-magni ta’ kombustjoni u l-infrastruttura tal-fjuwil eżistenti. Fjuwils sintetiċi jistgħu jiġu prodotti wkoll mill-bażi tal-iskart. Dawn itejbu s-sigurtà tal-provvista u jnaqqsu l-emissjonijiet niġġiesa mill-vetturi tal-lum il-ġurnata. Barra minn hekk jippromwovu teknoloġiji avvanzati tal-magni b'effiċjenza tal-enerġija ogħla. Bħalissa, madanakollu, l-ispejjeż għolja jillimitaw l-adozzjoni mis-suq.

2.3         L-elettriku

Il-vetturi elettriċi (EVs), li jagħmlu użu minn mutur elettriku effiċjenti ħafna għall-propulsjoni, jistgħu jiġu fornuti bl-elettriku mill-grilja, li dejjem ġej aktar minn sorsi tal-enerġija b'livell baxx ta' CO2. L-iċċarġjar flessibbli tal-batteriji tal-vetturi, fi żminijiet ta' domanda baxxa jew ta’ provvista wiesgħa, isostni l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija. L-EVs ma jirrilaxxawx sustanzi li jniġġsu u lanqas storbju, u għalhekk huma partikolarment adattati għaż-żoni urbani. Konfigurazzjonijiet ibridi, li jikkombinaw magni ta’ kombustjoni interna u muturi elettriċi, jistgħu jiffrankaw iż-żejt u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 billi jtejbu l-effiċjenza globali tal-enerġija tal-propulsjoni (sa 20 %), iżda, mingħajr possibbiltajiet ta' ċċarġjar estern, ma jirrappreżentawx teknoloġija ta' fjuwils alternattivi.

It-teknoloġija tal-vetturi elettriċi qed issib saqajha, u l-użu tal-EVs qed jikber. L-Istati Membri jimmiraw li sal-2020 ikollhom 8-9 miljun EV fit-toroq. Il-kwistjonijiet ewlenin huma l-ispejjeż għolja, id-densità baxxa tal-enerġija, u t-toqol tal-batteriji. Dawn jillimitaw ħafna l-medda tas-sewqan tal-vetturi. L-iċċarġjar normali jieħu diversi sigħat. L-iċċarġjar mgħaġġel u possibbilment induttiv, jew it-tibdil tal-batteriji, jistgħu jtaffu din il-problema. It-titjib fit-teknoloġija tal-batteriji huwa essenzjali għall-adozzjoni tal-EVs mis-suq. Il-vetturi elettriċi b'żewġ roti għandhom il-vantaġġi kollha tal-EVs u jistgħu jikkontribwixxu għall-penetrazzjoni wiesgħa tagħhom fis-suq.

In-nuqqas ta' punti tal-iċċarġjar bi plagg komuni huwa ostaklu ewlieni għall-adozzjoni mis-suq. Ikun hemm bżonn li jitqiegħdu fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol u fi spazji pubbliċi wkoll. Fil-preżent, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma għandhomx għadd suffiċjenti ta' punti tal-iċċarġjar ta’ aċċess pubbliku, u ma ħabbrux politiki għall-iżvilupp ta' netwerk adegwat ta' faċilitajiet għall-iċċarġjar.

L-EVs jistgħu jintużaw ukoll għall-ħażna tal-elettriku u l-istabbilizzazzjoni tal-grilja, u jkun hemm bżonn ta’ interazzjoni kkontrollata man-netwerk tal-elettriku sabiex jippermettu sistema tal-prezzijiet tal-elettriku flessibbli bbażata fuq id-domanda u l-provvista.

L-elettriku jista’ jforni enerġija nadifa wkoll lit-trasport fuq l-ilma. L-użu tal-elettriku mal-kosta minn bastimenti rmiġġati fil-portijiet huwa rrakkomandat għal fejn jinqabżu l-limiti tal-istorbju jew tal-kwalità tal-arja[21].

2.4.      Bijofjuwils (likwidi)

Il-bijofjuwils bħalissa huma l-aktar tip ta’ fjuwils alternattivi importanti, u jammontaw għal madwar 4.4 %[22] tat-trasport tal-UE. Jistgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ġenerali tas-CO2, jekk jiġu prodotti b’mod sostenibbli u ma jikkawżawx tibdil indirett fl-użu tal-art. Jistgħu jipprovdu enerġija nadifa lill-modi kollha tat-trasport. Madanakollu, ir-restrizzjonijiet fuq il-provvista u l-konsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà jistgħu jillimitaw l-użu tagħhom.

Il-bijofjuwils jistgħu jiġu prodotti minn firxa wiesgħa ta’ bażijiet permezz ta’ teknoloġiji li l-ħin kollu jiżviluppaw u jintużaw direttament jew jiġu mħallta ma' fjuwils fossili konvenzjonali. Jinkludu l-bijoetanol, il-bijometanol u bijoalkoħoliċi ogħla, il-bijodiżil (ester tal-metil ta' aċidu grass, FAME), żjut veġetali puri, żjut veġetali idrotrattati, dimethyl ether (DME), u komposti organiċi.

Il-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni huma bbażati fuq uċuħ tar-raba' u xaħmijiet tal-annimali. Jinkludu l-aktar il-bijodiżil u l-bijoetanol. Sabiex ittaffi l-impatti possibbli ta’ ċerti bijofjuwils, il-Kummissjoni pproponiet[23] li tillimita l-ammont ta’ bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni li jistgħu jingħaddu lejn il-miri tad-Direttiva tal-Enerġija Rinnovabbli[24] għal 5 %, u żiedet l-inċentivi għall-bijofjuwils avvanzati bħal dawk magħmula mill-bijomassa linjoċellulożika, residwi, skart, u bijomassa oħra mhux tal-ikel, inklużi l-alka u l-mikrobi. Wara l-2020, il-Kummissjoni taħseb li l-bijofjuwils tal-aħħar biss għandhom jirċievu appoġġ mill-pubbliku.

Il-bijofjuwils likwidi disponibbli fis-suq illum huma fil-biċċa l-kbira bijofjuwils tal-“ewwel ġenerazzjoni”. Taħlitiet bi fjuwils fossili konvenzjonali huma kompatibbli mal-infrastruttura eżistenti tal-fjuwils, u ħafna vetturi u bastimenti huma kompatibbli mat-taħlitiet disponibbli bħalissa (E10 – petrol b’massimu ta’ 10 % bijoetanol u diżil u b’kontenut massimu ta’ 7 % bijodiżil FAME). Taħlitiet ogħla jistgħu jkunu jeħtieġu adattazzjonijiet minuri ta' unitajiet tal-ġbid, u l-iżvilupp ta' standards tal-fjuwil korrispondenti. Taħlita b’livell għoli ta’ petrol u etanol b’85 % etanol (E85) tintuża biss fi ftit Stati Membri f’vetturi flessibbli fl-użu tal-fjuwil (FFVs) li jistgħu jagħmlu użu wkoll minn taħlitiet aktar baxxi.

L-aċċettazzjoni tal-bijofjuwils mill-konsumatur ġiet imfixkla min-nuqqas ta’ azzjoni kkoordinata mal-Istati Membri meta dawn introduċew taħlitiet ġodda ta’ fjuwils, in-nuqqas ta' speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, u n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta' fjuwils ġodda mal-vetturi.

Ċerti bijofjuwils, bħaż-żjut veġetali idrotrattati, jistgħu jitħalltu fi kwalunkwe kwantità ma’ fjuwils konvenzjonali, u huma kompatibbli kompletament mal-infrastruttura eżistenti għall-forniment tal-fjuwil u l-vetturi tat-triq, bastimenti, ferroviji, u ajruplani għal taħlitiet sa massimu ta' 50 %.

Għall-avjazzjoni, il-bijofjuwils avvanzati huma l-unika għażla b'livell baxx ta' CO2 minflok il-pitrolju. Il-kompatibbiltà tal-bijopitrolju mal-ajruplani tal-lum ġiet ippruvata. Madanakollu, jeħtieġ li l-prezz isir kompetittiv. L-inizjattiva tal-Unjoni “Flightpath 2050”[25] għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'75 % u l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) b'90 %.

2.5.        Idroġenu

L-idroġenu huwa trasportatur tal-enerġija universali u jista' jiġi prodott mis-sorsi tal-enerġija primarji kollha. Jista’ jservi ta’ fjuwil għat-trasport u bħala mezz ta’ ħażna għall-enerġija mix-xemx u mir-riħ. L-użu tiegħu għalhekk itejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2. L-idroġenu jintuża bl-aktar mod effiċjenti f’ċellula tal-fjuwil li hija darbtejn aktar effiċjenti mill-magna ta’ kombustjoni. Jista’ jintuża wkoll bħala bażi għall-produzzjoni ta' fjuwils likwidi ta' diversi tipi, li jistgħu jiġu mħallta ma’ petrol normali jew mad-diżil, jew jintużaw flokhom.

Il-vetturi taċ-ċelluli tal-fjwuil tal-idroġenu huma qegħdin jimmaturaw teknikament, kif jidher fil-karozzi tal-passiġġieri, il-karozzi tal-linja tal-ibliet[26], il-vannijiet ħfief u l-applikazzjonijiet tal-bastimenti interni. Għandhom prestazzjoni, medda u ħinijiet għall-mili tal-fjuwil komparabbli mal-vetturi tal-petrol u tad-diżil. Fil-preżent qegħdin jintużaw madwar 500 vettura, u qegħdin joperaw madwar 120 stazzjon għall-mili tal-idroġenu. L-industrija ħabbret il-provvediment progressiv ta’ vetturi għas-snin li ġejjin, inkluż dawk il-vetturi b’żewġ roti li jaħdmu bl-idroġenu, u diversi Stati Membri qed jipproġettaw netwerks għall-forniment tal-idroġenu. Ir-Regolament Ewropew tal-approvazzjoni tat-tip jinkludi l-vetturi tal-idroġenu.

Il-kwistjonijiet ewlenin huma l-ispiża għolja taċ-ċelluli tal-fjuwil u l-assenza ta' netwerk tal-infrastruttura għall-forniment tal-fjuwil. L-istudji fuq l-industrija jindikaw li sal-2025 l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu għal-livelli ta’ vetturi konvenzjonali tal-petrol u tad-diżil[27].

Il-bastimenti jistgħu jużaw provvista ta’ enerġija nadifa permezz taċ-ċelluli tal-fjuwil fornuti bl-idroġenu. Dgħajjes żgħar diġà ħadmu bl-idroġenu filwaqt li bastimenti akbar kieku jużaw l-aktar l-enerġija awżiljarja fornuta miċ-ċelluli tal-fjwuil tal-idroġenu meta jkunu rmiġġati. Iċ-ċelluli tal-fjuwil li jaħdmu bl-idroġenu jistgħu jissostitwixxu l-magni li jaħdmu bid-diżil fil-ferroviji.

3            Oqsma ta’ prijorità għal aktar azzjoni mill-UE

Il-prijoritajiet għal aktar azzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont l-istadju ta’ maturità teknoloġika u l-iżvilupp tas-suq, kif ukoll skont il-perspettiva futura tal-fjuwils differenti, b'enfażi fuq l-infrastruttura, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-informazzjoni għall-konsumatur, il-koordinazzjoni tal-infiq pubbliku biex jitnaqqsu l-kostijiet u jittejbu l-impatti, u r-riċerka u l-iżvilupp.

3.1       L-indirizzar tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

Il-proposta għal “Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura għall-fjuwils alternattivi"[28] hija pass ewlieni biex tissolva l-problema tat-"tiġieġa u l-bajda" fejn infrastruttura tal-fjuwils alternattivi ma teżistix minħabba li hemm għadd insuffiċjenti ta’ vetturi u bastimenti, l-industrija tal-manifattura ma tipproduċihomx bi prezzijiet kompetittivi minħabba d-domanda insuffiċjenti tal-konsumatur, u l-konsumaturi b'konsegwenza ta' dan ma jixtruhomx. Din il-proposta tipprovdi kopertura suffiċjenti tal-infrastruttura biex tassigura l-ekonomiji ta’ skala fuq in-naħa tal-provvista u l-effetti tan-netwerk fuq in-naħa tad-domanda. Tisħaq fuq il-fjuwils fejn in-nuqqasijiet tal-koordinazzjoni tas-suq huma partikularment relevanti, bħall-elettriku, l-idroġenu u l-gass naturali (l-LNG u s-CNG). Mingħajr tali azzjoni, hemm ir-riskju li l-isforzi l-oħra kollha għall-promozzjoni ta’ fjuwils alternattivi jibqgħu ineffettivi.

Il-Kummissjoni nediet ħidma lejn strateġija komprensiva dwar l-LNG għat-tbaħħir, li b'mod partikolari tinvolvi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u rappreżentanti mill-industrija. Dan is-suġġett huwa indirizzat f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha[29].

L-adozzjoni tas-suq se tagħmel tajjeb għall-investiment fil-bini ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi (stmata għal EUR 10 biljun). Il-finanzjament pubbliku dirett għall-bini tal-infrastruttura mhuwiex meħtieġ jekk l-Istati Membri jużaw il-firxa sħiħa tal-għodod tal-politika għad-dispożizzjoni tagħhom, bħall-permessi għall-bini, konċessjonijiet, regolamenti dwar l-akkwist pubbliku, regolamenti dwar l-aċċess u l-iċċarġjar, u inċentivi mhux finanzjarji. Fondi tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, huma disponibbli għall-iżvilupp tas-suq tal-fjuwils alternattivi u l-bini tal-infrastruttura tagħhom.

Barra minn hekk, l-adozzjoni mis-suq għal fjuwils alternattivi gassużi se toħloq ukoll inċentiv biex jitnaqqas il-ħruġ u l-ħruq tal-idrokarburanti, li mbagħad joħloq iffrankar fil-provvista kif ukoll benefiċċji klimatiċi u ambjentali.[30]

3.2  L-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijet tekniċi komuni

L-aktar punt urġenti huwa l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni fl-Unjoni għall-interfaċċja bejn l-EVs u l-punti tal-iċċarġjar. In-nuqqas ta’ qbil dwar “plagg komuni” huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar ostakoli għal penetrazzjoni akbar tal-EVs tas-suq Ewropew[31].

Speċifikazzjonijiet tekniċi u ta’ sikurezza komuni huma meħtieġa wkoll għall-punti ta' forniment tal-idroġenu, is-CNG u l-LNG, u għall-injettazzjoni tal-bijometan fil-grilja tal-gassijiet naturali. Għall-bijofjuwils għandhom jiġu fformulati standards ta’ taħlit għoli.

Id-Direttiva tal-infrastruttura proposta tindirizza l-kwistjonijiet ewlenin tal-istandards u tirrikjedi l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-infrastrutturi tal-fjuwils alternattivi.

3.3       L-indirizzar tal-aċċettazzjoni tal-konsumatur

Drittijiet ta’ aċċess privileġġati, inkluż l-iċċarġjar, eż. f’żoni urbani b’aċċess ristrett, huma inċentivi mhux finanzjarji effettivi għall-użu ta’ vetturi tal-fjuwils alternattivi. L-indirizzar ta’ dan is-suġġett huwa meqjus għall-azzjonijiet tal-mobbiltà urbana mħabbra fil-White Paper tat-Trasport tal-2011.

Il-kampanji ta’ informazzjoni u l-proġetti ta’ demostrazzjoni fuq skala kbira għandhom itejbu l-aċċettazzjoni tal-kunċetti tat-teknoloġija ġodda u jinfurmaw liċ-ċittadini. Orizzont 2020 se jappoġġa dawn l-attivitajiet.

Biex tintlaħaq l-aċċettazzjoni min-naħa tal-konsumatur, huwa importanti li jkun hemm armonizzazzjoni tal-informazzjoni li tingħata lill-konsumatur dwar il-kwalità tal-fjuwil u l-kompatibbiltà tal-vetturi u dwar id-disponibbiltà tal-punti għall-iċċarġjar/mili tal-fjuwil, kif ukoll rigward aspetti ambjentali, finanzjarji u tas-sigurtà, b’mod partikolari għall-bijofjuwils u fjuwils sintetiċi. Din hija indirizzata fil-proposta leġiżlattiva li takkumpanjaha.

Il-linji gwida dwar l-inċentivi finanzjarji għall-konsumaturi biex jixtru vetturi nodfa u effiċjenti huma indispensabbli sabiex jiġu kkoordinati l-miżuri tan-naħa tad-domanda adottati fl-Istati Membri. Is-suġġett huwa indirizzat f’Dokument ta' Ħidma tal-Persunal "Gwida dwar l-inċentivi finanzjarji għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija" li jmiss[32].

3.4  L-indirizzar tal-iżvilupp teknoloġiku

Il-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan l-Orizzont 2020 għandu jagħti prijorità lir-riċerka, id-demostrazzjoni jew proġetti orjentati lejn is-suq, għall-fjuwils alternattivi kollha għall-modi kollha tat-trasport, skont l-istadji differenti tal-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku tagħhom.

Pjanijiet direzzjonali speċifiċi tat-teknoloġija għal fjuwils alternattivi se jiġu żviluppati fil-qafas tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tat-Trasport[33]. Fejn jeżistu diversi għażliet għall-istess applikazzjoni, il-prijoritizzazzjoni tal-fjuwil għandha tkun iggwidata minn analiżi “mir-riżerva għar-roti” (“well-to-wheels”), bħal dik żviluppata fl-istudji koordinati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea[34].

L-isħubijiet pubbliċi-privati għandhom jiġu żviluppati aktar abbażi tal-esperjenza miksuba bil-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija u l-Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija (JTIs). L-inizjattiva Ewropea Karozzi Ekoloġiċi, l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, Sema Nadif u SESAR mexxew l-iżvilupp fl-oqsma rispettivi tagħhom, u qed titħejja Iniżjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-bijoekonomija.

Kif seħħ permezz tal-inizjattiva Bliet u Komunitajiet Intelliġenti, sħubijiet ġodda għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp tat-teknoloġija u jħaffu l-introduzzjoni fis-suq[35]. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni u l-azzjoni reġjonali kkoordinata mal-UE kollha mal-Osservatorju Ewropew tal-Elettromobbiltà.

Ir-riċerka u l-iżvilupp tal-bijofjuwils avvanzati, l-unika għażla ta' fjuwils alternattivi għall-avjazzjoni, teħtieġ aktar investiment. L-Inizjattiva Ewropea tal-Bijoenerġija Industrijali, imnedija f’Novembru 2010 fil-qafas tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET-Plan)[36], timmira li sal-2020 jkun hemm disponibbiltà kummerċjali fuq skala kbira ta’ bijoenerġija avvanzata, inkluża l-produzzjoni tal-bijometan effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. L-istrumenti finanzjarji ddedikati u l-inċentivi tas-suq se jsostnu l-kostruzzjoni ta’ żewġ impjanti tal-produzzjoni għall-avjazzjoni u bijofjuwils avvanzati oħrajn, bil-għan li jilħqu l-għan ta’ żewġ miljun tunnellata ta’ bijofjuwils sostenibbli sal-2020 għall-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, kif stipulat mir-Rotta Ewropea tal-Bijofjuwils Avvanzati mnedija mill-Kummissjoni fl-2011[37], flimkien ma’ linji tal-ajru ewlenin, manifatturi tal-inġenji tal-ajru u produtturi tal-bijofjuwils.

Faċilitajiet ġodda tar-riċerka għall-Interoperabbiltà tal-Vetturi Elettriċi / Grilja Intelliġenti fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) se jsostnu l-EVs u l-grilji intelliġenti. Il-faċilitajiet se jinkludu kapaċitajiet għall-ittestjar kollu tal-vetturi, il-komponenti, inklużi l-batteriji, u tal-grilja intelliġenti, b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali. Il-JRC se jippromwovi l-iżvilupp ta’ metodoloġiji armonizzati tal-ittestjar u l-istandards globali għall-EVs, l-interoperabbiltà tal-grilja tal-enerġija tagħhom u t-teknoloġiji tal-iċċarġjar tagħhom permezz ta’ sħubija internazzjonali mad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti (il-Laboratorji Nazzjonali ta’ Argonne).

Il-batteriji u ċ-ċelluli tal-fjuwil huma teknoloġiji importanti u jeħtieġ li tiġi mnedija strateġija komprensiva għar-riċerka u l-iżvilupp biex fl-Ewropa jerġa' jinkiseb l-għarfien. Għalhekk, l-elettrokimika, bħala għarfien xjentifiku ewlieni, jeħtieġ li tiġi rreklamata fir-riċerka u l-iżvilupp u l-edukazzjoni professjonali. Il-manifattura, inkluża l-produzzjoni tal-idroġenu minn sorsi rinnovabbli u l-ħażna abbord, għandha tingħata appoġġ biex il-kompetittività Ewropea f’dan il-qasam tinkiseb mill-ġdid u tiġi msaħħa.

Proġetti ffinanzjati mill-Unjoni jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-bini u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-LNG: għat-tbaħħir, il-Proġett tal-Infrastruttura tal-LNG tat-Tramuntana tal-Ewropa, il-proġett Tbaħħir Nadif tal-Baħar tat-Tramuntana (CNSS), il-proġett tal-magni marittimi HELIOS; u għall-vetturi tqal, il-proġett LNG Blue Corridor. Hija meħtieġa aktar riċerka dwar magni ddedikati u t-trattament ta’ wara għall-unitajiet tal-ġbid u tankijiet tal-fjuwil ħfief tas-CNG u l-LNG.

4.         Konklużjonijiet

L-iżvilupp tas-suq ta’ fjuwils alternattivi għandu jaqta’ id-dipendenza fuq iż-żejt u jikkontribwixxi għal titjib tas-sigurtà tal-provvista Ewropea tal-enerġija, jappoġġja t-tkabbir ekonomiku, isaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea, u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport.

Id-domanda dejjem tiżdied għall-enerġija għat-trasport u l-ħtieġa li tinqata’ id-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt jistgħu jintlaħqu biss permezz tat-taħlita komprensiva ta’ fjuwils alternattivi tat-trasport ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni. L-interess dejjem jikber għall-gass naturali – għall-passaġġi marittimi u fuq l-ilma interni, għall-applikazzjonijiet ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq, u għal vetturi ħfief –, kif ukoll għall-elettriku għat-trasport bit-triq għal distanzi qosra, jindika li, għal perjodu ta’ żmien qasir sa medju, jkun possibbli li tiżdied il-provvista Ewropea tal-enerġija għat-trasport kif ukoll li titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt impurtat. Fl-istess ħin, l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp tal-bijofjuwils avvanzati – li għandhom il-potenzjal għall-modi tat-trasport kollha, iżda huma l-unika għażla għall-avjazzjoni –, u l-bini progressiv tan-netwerks tal-provvista tal-elettriku u l-idroġenu biex jipprovdu kopertura maż-żona kollha għat-trasport bit-triq, huma essenzjali għall-iżvilupp rapidu tas-suq. Bl-istess mod, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-komponenti kritiċi għall-propulsjoni elettrika bħall-batteriji, għandhom jipprovdu medda, prestazzjoni, u durabbiltà mtejba b'mod sinifikanti, u kostijiet imnaqqsa għal offerta kompetittiva tas-suq.

Din il-Komunikazzjoni u l-proposta leġiżlattiva li takkumpanjaha huma katalisti għat-trasformazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa għat-trasport. Bir-rekwiżiti biex tistabbilixi oqfsa ta' politika nazzjonali għall-fjuwils alternattivi u l-bini ta' infrastruttura bi speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-UE se tlesti l-miżuri ta' politika dwar l-iżvilupp ta' fjuwils alternattivi, mir-riċerka għall-penetrazzjoni tas-suq, billi tiżgura d-disponibbiltà tal-fjuwils fis-suq.

L-ebda nfiq pubbliku m'huwa meħtieġ għall-bini ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għat-trasport jekk l-Istati Membri jużaw il-firxa sħiħa ta’ miżuri disponibbli biex jimmobilizzaw l-investiment privat b’mod kosteffiċjenti. L-appoġġ mill-Unjoni se jkun disponibbli mill-fondi TEN-T, il-Fondi Strutturali u l-Fondi ta’ Koeżjoni, flimkien ma’ self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Għandha tinżamm bażi wiesgħa fost is-soċjetà ċivili, il-politika u l-industrija għall-iżvilupp futur tal-fjuwils alternattivi għat-trasport, bl-użu tal-gruppi ta’ esperti Ewropej eżistenti u bil-parteċipazzjoni tal-industrija, is-soċjetà ċivili u l-Istati Membri[38].

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Istati Membri, teżamina l-progress u tipproponi kwalunkwe tibdil u modifiki meħtieġa, filwaqt li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

[1]               COM(2010) 2020

[2]               COM(2011) 144.

[3]               COM(2013) 18

[4]               Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar Fjuwils Futuri għat-Trasport, il-25 ta’ Jannar 2011 http://ec.europa.eu/transport/urban/cts/doc/2011-01-25-future-transport-fuels-report.pdf

[5]               Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti Ewropej dwar Fjuwils Futuri għat-Trasport, l-20 ta’ Diċembru 2011, http://ec.europa.eu/transport/urban/cts/future-transport-fuels_en.htm

[6]               Ir-Rapport tal-Grupp Espert Konġunt għat-Trasport u l-Ambjent, it-22 ta’ Mejju 2011: http://ec.europa.eu/transport/urban/cts/doc/jeg_cts_report_201105.pdf

[7]               Ir-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21, is-6 ta’ Ġunju 2012: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/automotive/files/cars-21-final-report-2012_en.pdf

[8]               Konsultazzjoni Pubblika dwar fjuwils alternattivi, il-11 ta' Awwissu - l-20 ta' Ottubru 2011: http://ec.europa.eu/transport/urban/consultations/2011-10-06-cts_en.htm

[9]               http://ec.europa.eu/transport/urban/studies/doc/2011-11-clean-transport-systems.pdf

[10]             COM(2011) 169

[11]             Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1 u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief, ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

[12]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-fjuwils alternattivi għat-trasport tat-triq u sett ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-użu tal-bijofjuwils, KUMM (2001) 547

[13]             Id-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2003 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport, ĠU L 123, 17.5.2003, p. 42.

[14]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

[15]             Valutazzjoni tal-Impatt SWD(2013) 5 u s-Sommarju relatat SWD(2013) 6  

[16]             World bank http://www.worldbank.org/en/news/2012/07/03/world-bank-sees-warning-sign-gas-flaring-increase

[17]             AIE, World Energy Outlook 2011 gass naturali: http://www.iea.org/aboutus/faqs/gas/

[18]             http://www.research-in-germany.de/46100/2010-05-06-storing-green-electricity-as-natural-gas,sourcePageId=8240.html

[19]             Id-Direttiva 2012/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li temenda d-Direttiva 1999/32/KE.

[20]             Il-proġett infrastrutturali LNG tat-Tramuntana tal-Ewropa; rapport finali Mejju 2012.

[21]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni ta’ elettriku mal-kosta għall-użu minn bastimenti rmiġġati fil-portijiet tal-Komunità (2006/339/KE).

[22]             Sors: http://ec.europa.eu/energy/publications/doc/2012_energy_figures.pdf (dejta relatata mal-2010).

[23]             COM (2012) 595 – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

[24]             Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

[25]             Flightpath 2050, il-viżjoni tal-Ewropa għall-Avjazzjoni. Ir-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riċerka tal-Avjazzjoni. Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2011.

[26]             http://www.global-hydrogen-bus-platform.com/

[27]             “A portfolio of power-trains for Europe: a fact-based analysis. The Role of Battery Electric Vehicles, Plug-in Hybrids and Fuel Cell Electric Vehicles”, McKinsey&Company, 2010.

[28]             COM(2013) 18

[29]             SEC (2013) 4

[30]             Skont il-Bank Dinji, il-volum annwali tal-gass naturali li qed jinħaraq bħala gass żejjed u li qed jinħareġ globalment kull sena huwa madwar 110 biljun metru kubiku (kważi 3 % tal-gass kollu mqiegħed fis-suq fid-dinja), biżżejjed biex jipprovdi gass naturali għall-konsum annwali tal-Ġermanja u l-Italja, http://www.climate.org/publications/Climate%20Alerts/sept2012/flaring-venting-emissions.html

[31]             COM(2012) 636 final.

[32]             SEC (2013) xxx.

[33]             COM(2012) 501 final tat-13 ta’ Settembru 2012

[34]             http://iet.jrc.ec.europa.eu/about-jec/sites/iet.jrc.ec.europa.eu.about-jec/files/documents/wtw3_wtw_report_eurformat.pdf

[35]             COM(2012) 4701

[36]             http://ec.europa.eu/energy/technology/set_plan/set_plan_en.htm

[37]             http://ec.europa.eu/energy/renewables/biofuels/flight_path_en.htm

[38]             Inter alia l-Gruppi Ewropej ta’ Esperti dwar il-Fjuwils Futuri għat-Trasport u l-Grupp Konġunt ta’ Esperti għat-Trasport u l-Ambjent.

Top