EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0600

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

/* KUMM/2010/0600 finali */

52010DC0600




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 26.10.2010

KUMM(2010) 600 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

SEG(2010) 1243 SEG(2010) 1242

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Introduzzjoni

L-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE taw rispons tajjeb għall-ħafna diżastri li seħħew din is-sena, kemm fl-UE u kif ukoll f'imkejjen lil hinn minnha. It-terremot ta' Ħaiti u l-għargħar fil-Pakistan huma każi partikolari li jispikkaw. Ir-rispons tal-UE kien wieħed rapidu, effiċjenti u ġeneruż. Il-kwalità ta' dan ir-rispons għenet biex iċ-ċittadini u l-Istati Membri tal-UE jintebħu bil-valur miżjud li jġibu magħhom l-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tar-rispons għall-kriżijiet.

Fl-istess ħin, it-talba għall-kapaċità ta' rispons għal diżastri tal-UE x'aktarx li se tiżdied, hekk kif id-diżastri qegħdin ikomplu jikbru kemm fid-daqs u kif ukoll fil-frekwenza. Il-pressjonijiet baġitarji kurrenti jsejħu wkoll għal aktar sforzi għall-inkoraġġiment ta' użu effiċjenti tar-riżorsi skarsi li huma disponibbli.

F'dan l-isfond, it-Trattat ta' Lisbona joffri opportunità biex fl-Unjoni Ewropea tinbena kapaċità ta' rispons għal diżastri li tkun aktar b'saħħitha, aktar komprensiva, ikkoordinata aħjar u li tintuża b'mod aktar effiċjenti. It-tibdiliet introdotti permezz tat-Trattat ta' Lisbona jikkonċernaw kemm strumenti individwali ta' rispons għal diżastri kif ukoll il-mezzi li jiżguraw rispons aktar konsistenti min-naħa tal-UE filwaqt li tkun qiegħda tiġi żgurata l-koordinazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti.

Il-ħidma biex tinbena kapaċità Ewropea ta' rispons għal diżastri li tkun aktar b'saħħitha, aktar koerenti u integrata aħjar hija bbażata fuq żewġ pilastri:

- it-tisħiħ tal-istrumenti ta' rispons individwali tal-UE; u

- l-iżgurar ta' konsistenza u sinerġiji bejn dawn l-istrumenti differenti, għall-benefiċċju tal-koerenza tar-rispons internazzjonali.

Filwaqt li tibni fuq il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja[1], il-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Rispons għad-Diżastri[2], u titnebbaħ mir-rapport Barnier u mid-dibattitu li ħoloq[3], il-Komunikazzjoni preżenti tiffoka fuq il-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja, li huma ż-żewġ strumenti ewlenin li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiżgura li tagħti assistenza ta' sokkors b'mod rapidu u effettiv lil persuni li jiffaċċjaw konsegwenzi immedjati ta' diżastri. It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi bażijiet legali ġodda għat-tnejn li huma. F'din il-Komunikazzjoni, l-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi l-proposti tagħha għall-implimentazzjoni ta' dan il-qafas legali ġdid u dwar kif dawn it-tnejn jistgħu jiġu kkombinati b'manjiera aktar effettiva.

Din il-Komunikazzjoni għandha titqies bħala l-ewwel element li jikkostitwixxi sforz usa' u aktar koerenti lejn rispons imsaħħaħ tal-UE fir-rigward ta' diżastri. Għaddejja ħidma fuq elementi ewlenija oħrajn li jkopru aspetti differenti tar-rispons tal-UE għal kriżijiet kemm fl-UE u kif ukoll f'imkejjen lil hinn minnha.

B'rabta ma' dan, fir-rigward ta' diżastri li jseħħu 'l barra mill-Unjoni Ewropea, il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) joffri opportunitajiet biex tittejjeb il-konsistenza bejn ir-rispons għal diżastri u l-elementi ta' politika u ta' sigurtà possibbli tar-rispons għal kriżijiet globali tal-UE. Dan kollu ser jinkludi sforzi politiċi u diplomatiċi fi Brussell u fil-qasam, prinċipalment permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE, fost l-oħrajn is-sostenn konsulari kollu possibbli jekk dan jintalab. Is-SEAE ser ikun responsabbli mill-azzjonijiet ta' rispons għal kriżijiet taħt l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), u kif ukoll mill-mezzi ċivili u militari fil-ġestjoni ta' kriżijiet, li l-kompiti tagħhom jistgħu jinkludu sostenn umanitarju u ta' salvataġġ. Fl-aħħar nett, dan ser jinkludi r-rwol tal-UE bħala donatur sinifikanti ta' għajnuna għall-iżvilupp lil ħafna żoni fid-dinja milquta minn diżastri, fejn ir-rabtiet bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp jistgħu u għandhom jissaħħu.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dalwaqt ser iressqu dokument f'dan ir-rigward, li prinċipalment ikompli jibni fuq is-segwitu tat-terremot li seħħ aktar kmieni din is-sena f'Ħaiti. Dan id-dokument ser jagħmel ukoll proposti fir-rigward tal-koordinazzjoni fil-kuntest tar-rispons għal kriżijiet bejn is-SEAE u l-istrutturi ta' protezzjoni ċivili u assistenza umanitarja.

F'dak li jikkonċerna d-diżastri li jseħħu fl-Unjoni Ewropea, il-proposti għat-titjib tal-kapaċità ta' rispons ikunu jinkludu kontribuzzjoni maġġuri għall-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà Interna f'Azzjoni, li wieħed mill-għanijiet strateġiċi tagħha huwa t-tisħiħ tar-reżiljenza għal diżastri. Il-protezzjoni konsulari ser tiġi indirizzata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni konsulari.

It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi wkoll Klawsola ta' Solidarjetà, li stabbilixxiet l-obbligu għall-Istati Membri li jassistu li xulxin fl-eventwalità ta' diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem fit-territorju tal-UE.[4] Fl-2011 il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli ser iressqu proposta għall-arranġamenti ta' implimentazzjoni tal-Klawsola ta' Solidarjetà.

L-adattament tal-mezzi eżistenti għal dinja li qiegħda tinbidel

Fl-2010 l-Ewropa u l-ġirien li l-aktar huma qrib tagħha esperjenzaw sensiela ta' diżastri partikolarment gravi, minn għargħar f'daqqa għal maltempati severi fil-Punent tal-Ewropa, għargħar kbir fl-Ewropa Ċentrali, is-sħaba ta' rmied volkaniku wara l- iżbruffar tal-Eyjafjallajökull san-nirien mingħajr ebda preċedenti f'foresti fir-Russja.

Din is-sena d-dinja xehdet ukoll żewġ diżastri naturali li kienu fost l-agħar li seħħew f'dawn l-aħħar snin: it-terremot ta' Ħaiti u l-għargħar fil-Pakistan, li fit-tnejn li huma ntilfu ħafna ħajjiet u kkawżaw qerda mifruxa. Diżastri oħrajn jinkludu l-isplużjoni tal-bir taż-żejt Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku (li rriżulta fl-aktar tixrid ta' żejt dannuż li qatt seħħ sa issa) u għargħar sever fis-Saħel.

L-2010 ma kinitx biss eċċezzjoni statisika. Madwar id-dinja l-għadd ta' diżastri li ġew irreġistrati żdied b'ħames darbiet minn 78 fl-1975 għal kważi 400 llum. It-telf annwali medju jammonta għal madwar kwart ta' wieħed fil-mija tal-PDG globali. F’dawn l-aħħar 20 sena, id-diżastri li ġew irreġistrati fl-Ewropa[5] biss biss qatlu aktar minn 90 000 ruħ, laqtu aktar minn 29 miljun persuna u kkawżaw EUR 211-il biljun f'telf ekonomiku.

Din ix-xejra hija kkawżata l-aktar minħabba t-tibdil fil-klima, it-tkabbir tal-popolazzjoni flimkien ma' aktar urbanizzazzjoni u kif ukoll fatturi oħrajn li jinkludu ż-żieda fl-attività industrijali u d-degradazzjoni ambjentali. Barra minn hekk, it-terroriżmu għadu ta' theddida sinifikanti għas-sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej. Minħabba dawn il-fatturi, il-frekwenza u l-intensità tad-diżastri x'aktarx li jibqgħu jiżdiedu. Iffaċċjata minn din ir-realta' li dejjem qiegħda tinbidel, l-UE għandha każ qawwi favur it-tisħiħ tal-kapaċità ta' rispons tagħha għal diżastri.

L-implimentazzjoni effettiva ta' politiki ta' ġestjoni għaqlija fir-rigward taddiżastri tfisser tnaqqis fl-imwiet u d-danni. Hekk kif ir-riskji li qegħdin inħabbtu wiċċna magħhom jiżdiedu u joħorġu aktar fid-dieher huwa essenzjali li l-politiki lokali, nazzjonali u Ewropej jissaħħu sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw it-theddid. Jeħtieġ li jiġu identifikati u implimentati modi kif is-sistema eżistenti tista’ tittejjeb sabiex jista’ jkun hemm rispons aħjar għal diżastri maġġuri fil-ġejjieni.

Il-ħarsien tas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini hija l-ewwel dmir ta' kull stat u r-responsabbiltà mill-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri taqa' l-ewwel u qabel kollox f'idejn il-gvernijiet nazzjonali. Iżda meta jseħħu diżastri maġġuri li jissuperaw għalkollox il-kapaċitajiet nazzjonali, rispons Ewropew komuni jkun aktar effettiv milli azzjoni individwali tal-Istati Membri. Dan għaliex ikunu jistgħu jiġu mmobilizzati assi addizzjonali. Sforzi konġunti jkunu jistgħu jippromwovu l-infiq effettiv li jimmassimizza l-kumplimentarjetà tal-kapaċitajiet ta' rispons nazzjonali. Il-kooperazzjoni tal-UE tipprovdi prova viżibbli tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi. Il-kooperazzjoni mill-qrib fil-livell tal-UE tista' ssaħħaħ ukoll ir-rispons u l-isforzi ta' koordinazzjoni globali mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti (NU).

L-importanza ta' ħidma flimkien tinftiehem b'mod ċar miċ-ċittadini Ewropej. Bejn wieħed u ieħor 90% jistennew li l-UE tagħmel iżjed biex tgħin lill-pajjiż tagħhom meta dan jintlaqat minn diżastri.[6] Persentaġġ simili huwa favur ta' azzjoni umanitarja tal-UE fi mkejjen 'il barra mill-UE.[7]

L-UE għandha firxa ta' strumenti ta' rispons għal diżastri għad-dispożizzjoni tagħha. Għal diżastri li jseħħu fl-UE, il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili jiffaċilita u jikkoordina l-assistenza in natura tal-Istati Membri[8]. Il-Mekkaniżmu jikkoordina wkoll l-għoti ta' assistenza in natura għal diżastri li jseħħu f'imkejjen lil hinn mill-UE[9].

F'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, l-UE (il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri) hija l-akbar donatur umanitarju. Il-finanzjament jingħata lil organizzazzjonijiet sħab (l-aktar aġenziji tal-UE, il-moviment tas-Salib l-Aħmar/il-Qamar l-Aħmar u NGOs umanitarji) li jwasslu l-parti l-kbira tal-assistenza ta' emerġenza fuq il-post lil dawk li jkollhom bżonnha.

Ġew żviluppati wkoll arranġamenti għall-iffaċilitar tal-użu tal-assi militari ta' Stati Membri meta dawn ikunu meħtieġa bħala parti mir-rispons globali għal diżastri tal-UE.[10]

Fil-każ tat-terremot f'Ħaiti, ir-rispons tal-UE kien effettiv u rapidu. Madanakollu, tagħlimiet inizjali minn din l-esperjenza u diżastri riċenti oħrajn juru li għad hemm lok għal titjib fir-rigward tal- effikaċja u effiċjenza (ir-rapidità tal-iskjerament u l-adegwatezza tal-azzjoni), il- koerenza (il-koordinazzjoni operazzjonali u politika) u l- viżibbiltà tar-rispons għal diżastri tal-UE. Madanakollu, b'rabta mal-parti tal-protezzjoni ċivili, kwalunkwe titjib fir-rispons tal-UE għal emerġenzi lil hinn mill-UE jiddependi fuq kapaċitajiet b'saħħithom u effiċjenti tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-punt ta' tluq għal kapaċità msaħħa ta' rispons għal diżastri tal-UE għandu jkun li tiġi żgurata kapaċità ta' rispons aħjar fl-UE.

Għalhekk din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija bil-għan li l-għarfien u r-riżorsi li jinsabu fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE jinġabru flimkien f'sistema ta' rispons tal-UE msaħħa għal meta jseħħu diżastri. Hija tiffoka fuq l-għoti ta' assistenza ta' sokkors fl-ewwel fażi tal-emerġenza . L-elementi politiċi u ta' sigurtà tar-rispons għal diżastri, u kif ukoll ir-rispons għal kriżijiet taħt l-IfS u l-assistenza fuq żmien medju u itwal, u kif dawn jistgħu jiġu kkoordinati aħjar ma' sforzi ta' sokkors ta' emerġenza ser ikunu t-temi ta' proposti separati.

Il-ħolqien ta' Kapaċità Ewropea għal Rispons ta' Emerġenza, ibbażata fuq l-assi tal-Istati Membri, u l-iżvilupp ta' Ċentru Ewropew għal Rispons ta' Emerġenza, huma proposti bħala l-pedamenti ta' tali strateġija. Qegħdin isiru proposti fl-oqsma tal-protezzjoni ċivili u tal-għajnuna umanitarja wkoll.

Prinċipji ta' Gwida

Il-prinċipji li ġejjin għandhom jiggwidaw il-ħidma fuq il-kapaċità Ewropea ta' rispons għal diżastri:

- L-UE għandha tkun f'pożizzjoni li tirrispondi b'mod effettiv u fi spirtu ta' solidarjetà għal diżastri kemm fl-UE u kif ukoll fi mkejjen lil hinn minnha.

- Il-kapaċità ta' rispons għal diżastri tal-UE għandha tkun f'pożizzjoni li tindirizza t-tipi kollha ta' diżastri (jiġifieri dawk naturali u kkawżati mill-bniedem, għajr kunflitti armati) li jissuperaw il-kapaċitajiet nazzjonali ta' rispons u jirriżultaw fi ħtieġa għal assistenza mill-UE.

- Approċċ koerenti sħiħ għal diżastri li jseħħu barra mill-UE ser ikun jeħtieġ li jiġbor flimkien il-kostitwenzi differenti li jkunu jistgħu jintużaw (skont in-natura tal-kriżi): protezzjoni ċivili, umanitarja, u rispons għal kriżijiet taħt l-IfS, strumenti ġeografiċi prinċipali għal assistenza esterna (permezz tal-użu ta' proċeduri flessibbli f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u emerġenzi), ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK). L-għan għandu jkun dak li jiġu identifikati u jiġu skjerati l-aktar riżorsi xierqa bħala rispons għal diżastru partikolari. Għandha tkun kapaċi tibni fuq ir-rwoli, il-mandati u l-kapaċitajiet eżistenti u tiżgura li jiġu indirizzati l-"lakuni" u d-diffikultajiet kritiċi.

- Meta tkun qiegħda tirrispondi b'mod speċifiku għal ħtiġijiet umanitarji kkawżati minn diżastri li jseħħu 'l barra mill-UE, l-assistenza tal-UE għandha taġixxi skont prinċipji umanitarji miftiehma fil-livell internazzjonali (umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza)[11] u skont linji gwida. Koordinazzjoni aktar b'saħħitha fil-livell tal-UE ser tqawwi r-rwol ċentrali ta' koordinazzjoni tan-NU għal emerġenzi f'pajjiżi terzi.

- Approċċ li jibbilanċja rispons ma' prevenzjoni u tħejjija għal diżastri huwa l-aħjar risposta għat-theddid, li kull ma jmur dejjem qiegħed jiżdied, li hu kkawżat minn diżastri. Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq ir-rispons, il-prevenzjoni u t-tħejjija għal diżastri huma s-sisien tal-istrateġija tal-UE dwar il-ġestjoni ta' diżastri.[12] L-azzjonijiet ta' tisħiħ tar-reazzjoni għal diżastri ser jiġu kkomplimentati minn miżuri qawwija ta' prevenżjoni u tħejjija. Dan jinkludi l-immassimizzar tas-sinerġiji bejn it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima, biex b'hekk, pereżempju, is-sostenn finanzjarju għall-attivitajiet ta' prevenzjoni, irkupru u r-rikostruzzjoni jżid ir-reżiljenza fi kriżijiet futuri.

- Infiq aktar effettiv ifisser li jinstabu modi aktar effiċjenti ta' kif tingħata l-assistenza. Dan jista' jinkiseb billi l-assi jkunu jistgħu jingħaqdu aħjar sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi evitat xogħol doppju. Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom ifittxu li jużaw assi komuni. Inizjattivi ġodda (pereżempju li jkun hemm id-disponibbiltà komuni ta' trasport) għandhom ifittxu li jiżguraw li l-benefiċċji globali f'termini ta' gwadanni fl-effiċjenza jkunu akbar minn kwalunkwe spejjeż eventwali u ma jimminawx ir-responsabbiltajiet nazzjonali għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri. L-UE għandha wkolll tevita li toħloq strutturi ġodda u livelli addizzjonali ta' burokrazija.

Rispons Ewropew Aktar Effettiv u Effiċjenti għal Diżastri li Jseħħu

Il-ħolqien ta' Kapaċità Ewropea għal Rispons ta' Emerġenza msejsa fuq assi impenjati minn qabel mill-Istati Membri u pjani ta' kontinġenza miftiehma minn qabel

Bħalissa r-rispons ta' protezzjoni ċivili tal-UE huwa msejjes fuq offerti ad hoc ta' assistenza minn Stati Membri. Din is-sistema tagħmilha ferm diffiċli li jsir ippjanar minn qabel u ma tistax tiżgura d-disponibbiltà ta' assistenza xierqa u suffiċjenti fil-każi kollha. Jeħtieġ li l-UE tagħmel bidla minn koordinazzjoni ad hoc għal sistema fejn ippjanar minn qabel iwassal biex assi ewlenin jkunu disponibbli għal użu immedjat.

Sabiex jittejjeb l- ippjanar ta' operazzjonijiet tal-UE ta' protezzjoni ċivili, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li:

- Tiżviluppa xenarji ta' referenza għat-tipi ewlenin ta' diżastri [13] kemm fl-UE u kif ukoll fi mkejjen lil hinn minnha.

- Tidentifika u tippjana l-assi ewlenin eżistenti li jistgħu jkunu disponibbli mill-Istati Membri għar-rispons ta' emerġenza tal-UE f'dawn ix-xenarji.

- Tiżviluppa pjani ta' kontinġenza għall-iskjerament ta' dawn l-assi, fosthom it-trasport, u tirrevedihom abbażi ta' tagħlimiet li jittieħdu minn emerġenzi u eżerċizzji ġodda.

- Tidentifika u tiżgura sinerġiji bejn assistenza in natura u l-assistenza li tingħata mill-fondi umanitarji tal-UE.

L-ippjanar ta' kapaċitajiet disponibbli għal operazzjonijiet ta' protezzjoni ċivili tal-UE abbażi ta' xenarji ta' diżastri prestabbiliti jsaħħaħ b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' rispons tal-UE. Dan ser jippermetti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-aħjar vantaġġ minn arranġamenti ta' kumplimentarjetà u ta' ragruppament ta' assi. Dan ser jirriżulta f'aktar infiq effettiv.

Biex tittejjeb id- disponibbiltà ta' assi ewlenin, ġew ittestjati diversi arranġamenti permezz tal- Azzjoni ta' Tħejjija ta' Kapaċità tal-UE ta' Rispons Rapidu . Din kienet tinkludi arranġamenti ta' tħejjija għall-użu għal sptarijiet fuq il-post, ippumpjar ta' kapaċità għola, tisfija tal-ilma u assi oħrajn ibbażati fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Fuq il-bażi ta' din l-esperjenza inizjali, il-Kummissjoni tipproponi li:

- Tistabbilixxi Kapaċità Ewropea għal Rispons ta' Emerġenza fis-sura ta' ragruppament ta' assi identifikati minn qabel tal-protezzjoni ċivili mill-istati li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili li jkunu disponibbli b'mod volontarju għal operazzjonijiet tal-UE għajnuna ta' sokkors wara li jseħħu diżastri kemm fl-Unjoni u kif ukoll fi mkejjen lil hinn minnha.

L-Istati Membri li qablu li jipprovdu assi għal dan ir-ragruppament għandhom joffruhom meta jintalbu għal operazzjonijiet tal-UE għajr meta dawn l-assi jkunu meħtieġa għal emerġenzi domestiċi. Dawn l-assi jibqgħu taħt il-kmand u l-kontroll nazzjonali. Ir-ragruppament ta' assi jkun kbir biżżejjed biex jiżgura d-disponibbiltà ta' kapaċitajiet ta' rispons kritiċi jkun meta jkun. Ir-reġistrazzjoni tal-assi f'dan ir-ragruppament tibqa' waħda volontarja u l-assi jibqgħu għad-dispożizzjoni sħiħa ta' għanijiet nazzjonali meta ma jintużawx għal operazzjonijiet tal-UE. L-Istati Membri jistgħu wkoll jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jipprovdu moduli multinazzjonali biex jiġu inklużi fir-ragruppament.[14] Dawn l-arranġamenti għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, prinċipalment miż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi kandidati tal-UE.

Fl-eventwalità ta' diżastru maġġuri, u bħala rispons għal talba għal assistenza, il-Kummissjoni ser tipproponi minnufih pjan ta' rispons ta' emerġenza bbażat fuq il-ħtiġijiet fuq il-post u fuq xenarji maħsuba minn qabel. Hija ser issejjaħ għall-iskjerament tal-moduli rilevanti.

L-assi skjerati ser ikunu ġestiti fuq il-post mill-Istat Membru rispettiv. Il-koordinazzjoni bejn il-moduli differenti tal-UE fuq il-post, u fejn rilevanti l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema ta' ragruppament tan-NU, ser tiġi żgurata minn esperti tal-UE (il-Kummissjoni u l-Istati Membri) skjerati miċ-Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza.

Billi l-parti l-kbira tal-moduli ta' protezzjoni ċivili tal-Istati Membri diġa' huma disponibbli għal skopijiet nazzjonali, din is-sistema mhijiex mistennija li toħloq spejjeż żejda sinifikanti relatati mal-iżvilupp u t-tħejjija għall-użu tagħhom. Għall-kuntrarju, l-iżiluppar ta' rispons ta' emerġenza komuni jista' jkun mistenni li jiġġenera gwadanni fl-effiċjenza u jwassal għal titjib globali fl-użu effettiv tal-ispejjeż ta' operazzjonijiet tal-UE ta' rispons għal diżastri.

Għandhom jiġu organizzati taħriġ u eżerċizzji regolari fuq il-livell tal-UE biex tissaħħaħ l-interoperabbiltà ta' dawn l-assi. Il-ħtiġijiet ta' interoperabbiltà ser jiġu żviluppati aktar.

L-iskjerament ta' dawn l-assi lesti għall-użu jkun jifforma n-nukleu ta' kull operazzjoni ta' protezzjoni ċivili tal-UE. Dawn jiġu kkomplimentati b'offerti addizzjonali mill-Istati Membri li jingħataw bl-istess mod kif l-assistenza tal-protezzjoni ċivili hija organizzata bħalissa. Fil-każ ta' diżastri 'il barra mill-UE dawn l-assi lesti għall-użu u l-assistenza umanitarja tal-UE jkunu jikkumplimentaw lil xulxin u, fejn xieraq ikunu sostnuti mill-użu ta' mezzi ċivili u militari tal-UE għall-ġestjoni ta' kriżijiet taħt l-oqfsa miftiehma.

Bħala pass ulterjuri, il-Kummissjoni tipproponi li:

- L-użu tal-eżerċizzju ta' ppjanar ta' kontinġenza sabiex jiġi ddeterminat fejn ikun hemm lakuni fil-kapaċitajiet ta' rispons tal-protezzjoni ċivili fl-Istati Membri li jkunu jistgħu jissolvew permess ta' assi komplimentari ffinanzjati mill-UE.

Il-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-użu komuni ta' riżorsi jistgħu jirriżultaw f'żieda sinifikanti fl-effiċjenza. Dan il-fatt jidher l-aktar b'mod ovvju fil-każ ta' assi li jkunu jirrekjedu koordinazzjoni, valutazzjoni u loġistika orizzontali (eż. inġenji tal-ajru ta' sorveljanza għall–valutazzjoni).

Dan jista' jkun ukoll il-każ għal ċerti tipi ta' assi ta' valur għoli. Il-Kummissjoni mexxiet, flimkien mal-Istati Membri, proġetti pilota ta' suċċess li jistħarrġu l-possibbiltà ta' sostenn tal-UE għall-għoti ta' tipi differenti ta' tagħmir ta' rispons ta' emerġenza. Dawn il-proġetti ffukaw fuq assi tal-ajru għat-tifi ta' nirien f'foresti u Timijiet Tekniċi ta' Assistenza u Sostenn (TTAS), iżda l-approċċ jista' jiġi estiż għal tipi ta' assi oħrajn, bħal faċilitajiet ta' tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar jew faċilitajiet mediċi speċjalizzati.

Ser jiġu żviluppati arranġamenti ta' ħidma bejn il-Kapaċità Ewropea għal Rispons ta' Emerġenza u s-SEAE, bil-għan li tiġi żgurata l-komplimentarjetà u l-possibbiltà li jintużaw is-sinerġiji possibbli bejn il-modi ta' kif jiġu ġestiti azzjonijiet ta' sokkors meta jseħħu diżastri u l-ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari.

It-tqegħid minn qabel ta' assi ta' sokkors

L-effikaċja tal-għajnuna tfisser li l-affarijiet marbuta mas-sokkors għandhom jitqiegħdu minn qabel qrib kemm jista' jkun iż-żoni tad-diżastru, b'użu ta' riżorsi lokali u reġjonali kull fejn ikun possibbli. Din hija r-raġuni għaliex organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali (eż. il-Programm Dinji tal-Ikel u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u l-Qamar l-Aħmar) kienu qegħdin jiżviluppaw u jespandu l-kapaċitajiet tagħhom ta' tqegħid minn qabel ta' assi permezz ta' sostenn finanzjarju sotanzjali mill-UE. Fl-UE, l-Istati Membri wkoll jirragruppaw tagħmir nazzjonali ta' sokkors u rispons f'postijiet strateġiċi. Esperjenza riċenti wriet li dan l-approċċ żied b'mod sinifikanti r-ritmu tar-risponsi operazzjonali meta seħħew diżastri. Netwerk globali ta' mħażen/punti ta' attività jista' jiffaċilita ferm il-mobilizzazzjoni rapida ta' assistenza.

Sabiex issaħħaħ id-disponibbiltà rapida ta' assi għal atturi umanitarji f'emerġenzi esterni l-Kummissjoni sejra:

- Tanalizza l-esperjenza miksuba minn impenn tal-UE ma' sħab umanitarji ewlenin – prinċipalment il-WFP u l-IFRC – u tiżviluppa alternattivi biex dan l-approċċ jiġi żviluppat aktar.

- Tipprova tuża, kulfejn ikun possibbli, sistema eżistenti ta' tqegħid minn qabel li l-Istati Membri għandhom f'pajjiżi terzi.

Valutazzjoni tal-ħtiġijiet imtejba

Valutazzjonijiet f'waqthom u bir-reqqa huma essenzjali biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet informati dwar is-sokkors. Fir-rigward ta' emerġenzi 'l barra mill-UE, l-esperti fil-qasam tal-ECHO u t-timijiet ta' protezzjoni ċivili tal-UE għandhom rwol kruċjali fl-għoti ta' informazzjoni u pariri għar-rispons tal-UE. Huma jsostnu wkoll il-ħidma ta' valutazzjoni u koordinazzjoni tan-NU. Għandhom jiġu żgurati rabtiet aħjar bejn il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet umanitarji fil-fażi bikrija tas-sokkors wara li jseħħu diżastri u approċċi sussegwenti ta' valutazzjoni tal-irkupru u l-iżvilupp, bħal Valutazzjonijiet tal-Ħtiġijiet ta' Wara d-Diżastri (VĦWD).

Il-Kummissjoni sejra:

- Issostni l-isforzi mmexxija min-NU biex tiżviluppa valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet konġunti, trasversali u komparabbli.

- Tiskjera esperti tal-UE biex jaqdu dmirijiet ta' uffiċjali ta' kollegament mas-sistema tan-NU.

- Iżżid il-kapaċità tat-timijiet ta' valutazzjoni tal-UE biex dawn ikopru ambitu territorjali akbar u, fejn ikun meħtieġ, jimlew lakuni fil-kapaċità tan-NU.

- Tiżgura parteċipazzjoni xierqa fil-VĦWD minn esperti tal-UE involuti fil-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet relatati mas-sokkors u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet umanitarji.

Loġistika kondiviża, aktar effettiva u bi nfiq aktar effettiv

Bħalissa hemm diversi arranġamenti nazzjonali u tal-UE li jinsabu fis-seħħ fl-istess ħin fir-rigward ta' punti ta' attività loġistika f'żoni ta' diżastri f'pajjiżi terzi. Strutturi differenti jfissru li kull attur ikollu jippjana u jiskjera għal rasu is-sostenn proprju tiegħu li se jagħti fuq il-post. Xi kultant dawn iċ-ċentri ta' sostenn nazzjonali ma jikkomunikawx b'mod effettiv ma' xulxin. Dan iwassal għal ħidma li ma tkunx effiċjenti u bi nfiq anqas effettiv, minbarra li jnaqqas il-viżibbiltà tal-UE.

Il-prestazzjoni ta' kompiti orizzontali, bħal ma hi l-loġistika, tista' tkun ħafna aħjar fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni, f'ħidma mal-Istati Membri, żviluppat unitajiet speċjalizzati (Timijiet Tekniċi ta' Assistenza u Sostenn - TTAS) li jiffunzjonaw bħala punti mobbli ta' sostenn tal-loġistika. Il-Kummissjoni tipproponi li:

- Tiskjera t-Timijiet Tekniċi ta' Assistenza u Sostenn b'mod aktar sistematiku, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn l-infrastruttura lokali tkun ikkollassat, u tiżviluppa arranġamenti kuntrattwali biex tiżgura li d-disponibbiltà tagħhom tkun garantita.

- Flimkien mas-SEAE tiżviluppa alternattivi dwar kif dawn it-timijiet jistgħu jsostnu aħjar lid-Delegazzjonijiet tal-UE, lill-awtoritajiet konsulari u lil atturi oħrajn, kemm internazzjonali u kif ukoll fi ħdan l-UE, waqt emerġenzi maġġuri li jseħħu 'l barra mill-UE.

- Tfittex li tiżviluppa dawn l-arranġamenti f'ċentru Ewropew ta' koordinazzjoni fuq il-post li jkun jista' jagħmel użu mis-sistema tan-NU.

Trasport ikkoordinat u b'nefqa effettiva

Bħalissa l-UE għandha l-possibbiltà li tikkofinanzja t-trasport ta' assistenza in natura. Din il-kapaċità għandha tissaħħaħ biex jiġi żgurat li jingħelbu d-diffikultajiet fit-trasport. Huwa meħtieġ titjib fl-għoti ta' assistenza lil pajjiżi milquta, fosthom fil-loġistika u fit-twassil tal-assistenza lokali f'dawk il-postijiet li l-aktar jeħtiġuha.

Il-Kummissjoni tipproponi li:

- Tissimplifika u ssaħħaħ l-arraġamenti eżistenti għar-ragruppament u l-kofinanzjament ta' assi tat-trasport.

- Twettaq ħidma mas-settur privat biex tħejji alternattivi dwar l-għoti kummerċjali ta' trasport u loġistika f'sitwazzjonijiet ta' diżastri.

- Tagħmel użu sħiħ mill-qafas li ġie miftiehem dwar l-użu tal-assi militari u tal-assi ta' trasport militari mikrijin u strumenti ta' koordinazzjoni tal-PSDK bħala sostenn tar-Rispons għal Diżastri tal-UE.

- Tissokta bis-sostenn tagħha għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' trasport/trasport bl-ajru (strateġiku u tattiku) minn organizzazzjonijiet umanitarji u n-NU.

L-użu ta' assi militari tal-Istati Membri u s-sostenn tal-PSDK għal rispons għal diżastri tal-UE

Kapaċitajiet ċivili u militari żviluppati fil-kuntest tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE jistgħu jkunu utli għas-sostenn tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja prinċipalment f'diżastri naturali fuq skala kbira.

L-użu ta' assi militari biex tingħata assistenza f'pajjiżi terzi bħala parti minn rispons għal diżastri naturali huwa rregolat mill-hekk imsejħa Linji gwida ta' Oslo.[15] Dawn il-linji gwida ġew miftiehma fil-livell tan-NU and ġew approvati mill-UE fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.[16] Il-linji gwida ta' Oslo jistipulaw li l-assi militari għandhom jintużaw biss meta ma jkun għad fadal l-ebda triq oħra, meta ma jkun hemm l-ebda alternattiva ċivili oħra disponibbli għas-sostenn tal-ħtiġijiet umanitarji urġenti fiż-żmien meta dan ikun meħtieġ.

Xi Stati Membri għandhom fis-seħħ sistemi nazzjonali biex jużaw trasport militari jew kwalunkwe ass militari ieħor għas-sostenn tar-rispons tagħhom għall-protezzjoni ċivili waqt diżastri maġġuri li jseħħu 'l barra mill-UE. Tali assi militari, mogħtija permezz tal-awtoritajiet ta' protezzjoni ċivili tal-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-assistenza globali in natura li bħalissa l-UE tagħti permezz taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (ĊMI) tal-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili. Kif jixhed ir-rispons għat-Terrermoti u t-Tsunamijiet li seħħew fl-Oċean Indjan f'Diċembru 2004 u, aktar riċenti, ir-rispons għall-għargħar li seħħ fil-Pakistan fl-2010, l-assi militari jistgħu jimlew lakuni kritiċi tal-kapaċità f'oqsma bħat-trasport, is-sostenn loġistiku, l-inġinerija, jew is-sostenn mediku.

L-UE żviluppat qafas għal sostenn militari għar-rispons għal diżastri tal-UE, li jkopri l-użu tal-assi militari jew tal-assi ta' trasport militari mikrijin u għodod ta' koordinazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Ewropea.[17] Ġew żviluppati proċeduri operattivi standard li ntużaw b'riżultati tajbin f'emerġenzi bħar-rispons tal-2010 fil-Pakistan fejn il-Kummissjoni ffaċilitat (permezz taċ-ĊMI) it-titjiriet bl-għajnuniet offruti permezz ta' Nukleu ta' Ppjanar tal-Moviment tal-UE tal-Persunal Militari tal-UE. Dan sar apparti ta' diversi titjiriet ċivili organizzati u kofinanzjati fil-qafas tal-Mekkaniżmu.

Proposti speċifiċi dwar kif jistgħu jittejbu l-mekkaniżmi għall-użu ta' mezzi ċivili u militari taħt il-PSDK bħala parti mir-rispons għal diżastri tal-UE, prinċipalment dwar kif jistgħu jittejbu l-konsistenza u s-sinerġiji ma' operazzjonijiet umanitarji u ta' protezzjoni ċivili tal-UE ser jitressqu separatament mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni Ewropea.

Teżisti l-ħtieġa għall-iżviluppar ta':

- Iċ-Ċentru Ewropew għal Rispons ta' Emerġenza bħala l-faċċata komuni ta' sokkors ta' emerġenza operattiv tal-Kummissjoni mal-għodod ta' koordinazzjoni tal-PSDK sabiex il-ħtiġijiet umanitarji fuq il-post jitaqbblu mal-assi ta' ġestjoni ta' kriżijiet pprovduti mill-Istati Membri.

Rispons Aktar Koerenti

L-Iżviluppar ta' Ċentru ta' Rispons Ewropew

Il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja huma l-istrumenti operazzjonali ewlenin tar-rispons immedjat tal-UE għal diżastri. Dawn l-istrumenti nġabru flimkien f'Direttorat Ġenerali wieħed (DĠ ECHO) fil-Kummissjoni li jagħmilha possibbli li jinħoloq Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza li jkun jista' juża l-informazzjoni u l-għarfien miż-żewġ oqsma u jorbot b'mod effettiv, fil-livell Ewropew, l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja fl-Istati Membri.

Il-kmamar ta' kriżi tal-ECHO u ċ-ĊMI ser jingħaqdu f'ċentru ta' rispons proprju wieħed, li jwettaq ħidma 24 siegħa kuljum u li jkun responsabbli mill-koordinazzjoni tar-rispons għal diżastri ċivili tal-UE. Dan ser jitlob bilda kwalitattiva minn kondiviżjoni ta' informazzjoni u reazzjoni għal emerġenzi għal rwol aktar proattiv ta' ppjanar, monitoraġġ, tħejjija, koordinazzjoni operazzjonali u sostenn loġistiku. Għal dan il-għan iċ-ċentru ser jiżviluppa kapaċità integrata ta' monitoraġġ imsejsa, fost l-oħrajn, fuq is-servizzi tal-GMES. Iċ-ċentru ser jiżgura skambju kontinwu ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ta' protezzjoni ċivili u ma' dawk tal-għajnuna umanitarja dwar il-ħtiġijiet għal assistenza u l-offerti li jsiru mill-Istati Membri tal-UE u minn atturi oħrajn. Dan ser jiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar il-finanzjament u l-offerti ta' assistenza addizzjonali li jagħmlu. Iċ-ċentru ser jiżviluppa wkoll xenarji ta' referenza għat-tipi ewlenin ta' diżastri kemm fl-UE u kif ukoll fi mkejjen lil hinn minnha.

Fir-rigward ta' emerġenzi barra mill-UE, iċ-Ċentru għal Rispons ta' emerġenza għandu jkun responsabbli mill-ġbir ta' informazzjoni dwar kull assistenza Ewropea in natura disponibbli u jiżgura l-koerenza tagħha fil-konfront tas-sistema ta' koordinazzjoni tan-NU u tal-pajjiż milqut.

Ċentru ta' Rispons Ewropew ikkonsolidat ser jiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni operazzjonali mal-atturi l-oħra tal-UE.[18] Dan ikun jinvolvi skambju ta' informazzjoni u analiżi mad-dipartimenti ġeografiċi tas-SEAE (fosthom, fejn ikun xieraq, maċ-Ċentru ta' Sitwazzjoni) u mad-delegazzjonijiet tal-UE. Dan ikun jikkonċerna wkoll il-kooperazzjoni mal-istrutturi ta' ġestjoni ta' kriżijiet tas-SEAE meta l-użu ta' assi ċivili u/jew militari tal-UE jkun meqjus bħala parti mir-rispons tal-UE meta jseħħu diżastri. Dan iċ-Ċentru għandu jkun ukoll punt ta' kollegament mal-partijiet rilevanti tas-SEAE, inkluż fid-dawl ta' missjonijiet tal-PESK jew tal-PSDK li jintbagħtu f'pajjiżi terzi. Iċ-Ċentru ser ikun ukoll konness mal-arranġamenti ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni li jkunu qegħdin jiġu żviluppati bħala parti mill-Istrateġija ta' Sigurtà Interna u b'hekk ser jikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Ewropa meta jseħħu diżastri.

Mhija qiegħda tiġi ssuġġerita l-ebda struttura globali ġdida. L-iżviluppar ta' ċentri/pjattaformi speċjalizzati ser jitlaqqa' ma' arranġamenti ta' xogħol li jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni sistematiku.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tgħaqqad il-kmamar ta' kriżi tal-Protezzjoni Ċivili u tad-DĠ ECHO biex toħloq Ċentru Ewropew għal Rispons ta' Emerġenza 24/7 proprju, li ser jaħdem mill-qrib mas-servizzi rilevanti l-oħra, fosthom dawk li huma responsabbli mill-Istrateġija ta' Sigurtà Interna.

- Maż-żmien tiżviluppa ċ-Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza fi pjattaforma li tipprovdi sostenn għal servizzi oħrajn involuti f'ħidma f'diżastri maġġuri.

- Il-ħolqien ta' arranġamenti ta' xogħol mas-SEAE (kemm il-kwartieri ġenerali u kif ukoll id-Delegazzjonijiet tal-UE.) Dan jista' jsir, fost l-oħrajn, permezz ta' miżuri fosthom laqgħat regolari, skambju temporanju ta' uffiċjali ta' kollegament, eżerċizzji konġunti u taħriġ.

It-tisħiħ tal-koordinazzjoni

Fir-rigward ta' diżastri f'pajjiżi terzi, l-UE ssostni bil-qawwi r-rwol ċentrali ta' koordinazzjoni tan-NU, partikolarment dak tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni ta' Affarijiet Umanitarji tan-NU. Koordinazzjoni aktar b'saħħitha min-naħa tal-UE ser tqawwi r-rwol tan-NU billi tiżgura kontribuzzjoni koerenti tal-UE għal sforzi tan-NU relatati mas-sokkors.

Il-Kummissjoni sejra:

- Issaħħaħ is-sostenn tal-UE għall-koordinazzjoni ta' assistenza umanitarja li n-NU tagħmel fil-pajjiż innifsu (is-sistema ta' ragruppament u l-koordinatur umanitarju tan-NU) inkluż permezz tal-iskjermanet possibbli ta' persunal ta' kollegament umanitarju tal-UE u l-issekondar possibbli ta' persunal tal-UE mas-sistema ta' koordinazzjoni lokali tan-NU.

- Tuża ċ-Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza biex tissimplifika l-flussi ta' informazzjoni bejn l-UE u n-NU dwar l-isforzi globali ta' sokkors tal-UE.

- Ittejjeb ir-rappurtar, permezz tas-sistema ta' traċċar finanzjarju tan-NU, tal-assistenza li tagħti l-UE f'diżastru partikolari.

Il-fatt li l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili nġabru f'portafoll ta' Kummissarju wieħed ser jipprovdi opportunitajiet għal analiżi konġunta, ġbir ta' informazzjoni konġunt, introduzzjoni ssimplifikata fis-sistema ta' koordinazzjoni ta' ragruppamenti u koordinazzjoni aħjar fi ħdan l-UE fuq il-post. Sabiex tissaħħaħ aktar il-koerenza ta' assistenza għal sokkors ta' emerġenza Ewropea, il-Kummissjoni sejra:

- Tipproponi n-nomina ta' punti umanitarji fokali fi Stati Membri disponibbli f'kull ħin li jsir skambju ta' informazzjoni. Dawn il-punti fokali ser ikunu konnessi ma' punti ta' kuntatt nazzjonali biex il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE jkun jista' jżgura approċċ totalment konness.

- Tiżviluppa għodda ta' informazzjoni bbażata fuq il-web (ibbażata fuq is-sistema kurrenti ta' 14-il punt għal għajnuna umanitarja u s-sistema CECIS[19] għal assistenza tal-protezzjoni ċivili). Din l-għodda ser tippermetti komunikazzjoni f'ħin reali dwar l-assistenza umanitarja u l-assistenza in natura tal-UE (is-27 Stat Membru u l-Kummissjoni).

- Tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jipprovdu rappurtar f'waqtu dwar il-kontribuzzjonijiet umanitarji.

Rispons Aktar Viżibbli

Il-viżibbiltà tal-Unjoni mhijiex għan fiha nfisha. Fl-istess ħin, il-pubbliku tal-UE għandu d-dritt li jingħata informazzjoni akkurata u sħiħa dwar il-mod kif l-UE tirrispondi għal diżastri. Bħalissa, l-UE hija l-akbar donatur umanitarju u l-isforzi tagħha huma meqjusa bħala operazzjonalment effettivi iżda mhux dejjem ikunu viżibbli għaċ-ċittadini tal-UE, għall-pajjiżi benefiċjarji li għadhom fil-fażi tal-iżvilupp u għall-imsieħba internazzjonali. Fl-era tal-globalizzazzjoni, dan idgħajjef ferm il-kredibbiltà u l-pożizzjoni ta' nnegozjar tal-UE fil-livell internazzjonali. Huwa meħtieġ ukoll approċċ adegwat ta' ppjanar ta' xenarji minħabba kwistjonijiet ta' komunikazzjonijiet. L-istituzzjonijiet tal-UE, flimkien mal-Istati Membri, jeħtieġu li jiżviluppaw strateġija ta' komunikazzjoni li ttejjeb il-viżibbiltà tar-rispons tal-UE.

Huwa importanti wkoll li l-finanzjament tal-UE, li jsir permezz ta' organizzazzjonijiet imsieħba internazzjonali u lokali, jiġi rrikonoxxut b'mod tajjeb u viżibbli fuq il-post (għajr f'każi fejn il-preżenza tas-simboli tal-UE tagħmilha aktar diffiċli li tingħata l-għajnuna) u fuq l-internet.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tippreżenta figura globali waħda għall-assistenza għal sokkors ta' emerġenza tal-UE (kemm dik finanzjarja u dik in natura) u mhux figuri separati għall-UE u għall-Istati Membri, filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ kull assistenza bilaterali relatata.

- Taħdem biex tiżgura li s-simboli tal-UE jintużaw flimkien ma' beġġijiet għall-persunal kollu tal-UE u tal-Istati Membri/l-assistenza kollha li tingħata bħala rispons għal diżastri.

- Tikkunsidra modi kif organizzazzjonijiet imsieħba jkunu jistgħu jagħtu viżibbiltà xierqa għall-assistenza għal sokkors ta' emerġenza mill-UE (pereżempju permezz tal-logo tal-UE jew logo doppju fuq l-oġġetti tas-sokkors).

- Twettaq monitoraġġ fir-rigward tal-kundizzjonijiet eżistenti ta' finanzjament aktar mill-qrib.

- Tikkunsidra l-immarkar xieraq ta' kapaċità ta' rispons tal-UE msaħħa meta jseħħu diżastri

Konklużjoni

L-istrateġija deskritta b'mod ġenerali f'din il-Komunikazzjoni tirrappreżenta l-ewwel pass fl-iżvilupp ta' kapaċità ta' rispons għal diżastri tal-UE aktar imsaħħa. Din ser tgħin biex jiġi mmasimmizzat l-impatt tal-kontribuzzjoni tal-UE biex ittaffi t-tbatija ta' vittmi ta' diżastri kemm fl-UE u kif ukoll fi mkejjen lil hinn minnha. Fl-2011 ser jitressqu proposti leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tal-proposti ewlenin.

[1] Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, Diċembru 2007.

[2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2008 dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri: KUMM(2008) 130 finali.

[3] Ir-Rapport ta' Michel Barnier 'Għal forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili: europe aid'. http://ec.europa.eu/archives/commission_2004-2009/president/pdf/rapport_barnier_en.pdf.

[4] Artikolu 222 TFUE.

[5] Iċ-Ċentru għar-Riċerka dwar l-Epidemjoloġija tad-Diżastri (ĊRED). Iċ-ĊRED jiddefinixxi diżastri bħala: 'Sitwazzjoni jew eventwalità li tissupera l-kapaċità lokali, u li twassal għal talba, fuq livell nazzjonali jew internazzjonali, għal assistenza esterna' www.cred.be. Primarjament din il-Komunikazzjoni tittratta diżastri, li jwasslu għal talba għal assistenza internazzjonali.

[6] http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_328_en.pdf .

[7] http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_343_en.pdf .

[8] Fl-2002, l-ewwel sena ta' operat tiegħu, il-Mekkaniżmu ġie mmobilizzat tliet darbiet. Fl-2009, ġie mmobilizzat 27 darba. Madwar nofs id-drabi li ntuża kien bħala rispons għal diżastri fl-UE.

[9] Fil-każi kollha, il-Mekkaniżmu jintuża biss meta tasal talba mill-pajjiż jew pajjiżi milquta minn diżastri. Fil-każ ta' pajjiżi terzi, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin jiġi kkonsultat minnufih fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Konġunta bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-użu tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili fil-ġestjoni ta' kriżijiet (dok. 10639/03), sabiex jiċċara jekk l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu tkunx taqa' fl-ambitu tal-ġestjoni ta' kriżijiet tal-PSDK.

[10] Id-dokumenti żviluppati taħt il-Kunsill fl-2003-2006 jinkludu l-Qafas Ġenerali għall-użu tal-assi militari u tal-assi ta' trasport militari mikrijin tal-Istati Membri u l-istrumenti ta' koordinazzjoni tal-PSDK bħala sostenn tar-rispons għal diżastri tal-UE u Sostenn militari għar-rispons għal diżastri tal-UE - l-identifikazzjoni u l-koordinazzjoni ta' assi u l-kapaċitajiet disponibbli (ara d-dokumenti 10639/03, 6644/4/04, 8976/06, 9462/3 REV3 u 14540/06 + COR1).

[11] Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja: http://ec.europa.eu/echo/files/policies/consensus/consensus_en.pdf.

[12] Fl-2009, il-Kummissjoni addotat Komunikazzjoni dwar 'Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem' (COM(2009) 82 finali) u L-istrateġija tal-UE ta' sostenn għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp (COM(2009) 84 final). Il-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' DRR dalwaqt ser jiġi adottat ukoll. Bħalissa għaddejja ħidma biex tiġi stabbilita deskrizzjoni ġenerika tar-riskji fuq il-livell tal-UE u l-Kummissjoni qiegħda tesplora mekkaniżmi għal analiżi regolari tal-politiki ta' prevenzjoni u tħejjija tal-Istati Membri. Għalkemm teżisti d-disponibbiltà ta' fondi sinifikanti tal-UE għall-prevenzjoni ta' diżastri, l-utilizzazzjoni ta' dawn il-fondi għadha waħda limitata. Fondi oħrajn huma disponibbli tħat it-Temi tal-Ispazju u s-Sigurtà tas-7 Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Għaddejjin sforzi biex is-sostenn tal-UE ta' għal proġetti ta' prevenzjoni ta' diżastri f'pajjiżi terzi, għall-identifikazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prassi, biex jiġu mistħarrġa opportunitajiet għal arranġamenti innovattivi ta' finanzjament. Dan il-ħidma għandha tkun marbuta wkoll mal-isforzi tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. L-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE jista' jipprovdi wkoll opoprtunitajiet għat-tisħiħ tal-ġestjoni tad-diżastri tal-UE.

[13] Inkluż attaki CBRN u attakki terroristiċi transkonfinali.

[14] Bis-sostenn tal-Kummissjoni, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja żviluppaw modulu komuni ta' kapaċità għolja ta' ppumpjar (imsejħa 'Balt Flood Combat'), li ntużat b'suċċess matul l-għargħar fil-Polonja u fir-Repubblika tal-Moldova.

[15] Linji gwida dwar l-Użu ta' Assi Militari u ta' Difiża Ċivili fis-Sokkors għal Diżastri Internazzjonali — 'Il-linjigwida ta' Oslo' (varati mill-ġdid mill-UN OCHA f'Novembru 2006).

[16] Ara b'mod partikolari l-paragafu 61.

[17] Għal referenza għad-diversi dokumenti ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 11 supra .

[18] Il-Kummissjoni ser tkompli tuża u tiżviluppa ulterjorment l-ARGUS (ara COM(2005)662) u proċeduri relatati għal kriżijiet multisettorjali b'diversi perikli u kif ukoll il-koordinazzjoni madwar is-servizzi tal-Kummissjoni.

[19] Is-Sistema Komuni ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni ta' Emerġenza – sistema sikura li toffri konnessjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u l-Kummissjoni.

Top