EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0729

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL Dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

/* COM/2012/0729 final - 2012/0351 (NLE) */

52012PC0729

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL Dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ /* COM/2012/0729 final - 2012/0351 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-qgħad għoli, u dejjem jiżdied, fost iż-żgħażagħ għandu konsegwenzi drammatiċi għall-ekonomiji tagħna, is-soċjetajiet tagħna u għaż-żgħażagħ infushom.

Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-UE laħqet il-livell għoli ta’ 22,7 % (fit-tielet kwart tas-sena 2012), id-doppju tar-rata tal-adulti[1], u l-prospetti ma juru ebda xejra li r-rata se tibda tonqos. Madwar 5,5 miljun żagħżugħ huma qiegħda u aktar minn 7,5 miljun żagħżugħ taħt il-25 sena fil-preżent ma għandhomx xogħol, u lanqas ma huma qed jieħdu xi forma ta’ edukazzjoni jew taħriġ (not in employment, education or training, NEETs).

Iżda lil hinn mill-effetti immedjati tal-kriżi, anki b’rati aktar baxxi, il-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ lis-soċjeta qed jiswewlha ħafna u qed jikkawżawlha l-ħsara. Qed jiswewha llum, f’dawk li huma benefiċċji li jitħallsu u f’dawk li huma pagi u taxxi mitlufa, imma se jkomplu jiswewha wkoll fil-ġejjieni, minħabba li jwasslu għal għadd ta’ effetti li ma jitilqux kif ġib u laħaq, b’impatti negattivi fit-tul fuq il-livelli tad-dħul fil-ġejjieni, ir-riskji ta' qgħad fil-ġejjieni, l-istat tas-saħħa, il-benesseri u r-riżervi tal-pensjonijiet. L-Ewropa ma tistax taffordja li titlef it-talent u l-ġejjieni tagħha.

Il-ħtieġa li tieħu azzjoni u li ssostni ż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom mill-iskola għax-xogħol kienet diġà ġiet identifikata qabel il-kriżi. Fl-2005, il-Kunsill qabel, fil-kuntest tal-Linji Gwida għall-Politika dwar l-Impjiegi (2005-2008), li l-politiki jridu jiżguraw li “fil-każ taż-żgħażagħ, kull persuna qiegħda għandha tiġi offruta bidu ġdid qabel ma tagħlaq sitt xhur bla xogħol”. Fl-2008, il-Kunsill naqqas il-perjodu ta’ żmien għal “mhux aktar minn erba’ xhur” għaż-żgħażagħ jitilqu mill-iskola.

Minħabba li sal-2010 t-tali miżura kienet għadha ma ġietx implimentata fl-UE, kemm il-Parlament Ewropew (PE) u kemm il-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej kienu għalkollox favur li fil-livell tal-UE jiġu stabbiliti l-Garanziji għaż-Żgħażagħ.

Fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ fl-Azzjoni”, il-Kummissjoni appellat b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkollhom impjieg, ikomplu l-edukazzjoni jew jinħarġulhom miżuri ta' attivazzjoni fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola, kif ukoll biex jipprovdu din il-"Garanzija għaż-Żgħażagħ".

Fis-snin 2011 u 2012 kien hemm bosta appelli biex dan isir, b’mod partikolari mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament Ewropew u mill-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej, iżda mingħajr xi suċċess kbir mill-pubbliku ġenerali.

Fil-Pakkett dwar l-Impjiegi ta’ April 2012, il-Kummissjoni ħabbret li sa tmiem is-sena kienet se tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanziji għaż-Żgħażagħ.

Fid-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżdied ix-xogħol fost iż-żgħażagħ, bi “l-għan li sa ftit xhur wara li jitilqu mill-iskola, iż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ”. Ikkonkludiet ukoll li dawn il-miżuri jistgħu jiġu sostnuti mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u li l-Istati Membri għandhom jużaw il-possibilitajiet ta’ ffinanzjar ta’ sussidji għal reklutaġġ temporanju mill-Fond.

Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013[2], il-Kummissjoni enfasizzat li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ż-żgħażagħ jgħaddu mill-iskola għall-post tax-xogħol, kif ukoll li jiżviluppaw u jimplimentaw Garanziji għaż-Żgħażagħ li permezz tagħhom dawk li għandhom inqas minn 25 sena jingħataw offerta ta’ xogħol, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta joħorġu mill-iskola jew minn meta jispiċċaw qiegħda. Tali skemi jistgħu jiġu kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew.

Il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tiżgura li ż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta' kwalità tajba, aktar edukazzjoni jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew itemmu edukazzjoni formali. Din il-proposta tistabbilixxi wkoll kif għandha tiġi stabbilita l-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-proposta telenka linji gwida abbażi ta’ sitt assi ‑ it-twaqqif ta’ sħubiji sodi mal-partijiet kollha interessati; l-iżgurar ta’ intervent u attivazzjoni minn kmieni biex jiġi evitat li ż-żgħażagħ isiru NEETs; it-teħid ta’ miżuri ta' sostenn li jippermettu l-integrazzjoni tax-xogħol, b’mod li jsir użu sħiħ mill-finanzjament tal-UE għal dak il-għan; il-valutazzjoni u t-titjib kontinwu tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; u l-implimentazzjoni tal-iskemi f’qasir żmien. Il-proposta ssemmi wkoll kif il-Kummissjoni se tappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri: il-qafas ta’ finanzjament mill-UE, l-iskambju ta’ prattiki tajba fost l-Istati Membri, il-monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-Istati Membri bħala parti mill-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew l-appoġġ lil attivitajiet maħsuba li joħolqu għarfien.

Il-proposta hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD), li jidħol f’aktar dettalji dwar x'jikkostitwixxi Garanzija għaż-Żgħażagħ, jindirizza kwistjonijiet dwar il-kost u l-benefiċċji ta’ skemi bħal dawn, u jiddeskrivi wieħed wieħed l-ingredjenti meħtieġa biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun suċċess. Barra minn hekk, f'anness, is-SWP jippreżenta politiki li jappoġġaw l-impjiegi taż-żgħażagħ li diġà hemm fis-seħħ fis-27 Stat Membru u fil-Kroazja, b’mod li jirrifletti d-diversi punti li minnhom telqu dawn il-pajjiżi bil-għan li jwaqqfu skemi b’saħħithom ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Presidenza Daniża organizzat grupp ta’ ħidma dwar il-modi kif wieħed jista’ jwaqqaf Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-qafas tal-Laqgħa Informali tal-Ministri tax-Xogħlijiet u tal-Affarijiet Soċjali li saret f'Horsens bejn l-24 u l-25 ta' April 2012. F'din il-laqgħa, ġie enfasizzat li l-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jissieħbu mal-politiki dwar l-impjiegi, li l-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq gruppi problematiċi, jiġifieri dawk li ma għandhomx kwalifiki/gradi edukattivi u li l-approċċi għandhom jiġu adattati għall-kuntest nazzjonali u għal kwistjonijiet speċifiċi individwali. Fl-aħħar nett, ġie enfasizzat li l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jappoġġaw iż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, iżda wkoll li ż-żgħażagħ għandhom jinvolvu ruħhom fil-proċess u jaċċettaw id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet. Il-Fond Soċjali Ewropew kien imsemmi bħala sors potenzjali ta’ finanzjament, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri ta’ awsterità/konsolidament fiskali.

Bħala parti mill-kwestjonarju annwali mibgħut lin-Netwerk tas-Servizzi tal-Impjiegi Pubbliċi (Public Employment Services, PES) dwar il-kapaċità ta' aġġustament tagħhom għall-kriżi, edizzjoni tal-2012, imniedi f’Jannar, inkluda modulu dwar l-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ. It-tweġibiet għall-kwestjonarju kienu kkunsidrati fit-tfassil tal-SWP li jsostni l-proposta preżenti.

F’Ġunju 2012, fil-kuntest tal-laqgħa tal-Kapijiet tal-PES (Heads of PES, HoPES) taħt il-Presidenza Daniża, membri ta’ dan in-netwerk intalbu jirrappurtaw dwar l-iżviluppi li seħħew minn Jannar 2012 li fil-mira tagħhom kien hemm speċifikament iż-żgħażagħ.

Bħala segwitu għal Pakkett dwar l-Impjiegi, il-prospett ta’ inizjattiva dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet diskussa mal-imsieħba soċjali bejn id-19 u l-20 ta' Ġunju 2012.

Fil-konferenza "Impjiegi għall-Ewropa”[3], li saret bejn is-6 u s-7 ta’ Settembru 2012 fi Brussell u li għaliha attendew il-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, maġġoranza kbira ta' kelliema esprimew l-appoġġ tagħhom biex titwaqqaf Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-UE, u dan filwaqt li rrikonoxxew li hemm bżonn li ż-żgħażagħ jingħataw bidu tajjeb fil-ħajja, b'mod partikolari fi żmien diffiċli bħalma hu bħalissa.

Ir-rappreżentanti tal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej u tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali transsettorjali ltaqgħu f'Settembru 2012.

L-inizjattiva ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet diskussa għal darb'oħra mal-Imsieħba Soċjali fil-Kumitat tad-Djalogu Soċjali fit-23 ta’ Ottubru 2012.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Bażi ġuridika: Għal proposta dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ mal-Politiki dwar l-Impjiegi (it-Titolu IX tat-TFUE) bħala centre de gravité, l-Artikolu 292 tat-TFUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni. Il-kompetenza tal-Unjoni fejn jidħlu l-politiki dwar ix-xogħol hija ddefinita fit-Titlu IX tat-TFUE, li ma jipprevedix bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 149 tat-TFUE jistipula biss “miżuri ta' inċentiva li jkunu mmirati sabiex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn Stati Membri u sabiex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-impjiegi permezz ta' inizjattivi li jkollhom l-għan li jkun żviluppat l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiċi”, li ma jirriflettix in-natura ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità: Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri kollha, hija mħassba sew bis-sitwazzjoni preżenti tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ u bid-deterjorazzjoni persistenti tagħha. Il-livelli drammatiċi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ taffettwa l-Ewropa kollha kemm hi: il-prezz ta’ dan kollu huwa għoli llum u se jkun hekk ukoll fil-ġejjieni. Dak li se nkunu qed niffrankaw permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imur lil hinn minn sempliċement iffrankar li jsir fuq in-nefqa għall-protezzjoni soċjali. L-evitar tal-qgħad u d-deterjorament tal-ħiliet iwassal għal benefiċċji fit-tul għaż-żgħażagħ u għall-ekonomija permezz ta’ inqas qgħad fiċ-ċiklu tal-ħajja, dħul ogħla (u għalhekk dħul ogħla anki mit-taxxi u kontribuzzjonijiet ogħla wkoll tas-sigurtà soċjali) u permezz ta' inqas problemi soċjali u dawk marbutin mas-saħħa[4].

Wara n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ għadd ta’ appelli politiċi kemm mill-Kunsill u kemm mill-Parlament Ewropew biex jitwaqqfu skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, issa hemm bżonn li din ir-rakkomandazzjoni tinħareġ lill-Istati Membri. Tabilħaqq, sa issa kien hemm biss numru limitat ta' Stati Membri li ħadu miżuri marbuta mal-implimentazzjoni ta' skema komprensiva ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ.

L-għoti ta' linji gwida fil-livell tal-UE dwar għodda li jikkontribwixxu għal skema ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ effettiva għandu jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu tal-Fondi ta' Koeżjoni, u b'mod partikolari tal-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jiġu indirizzati l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inattività.

Il-proposta tirrikonoxxi li s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali (jew fil-livell reġjonali jew lokali) jista’ jwasslu għal differenzi fil-mod kif titwaqqaf l-iskema u kif tkompli tiġi implimentata.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Mhux rilevanti

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Mhux rilevanti

2012/0351 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-investiment tal-lum fil-kapital uman taż-żgħażagħ Ewropej iwassal għal benefiċċji fit-tul u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv. L-Ewropa tkun tista’ tibbenefika b’mod sħiħ mill-benefiċċji kollha ta’ forza tax-xogħol attiva, innovattiva u tas-sengħa, filwaqt li tevita l-kosti enormi ta’ żgħażagħ li la jkunu qed jaħdmu, la jedukaw ruħhom u lanqas jitħarrġu (“NEETs”), li bħalissa jammontaw għal 1,2 % tal-PGD[5].

(2)       Iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin matul il-kriżi. Huma vulnerabbli minħabba l-perjodi ta’ tranżizzjoni li għaddejjin minnhom fil-ħajja, in-nuqqas ta’ esperjenza professjonali, minħabba li kultant ma jkunux edukati u mħarrġa biżżejjed, minħabba li l-kopertura ta’ ħarsien soċjali tagħhom spiss tkun waħda limitata, minħabba l-aċċess ristrett għal riżorsi finanzjarji, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji. In-nisa żgħażagħ aktar hemm ċans li jintlaqtu minn paga baxxa u minn impjiegi prekarji, filwaqt li l-ġenituri żgħażagħ, primarjament l-ommijiet żgħażagħ, ikunu neqsin minn miżuri ta’ bilanċ xieraq bejn il-ħajja u x-xogħol. Barra minn hekk, xi żgħażagħ huma fi żvantaġġ partikolari jew fir-riskju li jiġu diskriminati. Għalhekk hemm bżonn ta’ miżuri ta’ sostenn xierqa.

(3)       Fl-Ewropa hemm 7,5 miljun NEETs, u jirrappreżentaw 12,9 % tal-Ewropej żgħażagħ (15-24). Ħafna ma għandhomx iktar minn livell ta’ edukazzjoni sekondarja, ikunu ħarġu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ, u spiss huma migranti jew ġejjin minn kuntesti żvantaġġati. It-terminu “NEETs” ikopri s-sottogruppi varji ta’żgħażagħ bi ħtiġijiet differenti.

(4)       Mat-30,1 % tan-nies qiegħda taħt il-25 sena ilhom qiegħda għal aktar minn 12-il xahar. Barra minn dan, hemm għadd dejjem ikbar ta’ żgħażagħ li ma jfittxux ix-xogħol attivament, hekk li jistgħu jibqgħu mingħajr appoġġ strutturali fejn tidħol l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Ir-riċerka turi li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jista’ jħalli effetti permanenti, bħal riskju ikbar li l-persuna tispiċċa qiegħda fil-futur, qligħ inqas fil-futur, telf ta’ kapital uman, it-trażmissjoni minn ġenerazzjoni għal oħra tal-faqar, jew inqas motivazzjoni li dak li jkun jibni familja, sitwazzjonijiet li lkoll jikkontribwixxu għal xejriet demografiċi negattivi.

(5)       It-terminu "Garanzija għaż-Żgħażagħ" hawnhekk jirreferi għall-fatt li ż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jispiċċaw qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

(6)       Garanzija għaż-Żgħażagħ tikkontribwixxi għal tlieta mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li 75 % tal-firxa tal-età bejn l-20 u l-64 sena jrid ikollhom xogħol, li r-rati ta' tluq bikri mill-iskola għandhom ikunu taħt l-10 %, u li mill-inqas 20 miljun persuna għandhom jinħarġu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali.

(7)       Il-linji gwida għall-politiki dwar ix-xogħol tal-Istati Membri[6], b’mod partikolari l-linji gwida 7 u 8, jappellaw lill-Istati Membri biex jippromovu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u biex jgħinuhom, b'mod partikolari lin-NEETs, b'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, biex isibu impjieg inizjali, jiksbu esperjenza tax-xogħol, jew aktar opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, inklużi apprendistati, u biex jintervjenu malajr meta ż-żgħażagħ jitilfu x-xogħol.

(8)       Sa mill-2005, il-Kunsill qabel, fil-kuntest tal-Linji Gwida għall-Politika dwar l-Impjiegi[7] (2005-2008), li “kull persuna qiegħda tiġi offruta bidu ġdid qabel ma tilħaq is-sitt xhur ta’ qgħad fil-każ ta’ żgħażagħ”. Fl-2008[8], il-Kunsill naqqas il-perjodu ta’ żmien għal “mhux aktar tard minn erba' xhur” għaż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni.

(9)       Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2010 “Il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat”[9], il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lil partijiet interessati oħra biex isostnu l-politiki nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ b’Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dan jassigura d-dritt ta’ kull żagħżugħ fl-UE li jiġi offrut impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara massimu ta’ erba’ xhur qiegħed.

(10)     Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2010 “Żgħażagħ fl-Azzjoni”, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jintroduċu Garanziji għaż-żgħażagħ, li l-implimentazzjoni tagħhom sa issa kienet limitata ferm. Din ir-rakkomandazzjoni ssaħħaħ u ttenni l-ħtieġa li l-Istati Membri jkomplu jaħdmu għal dan l-għan, filwaqt li jgħinu wkoll fit-tfassil, fl-implimentazzjoni ufl-evalwazzjonijiet ta’ dawn l-iskemi.

(11)     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011 "Promoting youth employment to achieve the Europe 2020 objectives” stiednet lill-Istati Membri biex jaġixxu rapidament billi joffru aktar edukazzjoni, taħriġ (mill-ġdid) jew miżuri ta’ attivazzjoni għaż-żgħażagħ li la jkunu qed jaħdmu, la jedukaw ruħhom u lanqas jitħarrġu, u b’mod li jinkludu wkoll lil min jitlaq kmieni mill-iskola. Dan iservi l-għan li dawn in-nies jerġgħu jidħlu lura fl-ambitu tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew fis-suq tax-xogħol fl-iqsar żmien possibbli u jnaqqsu r-riskju ta’ faqar, ta’ diskriminazzjoni u ta’ esklużjoni soċjali.

(12)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011[10] dwar “Politiki dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel” hija kkonċentrata fuq l-iżvilupp ta' politiki msejsa fuq l-evidenza, komprensivi u transsettorjali li jinkludu miżuri biex jirbħu lura lil min jitlaq kmieni mill-iskola u biex isaħħu r-rabta bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u s-settur tal-impjiegi.

(13)     Fit-tħejjija tal-baġit tal-2012, il-Parlament Ewropew appoġġa dan l-approċċ u talab lill-Kummissjoni biex timplimenta azzjoni preparatorja biex issostni t-twaqqif ta’ Garanziji taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri.

(14)     Fil-Pakkett tagħha dwar l-Impjiegi “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”[11], il-Kummissjoni appellat għall-mobilizzazzjoni attiva min-naħa tal-Istati Membri, tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet interessati oħra biex jirrispondu għall-isfidi tal-UE fil-preżent fejn jidħlu l-impjiegi, u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni enfasizzat l-ikbar potenzjal għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, tas-saħħa u l-kura soċjali, u tas-setturi tal-ICT, u għal dan il-għan ħarġet tliet pjanijiet ta' azzjoni li jakkumpanjawha biex ikun hemm segwitu tagħhom. Il-Kummissjoni mbagħad enfasizzat ukoll sitt oqsma prijoritarji promettenti għall-innovazzjoni industrijali li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija baxxa fil-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi[12]. Fil-Pakkett dwar l-Impjiegi, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li t-trawwim ta' mħuħ intraprenditorjali, id-disponibbiltà akbar ta’ sostenn lil servizzi għall-ftuħ ta’ negozju u ta’ mikrofinanzjament, kif ukoll it-twaqqif ta’ skemi li jikkonvertu l-benefiċċji tal-qgħad f'għotjiet għall-ftuħ ta’ negozju jkollhom rwol importanti anki għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-Pakkett ippropona l-użu ta’ sussidji tal-pagi biex tingħata spinta fejn jidħol l-ingaġġar ta’ ħaddiema ġodda u t-tnaqqis tar-rata fiskali (prinċipalment il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mill-impjegaturi) hekk li jiżdied ix-xogħol u jkun hemm riformi bilanċjati fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi, affarijiet li lkoll jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ biex ikollhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità.

(15)     F'Mejju 2012, il-Parlament Ewropew[13] ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri konkreti u fil-pront fil-livell nazzjonali biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom xogħol, edukazzjoni jew taħriġ (mill-ġdid) diċenti fi żmien erba' xhur minn meta joħorġu mill-iskola. Il-Parlament Ewropew enfasizza li biex l-iskema ta’ Garanziji taż-Żgħażagħ tabilħaqq ittejjeb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ li la jkunu qed jirċievu edukazzjoni, la taħriġ u lanqas ma għandhom xogħol, u biex din twassal biex gradwalment tingħeleb il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE, jeħtieġ li tali skema tkun infurzata bil-liġi.

(16)     Fid-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew appella biex jiġġeddu l-isforzi biex jitkattar ix-xogħol fost iż-żgħażagħ, bi “l-għan li sa ftit xhur wara li joħorġu mill-iskola, iż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ”. Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li dawn il-miżuri jistgħu jiġu sostnuti mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u li l-Istati Membri għandhom jużaw il-possibilitajiet ta’ ffinanzjar ta’ sussidji għal reklutaġġ temporanju mill-Fond.

(17)     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 “Nikkunsidraw l-edukazzjoni mill-Ġdid”[14] tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-UE għal dan ix-xogħol minn perspettiva edukattiva. Din telabora l-kwistjonijiet ewlenin marbuta mar-riforma u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ – biex il-ħiliet disponibbli jiġu allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, kemm tal-lum u kemm tal-ġejjieni, biex ikunu stimulati toroq miftuħa u flessibbli ta’ tagħlim u biex jiġi promoss sforz kollaborattiv fost il-partijiet interessati kollha, inkluż dak tal-finanzjament.

(18)     Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 (AGS)[15], il-Kummissjoni enfasizzat li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ż-żgħażagħ jgħaddu mill-iskola għall-post tax-xogħol, kif ukoll li jiżviluppaw u jimplimentaw Garanziji għaż-Żgħażagħ li permezz tagħhom dawk li għandhom inqas minn 25 sena jingħataw offerta ta’ xogħol, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta joħorġu mill-iskola jew minn meta jispiċċaw qiegħda.

(19)     Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tiġi implimentata minn skema li tikkonsisti minn miżuri ta' sostenn, u għandha tkun waħda li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawn il-miżuri huma bbażati fuq sitt linji ewlenin: il-bini ta’ approċċi bbażati fuq is-sħubijiet, interventi u attivazzjoni fil-pront, miżuri ta’ sostenn li jippermettu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE, il-valutazzjoni u t-titjib kontinwu tal-iskema, u l-implimentazzjoni rapida tagħha. Bħala tali, dawn għandhom l-għan li jipprevjenu l-ħruġ bikri mill-iskola, li jrawmu l-impjegabbiltà u li jneħħu l-ostakli prattiċi għax-xogħol. Jistgħu jiġu appoġġati mill-Fondi Strutturali tal-UE u għandhom jiġu sorveljati u mtejba kontinwament.

(20)     Il-koordinazzjoni effettiva u s-sħubijiet fl-oqsma ta’ politika (ix-xogħol, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, eċċ.) huma kruċjali biex ikun hemm qabża fl-opportunitajiet ta’ xogħol, ta’ apprendistati u ta’ taħriġ ta’ kwalità.

(21)     L-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ jeħtieġ li jqisu d-diversità u l-punti ta’ tluq differenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-qafas istituzzjonali, u l-kapaċità tad-diversi atturi tas-suq tax-xogħol. Għandhom iqisu wkoll sitwazzjonijiet differenti fejn jidħlu l-baġits pubbliċi u r-restrizzjonijiet finanzjarji b’rabta mal-allokazzjoni tar-riżorsi[16]. Fl-AGS tal-2013, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fejn hu possibbli, għandhom jingħataw prijorità u jiġu msaħħa l-investimenti fl-edukazzjoni, u dan filwaqt li tiġi żgurata l-effiċjenza ta’ tali nefqa. Trid tingħata attenzjoni partikolari wkoll liż-żamma jew lir-riinfurzar tal-kopertura u tal-effettività tas-servizzi tax-xogħol u tal-politiki dwar forza tax-xogħol attiva, bħalma huma t-taħriġ għal min hu bla xogħol u l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ. It-twaqqif ta’ skemi bħal dawn għandu sinifikat fit-tul, iżda jinħass ukoll il-bżonn ta’ azzjoni immedjata biex tindirizza l-effetti drammatiċi li l-kriżi ekonomika qed ikollha fuq is-suq tax-xogħol. 

JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:          

(1) Jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

Meta jfasslu din l-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kwistjonijiet globali bħalma hu l-fatt li ż-żgħażagħ ma humiex grupp omoġenju jħabbat wiċċu mal-istess ambjent soċjali, kif ukoll il-prinċipji ta’ obbligu reċiproku u l-ħtieġa li jkun indirizzat ir-riskju ta' ċikli ta' inattività.

L-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu bbażati fuq il-linji gwida li ġejjin, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali u jqisu s-sess tal-individwu u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira:

It-tfassil ta’ approċċi bbażati fuq is-sħubijiet

(2) Jidentifikaw l-awtorità pubblika responsabbli mit-twaqqif u l-immaniġġjar tal-iskema ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ u mill-koordinazzjoni ta’ sħubiji fil-livelli u s-setturi kollha.

(3) Jaċċertaw li ż-żgħażagħ ikollhom l-informazzjoni kollha dwar is-servizzi u l-appoġġ disponibbli billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tax-xogħol, dawk li jagħtu pariri dwar il-karrieri, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-servizzi ta’ appoġġ liż-żgħażagħ, u billi jintużaw b’mod sħiħ il-kanali tal-informazzjoni rilevanti kollha.

(4) Isaħħu s-sħubijiet bejn min iħaddem u l-atturi rilevanti tas-suq tax-xogħol (is-servizzi tal-impjiegi, livelli differenti tal-gvern, it-trejdjunjins u s-servizzi taż-żgħażagħ) sabiex jitkattru l-opportunitajiet ta’ xogħol, ta’ apprendistati u ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ.

(5) Jiżviluppaw sħubijiet bejn is-servizzi tax-xogħol pubbliċi u privati, is-servizzi ta’ gwida għall-karrieri, u servizzi taż-żgħażagħ speċjalizzati oħra (NGOs, ċentri taż-żgħażagħ u assoċjazzjonijiet) li jgħinu biex irattbu l-qabża mill-qgħad, l-inattività jew l-edukazzjoni għax-xogħol.

(6) Jiżguraw l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha f’dak li hu tfassil u implimentazzjoni ta’ politiki li għandhom iż-żgħażagħ fil-mira tagħhom; jippromwovu sinerġiji permezz tal-inizjattivi tagħhom biex ikunu żviluppati skemi ta’ apprendistat u taħriġ.

(7) Jiżguraw l-involviment tar-rappreżentanti taż-żgħażagħ u/jew l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ sabiex jitfasslu servizzi li jaqdu l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, u biex dawn l-istess rappreżentanti jkunu jistgħu jaġixxu bħala multiplikaturi f'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

Intervent u attivazzjoni fil-pront

(8) Jiżviluppaw strateġiji ta’ komunikazzjoni effettiva biex jilħqu ż-żgħażagħ, bil-għan li dawn jiġu identifikati mis-servizzi tal-impjiegi u jiġu rreġistrati magħhom, u hekk ikun possibbli li dawn jiffukaw fuq iż-żgħażagħ vulnerabbli li jiffaċċjaw ħafna ostakli (bħall-esklużjoni soċjali, il-faqar jew d-diskriminazzjoni) u n-NEETs, u dan filwaqt li jqisu l-isfondi differenti tagħhom (b’mod partikolari minħabba l-faqar, xi diżabbiltà, edukazzjoni baxxa jew minoranza etnika/familji migranti).

(9) Biex issostnu aħjar liż-żgħażagħ, u biex jindirizzaw il-potenzjal ta’ nuqqas ta’ għarfien dwar l-offerti eżistenti, għandhom iqisu li jistabbilixxu punt ċentrali (focal points), jiġifieri organizzazzjoni li tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati, b'mod partikolari mal-awtorità pubblika responsabbli mill-immaniġġar tal-iskema ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ, sabiex tkun tista’ tinqasam informazzjoni dwar żgħażagħ li jkunu ħarġu mill-iskola, b'mod partikolari dwar dawk li jkunu fir-riskju li ma jsibux impjieg jew li ma jingħatawx edukazzjoni ogħla.

(10) Jippermettu lis-servizzi tax-xogħol, flimkien mal-imsieħba l-oħra li jappoġġaw liż-żgħażagħ, li minn kmieni jipprovdu gwida personalizzata u ppjanar ta' azzjoni individwali, inklużi skemi ta' appoġġ individwali mfassla apposta, ibbażati fuq il-prinċipju tal-obbligu reċiproku.

Miżuri ta’ sostenn għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol

Titjib tal-ħiliet

(11) Joffru liż-żgħażagħ b'ħiliet baxxi u lil dawk li joħorġu kmieni mill-iskola toroq biex jaqbdu t-triq lura għall-edukazzjoni u t-taħriġ, jew biex jattendu programmi ta’ edukazzjoni li jagħtuhom ċans ieħor, programmi li joffru ambjenti ta' tagħlim li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u li jippermettulhom jiksbu l-kwalifika li tilfu.

(12) Jiżguraw li kull azzjoni mressqa fil-kuntest ta’ skema ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ u li fil-mira tagħha jkun hemm it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi, tgħin biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi bejn il-ħiliet li jesiġi s-suq tax-xogħol u dawk li hemm disponibbli u biex tibda tiġi sodisfatta d-domanda tas-suq, partikolarment b’rabta mas-setturi tal-ekonomija ekoloġika, tal-ICT u tas-saħħa.

(13) Jiżguraw li l-isforzi biex jikbru l-ħiliet u l-kompetenzi jkunu jinkludu l-ħiliet diġitali/fl-ICT. Jippromwovu l-istatus ta’ għarfien u kompetenzi professjonali billi jiżguraw li l-curricula u ċ-ċertifikazzjonijiet tal-ICT ikunu jikkonformaw mal-istandards u li jkunu rikonoxxuti internazzjonalment.

(14) Jinkoraġġixxu lill-iskejjel (tal-primarja u sekondarji), inklużi ċ-ċentri tat-taħriġ vokazzjonali, u lis-servizzi tal-impjiegi, jippromwovu u jipprovdu gwida kontinwa liż-żgħażagħ dwar l-intraprenditorija u x-xogħol għal rashom, inkluż permezz ta’ korsijiet fl-intraprenditorija.

(15) Jiżguraw is-siwi tal-ħiliet, tal-għarfien u tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ esperjenzi miksba mit-tagħlim mhux formali u dak informali, billi jirrikonoxxu l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi miksuba f'dawn l-attivitajiet u jirrikonoxxu li dawn ikunu ta’ vantaġġ għal min ifittex xogħol.

Miżuri relatati mas-suq tax-xogħol

(16) Inaqqsu l-kosti tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi sabiex jagħtu spinta lill-prospettivi ta’ reklutaġġ fost iż-żgħażagħ.

(17) Jużaw sussidji mmirati u mfassla sew għall-pagi u r-reklutaġġ biex iħeġġu lil min iħaddem joħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, bħal apprendistati, taħriġ jew pjazzament tax-xogħol, partikolarment għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, u dan f'konformità mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat.

(18) Jippromwovu l-mobbiltà tax-xogħol billi liż-żgħażagħ jagħmluhom konxji minn offerti għal impjiegi, apprendistati u taħriġ u mis-sostenn disponibbli f'oqsma, reġjuni u pajjiżi differenti, eż. permezz ta’ servizzi u skemi, bħall-EURES, li jinkoraġġixxu lin-nies jiċċaqilqu u jaħdmu fl-UE. Jiżguraw li jkun disponibbli appoġġ adegwat biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu xogħol f’qasam ieħor jew fi Stat Membru ieħor adattati għall-ambjent ġdid tagħhom.

(19) Iżidu s-servizzi ta’ appoġġ għal min jibda negozju, inkluż permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-servizzi tax-xogħol, l-appoġġ lin-negozji u l-fornituri (mikro)finanzjarji.

(20) Isaħħu l-mekkaniżmi biex jappoġġaw liż-żagħżagħ li jitilqu minn skemi ta’ attivazzjoni u li ma jibqax ikollhom aċċess għall-benefiċċji.

L-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE

(21) Jagħmlu l-aħjar użu, u użu b'mod sħiħ, mill-istrumenti ta' finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni, fil-perjodu li jmiss 2014-2020, biex isostnu t-twaqqif ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ. Biex jintlaħaq dan l-għan, jiżguraw li tingħata l-prijorità mistħoqqa u li r-riżorsi korrispondenti jkunu allokati għas-sostenn tal-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq, inklużi l-possibbiltajiet ta’ finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew tas-sussidji għar-reklutaġġ fil-mira. Jagħmlu użu massimu wkoll mill-finanzjament li jkun għad hemm disponibbli mill-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013.

(22) Fil-kuntest tat-tħejjija għall-perjodu 2014-2020, fil-Kuntratt tas-Sħubiji jagħtu l-attenzjoni xierqa lill-objettivi speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija taż-Żgħażagħ, u fil-programmi ta’ operat tagħhom jiddeskrivu l-azzjonijiet li jkunu se jiġu sostnuti skont il-prijoritajiet ta’ investiment rilevanti tal-Fond Soċjali Ewropew, b’mod partikolari dawk marbuta mal-integrazzjoni sostenibbli ta’ żgħażagħ "NEETs" fis-suq tax-xogħol u mal-appoġġ lill-intraprendituri żgħażagħ u lill-intrapriżi soċjali u l-kontribut rispettiv tagħhom għall-objettivi speċifiċi.

Valutazzjoni u titjib kontinwu tal-iskemi

(23) Jissorveljaw u jevalwaw l-azzjonijiet u l-programmi kollha marbuta mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, hekk li jkunu jistgħu jiġu żviluppati aktar politiki msejsa fuq l-evidenza u l-interventi jkunu jistgħu jiġu żviluppati abbażi ta’ x’jaħdem, fejn u għaliex, tant li jkun żgurat l-użu effiċjenti tar-riżorsi u r-redditu pożittiv fuq l-investiment. Iżommu stampa aġġornata ta’ kemm ikun ġie allokat finanzjament għat-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'mod partikolari mill-programmi operattivi tal-Politika ta' Koeżjoni.

(24) Jippromwovu attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali bejn il-partijiet kollha involuti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u dan biex jitjieb it-tfassil u t-twassil tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-ġejjieni. Jagħmlu użu sħiħ mir-riżultati tal-proġetti appoġġati matul l-azzjoni preparatorja dwar l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ.

(25) Isaħħu l-kapaċitajiet ta’ dawk kollha interessati, inklużi s-servizzi tal-impjieg rilevanti, involuti fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ, sabiex jiġu eliminati l-ostakli interni u esterni marbuta mal-politika u mal-mod kif dawn l-iskemi jiġu żviluppati.

L-implimentazzjoni ta’ skemi ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ

(26) Jimplimentaw skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-aktar fis possibbli u jiżguraw li dawn ikunu integrati sew fil-programmi kofinanzjati mill-UE tal-ġejjieni, preferibbilment sa mill-bidu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020.

JINNOTA LI L-KUMMISSJONI GĦANDHA:         

Finanzjament

(27) Skont il-prijoritajiet ta’ investiment rilevanti tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu ta’ pprogrammar ta’ bejn l-2014 u l-2020, tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-Fond Soċjali Ewropew biex isostnu t-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ Skemi ta' Garanziji taż-Żgħażagħ bħala strument ta’ politika biex jiġġieldu u jipprevjenu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali.

(28) Issostni l-ħidma fuq l-ipprogrammar skont il-Fondi tal-UE għal Qafas Strateġiku Komuni (il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd), inkluż permezz ta' tagħlim bejn il-pari, attivitajiet ta' networking u assistenza teknika.

Prassi tajba

(29) Tagħmel użu sħiħ mill-Programm il-ġdid dwar il-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni biex jinġabru eżempji ta’ prassi tajba dwar l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

(30) Tuża l-Programm għat-Tagħlim Reċiproku tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaqsmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom u jiskambjaw il-prassi tajba.

Monitoraġġ

(31) Tkompli tissorvelja u tirrapporta regolarment dwar l-iżviluppi marbuta mad-disinn, l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala parti mill-programm annwali tan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi tal-Impjieg Pubbliku.

(32) Tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u permezz tal-Kumitat tal-Impjiegi tistabbilixxi sorveljanza multilaterali tal-implimentazzjoni ta’ skemi ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ fil-qafas tas-Semestru Ewropew, tanalizza l-impatt tal-politiki fis-seħħ u tindirizza, fejn ikun il-lok, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri.

Aktar għarfien

(33) Tappoġġa l-attivitajiet li jqajmu għarfien dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri, billi tuża l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u tikkoordina b'mod partikolari mal-kampanji ta' informazzjoni tiegħu.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               L-indikaturi ewlenin tal-Forza tax-Xogħol tal-Eurostat, dejta trimestrali aġġustata kull staġun  b’żgħażagħ qed jinftiehem dawk li għandhom inqas minn 25 sena; b’adulti dawk li qabżu l-25.

[2]               COM(2012) 750 tat-28 ta’ Novembru 2012.

[3]               Aktar informazzjoni f’: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=88&eventsId=641

[4]               Aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta’ skemi ta' Garanziji taż-Żgħażagħ tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-proposta.

[5]               Eurofound (2012) NEETs – Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u rispons għall-politika fl-Ewropa, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE – ĠU L 308/46 tal-24 ta’ Novembru 2010.

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE – ĠU L 205/21 tas-6 ta' Awwissu 2005.

[8]               Linji gwida dwar għall-politika dwar l-impjiegi (2008-2010) – Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE – ĠU L 198/51 tas-26 ta’ Lulju 2008.

[9]               P7-TA(2010) 0262 tas-6 ta’ Lulju 2010.

[10]             ĠU C 191/01 tal-1 ta' Lulju 2011.

[11]             COM(2012) 173 tat-18 ta’ April 2012.

[12]             COM(2012) 582 tal-10 ta’ Ottubru 2012.

[13]             Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Inizjattiva dwar l-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (2012/2617(RSP)), 24.5.2012.

[14]             COM(2012) 669 tal-20 ta’ Novembru 2012.

[15]             COM(2012) 750 tat-28 ta’ Novembru 2012.

[16]             L-ispiża fuq il-Garanzija taż-Żgħażagħ ma taqax fil-kategorija tal-formazzjoni tal-kapital fiss gross fil-kontijiet nazzjonali.

Top