EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0455

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta' Persuni bin-Nazzjonalità ta' Pajjiżi Terzi

/* KUMM/2011/0455 finali */

52011DC0455

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta' Persuni bin-Nazzjonalità ta' Pajjiżi Terzi /* KUMM/2011/0455 finali */


WERREJ

1........... L-INTEGRAZZJONI BĦALA MOD KIF INWETTQU L-POTENZJAL TAL-MIGRAZZJONI        2

2........... L-IMMANIĠĠJAR TAL-INTEGRAZZJONI HIJA RESPONSABBILTÀ KOMUNI            4

A........... INTEGRAZZJONI PERMEZZ TAL-PARTEĊIPAZZJONI.......................................... 4

B........... AKTAR AZZJONI FIL-LIVELL LOKALI................................................................... 9

C........... INVOLVIMENT TAL-PAJJIŻI TAL-ORIĠINI.......................................................... 10

3........... IT-TRIQ ’IL QUDDIEM.......................................................................................... 12

1. L-INTEGRAZZJONI BĦALA MOD KIF INWETTQU L-POTENZJAL TAL-MIGRAZZJONI

Fl-aħħar deċenni, il-migrazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE żdiedet. Il-migranti minn pajjiżi terzi jirrappreżentaw madwar erbgħa fil-mija tal-popolazzjoni totali fl-UE[1]. Hekk, il-mod kif inhi magħmula l-popolazzjoni tal-UE qed jinbidel, u s-soċjetajiet Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma' diversità li qed tiżdied. Dan iwassal għal kundizzjonijiet ġodda għall-koeżjoni soċjali u għal rispons governattiv għat-tħassib tal-pubbliku.

L-Ewropa hija wkoll influwenzata bil-kbir mit-tibdiliet demografiċi, inkluża l-popolazzjoni li qed tixjieħ, medji ogħla tal-għomor tal-bniedem u popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos[2]. Il-migrazzjoni legali tista' tgħin biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, flimkien mal-massimizzazzjoni tal-użu tal-forza tax-xogħol u tal-ħiliet li diġà huma disponibbli fl-UE u mat-titjib tal-produttività tal-ekonomija tal-UE. Ix-xejriet demografiċi jvarjaw minn reġjun għall-ieħor u jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta' soluzzjonijiet imfasslin apposta. Jekk trid tikseb il-benefiċċji sħaħ tal-migrazzjoni, l-Ewropa jeħtieġ li ssib mod kif tkampa aħjar mas-soċjetajiet diversi u multikulturali tagħha permezz ta' integrazzjoni aktar effettiva tal-migranti tagħha.

L-Istrateġija Ewropa 2020[3] u l-Programm ta' Stokkolma[4] jirrikonoxxu bis-sħiħ il-potenzjal tal-migrazzjoni fil-bini ta' ekonomija kompetittiva u sostenibbli u jistabbilixxu, bħala mira politika ċara, l-integrazzjoni effettiva tal-migranti legali msejsa fuq ir-rispett ta' jeddijiet il-bniedem u tal-promozzjoni tagħhom[5].

L-Istati Membri kkonfermaw l-impenn tagħhom biex ikomplu jiżviluppaw l-idea fundamentali tal-integrazzjoni bħala mutur għall-iżvilupp ekonomiku u għall-koeżjoni soċjali, sabiex jitjieb aktar il-kontribut tal-migranti għat-tkabbir ekonomiku u għall-għana kulturali[6]. Diġà hemm qafas għall-koperazzjoni tal-UE dwar l-integrazzjoni permezz tal-Prinċipji Bażiċi Komuni għal-Linja Politika dwar l-Integrazzjoni tal-Immigranti fl-Unjoni Ewropea, li l-Kunsill qabel dwarhom fl-2004[7]. Il-Prinċipji jisħqu li l-integrazzjoni hija proċess dinamiku bidirezzjonali ta’ akkomodazzjoni reċiproka bejn l-immigranti u s-soċjetajiet li jilqgħuhom. L-azzjonijiet kollha tal-UE li ppreżentat il-Kummissjoni fl-Aġenda Komuni tal-2005 għall-Integrazzjoni tlestew[8]. Madanakollu, il-kuntest soċjali, ekonomiku u politiku nbidel u mhux il-miżuri kollha favur l-integrazzjoni rnexxielhom jilħqu l-miri tagħhom. Il-linji politiċi favur l-integrazzjoni jeħtieġu wkoll ir-rieda u l-impenn min-naħa tal-migranti li jkunu parti mis-soċjetà li tilqagħhom.

L-introduzzjoni ta' dispożizzjoni legali ġdida fit-Trattat rigward appoġġ mill-UE għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi[9] li joqogħdu fl-Istati Membri legalment (l-Artikolu 79.4 TFUE) tippermetti aktar azzjoni komuni filwaqt li tiġi eskluża l-armonizzazzjoni. Din l-azzjoni trid tagħti kas tal-fatt li l-kuntest demografiku, soċjali, ekonomiku u politiku nbidel.

Iċ-ċifri[10] jikkonfermaw li l-aktar sfidi urġenti jinkludu:

· il-livelli baxxi prevalenti ta' migranti li għandhom xogħol, speċjalment fir-rigward tal-migranti nisa,

· qgħad li qed jikber u livelli għoljin ta' nies 'bi kwalifiki ogħla minn dawk meħtiġin',

· riskji li qed jikbru tal-esklużjoni soċjali,

· differenzi fil-kisbiet ta' riżultati fl-edukazzjoni,

· tħassib tal-pubbliku dwar in-nuqqas ta' integrazzjoni tal-migranti.

L-Aġenda Ewropea mġedda għall-Integrazzjoni taċ-Ċittadini minn Pajjiżi Terzi hija kontribut għad-dibattitu dwar kif l-integrazzjoni għandha tiġi mifhuma u sostnuta aħjar. Tissuġġerixxi diversi metodi li nistgħu nirrikorru għalihom, skont l-isfidi differenti tal-integrazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom tipi differenti ta' migranti, kemm dawk bi ftit ħiliet kif ukoll dawk b'ħafna, kif ukoll il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Jeħtieġ li l-Ewropa tieħu attitudni pożittiva lejn id-diversità u li tipprovdi garanziji b'saħħithom għall-jeddijiet fundamentali u għat-trattament indaqs, b'mod li jibni fuq ir-rispett reċiproku bejn kulturi u tradizzjonijiet differenti. Hemm bżonn ukoll ta' azzjonijiet immirati lejn il-gruppi vulnerabbli ta' migranti.

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq esperjenzi minn madwar l-UE kollha kemm hi, din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-isfidi Ewropej rigward l-integrazzjoni. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, tipproponi rakkomandazzjonijiet u oqsma fejn trid tittieħed azzjoni. Flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Pesunal tal-Kummissjoni ta' magħha, tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi li ħadet l-UE biex tiġi sostnuta l-integrazzjoni ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi. L-UE tista' tikkontribwixxi biex tingħata direzzjoni u gwida lill-isforzi tal-Istati Membri permezz ta' strumenti differenti. L-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ma tistax titwettaq permezz tal-istrumenti Ewropej waħedhom. L-integrazzjoni hija proċess dinamiku u li jieħu ż-żmien, u titlob li jsiru sforzi minn firxa wiesgħa ta' atturi f'oqsma differenti ta' linji politiċi u f'diversi livelli. Hija din ir-raġuni għaliex ir-rakkomandazzjonijiet inklużi f'din il-komunikazzjoni huma mmirati lejn l-atturi kollha involuti fil-proċess tal-integrazzjoni.

2. L-IMMANIĠĠJAR TAL-INTEGRAZZJONI HIJA RESPONSABBILTÀ KOMUNI

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, huwa ċar li jeħtieġ li l-linji politiċi favur l-integrazzjoni joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għas-sehem ekonomiku, soċjali, kulturali u politiku tal-migranti sabiex jitwettaq il-potenzjal tal-migrazzjoni. Is-soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi li toffri l-integrazzjoni jridu jinstabu f'kull kuntest nazzjonali u lokali, iżda minħabba li dawn l-isfidi huma komuni għal bosta Stati Membri, dawn jistgħu jaqsmu bejniethom l-esperjenzi. Għalkemm id-determinazzjoni tal-istrateġiji għall-integrazzjoni mhix il-prerogattiva tal-UE, l-UE tista' tipprovdi qafas għall-moniteraġġ, għall-valutazzjoni komparattiva u għall-iskambju tal-prattika tajba, u toħloq inċentivi permezz tal-istrumenti finanzjarji Ewropej. Eżempji ta' skambju tal-prattika tajba u tal-konoxxenza huma ppreżentati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Pesunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni.

L-integrazzjoni hija marbuta ma' qafas ta' leġiżlazzjoni u ta' linji politiċi li huwa ddefinit u kkoordinat fil-livell tal-UE[11]. Li niżguraw li jkun hemm qafas leġiżlattiv għat-trattament indaqs u għall-għoti ta' livell xieraq ta' jeddijiet lill-migranti kollha huwa parti mill-azzjoni tal-UE favur l-integrazzjoni. Jeħtieġ li fl-oqsma rilevanti kollha jingħata kas bis-sħiħ tal-prijoritajiet tal-integrazzjoni, sabiex nikkontribwixxu b'mod koerenti biex jintrebħu l-isfidi tal-integrazzjoni u jintlaħqu prijoritajiet politiċi oħrajn.

L-integrazzjoni hija proċess li l-ħin kollu jevolvi, li jitlob moniteraġġ mill-qrib, sforzi ma jaqtgħu xejn, metodi innovattivi u ideat kuraġġużi. Mhux faċli biex jiġu ddefiniti s-soluzzjonijiet iżda jekk il-migranti jirnexxilhom jintegraw fl-UE, dan ikun ifisser kontribut sinifikanti biex l-UE tilħaq l-għanijiet li ffissat fl-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li sal-2010 r-rata tal-okkupazzjoni tkun telgħet għal 75%, li r-rati ta' nies li jitilqu mill-iskola kmieni jitnaqqsu għal taħt l-10%, li jkun hemm aktar mill-popolazzjoni li jtemmu l-edukazzjoni terzjarja u li 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali[12].

L-azzjonijiet proposti jiffukaw fuq l-oqsma ewlenin li ġejjin:

A. Integrazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni.

B. Aktar azzjoni fil-livell lokali.

C. Involviment tal-pajjiżi tal-oriġini.

A. INTEGRAZZJONI PERMEZZ TAL-PARTEĊIPAZZJONI

L-integrazzjoni hija proċess li jibda fost in-nies, u jeħtieġ li l-linji politiċi favur l-integrazzjoni jiġu żviluppati b'metodu ġenwin li jibda minn isfel u jibqa' tiela' għal fuq, qrib il-livell lokali. Tali linji politiċi jinkludu azzjonijiet bħas-sostenn għat-tagħlim tal-ilsna, miżuri introduttorji, aċċess għax-xogħol, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u li kollha kemm huma għandhom l-għan li jkabbru l-parteċipazzjoni tal-migranti fis-soċjetà.

L-integrazzjoni titlob l-impenn, mis-soċjetà li tilqa' lill-migranti, li takkomodahom, tirrispetta l-jeddijiet u l-kulturi tagħhom, u tgħarrafhom dwar l-obbligi tagħhom. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-migranti juru li jridu jintegraw u jirrispettaw ir-regoli u l-valuri tas-soċjetà li jkunu qed jgħixu fiha.

1.           Il-kontribut soċjoekonomiku tal-migranti

1.1.        Il-ksib tal-konoxxenza tal-ilsna

Hemm qbil ġenerali li l-kisba ta' ħakma tal-ilsna hija kruċjali għall-integrazzjoni. Ħiliet imtejbin fl-użu tal-ilsna jwasslu għal opportunitajiet aħjar ta' xogħol, għall-indipendenza u għall-parteċipazzjoni tal-migranti nisa fis-suq tax-xogħol.

It-taħriġ fl-ilsna, kif ukoll il-programmi introduttorji, iridu jkunu aċċessibbli kemm finanzjarjament kif ukoll ġeografikament. Huwa importanti li jiġu offruti livelli differenti ta' korsijiet tal-ilsna msejsin fuq il-konoxxenza tal-parteċipanti u fuq il-kundizzjonijiet għat-tagħlim. Jista' jkun rilevanti li, meta jiġu biex jiġu ddeterminati l-livelli tal-ħiliet fl-ilsna, jintuża l-Qafas ta' Referenza Komuni Ewropew għall-Ilsna (Common European Framework of Reference for Languages, CEFR), li huwa bażi żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tal-ilsna[13].

1.2.        Parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol

F'bosta Stati Membri, teżisti differenza konsiderevoli fil-livelli tal-impjiegi bejn persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-UE. Fl-2010, ir-rata tal-okkupazzjoni tal-persuni b'nazzjonalità ta' pajjiżi terzi fl-età ta' bejn l-20 u l-64 kienet 10 punti perċentwali inqas minn dik tal-popolazzjoni totali fl-istess faxxa ta' età fil-livell tal-UE[14]. B'mod partikulari, ir-rati tal-impjieg tan-nisa migranti huma sostanzjalment iktar baxxi, kemm mir-rata medja tal-impjieg kif ukoll mir-rati tal-impjieg tal-migranti rġiel[15]. Minħabba li l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol hija waħda mill-aħjar modi, u fost l-aktar konkreti, biex wieħed jintegra ruħu fis-soċjetà, sforzi biex jitnaqqsu dawn id-differenzi għandhom ikunu mmirati kemm għall-migranti tax-xogħol kif ukoll għall-migranti li jiġu fl-UE fil-kuntest tal-għaqda mill-ġdid tal-familja jew bħala benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

Fl-Istati Membri kollha fejn hija disponibbli d-dejta wieħed jista' jinnota l-kwalifikazzjoni ogħla milli hemm bżonn fost il-persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi, speċjalment tan-nisa[16]. Il-migranti qiegħda jew il-migranti li jagħmlu xogħlijiet li jirrikjedu kwalifiki iktar baxxi minn dawk li għandhom huma riżorsa mhux użata tajjeb biżżejjed u ħela ta' kapital uman. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni tista' titqies mill-migranti bħala degradanti. Għandhom jiġu żviluppati servizzi li jkollhom l-għan li jippermettu r-rikonoxximent ta' kwalifiki u kompetenzi mill-pajjiż tal-oriġini, b'mod li jiġu ffaċilitati l-possibbiltajiet tal-immigranti li jsibu xogħol li jkun jaqbel mal-ħiliet tagħhom.

Mappatura tal-isfond edukattiv, tal-esperjenza ta' qabel fid-dinja tax-xogħol, tal-paragunabbiltà tad-diplomi u tal-kwalifiki, u li tidentifika l-ħtieġa li jista' jkun hemm għal taħriġ hija l-ewwel pass.

It-tieni nett, huwa importanti wkoll li jkun hemm trasparenza fl-informazzjoni rigward il-postijiet tax-xogħol disponibbli u dwar is-sostenn tas-servizz pubbliku dwar l-impjiegi. L-irwol ta' min iħaddem u tas-sħab soċjali fil-promozzjoni tad-diversità u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, huwa kruċjali. Għandhom jissaħħu wkoll l-irwol importanti tal-migranti bħala imprendituri kif ukoll il-kreattività u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu innovazzjonijiet[17], bl-appoġġ tal-awtoritajiet, permezz ta' informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet biex wieħed jibda negozju.

It-tielet nett, jeħtieġ li jiġu organizzati programmi introduttorji sabiex migranti li jkunu għadhom kif waslu jsibu appoġġ biex isibu xogħol u f'oqsma vitali oħrajn tas-soċjetajiet li jilqgħu. Il-miżuri introdutturji jistgħu jiġu inkwadrati fi ftehim kuntrattwali sabiex jiġi żgurat l-impenn u jiddaħħlu l-obbligi u l-jeddijiet fuq iż-żewġ naħat.

1.3.        Sforzi fis-sistema edukattiva

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE għandhom proporzjon li qed jikber ta' studenti bi sfond ta' migrazzjoni[18]. Jeħtieġ li s-sistemi tal-iskejjel jadattaw għad-diversità li qed tiżdied fost l-istudenti, sabiex joffru edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd u sabiex jagħmlu kapital mill-potenzjal ta' din id-diversità. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim b'suċċess tal-ilsien, ikun ta' benefiċċju jekk jittieħdu miżuri minn età bikrija, sa mill-istadju preskolari.

Il-livell edukattiv medju ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi huwa iktar baxx minn dak taċ-ċittadini tal-UE[19]. Iż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni jinsabu f'riskju akbar li jitilqu mis-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ mingħajr ma jkunu kisbu kwalifika sekondarja ogħla. Jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali sabiex iż-żgħażagħ migranti ma jitilqux l-iskola kmieni[20].

Jeħtieġ li l-għalliema u membri oħra tal-istaff jirċievu tħarriġ dwar l-immaniġġjar tad-diversità. Anki l-ingaġġ tal-migranti bħala għalliema jew fil-forza tax-xogħol li tieħu ħsieb lit-tfal jista' jkun utli kemm biex jinkuraġġixxi t-tagħlim fi klassijiet b'konċentrazzjoni ta' migranti kif ukoll bħala mezz kif is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni jinfetħu aktar għal kulturi Ewropej u non-Ewropej oħrajn. Il-klassijiet tal-ilsna għall-ġenituri b'rabta mal-gwida, il-mentoring u t-tutoring ta' wliedhom fl-iskola, huma eżempji ta' azzjonijiet utli. L-iskejjel fi nħawi partikularment żvantaġġati b'konċentrazzjoni kbira ta' żgħażagħ migranti jista' jiżviluppaw programmi, sistemi tal-mentoring u aċċess għat-taħriġ speċjalizzati bil-għan li jkollhom vantaġġi kompetittivi.

1.4.        Niżguraw kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien

Miżuri favur l-inklużjoni soċjali li jkunu mmirati lejn il-migranti għandu jkollhom l-għan li jwarrbu x-xkiel li jista' jkun hemm għall-aċċess effettiv għas-servizzi soċjali u tas-saħħa u jissieltu kontra l-faqar u l-esklużjoni ta' dawk li huma l-aktar vulnerabbli[21]. L-integrazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali titlob attenzjoni partikulari. Spiss ikunu għaddew mit-tiġrib, li minħabba fih ikunu jeħtieġu servizzi soċjali u psikoloġiċi speċifiċi. Għaldaqstant, il-linji politiċi għandhom ikunu mfasslin biex jimminimizzaw l-iżolament ta' dawk li jgawdu mill-protezzjoni internazzjonali u r-restrizzjonijiet għal jeddijiethom, u biex jipprovdu għal tagħlim effettiv tal-lingwi, għal aċċess għall-akkomodazzjoni, għal aċċess għas-servizzi tas-saħħa f'sistemi tas-saħħa li jippromwovu l-integrazzjoni u għal programmi tal-promozzjoni tas-saħħa adattati kulturalment. Għandha ssir enfasi wkoll fuq l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u għall-assistenza fit-tiftix għal xogħol.

Is-sitwazzjoni tal-persuni Roma li għandhom in-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi u li joqogħdu fl-UE legalment titlob attenzjoni partikulari.

1.5.        Użu aħjar tal-finanzjament tal-UE

Għalhekk, għandu jsir użu aħjar mill-istrumenti eżistenti tal-UE biex tiġi sostnuta l-parteċipazzjoni tal-migranti u t-twettiq ta' linji politiċi favur integrazzjoni minn isfel għal fuq. Il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati jappoġġjaw miżuri bħalma huma skemi tal-ilqugħ u introduttorji, parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u ċivika, u aċċess indaqs għas-servizzi. Dawn huma kkumplimentati minn miżuri sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni fih, li huma ffinanzjati taħt il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jista' jsostni firxa wiesgħa ta' miżuri favur l-integrazzjoni fil-kuntest tal-iżvilupp reġjonali.

Rakkomandazzonijiet

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw:

· l-għoti ta' korsijiet tal-ilsna, li jkunu jirriflettu l-ħtiġijiet li jvarjaw tal-migranti fi stadji differenti tal-proċess tal-integrazzjoni tagħhom;

· l-organizzazzjoni ta' programmi introduttorji għal migranti li jkunu għadhom kif waslu, inklużi korsijiet tal-ilsna u tal-orjentazzjoni ċivika. Jeħtieġ li dawn il-programmi jkunu jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa migranti sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u jsaħħu l-indipendenza ekonomika tagħhom.

· miżuri biex jiġu ppreżentati bid-dettall u vvalutati l-ħtiġijiet tal-individwu u biex jiġu vvalidati l-kwalifiki u l-esperjenzi professjonali;

· li l-parteċipazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol tikber permezz ta' linji politiċi attivi dwar is-suq tax-xogħol;

· li fis-sistemi edukattivi jsiru sforzi li jarmaw lill-għalliema u lill-mexxejja tal-iskejjel bil-ħiliet biex jimmaniġġjaw id-diversità; jiġu rreklutati għalliema minn sfondi ta' migrazzjoni; u l-parteċipazzjoni tat-tfal migranti fl-edukazzjoni sa mit-tfulija bikrija tagħhom; u

· attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' gruppi vulnerabbli ta' migranti.

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa:

· l-iskambju tal-prattika u l-kordinazzjoni tal-linji politiċi fl-oqsma tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tal-linji politiċi soċjali; u

· użu aħjar mill-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE biex tiġi sostnuta l-parteċipazzjoni tal-migranti.

2.           Jeddijiet u obbligi – biex naslu għal trattament ugwali u għal sens ta' appartenenza

Ir-rispett għall-valuri universali u għall-jeddijiet fundamentali tal-bniedem huwa minqux fit-Trattat. Għandhom jissaħħu l-isforzi biex tiġi missielta d-diskriminazzjoni u biex il-migranti jingħataw l-istrumenti biex jiġu mgħarrfin dwar il-valuri fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

Il-parteċipazzjoni tal-migranti fil-proċess demokratiku hija importanti għall-integrazzjoni tagħhom. L-ostakli għall-parteċipazzjoni politika tal-migranti f'termini ta' xkiel leġiżlattiv u strutturali għandhom jingħelbu kemm jista' jkun. Jeħtieġ li jissaħħaħ l-involviment tar-rappreżentanti tal-migranti, inklużi n-nisa, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-programmi favur l-integrazzjoni.

Il-programmi li jħajru lil dak li jkun jinvolvi ruħu u t-tqegħid ta' persuni f'impjieg jistgħu jgħinu biex tinbena l-kapaċità fl-organizzazzjonijiet tal-migranti u jinkuraġġixxu u jsostnu l-parteċipazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet fil-livell lokali, bħall-bordijiet tal-iskejjel, l-amministrazzjonijiet tal-akkomodazzjoni eċċ.

Miżuri biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika jistgħu jinkludu t-taħriġ u l-mentors, l-għoti lill-migranti ta' aċċess għall-jeddijiet tal-vot fl-elezzjonijiet lokali, il-ħolqien ta' korpi konsultattivi lokali, reġjonali u nazzjonali, l-inkuraġġiment tal-intraprenditorija, tal-kreattività u tal-innovazzjoni[22].

Rakkomandazzonijiet

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw:

· miżuri biex iwettqu fil-prattika l-prinċipju tat-trattament indaqs u biex ma jitħalliex li sseħħ diskriminazzjoni istituzzjonali kif ukoll dik ta' kuljum; u

· sforzi biex jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni politika tal-migranti. Jeħtieġ li jkompli jissaħħaħ l-involviment tar-rappreżentanti tal-migranti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-programmi favur l-integrazzjoni.

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura:

· l-implimentazzjoni sħiħa u tajba tad-direttivi eżistenti dwar in-nondiskriminazzjoni u fil-qasam tal-migrazzjoni legali.

B. AKTAR AZZJONI FIL-LIVELL LOKALI

Jeħtieġ li l-linji politiċi favur l-integrazzjoni jkunu fformulati u implimentati bl-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali. L-awtoritajiet lokali huma responsabbli għal firxa wiesgħa ta' servizzi u attivitajiet u għandhom sehem importanti x'jagħtu biex tingħaġen l-interazzjoni bejn il-migranti u s-soċjetà li tilqagħhom.

1.           Nindirizzaw b'mod speċjali l-inħawi urbani żvantaġġati

Bosta migranti imorru jgħixu fi nħawi urbani, fejn iħabbtu wiċċhom ma' sfidi partikulari biex jintegraw. Il-linji politiċi favur l-integrazzjoni għandhom jindirizzaw b'mod speċifiku l-isfidi ta' viċinati neqsin mill-kumditajiet essenzjali sabiex l-inħawi urbani jkunu jistgħu jistimulaw l-attività ekonomika u kulturali u jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali. F'diversi Stati Membri ġew żviluppati b'suċċess kuntratti u ftehimiet oħrajn bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex isostnu l-iżvilupp urban. Huwa fundamentali li f'tali ftehimiet ikunu involuti r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u l-abitanti lokali. Integrazzjoni effettiva teħtieġ ukoll miżuri ta' sostenn sabiex jiġi żgurat li jkun hemm infrastrutturi soċjali u riġenerazzjoni urbana, imsejsin fuq metodu integrat sabiex tiġi evitata s-segregazzjoni.

2.           Titjib tal-koperazzjoni f'aktar minn livell wieħed

Anki jekk il-miżuri favur l-integrazzjoni huma l-aktar għall-awtoritajiet lokali, huwa importanti li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn il-livelli differenti tal-gvernanza sabiex jiġu kkordinati l-provvediment, il-finanzjament u l-evalwazzjoni tas-servizzi. L-integrazzjoni effettiva tista' sseħħ biss jekk ikun hemm sħubija bejn il-firxa kollha ta' dawk li għandhom interess, bħall-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali. L-UE tista' tipprovdi qafas għall-moniteraġġ, għall-valutazzjoni komparattiva, u għall-iskambju tal-prattika tajba fost id-diversi livelli tal-gvernanza, u tista' wkoll toħloq inċentivi għall-promozzjoni ta' mudelli lokali u reġjonali tajbin.

Jeħtieġ li l-'patti territorjali' bejn il-partijiet interessati rilevanti f'livelli differenti jipprovdu lill-parteċipanti kollha l-flessibbiltà meħtieġa tal-mezzi biex jilħqu ċerti miri ffissati fil-linji politiċi, filwaqt li jipprovdu l-possibbiltà li l-istrumenti tal-linji politiċi kif ukoll il-kanali u l-proċeduri tal-finanzjament jiġu ssimplifikati. F'dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jista' jkollu sehem x'jagħti.

Eżempji:

Il-proġett INTI-Cities sar biex jivvaluta l-linji politiċi lokali favur l-integrazzjoni, il-prattiki lokali u l-arranġamenti tal-gvernanza lokali fuq il-bażi ta' parametru referenzjarju u ġie ttestjat b'suċċess fil-muniċipalitajiet ta' Ħelsinki, Roterdam, Malmo, Dusseldorf, Ġenova u Lijon. Barra minn hekk, il-proġett DIVE ġie żviluppat biex jevalwa kif il-muniċipalitajiet jużaw il-prinċipji tad-diversità u tal-ugwaljanza meta jaġixxu bħala min iħaddem, bħala xerrejja ta' prodotti u ta' servizzi, bħala dawk li jfasslu l-linji politiċi u bħala fornituri tas-servizzi. Il-parametru referenzjarju tad-DIVE ġie applikat fil-prattika f'Amsterdam, f'Leeds, f'Berlin u f'Ruma. L-ibliet li ħadu sehem fid-DIVE impenjaw ruħhom favur Karta dwar l-Integrazzjoni tal-Ibliet[23].

Ir-Reġjun ta' Valenzja għandu qafas legali li jipprovdi għall-koperazzjoni attiva bejn firxa ta' atturi għall-integrazzjoni tal-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni. Barra minn hekk, ġie ffirmat 'Patt għall-Immigrazzjoni' bejn il-gvern reġjonali, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjoni ta' min iħaddem sabiex tiġi mmaniġġjata d-diversità fil-post tax-xogħol u sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema migranti, filwaqt li 'Patt Lokali għall-Integrazzjoni' jġib flimkien lil awtoritajiet pubbliċi mil-livell lokali, minn dak provinċjali u minn dak reġjonali sabiex tingħata spinta l-koperazzjoni u tiġi żgurata l-koerenza tal-azzjonijiet żviluppati f'oqsma differenti biex isostnu l-integrazzjoni.

3.           Sostenn finanzjarju mill-UE għal azzjoni lokali

Irriżulta li l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi hu siewi biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri biex jippermettu lil persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-residenza u biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom[24]. Għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni tipposponi li l-istruttura tal-istrumenti tan-nefqa tiġi ssimplifikata billi l-għadd ta' programmi jitnaqqas għal struttura b'żewġ pilastri, inkluż Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil[25]. Komponent minnhom se jkun azzjonijiet b'sostenn għall-integrazzjoni ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi. Il-finanzjament se jkollu wkoll dimensjoni esterna li se tkopri l-azzjonijiet kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi.

Jeħtieġ li l-enfasi tal-finanzjament li se tagħmel l-UE fil-futur favur l-integrazzjoni jkun fuq metodu lokali u aktar immirat, b'appoġġ għal strateġiji konsistenti li jkunu maħsubin speċifikament biex jippromwovu l-integrazzjoni fil-livell lokali. Dawn l-istrateġiji jkunu implimentati l-aktar mill-awtoritajiet lokali jew reġjonali u minn atturi li mhumiex parti mill-Istat skont is-sitwazzjoni partikulari tagħhom. Ir-riżultati jitkejlu f'termini tal-kontribut tagħhom għall-objettiv ġenerali ta' aktar parteċipazzjoni, fuq il-bażi ta' 1) żieda fir-rata tal-impjieg; 2) livell ogħla ta' edukazzjoni; 3) inklużjoni soċjali aħjar; u 4) ċittadinanza attiva.

Rakkomandazzonijiet

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw:

· strateġiji komprensivi favur l-integrazzjoni, imfasslin u mwettqin bl-involviment effettiv ta' dawk kollha li għandhom interess fil-livell lokali u f'dak reġjonali, b'metodu 'minn isfel għal fuq'.

Jeħtieġ li l-atturi fil-livelli kollha tal-governanza jagħtu l-appoġġ tagħhom għal:

· 'Patti territorjali', bħala qafas għall-koperazzjoni bejn il-partijiet interessati rilevanti f'livelli differenti, li għandhom jiġu żviluppati għat-tfassil u t-twettiq tal-linji politiċi favur l-integrazzjoni.

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa:

· l-involviment tal-atturi lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-linji politiċi favur l-integrazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-UE, permezz ta' sħubija strateġika mal-Kumitat tar-Reġjuni u man-netwerks Ewropej tal-ibliet u r-reġjuni. u

· aktar ipprogrammar ikkordinat tal-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE b'enfasi fuq l-azzjoni lokali. Dan għandu jsir bl-użu tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

C. INVOLVIMENT TAL-PAJJIŻI TAL-ORIĠINI

Il-pajjiżi tal-oriġini għandhom sehem x'jagħtu b'appoġġ għall-proċess tal-integrazzjoni, bi tliet modi: 1) billi jħejju għall-integrazzjoni sa minn qabel it-tluq tal-migranti; 2) billi jsostnu lill-migranti meta jkunu fl-UE, pereżempju. permezz ta' appoġġ permezz tal-ambaxxati; 3) billi jħejju għar-ritorn temporanju jew definittiv tal-migranti li jkunu kisbu l-esperjenza u l-konoxxenza.

1.           Miżuri ta' qabel it-tluq b'sostenn għall-integrazzjoni

Il-pajjiżi tal-oriġini jistgħu jgħinu lill-migranti billi jagħtuhom tagħrif qabel ma jitilqu, ngħidu aħna rigward il-viżi u l-permessi tax-xogħol meħtiġin, kif ukoll b'tagħlim tal-ilsna jew billi joffrulhom taħriġ vokazzjonali sabiex isaħħulhom il-ħiliet tagħhom. Għal dan il-fini, jeħtieġ li jingħata sostenn lill-pajjiżi terzi rigward il-miżuri ta' qabel it-tluq, u wkoll sabiex jitjiebu l-metodi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet tal-migranti.

Sabiex in-nies li tixtieq temigra lejn l-UE tiġi assistita biex taċċessa l-informazzjoni meħtieġa dwar il-proċeduri tal-applikazzjonijiet, aktar tard matul dis-sena l-Kummissjoni se tvara l-'Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni'.

2.           Kuntatti ta' benefiċċju bejn il-komunitajiet imxerrdin ma' pajjiżi oħra u l-pajjiżi tal-oriġini tagħhom

Ir-rimessi kif ukoll it-trasferiment tal-ħiliet, tal-innovazzjoni u tal-konoxxenza jistgħu jiffavorixxu l-investimenti sostenibbli u l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-oriġini.

Il-promozzjoni tal-imprenditorija transnazzjonali permezz ta' strateġija aktar dinamika se tiffavorixxi lill-imprendituri li joperaw kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll f'pajjiżi sħab. Tali impriżi jistgħu joħolqu x-xogħol fil-pajjiżi tal-oriġini u jġibu magħhom benefiċċji kemm f'termini tal-integrazzjoni tal-migranti kif ukoll ta' aktar kummerċ bejn il-pajjiżi.

3.           Il-migrazzjoni ċirkulari u l-iżvilupp fil-pajjiżi tal-oriġini

Jeħtieġ li l-migranti temporarji u ċirkulari jkunu sostnuti permezz ta' qafas imsejjes fuq il-jeddijiet li jkun jista' jiggarantixxi stejtus legali ċar u jiffaċilita l-mobbiltà. Sħubiji dwar il-mobbiltà ma' pajjiżi sħab jistgħu jservu ta' qafas adatt għall-promozzjoni ta' inizjattivi dwar l-integrazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, li minnu jistgħu jgawdu wkoll il-pajjiżi tal-oriġini. Messaġġi politiċi pożittivi miż-żewġ naħat jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent aktar favorevoli għall-integrazzjoni kif ukoll għall-migrazzjoni temporanja u ċirkulari.

Rakkomandazzjonijiet

Jeħtieġ li-Istati Membri u l-pajjiżi tal-oriġini jiżguraw:

· sostenn lill-migranti qabel it-tluq sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni, li jkun parti mill-oqfsa tad-djalogu u tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab. Element importanti ħafna f'dan ir-rigward huwa t-titjib tal-metodi użati għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-ħiliet tal-migrant.

3. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

L-immaniġġjar tal-integrazzjoni huwa kruċjali biex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tal-migrazzjoni, kemm għall-migranti kif ukoll għall-UE. Huwa fundamentali li jkun hemm linji politiċi effettivi favur l-integrazzjoni sabiex jiġu rrikonċiljati t-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali, u sabiex nindirizzaw is-sitwazzjoni fejn is-soċjetajiet Ewropej qed isiru dejjem aktar diversi. Dan il-proċess jitlob għal dibattitu strutturat u infurmat. Għandna bżonn ta' strateġiji koerenti sabiex ikun hemm parteċipazzjoni aħjar mill-migranti fis-soċjetajiet fejn jgħixu.

3.1. Koperazzjoni, konsultazzjoni u kordinazzjoni msaħħin

L-isfidi tal-integrazzjoni se jkollhom jintlaqgħu permezz ta' sħubija bejn il-gvernijiet nazzjonali, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm djalogu mal-partijiet interessati rilevanti fil-livelli kollha tal-gvernanza. Hemm bżonn ukoll ta' koperazzjoni akbar mal-pajjiżi tal-oriġini. Il-metodu ta' 'proċess li jinvolvi tliet partijiet' bejn il-migranti, is-soċjetajiet li jilqgħuhom u l-pajjiżi tal-oriġini jista' jissaħħaħ. Jeħtieġ li l-UE tipprovdi s-sostenn meħtieġ lil dan il-proċess.

Il-Kummissjoni għandha sehem importanti biex iġġib flimkien lill-atturi rilevanti fi djalogu dwar l-isfidi ewlenin rigward l-integrazzjoni. L-iskambju tal-konoxxenza u tal-prattika tajba bejn l-Istati Membri jseħħ fin-netwerk tal-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt dwar l-Integrazzjoni, li jista' jkompli jiġi żviluppat permezz ta' laqgħat immirati u ta' eżerċizzji ta' valutazzjoni komparattiva. Il-kordinazzjoni u l-moniteraġġ tal-iżviluppi rigward il-linji politiċi fl-oqfsa eżistenti tal-linji politiċi fost l-istituzzjonijiet tal-UE, u f'koperazzjoni mill-qrib tal-Istati Membri, jistgħu jikkontribwixxu għal linji politiċi aktar effiċjenti u effettivi favur l-integrazzjoni.

Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mil-livell tal-Istati Membri u minn dak tal-UE jiltaqgħu fil-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni li ħolqitu l-Kummissjoni flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Jeħtieġ li l-proċessi ta' konsultazzjoni jkomplu jissaħħu permezz ta' laqgħat strateġiċi, ngħidu aħna flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-assoċjazzjonijiet tal-ibliet. Il-Forum jista' jkun sostnut minn fora nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-Websajt Ewropea dwar l-Integrazzjoni tiġbor informazzjoni importanti mingħand diversi kategoriji ta' partijiet interessati u tipprovdi għodda interattiva għall-iskambju ta' informazzjoni biex tiġi żviluppata aktar permezz ta' profili online.

3.2. Niżviluppaw sett ta' għodod Ewropew flessibbli

Sabiex nirrinforzaw il-kordinazzjoni u l-iskambju tal-konoxxenza, qed jiġi żviluppat sett ta' għodod Ewropew flessibbli, li jkun jippermetti lill-awtoritajiet fl-Istati Membri jagħżlu l-miżuri li l-aktar li jistgħu jkunu effettivi fil-kuntest tagħhom. L-hekk imsejħin 'moduli Ewropej' qed jitfasslu biex isostnu l-linji politiċi u l-prattiki. Il-moduli jibnu fuq l-esperjenzi tal-Istati Membri u ta' atturi oħrajn u jistgħu jiġu adattati skont il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, ir-reġjuni jew l-ibliet individwali[26]. Il-moduli jkunu jikkostitwixxu qafas ta' referenza Ewropew għat-tfassil u għat-twettiq tal-prattiki favur l-integrazzjoni fl-Istati Membri. Qed jiġu żviluppati fi tliet oqsma tematiċi: 1) korsijiet introduttorji u tal-ilsna; 2) impenn qawwi mis-soċjetà li tilqa' lill-migranti; u 3) parteċipazzjoni attiva tal-migranti fl-aspetti kollha tal-ħajja kollettiva.

3.3. Monitoraġġ tar-riżultati

Il-linji politiċi dwar il-migrazzjoni u dwar l-integrazzjoni jserrħu bil-kbir fuq statistika ta' kwalità għolja biex ikunu jistgħu jitfasslu l-linji politiċi u biex jiġu mmoniterjati r-riżultati. Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw qafas għall-integrazzjoni tal-istatistiki dwar il-migrazzjoni u biex titjieb il-kapaċità biex tinġabar u tiġi ppubblikata statistika dwar il-migranti u dwar il-qagħda soċjoekonomika tagħhom.

Ġew identifikati 'indikaturi' Ewropej komuni f'erba' oqsma li huma ta' rilevanza għall-integrazzjoni: ix-xogħol, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva[27]. Dawn se jintużaw biex jiġu mmoniterjati r-riżultati tal-linji politiċi favur l-integrazzjoni, bil-għan li tikber il-paragunabbiltà u li jissaħħaħ il-proċess Ewropew tat-tagħlim. L-indikaturi komuni se jagħmluha possibbli li jiġu vvalutati l-isforzi favur l-integrazzjoni b'rabta ma' miri Ewropej fl-oqsma tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tal-inklużjoni soċjali u, b'hekk, titjieb il-kordinazzjoni tal-linji politiċi nazzjonali u tal-UE. Il-Kummissjoni se timmoniterja l-iżviluppi u se tfassal rakkomandazzjonijiet, fi djalogu mal-Istati Membri.

Rakkomandazzonijiet

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa:

· l-użu ulterjuri u l-kordinazzjoni tal-pjattaformi Ewropej għall-konsultazzjoni u għall-iskambju tal-konoxxenza (inklużi l-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt dwar l-Integrazzjoni, il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u l-Websajt Ewropea dwar l-Integrazzjoni) jiġu integrati, sabiex jitjieb l-input tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-moniteraġġ u l-kordinazzjoni rigward il-linji politiċi;

· l-iżvilupp ulterjuri ta' sett ta' għodod flessibbli, li jkun jinkludi 'moduli Ewropej', biex isostni l-linji politiċi u l-prattiki nazzjonali u lokali. Se jiġi implimentat, f'alleanza strateġika mal-Kumitat tar-Reġjuni, mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mis-soċjetà ċivili; u

· 'indikaturi' komuni Ewropej fl-oqsma tax-xogħol, tal-edukazzjoni, tal-inklużjoni soċjali u taċ-ċittadinanza attiva biex jiġu mmoniterjati r-riżultati tal-linji politiċi favur l-integrazzjoni u li għandhom iservu bħala bażi għal segwitu sistematiku.

[1]               Diżaggregazzjoni tal-popolazzjoni skont iċ-ċittadinanza li saret fl-2010 uriet li kien hemm 32.4 miljun barrani joqogħdu fl-Istati Membri tal-UE-27 (6.5% tal-popolazzjoni totali). Minn dawk, 12.3 miljun kienu persuni bin-nazzjonalità tal-UE-27 li joqogħdu fi Stat Membru ieħor u 20.1 miljun kienu ċittadini minn pajjiż li mhux fl-UE-27 (4% tal-popolazzjoni totali), http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/population/introduction.

[2]               Iż-żieda fil-popolazzjoni totali tal-UE fl-aħħar snin kienet ikkaġunata l-aktar mill-immigrazzjoni netta. Fl-istess ħin, fl-aħħar ftit snin l-Unjoni esperjenzat xejra 'l isfel fl-immigrazzjoni, Eurostat, Statistics in focus, 1/2011, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-SF-11-001/EN/KS-SF-11-001-EN.PDF.

[3]               Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 25/26 ta' Marzu 2010, EUCO 7/10, CO EUR 4, CONCL 1.

[4]               Il-Programm ta' Stokkolma - Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, ĠU 2010/C 115/01.

[5]               L-Istħarriġ Annwali tal-2011 dwar it-Tkabbir, li jġib flimkien azzjonijiet differenti li huma essenzjali biex l-UE timxi biex tilħaq il-miri li ffissat fl-Ewropa 2020, wera l-ħtieġa li jsiru riformi urġenti sabiex jiġu promossi l-ħiliet u jinħolqu l-inċentivi biex wieħed jaħdem, kemm għall-popolazzjoni nazzjonali kif ukoll għal dik tal-migranti, COM(2011) 11 finali, Anness 2, Macro economic report.

[6]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar l-Integrazzjoni bħala Forza għall-Iżvilupp u l-Koeżjoni Soċjali, dokument tal-Kunsill 9248/10.

[7]               Id-Dokument tal-Kunsill 14615/04, 19.11.2004.

[8]               COM(2005) 389 finali; SEC(2010) 357 finali.

[9]               Il-persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi huma l-migranti li jiġu minn pajjiżi barra l-UE u li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta' pajjiż tal-UE. Dan il-grupp jinkludi kemm persuni mweldin f'pajjiż barra mill-UE kif ukoll persuni mweldin fl-UE iżda li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

[10]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Pesunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni.

[11]             Ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi li l-UE ħadet dan l-aħħar favur l-integrazzjoni ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi hija ppreżentata fid-Dokument ta' Ħidma tal-Pesunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni.

[12]             Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 25/26 ta' Marzu 2010, EUCO 7/10, CO EUR 4, CONCL 1.

[13]             Ara CEFR, http://www.coe.int/t/dg4/linguistic/cadre_en.asp.

[14]             Fl-2010, ir-rata medja ta' impjieg tal-popolazzjoni totali ta' bejn l-20 u l-64 sena kienet 68.6% (imqabbla ma' 69.1% fl-2009) u dik tal-persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi ta' bejn l-20 u l-64 sena kienet 58.5% (imqabbla ma' 59.1% fl-2009).

[15]             Fl-aqwa tal-età tax-xogħol, bejn il-25 u l-54 sena, ir-rata tal-impjieg tan-nisa bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz fl-2010 kien kważi 20 punt perċentwali inqas mir-rata medja tal-impjieg tan-nisa kollha f'dik il-faxxa tal-età. Eurostat, EU Labour Force Survey, quarterly data on employment rates by sex, age groups and nationality – comparison of employment rates for nationals and citizens of countries outside the EU-27:

                http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/employment_unemployment_lfs/data/database.

[16]             Ethnic minority and Roma women in Europe: A case for gender equality? Rapport ta' sintesi mħejji għall-Kummissjoni Ewropea 2009.

[17]             Statistika riċenti pprovduta mill-Kamra tal-Kummerċ tar-reġjun tal-Lombardija turi li 60% tal-impriża ġdida maħluqa fir-reġjun hija ffundata minn migranti, www.lom.camcom.it.

[18]             Rapport ta' Progress, SEC(2011) 526. Madwar l-UE, il-persentaġġ ta' persuni mhux ċittadini fil-faxxa tal-età ta' bejn is-6 u s-17 huwa 5.7%, u 7.9% fil-faxxa tal-età ta' bejn it-18 u l-24. Fil-Ġermanja u fl-Awtrija 'l fuq minn 9% tat-tfal li għandhom bejn 6 snin u 17-il sena mhumiex ċittadini. Fi Spanja u fl-Irlanda hemm 'il fuq minn 11%, filwaqt li fil-Lussemburgu aktar minn 45% mhumiex ċittadini.

[19]             L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol magħmul mill-UE juri li l-migranti huma rrappreżentati b'mod sinifikanti inqas milli jmisshom fil-livell edukattiv medju u li huma rrappreżentati aktar milli jmisshom bil-wisq aktar fl-iktar livell edukattiv baxx. Fl-istess ħin, ir-rata ta' nies bi kwalifiki ogħla milli huma mitlubin minnhom fil-każ tal-persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi fl-2009 kienet 45% meta mqabbla mad-29% għaċ-ċittadini tal-UE, , http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/employment_unemployment_lfs/data/database.

[20]             COM(2010) 296; COM(2011) 18.

[21]             COM(2010) 758.

[22]             Rapport sommarju tar-raba' laqgħa tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, 6-7 ta' Diċembru 2010, http://ec.europa.eu/ewsi/UDRW/images/items/static_38_812142537.pdf.

[23]             Ara s-sit tal-Integrazzjoni tal-Ibliet fuq l-Internet, http://www.integratingcities.eu.

[24]             Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji (2007/435/KE). Ammont ta' 825 miljun Ewro huwa disponibbli għall-perjodu kollu kemm hu.

[25]             COM(2011) 500 finali.

[26]             Il-moduli huma evoluzzjoni naturali tal-'Handbook on Integration for policy-makers and practitioners', (it-3et edizzjoni tal-Manwal hija disponibbli fis-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Intregrazzjoni: http://ec.europa.eu/ewsi/en/resources/detail.cfm?ID_ITEMS=12892).

[27]             Konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-3 u l-4 ta' Ġunju 2010, dokument tal-Kunsill 9248/10; Eurostat Methodologies and Working Papers, Indicators of Immigrant Integration - A Pilot Study,   http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/publication?p_product_code=KS-SF-11-030.

Top