EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0203

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE "Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva" Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u Apparat Konness: Perspettivi Passati u Futuri

/* COM/2012/0203 final */

52012DC0203

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE "Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva" Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u Apparat Konness: Perspettivi Passati u Futuri /* COM/2012/0203 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni – Sfond għal dan ir-rapport........................................................................ 2

2........... Applikazzjoni tad-Direttiva.............................................................................................. 3

2.1........ Il-pajjiż tal-oriġini, iċ-ċirkolazzjoni libera u l-libertà tal-espressjoni.................................... 3

2.2........ Għanijiet tal-politika pubblika. il-protezzjoni tal-minorenni u l-inċitament għall-mibegħda... 4

2.3........ Servizzi tal-midja awdjoviżiva għal kulħadd: l-aċċessibbiltà............................................... 4

2.4........ Libertà tal-espressjon: id-dritt għall-informazzjoni............................................................ 4

2.5........ Diversità kulturali il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u indipendenti............................... 5

2.6........ Komunikazzjonijiet kummerċjali...................................................................................... 5

2.7........ Inizjattivi awtoregolatorji................................................................................................. 8

3........... L-iżviluppi teknoloġiċi reċenti u l-espansjoni tas-suq tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fl-Ewropa         8

4........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 10

1.           Introduzzjoni – Sfond għal dan ir-rapport

L-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, l-"AVMSD” (Audiovisual Media Services Directive), jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, regolarment, rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan huwa l-ewwel rapport ta' applikazzjoni dwar l-AVMSD u jkopri l-perjodu bejn l-2009 u l-2010[1].

L-ewwel parti tar-rapport tħares retrospettivament lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inklużi kwistjonijiet dwar l-effikaċja ta' regoli kwalitattivi dwar ir-reklamar f’settur fejn l-offerta u r-reazzjonijiet tal-individwi għar-reklamar qed jinbidlu. Fejn il-valutazzjoni tidentifika lok għal titjib, dan ma jdgħajjifx il-loġika ta’ intervent tal-AVMSD iżda jesiġi mezzi aktar effettivi. Għaldaqstant, ir-rapport iservi ta' pedament għat-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza lejn dak il-għan.

It-tieni parti tindirizza b'mod prospettiv l-influwenza ta' tibdiliet teknoloġiċi importanti dwar il-qafas regolatorju hekk kif ix-xandir tradizzjonali u l-internet jikkonverġu b’mod rapidu .

L-AVMSD għandha l-għan li tiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva bħala strument tas-suq intern li jirrifletti d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni li jinsab fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea filwaqt li tiżgura l-ħarsien ta' għanijiet importanti tal-politika pubblika.

L-AVMSD tiddefinixxi sensiela ta’ rekwiżiti minimi li jiżguraw l-istess kundizzjonijiet u jippermettu ċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva madwar l-Ewropa. F’xi każijiet, l-AVMSD tarmonizza l-kunċetti (eż. spot ta’ reklamar) filwaqt li f'każijiet oħra, ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu r-rekwiżiti speċifiċi fid-dawl taċ-ċirkustanzi u t-tradizzjonijiet nazzjonali (eż. Il-kontenut ta' ħsara għall-minorenni).

Kumplessivament, il-qafas regolatorju Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva qeda sew liċ-ċittadini u n-negozji.

Għan-negozji, dan ipprovda l-qafas legali stabbli li kien meħtieġ sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-midja jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom. Sa mill-ħolqien tiegħu, il-qafas regolatorju ppermetta lis-suq li jikber minn għadd żgħir ta’ fornituri tas-servizzi għal aktar minn 7 500 xandara llum. Dan ippermetta wkoll l-iżvilupp u t-tkabbir tas-servizzi ta' vidjow fuq talba ("video-on-demand"). Stima tas-servizzi fuq talba fl-UE, mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti, hija ta' mill-inqas, 650 skont iċ-ċifri ta' Jannar 2012.

Fi Frar 2012[2] l-għadd ta' servizzi ta' vidjows fuq talba onlajn[3] (esklużi servizzi televiżi ta' ripetizzjoni tal-programmi, servizzi ta' aħbarijiet biss, programmi tal-adulti, trejlers ta' films, programmi ta' xiri mid-dar u servizzi ta' ditti kummerċjali bħal YouTube, Dailymotion u iTunes) huwa stmat li, fl-UE, ilaħħaq il-251.

Mill-perspettiva taċ-ċittadini, l-aċċess għall-kanali u l-għażla ta’ servizzi awdjoviżivi żdied b’mod sinifikanti. Fl-2009, il-ħin li t-telespettaturi jaraw it-televiżjoni żdied fi kważi l-Istati Membri kollha, bil-medja ta’ kuljum li tvarja bejn 145 minuta fl-Awstrija u 265 minuta fl-Ungerija.

L-aħħar reviżjoni tad-Direttiva (2005-2007) kienet bi tweġiba għal konverġenza tas-servizzi awdjoviżivi kollha u dawk ipprovduti fuq talba fi ħdan il-qafas regolatorju. L-isfida issa hija li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi tas-suq u mudelli kummerċjali ġodda li jiżguraw li l-qafas regolatorju jkompli jipprovdi l-kundizzjonijiet xierqa għat-tkabbir u l-kisba tal-miri tal-politika pubblika.

Bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew li, sal-2015, jiġi żviluppat pjan direzzjonali għal suq diġitali uniku veru fl-Ewropa u bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi tal-Unjoni u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa bħala inizjattiva ewlenija tagħha, il-Kummissjoni Ewropea se tvara dibattitu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-konverġenza.

2.           Applikazzjoni tad-Direttiva

L-AVMSD hija strument tas-suq intern li tgħaqqad id-dritt li jiġu pprovduti servizzi awjdoviżivi mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-protezzjoni ta' għanijiet importanti ta’ interess pubbliku.

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-AVMSD, sa tmiem l-2011 waslu notifiki minn total ta’ 23 Stat Membru, li għoxrin minnhom kienu traspożizzjonijiet sħaħ. Tliet Stati Membri għad iridu jagħmlu xi tibdliet għal-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw mad-Direttiva. Miżuri kkomunikati minn żewġ Stati Membri għadhom qed jiġu eżaminati. Sa tmiem l-2011, kienu għadhom pendenti seba' proċeduri ta’ ksur għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni.

Fl-2011 il-Kummissjoni kitbet dwar kwistjonijiet differenti lil 24 Stat Membru sabiex tikseb informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom tad-Direttiva AVMS Dan l-eżerċizzju kien segwit minn laqgħat mal-Istati Membri kkonċernati.

2.1.        Il-pajjiż tal-oriġini, iċ-ċirkolazzjoni libera u l-libertà tal-espressjoni (Artikoli 2, 3 u 4)

Ir-regoli tas-suq intern flimkien mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jsibu l-applikazzjoni prattika tagħhom fil-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini tal-Artikolu 2 tal-AVMSD. Is-servizzi li jkunu konformi mal-liġi tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti l-fornituri tagħhom, jistgħu jiċċirkolaw liberament fl-Ewropa mingħajr il-bżonn li jsir it-tieni kontroll mill-Istat Membru riċevitur.

Madankollu, din il-libertà taċ-ċirkolazzjoni tas-servizzi mhijiex mingħajr limiti. Fid-Direttiva hemm previsti klawsoli ta' salvagwardja għall-pajjiż riċevitur biex jipproteġu l-interessi tas-soċjetà ta’ importanza kbira, bħall-protezzjoni tal-minorenni u l-projbizzjonijiet fuq l-inċitament għall-mibegħda. Fil-prattika, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ salvagwardja fejn xandira televiżiva li toriġina fi Stat Membru ieħor tikser manifestament, serjament u gravement ir-regoli tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni jew l-inċitament għall-mibegħda. Dispożizzjoni simili teżisti fir-rigward tas-servizzi fuq talba.

Il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu huma elementi essenzjali tas-soċjetajiet demokratiċi u huma espliċitament rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala element tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji fundamentali meta tintuża l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 4(1) tal-AVMSD li jiġu applikati regoli aktar stretti għal fornituri taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Dawn il-konsiderazzjonijiet iffurmaw ukoll il-bażi tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi dwar leġiżlazzjoni ġdida dwar il-midja fir-rigward tal-obbligu ta' kopertura bilanċjata u r-regoli dwar kontenut offensiv. Kienu miftiehma wkoll xi modifiki, bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi, dwar dispożizzjonijiet oħra li setgħu jikkostitwixxu ksur tal-AVMSD u/jew ir-regoli dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi u l-istabbilment[4].

2.2.        Għanijiet tal-politika pubblika. il-protezzjoni tal-minorenni u l-inċitament għall-mibegħda (Artikoli 6, 12 u 27)

Il-projbizzjoni ta' inċitament għall-mibegħda bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità hija għan ewleni tal-politika pubblika li hija indirizzat mill-AVMSD. Matul il-perjodu ta' referenza, din id-dispożizzjoni ġiet applikata fir-rigward tax-xandir ripetut mill-kanal bis-satellita Al Aqsa, taħt ġurisdizzjoni Franċiża, tal-materjal ta' inċitament għall-mibegħda anti-Semitika.

Il-Kummissjoni intervjeniet u r-regolatur Franċiż ordna lill-fornitur Franċiż ta' kapaċità satellitari Eutelsat iwaqqaf ir-ritrażmissjoni ta' Al Aqsa TV, li waqaf jittrażmetti tali programmi fl-Ewropa.

2.3.        Servizzi tal-midja awdjoviżiva għal kulħadd: l-aċċessibbiltà (Artikolu 7)

L-aċċessibilità tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva għaċ-ċittadini kollha tal-UE hija għan ewlieni ulterjuri indizzat mill-AVMSD billi tesiġi aċċess dejjem aħjar għal persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl. L-Istati Membri kollha introduċew regoli għal dak l-għan. Madankollu,l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli tirrifletti d-diversità tal-kundizzjonijiet tas-suq. Filwaqt li xi Stati Membri għandhom regoli statutorji jew awtoregolatorji dettaljati ħafna, oħrajn għandhom biss dispożizzjonijiet ġenerali ħafna jew jillimitaw l-obbligu ta' aċċessibbiltà għas-servizzi ta' xandara tas-servizz pubbliku.

2.4.        Libertà tal-espressjon: id-dritt għall-informazzjoni (Artikoli 14 u 15)

Sabiex jiżguraw id-dritt għal informazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta' avvenimenti ta' importanza kbira, l-Istati Membri jistgħu jfasslu lista ta' avvenimenti li huma jqisu bħala ta' importanza ewlenija għas-soċjetà tagħhom. Il-lista ta' avvenimenti u l-miżuri għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni.

Il-FIFA u l-UEFA ressqu ilment quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-listi ta' avvenimenti ta' importanza kbira tal-Belġju u r-Renju Unit. Dan kien jikkonċerna l-inklużjoni f'dawn il-listi tat-turnew finali kollu tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA u l-Kampjonat Ewropew tal-UEFA.

Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet il-possibbiltà li tillimita l-libertajiet fundamentali għal raġunijiet dominanti ta’ interess pubbliku, li f’dan il-każ huwa d-dritt għall-informazzjoni tal-pubbliku bħala element tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni[5].

Il-Qorti Ġenerali eżaminat bir-reqqa l-elementi mressqa quddiemha u rrikonoxxiet il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-listi ta' avvenimenti ta' importanza kbira tal-Belġu u tar-Renju Unit fir-rigward tal-inklużjoni tat-turnew finali kollu tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA u l-Kampjonat Ewropew tal-UEFA.

2.5.        Diversità kulturali il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u indipendenti (Artikoli 13, 16 u 17)

Sabiex tiġi promossa d-diversità kulturali, ix-xandara għandhom jirriżervaw il-maġġoranza tal-ħin ta’ trażmissjoni tagħhom għal xogħlijiet Ewropej. Ix-xandara għandhom ukoll jirriżervaw tal-anqas 10 % tal-ħin tax-xandir tagħhom jew tal-baġit għall-ipprogrammar għal xogħlijiet Ewropej minn produtturi indipendenti. Obbligu simili jeżisti fir-rigward tas-servizzi ta' vidjow fuq talba. Il-Kummissjoni tirrapporta perjodikament dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-obbligi.

L-aħħar rapport[6] juri li madwar l-UE, il-ħin medju tax-xandir għax-xogħlijiet Ewropej żdied minn 62.6 % fl-2007 għal 63.2 % fl-2008. Bejn l-2005 u l-2008 dan baqa' stabbli f’livell sodisfaċenti. Is-sehem medju tax-xogħlijiet indipendenti mxandra mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Ewropej kollha naqas ftit fl-2008 (34,9 %) meta mqabbel mal-2007 (35,3 %). Ix-xejra ġenerali fuq perjodu medju ta' żmien (2005-2008) turi wkoll xejra negattiva żgħira għal xogħlijiet indipendenti. Madankollu, ir-riżultati miksuba jixhdu l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Artikolu 17.

Xi Stati Membri inkludew regoli aktar stretti jew addizzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom billi esiġew proporzjon ogħla ta' xogħlijiet Ewropej, xogħlijiet jew produzzjonijiet indipendenti fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż[7]. Il-leġiżlazzjoni Spanjola, pereżempju, tesiġi li x-xandara jirriżervaw perċentwali tad-dħul operattiv tagħhom għall-finanzjament minn qabel ta' films ċinematografiċi Ewropej u films maħduma għat-televiżjoni; 60 % ta’ dak il-finanzjament huwa riżervat gћall-produzzjoni ta' xogħlijiet f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta' Spanja. Dan l-obbligu ġie kkontestat quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[8]. Il-Qorti kkonfermat li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jiddefendu u jippromwovu lingwa uffiċjali waħda jew aktar bħala parti mill-politika kulturali tagħhom.

2.6.        Komunikazzjonijiet kummerċjali (Artikoli 10, 11 u 19 sa 25)

Il-proporzjon ta' spots ta' reklamar u tax-xiri minn fuq it-televiżjoni ma jistax jaqbeż 12-il minuta fis-siegħa. L-applikazzjoni ta' din ir-regola tat lok għal diskussjonijiet dwar il-kunċett ta' spots ta' reklamar. Il-monitoraġġ tal-prattiki ta' reklamar fi Spanja enfasizza l-użu ta’ formats kummerċjali speċjali, ċarament promozzjonali, imsejħa “anuncios publicitarios de patrocinio”, “microespacios”, “spots ta' kummerċjalizzazzjoni ”, “spots ta' telepromozzjoni ” u “spots ta' trasformazzjoni” li, skont l-awtoritajiet Spanjoli, ma jammontawx għal spots ta' reklamar u għalhekk ma jaqgħux taħt ir-regola tat-12-il minuta.

B’konformità mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti sabet li spot ta’ reklamar huwa kwalunkwe tip ta' reklamar mxandar bejn il-programmi jew matul il-waqfiet, sakemm mhuwiex kopert b’xi forma oħra ta’ reklamar espressament irregolat mill-AVMSD jew sakemm ma jesiġix , minħabba l-mod kif ikun ippreżentat, tul ta' żmien itwal minn dak ta' spots ta' reklamar, bil-kundizzjoni li applikazzjoni tar-restrizzjonijiet preskritti għal spots ta' reklamar, mingħajr ġustifikazzjoni valida, tammonta għal żvantaġġ għall-forma ta' reklamar ikkonċernata[9]. Fi kliem ieħor, il-Qorti adottat interpretazzjoni uniformi u wiesgħa tal-kunċett ta’ “spot tar-reklamar” skont il-fini tal-Artikolu 23 tal-AVMSD, li huwa li jipproteġi lit-telespettatur minn ammont eċċessiv ta’ reklamar.

Il-Kummissjoni mmonitorjat prattiki ta' reklamar fi tmien Stati Membri matul il-perjodu ta' referenza. F'għadd ta’ Stati Membri il-limitu ta' 12-il minuta ta' spots ta' reklamar huwa miksur regolarment. Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, intbagħtu ittri amministrattivi lill-Istati Membri kkonċernati u għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet. Il-Kummissjoni biħsiebha tkompli l-monitoraġġ tal-konformità tal-Istati Membri mar-regola tat-12-il minuta u, jekk ikun meħtieġ, tibda proċeduri ta' ksur[10].

Il-monitoraġġ tal-prattiki ta' reklamar żvela wkoll għadd ta’ kwistjonijiet fil-qasam tal-komunikazzjonijiet kummerċjali fir-rigward tal-isponsorizzazzjoni, awtopromozzjoni u t-tqegħid tal-prodott. Dan juri ħtieġa li jiġu ċċarati r-regoli li jirregolaw diversi forom ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali.

Għall-ewwel darba, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kwalitattivi dwar ir-reklamar kienet immonitorjata separatament matul il-perjodu ta' referenza. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jikkonċernaw r-reklamar tal-alkoħol, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi u r-reklamar mmirat lejn il-minorenni. L-analiżi tal-kontenut tqieset bħala l-aktar metodoloġija xierqa[11].

Fl-Istati Membri mmonitorjati, ir-reklamar tal-alkoħol jirrappreżenta bejn 0,8 % u 3% tal-attività globali tar-reklamar fuq servizzi tal-midja awdjoviżiva abbażi tal-għadd totali ta' spots imxandra matul il-perjodu mmonitorjat. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tal-AVMSD, instabu verament ftit każijiet ċari ta' ksur. Madankollu, proporzjon sinifikanti, aktar minn 50 %, ta' spots ta' reklamar jinkludi elementi li jistgħu jiġu marbuta ma' xi karatteristiċi pprojbiti mill-AVMSD, għalkemm fid-dawl tar-rekwiżiti dettaljati tal-AVMSD dawn ma laħqux ikkostitwixxew vjolazzjoni ċara.

Fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-AVMSD dwar ir-reklamar tal-alkoħol, 22 Stat Membru stabbilixxew regoli kemmxejn aktar stretti għar-reklamar tal-alkoħol[12], li jinvolvu kanali, prodotti reklamati jew perjodi ta’ ħin.

L-AVMSD tirregola wkoll reklamar immirat għat-tfal. Il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jikkawżaw ħsara fiżika jew morali lill-minorenni. Dan ifisser li ma għandhomx: iħajru direttament lill-minorenni biex jixtru jew jikru prodott jew servizz billi jiġi sfruttat in-nuqqas ta' esperjenza jew il-kredulità tagħhom; ma għandhomx jinkoraġġixxu direttament lill-minorenni biex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew oħrajn li jixtru l-oġġetti jew is-servizzi li qed jiġu reklamati; jisfruttaw il-fiduċja speċjali li l-minorenni jqiegħdu fil-ġenituri, fl-għalliema jew f'persuni oħrajn; jew juru, mingħajr raġuni, minorenni f'sitwazzjonijiet perikolużi.

Analiżi tal-kontenut tal-100 spot ta' reklamar imxandra l-aktar uriet li rarament ġew miksura d-dipożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni fir-reklamar. Kif inhu l-każ fir-reklamar tal-alkoħol, minħabba l-kliem dettaljat tad-dispożizzjonijiet rilevanti, ftit huma l-każijiet ta' ksur tal-AVMSD. Madankollu, jidher li ta' spiss jintużaw tekniki ta’ reklamar immirat għall-minorenni fir-reklamar fuq it-televiżjoni.

Ħames Stati Membri jipprojbixxu r-reklamar fi programmi tat-tfal. Erba' Stati Membri jimponu projbizzjoni parzjali jew restrizzjonijiet oħra fuq ir-reklamar fi programmi tat-tfal jew matul perjodi speċifiċi ta’ ħin jew għal prodotti speċifiċi, u seba' Stati Membri jipprojbixxu l-wiri ta' logos ta' sponsorizzazzjoni fi programmi tat-tfal[13].

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jidher xieraq li fl-2013 tiġi aġġornata l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar fuq it-televiżjoni fid-Direttiva tat-“Televiżjoni Mingħajr Fruntieri”[14]. L-esperjenza miksuba fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE dwar in-Nutrizzjoni u l-Forum dwar is-Saħħa u l-Alkoħol kif ukoll il-ħidma mwettqa fuq ir-reklamar komportamentali se jkunu kkunsidrati f’dan l-aġġornament. Aktar investigazzjonijiet huma meħtieġa sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta' komunikazzjonijiet kummerċjali, partikolarment għal xarbiet alkoħoliċi, fuq il-minorenni fir-rigward tal-esponiment u l-imġiba tal-konsumatur, u l-effikaċja tar-restrizzjonijiet tad-Direttiva fil-kisba tal-protezzjoni meħtieġa, filwaqt li jitqies il-proporzjoni tal-benefiċċju/spiża tal-attivitajiet ta' monitoraġġ. Il-Kummissjoni se tibda r-riċerka neċessarja fl-2013.

Kwistjoni oħra indirizzata permezz tal-AVMSD fil-qasam tal-komunikazzjonijiet kummerċjali hija d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Tali diskriminazzjoni hi pprojbita. Aspett ieħor ta’ diskriminazzjoni hija l-assoċjazzjoni sistematika ta’ ċerta kategorija tal-popolazzjoni bi rwoli jew attitudnijiet speċifiċi. Saret analiżi tad-diskriminazzjoni sesswali u l-isterjotipi tas-sessi fl-aktar 100 spot ta' reklamar imxandra fi tmien Stati Membri. Instabet rappreżentazzjoni sterjotipata tar-rwoli tas-sessi f'21 % sa 36 % tal-ispots analizzati. Madankollu, f’xi Stati Membri għadd ta’ karigi, professjonijiet jew prodotti huma iktar sistematikament assoċjati ma’ sess speċifiku milli fi Stati Membri oħra. Fl-ebda pajjiż, fost dawk mistħarrġa, mhuma eskluż tali rappreżentazzjonijiet sterjotipati.

L-Istati Membri u l-partijiet interessati qajmu l-kwistjoni dwar jekk ix-xandir transkonfinali tar-reklamar tal-imħatri huwiex kopert minn dawk l-oqsma kkoordinati mill-AVMSD. L-għan tal-Artikolu 1(1)(h) huwa li jkopri kull forma ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva ddefinita bħala 'immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbiha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika'. Madankollu, l-AVMSD ma tapplikax għal servizzi tal-imħatri bħala tali.

2.7.        Inizjattivi awtoregolatorji (Artikolu 4(7))

Fattur ieħor importanti tal-AVMSD hija r-referenza għal mezzi alternattivi ta' regolamentazzjoni permezz ta’ inizjattivi awtoregolatorji/koregolatorji, partikolarment fil-qasam tar-reklamar. Dawn is-sistemi għandhom jiġu aċċettati b’mod wiesa' mill-partijiet interessati ewlenin fl-Istati Membri kkonċernati u jipprovdu għal infurzar effettiv. Fl-Istati Membri kollha, minbarra tnejn, jeżistu skemi awtoregolatorji jew koregolatorji jew ġew inklużi direttament dispożizzjonijiet ta' inkoraġġiment fil-leġiżlazzjoni tal-midja[15].

Għar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel għat-tfal, ġew promossi wkoll prattiki awtoregolatorji fil-livell tal-UE permezz tal-Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni fuq id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa. Il-Pjattaforma kisbet total ta' aktar minn 300 impenn mill-partijiet interessati[16]. Il-komunikazzjoni kummerċjali responsabbli għal xorb alkoħoliku tammonta wkoll għal 25 % tal-aktar minn 200 impenn meħuda minn membri tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa. Għaldaqstant, l-awtoregolamentazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar ta' xorb alkoħoliku tjiebet sostanzjalment f'termini ta' servizzi tal-midja u Stati Membri koperti. Ħidma ulterjuri se jkollha tistabbilixxi l-kontribuzzjoni li jipprovdu dawn l-inizjattivi sabiex jintlaħaq il-livell ta' protezzjoni meħtieġ u jekk tkunx meħtieġa l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet komuni biex jirrinfurzaw l-effikaċja tagħhom. Evalwazzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni fuq id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa[17] kkonkludiet li inizjattivi tal-partijiet interessati fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar uriet progress tajjeb, iżda li l-impatt tagħhom jista’ jkompli jissaħħaħ aktar. Fil-kuntest ta' dawn il-pjattaformi, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ definizzjoni ta’ limiti aktar stretti ta' età u udjenza għar-reklamar u kummerċjalizzazzjoni u parametri aktar konsistenti dwar in-nutrizzjoni fost il-kumpaniji. L-Istati Membri għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-tfassil ta' approċċi awtoregolatorji mmexxija mill-industrija, partikolarment fir-rigward tal-amministrazzjoni effiċjenti u b'riżorsi biżżejjed tal-kodiċijiet u t-trattament tal-ilmenti.

Fil-qasam aktar speċifiku ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi fi programmi tat-tfal, fir-rigward tal-ikel ħelu, xaħmi jew mielaħ jew xorb, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva sabiex jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li mhumiex xierqa fi programmi tat-tfal.

3.           L-iżviluppi teknoloġiċi reċenti u l-espansjoni tas-suq tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fl-Ewropa

It-tfaċċar tat-TV Konnessa jew Ibrida li tintegra l-Internet u l-karatteristiċi tal-Web 2.0 fir-riċevituri moderni tat-televiżjoni jimmarkaw stadju ġdid tal-konverġenza tal-Internet u t-TV. Filwaqt li xi fornituri joffru għadd limitat ta' applikazzjoni mingħajr ebda aċċess reali għall-Internet, oħrajn joffru aċċess miftuħ għal kontenut awdjoviżiv fuq l-Internet.

Diversi operaturi Amerikani ewlenin huma fil-proċess li jvaraw is-servizzi tagħhom fl-UE u t-tfaċċar ta' dawk il-pjattaformi ġodda bla dubju se jżid il-pressjoni kompetittiva fuq il-ħolqien, finanzjament u bejgħ ta' xogħlijiet tal-UE.

Is-servizzi tat-TV Konnessa bħalissa huma operattivi fil-Ġermanja u l-Italja u waslu biex jiġu introdotti fi Franza u r-Renju Unit. Bħalissa, l-użu ta’ TV Konnessa għadu limitat. Għalkemm ħafna settijiet tat-TV li qed jinbiegħu issa huma konnessibbli, bejn 20 % u 30 % biss huma fil-fatt onlajn. Hekk kif aktar ċittadini qed jkollhom aċċess għal veloċitajiet ogħla tal-internet, u qed jiżdied l-apparat konness u l-kontenut disponibbli, jista’ jkun mistenni li t-TV Konnessa ser tikber relattivament malajr matul il-ftit snin li ġejjin.

Minbarra t-TV b’xandir tradizzjonali, apparat konness inklużi tablets, smart phones u konsowls jipprovdi wkoll aċċess lill-konsumaturi għal servizzi ta' vidjow fuq talba permezz ta' applikazzjonijiet u servizzi televiżivi ta' ripetizzjoni tal-programmi mill-pjattaformi ta' xandir ibridu/broadband tax-xandara stess. Stimi jipprevedu li sa tmiem l-2011 kien hemm 47 miljun apparat domestiku attiv u konness fl-Ewropa inklużi settijiet tat-TV konnessi, konsowls tal-logħob, kaxxi tad-dekoders awtonomi, players ta' diski Blu-ray u kaxxi tad-dekoders għat-TV bi ħlas[18].

L-opportunitajiet li qed jinfetħu u l-isfidi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għal TV Konnessa huma sostanzjali: il-kisba tal-istess kundizzjonijiet, kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni, aċċess għal pjattaformi sottostanti, spejjeż tal-bidla fil-fornitur u l-esklussività tal-fornitur, kontroll fuq reklamar u l-kontenut, l-impatt dwar l-effikaċja tal-miżuri li jippromwovu xogħlijiet Ewropej, kwistjonijiet tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali[19], il-protezzjoni tal-minorenni, il-protezzjoni tad-dejta u l-litteriżmu medjatiku ta’ gruppi vulnerabbli.

Din l-evoluzzjoni teknoloġika tista' twassal, għall-konsegwenza li l-fruntieri bejn ix-xandir u l-forniment "over the top" ta’ kontenut awdjoviżiv ma jibqgħux ċari. Il-qafas regolatorju stabbilit mill-AVMSD se jkollu jiġi ttestjat fil-konfront ta' xejriet li qed jevolvu fir-rigward tat-telespettaturi u l-forniment. Hemm bżonn li jinżamm livell konsistenti ta' protezzjoni madwar ambjenti tal-midja awdjoviżiva differenti filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet rispettivi tagħhom. Studji riċenti jindikaw li l-konsumaturi jbatu minn detriment sostanzjali meta jużaw kontenut diġitali, inkluża midja awdjoviżiva, speċjalment minħabba problemi fl-aċċess għall-kontenut, informazzjoni mhux ċara jew nieqsa, u kontenut ta' kwalità baxxa[20]. It-telespettaturi jkollhom ukoll aspettattivi għoljin fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kontenut tax-xandir tat-televiżjoni u tas-servizzi VOD u dawk ta’ repetizzjoni assoċjati[21]. Għall-forniment fuq talba, id-Direttiva diġà tipprovdi l-istess livelli għolja ta' protezzjoni fuq għadd ta' kwistjonijiet inkluża l-identifikazzjoni ta' fornitur tas-servizz, il-projbizzjoni sħiħa fuq l-inċitament għall-mibegħda u l-istandards kwalitattivi għal komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva.

Element importanti li qed jimxi 'l quddiem huwa dak tal-livell tal-litteriżmu medjatiku. Il-litteriżmu medjatiku huwa l-ħila li wieħed jaċċessa, jifhem u jevalwa kritikament l-aspetti differenti tal-midja u l-kontenut medjatiku u jikkomunika f'diversi kuntesti. Monitoraġġ għall-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ referenza[22] sab li 28 % tal-popolazzjoni tal-UE għandha livell bażiku ta’ fehim kritiku, 41 % għandha livell medju u 31 % għandha livell avvanzat.

Parti sinifikanti tal-popolazzjoni (75 %-80 %) jidher li kellha fehma pjuttost kritika tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva u hija konxja tal-eżistenza tar-regolamentazzjoni f'dak il-qasam. Madankollu, hemm partijiet tal-popolazzjoni (offlajn, żgħażagħ, persuni bi dħul baxx) fejn il-livell ta’ litteriżmu medjatiku u għarfien regolatorju huwa ċarament ħafna inqas. Fir-rigward tal-gruppi ta' età iżgħar u l-perċezzjoni tagħhom dwar ir-reklamar, l-istudju kkonkluda li l-età hija fattur wieħed involut fl-identifikazzjoni tar-reklamar, iżda mhuwiex l-uniku wieħed. Il-litteriżmu fir-reklamar jgħin liż-żgħażagħ jirrikonoxxu l-intenzjoni tal-bejgħ, imma l-identifikazzjoni ta' tekniki aktar sottili hija aktar kumplessa u ġeneralment il-biċċa l-kbira tat-tfal ma għandhomx din il-ħila.

Fid-dawl ta' dak ta' hawn fuq, l-iżviluppi teknoloġiċi jeħtieġu li jkunu segwiti mill-qrib. Diġà saru diskussjonijiet preliminari mal-Grupp ta' Ħidma tal-Awtoritajiet Regolatorji tal-UE fil-qasam tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u l-Kumitat ta’ Kuntatt. Dibattitu ulterjuri mal-partijiet interessati għandu jgħin biex tiġi fformulata politika Ewropea ta' reazzjoni sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għaċ-ċittadini u għas-settur awdjoviżiv Ewropew u biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' politika li jitqajmu mit-TV Konnessa.

Il-Kummissjoni se tapprofondixxi l-analiżi tagħha fix-xhur li ġejjin u se tvara proċess ta' konsultazzjoni usa’ fid-dawl ta' dokument ta' politika dwar it-TV konnessa.

4.           Konklużjonijiet

Kollox ma' kollox, il-qafas regolatorju Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva laħaq il-bilanċ ġust u qeda tajjeb liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji.

Madankollu, xi punti jeħtieġu l-attenzjoni, partikolarment fil-qasam ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, fejn bosta mill-kwistjonijiet involuti għandhom ikomplu jiġu monitorjati u evalwati sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tar-regoli fid-dawl tal-għan tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni f'ambjenti differenti tal-midja awdjoviżiva. L-aġġornament previst tal-Komunikazzjoni Interpretattiva, dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar fuq it-televiżjoni fid-Direttiva tat-“Televiżjoni Mingħajr Fruntieri”, se jipprovdi kjarifika dwar kwistjonijiet speċifiċi f'dan il-qasam.

Jeħtieġu aktar sforzi biex jinħolqu skala, appoġġ u l-aħjar prattika għall-kodiċijiet ta' kondotta dwar komunikazzjonijiet kummerċjali mhux xierqa għall-ikel b'livell għoli ta' xaħam, melħ jew zokkor immirat għat-tfal. L-effikaċja ta' dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta għandhom ikunu vvalutati aktar.

Żviluppi teknoloġiċi prevedibbli jistgħu jċajpru l-linji bejn ix-xandir u l-forniment "over the top" ta’ kontenut awdjoviżiv. Bħala riżultat, il-qafas regolatorju attwali stabbilit bl-AVMSD jista' jinħtieġ li jiġi ttestjat fil-konfront ta' xejriet li qed jevolvu fir-rigward tat-telespettaturi u l-forniment filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-politika relatati bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-livell ta’ litteriżmu medjatiku.

Peress li l-impatt possibbli fuq is-suq u l-qafas regolatorju mhuwiex għalkollox ċar, għandha ssir valutazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni attwali u futura. Il-Kummissjoni varat dibattitu miftuħ mal-partijiet interessati dwar forniment "over-the-top" ta’ kontenut awdjoviżiv u se tapprofondixxi din l-analiżi fix-xhur li ġejjin fid-dawl ta' dokument ta' politka dwar it-TV Konnessa.

[1]               L-iżviluppi fl-2011 ġew koperti fejn xieraq.

[2]               Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew.

[3]               Films ta' rappurtaġġ jew dawk qosra, programmi ta’ katalgi televiżivi, animazzjoni, dokumentarji, taħriġ, mużika u arkivji.

[4]                http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=SPEECH/11/6&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en.

[5]               Każijiet T-385/07, T-55/08 u T-68/08, FIFA/UEFA/Kummissjoni, 17.2.2011.

[6]               COM(2010) 450.

[7]               Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatt .http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm

[8]               Każ C-222/07, UTECA, 5.3.2009.

[9]               Każ C-281/09, Kummissjoni/Spanja, 24.11.2011.

[10]             Għar-riżultati tal-attività preċedenti ta' monitoraġġ, ara r-rapporti ta' applikazzjoni disponibbli fuq is-sit: http://ec.europa.eu/avpolicy/reg/tvwf/implementation/reports/index_en.htm. L-Istati Membri kollha se jkunu ġew immonitorjati sa tmiem l-2012.

[11]             L-analiżi tal-kontenut hija teknika tar-riċerka għad-deskrizzjoni oġġettiva, sistematika u kwantiattiva tal-kontenut tal-manifest ta' komunikazzjoni. Għal aktar dettalji ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal.

[12]             Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatt           http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm .

[13]             Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatt http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm

[14]             ĠU C 102, 28/4/2004, p. 2, ara l-Anness

[15]             Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatt           http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm.

[16]             http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/platform/platform_db_en.htm

[17]             http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/evaluation_frep_en.pdf

[18]             IHS Source Digest.

[19]             Ara wkoll il-Green Paper dwar distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, COM (2011) 427 fin.

[20]             Europe Economics: Digital Content Services for Consumers: Assessment of Problems Experienced by Consumers (2011):

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/files/empirical_report_final_-_2011-06-15.pdf;

Riżultat Dettaljati tal-Istħarriġ:

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/files/empirical_report_final_appendix_9_2011-06-15.pdf

[21]             Ipsos MORI, Protecting Audiences in a Converged World, Jannar 2012.

[22]             Istitut Teknoliġiku Daniż u Assoċjazzjoni Ewropea għall-Interessi tat-Telespettaturi, Testing and Refining Criteria to assess Media Literacy levels in Europe, April 2011.

Top