EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0352

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat- turiżmu Ewropew

/* KUMM/2010/0352 finali */

52010DC0352

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat- turiżmu Ewropew /* KUMM/2010/0352 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 30.6.2010

KUMM(2010) 352 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

1. Introduzzjoni

It-turiżmu huwa attività ekonomika ewlenija li għandha impatt pożittiv ħafna fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa. Huwa wkoll aspett aktar u aktar importanti tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, li kull ma jmur qegħdin jivvjaġġaw iktar, kemm għal raġunijiet personali u kif ukoll fuq xogħol. Bħala attività marbuta mal-wirt kulturali u naturali, kif ukoll mat-tradizzjonijiet u l-kulturi kontemporanji tal-Unjoni Ewopea, it-turiżmu juri b’mod eżemplari l-ħtieġa għar-rikonċiljazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-aspett etiku. It-turiżmu huwa wkoll għodda importanti biex tissaħħaħ id-dehra tal-Ewropa fid-dinja, biex jintwerew il-valuri tagħna u tiġi promossa l-ġibda tal-mudell Ewropew, li huwa r-riżultat ta’ sekli ta’ skambji kulturali, ta’ diversità lingwistika u ta’ kreattività.

It-turiżmu Ewropew dan l-aħħar għadda minn sitwazzjoni ekonomika diffiċli li aggravat ruħha bl-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjöll u li wriet il-vulnerabbiltà tiegħu iżda wkoll il-ħila tiegħu li jirreżisti, grazzi għall-importanza li jagħtu l-Ewropej lill-vjaġġi u lill-vaganzi. Għalhekk, il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li ilha taffettwa l-ekonomiji kollha mill-2008, kellha effetti sinifikanti fuq id-domanda tas-servizzi turistiċi. Aktar reċentement, il-waqfien tat-traffiku tal-ajru matul ix-xhur ta' April u Mejju 2010 minħabba s-sħaba ta' rmied vulkaniku affettwa ħafna l-vjaġġi fl-Ewropa, u għamel ħsara kbira lill-kumpaniji tal-ajru, lill-aġenziji tal-ivvjaġġar u lill-operaturi turistiċi, kif ukoll lit-turisti stess.

Dan il-kuntest diffiċli għall-industrija tat-turiżmu enfasizza għadd ta’ sfidi li għandu jiffaċċja s-settur tat-turiżmu Ewropew. Biex tiġi indirizzata din l-isfida, huwa importanti ħafna li l-atturi kollha tas-settur ikunu jistgħu jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jaħdmu f'qafas politiku kkonsolidat li jqis il-prijoritajiet ġodda tal-UE espressi fl-istrateġija tagħha “Ewropa 2020”: l-Ewropa għandha tibqa’ l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, li tkun kapaċi tivvalorizza l-ġid u d-diversità tat-territorji li jinsabu fiha.

B’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tiffavvorixxi approċċ ikkoordinat tal-inizjattivi marbuta mat-turiżmu u tistabbilixxi qafas ta’ azzjoni ġdid biex issaħħaħ il-kompetittività tagħha u l-kapaċità tagħha li tikber b’mod sostenibbli. Għal dan, hija qiegħda tipproponi għadd ta’ inizjattivi ta’ dimensjoni Ewropea jew plurinazzjonali bl-għan li jwettqu dawn l-objettivi, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-kompetenzi tal-Unjoni mdaħħla mit-Trattat ta’ Lisbona favur it-turiżmu.

2. L-industrija ewropea tat-turiżmu, element ewlieni għat-tkabbir ewropew li issa qiegħed jiddependi fuq kompetenzi ċari

2.1. Importanza ekonomika li qiegħda tikber

It-turiżmu huwa attività ekonomika li hija kapaċi tiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-integrazzjoni ekonomika u soċjali, b’mod partikolari taż-żoni rurali u tal-muntanji, tar-reġjuni kostali u tal-gżejjer, tar-reġjuni mbiegħda, l-aktar imbiegħda jew fil-fażi ta’ konverġenza. B’madwar 1,8 miljun impriża, l-aktar SMEs, li qegħdin jokkupaw madwar 5,2 % tax-xogħol tas-sengħa totali (jiġifieri madwar 9,7 miljun impjieg bi proporzjoni kbira ta’ żgħażagħ), l-industrija turistika Ewropea[1] qiegħda tiġġenera aktar minn 5 % tal-PDG tal-UE, numru li qiegħed jikber b’mod kostanti[2]. B’hekk it-turiżmu jirrappreżenta t-tielet l-akbar attività soċjoekonomika tal-UE wara s-setturi tal-kummerċ u d-distribuzzjoni u tal-bini. Meta jitqiesu s-setturi li huma marbuta miegħu[3], il-kontribuzzjoni tat-turiżmu għall-prodott domestiku gross hija ħafna aktar għolja, għaliex huwa stmat li huwa jikkontribwixxi aktar minn 10 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea u jipprovdi madwar 12 % tal-impjiegi totali. F’dan ir-rigward, jekk wieħed josserva t-tendenza tal-aħħar għaxar snin, it-tkabbir tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu kważi dejjem kien aktar qawwi milli fil-bqija tal-ekonomija.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tibqa’ l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, b’370 miljun wasla ta’ turisti internazzjonali għas-sena 2008, jiġifieri 40 % tal-wasliet madwar id-dinja kollha[4], li fosthom 7,6 miljun ġejjin mill-pajjiżi BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina), bi tkabbir evidenti meta mqabbel ma' 4,2 miljun fl-2004. Dawn il-wasliet ġġeneraw dħul ta’ madwar 266 biljun euro, li 75 biljun euro minnhom minn turisti li ġejjin minn barra l-Unjoni[5]. Fir-rigward tal-vjaġġi mwettqa miċ-ċittadini Ewropej innifishom, dawn huma stmati għal madwar 1,4 biljun, li madwar 90 % minnhom saru fi ħdan l-UE. Skont l-istimi tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (WTO), il-wasliet ta’ turisti internazzjonali fl-Ewropa għandhom jiżdiedu b’mod sinifikattiv fis-snin li ġejjin. Fl-aħħar nett, l-Ewropej huma wkoll fost l-ewwel turisti li jmorru fil-pajjiżi terzi, u dan huwa sors ta’ dħul importanti ħafna f’bosta pajjiżi. Dawn l-elementi jiġġustifikaw tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika turistika tal-UE, sabiex jinżammu l-flussi ta’ turisti li ġejjin minn pajjiżi terzi iżda wkoll għas-sostenn tal-imsieħba tal-UE, b’mod partikolari fil-Mediterran.

2.2. Kompetenzi speċifikati mit-Trattat ta’ Lisbona miżjuda ma’ bosta kisbiet li saru qabel

Il-Kummissjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw is-settur, għal ħafna snin ilha tinvesti sforzi sinifikanti biex timplimenta serje ta’ azzjonijiet maħsuba biex isaħħu t-turiżmu Ewropew u l-kompetittività tiegħu[6]. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll sistema integrata u żviluppata ħafna għall-ħarsien tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, inklużi dawk b'diżabilità u dawk b’mobilità mnaqqsa, fil-mezzi kollha tat-trasport[7].

Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea setgħet tistabbilixxi l-bażi ta' politika Ewropea għat-turiżmu billi tat importanza lill-fatturi li jiddeterminaw il-kompetittività tiegħu, filwaqt li qieset il-ħtiġijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-importanza tat-turiżmu ġiet rikonoxxuta: l-Unjoni Ewropea issa għandha l-kompetenza fis-suġġett biex issostni, tikkoordina u ttemm l-azzjoni tal-Istati Membri. Dan huwa progress ċert li jagħti kjarifika meħtieġa u jippermetti l-istabbiliment ta' qafas ta' azzjoni koerenti.

Kif jistipula l-Artikolu 195 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għalhekk tista’:

- tippromwovi l-kompetittività tal-impriżi ta’ dan is-settur u toħloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp tagħhom,

- tiffavorixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari bl-iskambju ta' prattiċi tajbin;

- u tiżviluppa approċċ integrat tat-turiżmu billi tiżgura li dan is-settur jitqies fil-politiki l-oħra tagħha.

Dan il-qafas legali ġdid huwa opportunità reali għat-tlestija tal-azzjonijiet b’valur miżjud Ewropew għoli u li jqisu t-tħassib tat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi. Dawn l-azzjonijiet huma maħsuba biex jibbenefikaw lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, għaliex kull wieħed minnhom għandu, għalkemm fi gradi differenti, interess li jiżviluppa l-potenzjal turistiku tiegħu.

3. Sfidi u opportunitajiet għall-industrija tat-turiżmu ewropew

It-turiżmu Ewropew qiegħed jiffaċċja sfidi ewlenin li huma wkoll opportunitajiet li għandhom jittieħdu. Minn naħa, l-industrija għandha tadatta għall-evoluzzjonijiet tas-soċjetà li sejrin jinfluwenzaw id-domanda turistika, u min-naħa l-oħra, hija għandha tiffaċċja r-restrizzjonijiet imposti mill-istruttura attwali tas-settur, l-ispeċifitajiet tiegħu u l-kuntest ekonomiku u soċjali tiegħu.

It-turiżmu Ewropew dan l-aħħar għadda minn sitwazzjoni ekonomika diffiċli li aggravat minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjöll.

L-ewwel nett, il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li ilha taffettwa l-ekonomiji kollha mill-2008, kellha effetti sinifikanti fuq id-domanda tas-servizzi turistiċi. Għalkemm komplew jivvjaġġaw, l-Ewropej adattaw l-imġiba tagħhom għaċ-ċirkostanzi, b’mod partikolari billi għażlu destinazzjonijiet aktar fil-qrib, billi naqqsu t-tul ta’ żmien barra minn pajjiżhom jew l-ispejjeż tagħhom fil-post[8]. Għalhekk, l-attività turistika fl-Ewropa naqqset b’madwar 5,6 % fl-2009. Din iċ-ċifra globali taħbi disparitajiet kbar : ċerti reġjuni, l-aktar l-Ewropa tal-Lvant jew tat-Tramuntana, ġew affettwati ħafna u rreġistraw tnaqqis nett tal-għadd ta’ turisti, sa 8 %. Din il-kriżi sejra ddum u l-prospetti ta’ tkabbir tal-attività turistika għadhom dgħajfa. Għalhekk, filwaqt li l-istimi tad-WTO jbassru żieda fil-wasliet ta’ turisti internazzjonali mill-2010, jidher li l-irkupru ser idum aktar fl-Ewropa milli fir-reġjuni l-oħra tad-dinja, bħall-Asja.

Din is-sitwazzjoni aggravat bil-waqfien tat-traffiku tal-ajru matul ix-xhur ta’ April u Mejju 2010, minħabba l-preżenza tas-sħab ta’ rmied volkaniku. Għalkemm huwa diffiċli li wieħed jevalwa l-ħsara, ċerti stimi jindikaw aktar minn 2 miljuni daħliet ta' turisti internazzjonali mħassra u spiża diretta għall-operaturi turistiċi ta' kważi biljun euro. Huwa xieraq li wieħed iżid it-telf għas-settur tal-lukandi u ta’ attivitajiet oħra marbuta mat-turiżmu, li bilkemm ġew ikkumpensati mill-benefiċċji magħmula minn ċerti servizzi, bħal m’huma l-kiri ta’ karozzi jew it-trasport bit-taxi. Il-konsegwenzi ta’ din is-sospensjoni tat-titjiriet kif ukoll xi possibbiltajiet ta' azzjoni ġew eżaminati waqt il-vidjokonferenza organizzata mill-Kummissjoni Ewropea mal-ministri u s-segretarji tal-Istat tat-turiżmu fit-28 ta' April 2010 biex jiġi evalwat l-impatt tal-kriżi “volkanika” fuq it-turiżmu.

Din is-sitwazzjoni teħtieġ adattament tas-settur għal restrizzjonijiet ġodda. Fil-fatt, illum, bosta fatturi jaffettwaw l-iżvilupp tal-attività turistika fl-Ewropa.

Bħal kwalunkwe settur ekonomiku ieħor, l-industrija tat-turiżmu qiegħda tiffaċċja kompetizzjoni dinjija li qiegħda tikber, minħabba li l-pajjiżi emerġenti jew li qegħdin jiżviluppaw qegħdin jiġbdu numru dejjem jiżdied ta’ turisti. Minħabba din il-kompetizzjoni, l-Ewropa għandha tipproponi offerta turistika sostenibbli u ta’ kwalità filwaqt li tiffoka fuq il-vantaġġi komparattivi tagħha, b’mod partikolari d-diversità tal-pajsaġġi tagħha u l-ġid kulturali straordinarju tagħha[9]. Hija għandha wkoll issaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi li l-popolazzjoni tagħhom tista’ tkun sors ta’ viżitaturi għad-destinazzjonijiet Ewropej, waqt li l-livell tal-ħajja tagħha tkun qiegħda titjieb.

Sfida kbira oħra ġejja mill-evoluzzjonijiet demografiċi osservati fl-Ewropa kif ukoll l-imġibiet jew stenniji ġodda tat-turisti li jirriżultaw minnhom. Dawn it-tibdiliet jeħtieġu adattament malajr mill-industrija biex tkun tista’ żżomm il-livell ta’ kompetittività tagħha. B’mod partikolari, l-għadd ta’ persuni ta’ aktar minn 65 sena huwa mistenni li jilħaq 20 % tal-popolazzjoni fl-2020. Din il-parti tal-popolazzjoni, magħmula minn individwi li għandhom kemm is-saħħa tax-xerrej kif ukoll il-ħin liberu, tirrappreżenta potenzjal importanti ħafna f’termini ta’ suq, iżda tirrikjedi wkoll adattament tas-settur biex jindirizza dawn il-karatteristiċi partikolari. L-istess japplika biex jintlaqa' n-numru dejjem jikber ta’ turisti b’mobilità mnaqqsa (dan l-aħħar stmat għal 127 miljun persuna) li għandhom ħtiġijiet speċifiċi li għandhom jiddaħħlu fl-offerta tas-servizzi turistiċi.

Sfidi strutturali oħra għandhom jiddaħħlu bis-sħiħ fil-politika turistika. Għalhekk, l-offerta turistika issa għandha tqis ir-restrizzjonijiet marbuta mal-bidla fil-klima kif ukoll ir-rarità tar-riżorsa ta' ilma u enerġija, il-pressjoni fuq il-bijodiversità u wkoll ir-riskji li jgħaddi minnhom il-wirt kulturali minħabba t-turiżmu tal-massa. L-impriżi tat-turiżmu għandhom inaqqsu l-użu tagħhom ta’ ilma tax-xorb f’każ ta’ riskju ta’ nixfa, inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gass li jikkawża l-effett serra u jnaqqsu l-marka ambjentali tagħhom.

Fis-snin li ġejjin, hemm il-possibbiltà li l-bidliet fil-kundizzjonijiet tal-klima tal-Ewropa jiddeterminaw ristrutturar tal-mudelli tal-ivvjaġġar u jaffettwaw xi destinazzjonijiet. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-kopertura tal-borra fir-reġjuni tal-muntanji tal-Ewropa jista’ jwassal għal tnaqqis irreversibbli tat-turiżmu tax-xitwa. Fl-istess ħin, iż-żieda fil-livell tal-baħar tista' twassal għal bidla tat-turiżmu fiż-żoni kostali. Il-politika Ewropea kif ukoll il-politiki nazzjonali tat-turiżmu sejrin ikollhom iqisu dawn il-bidliet strutturali kollha, kemm permezz ta’ miżuri biex jikkumpensaw għall-qgħad strutturali, izda wkoll billi jiżguraw tqassim effikaċi tal-investimenti marbuta mat-turiżmu.

L-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) u l-użu tagħhom dejjem aktar frekwenti mill-konsumaturi wkoll bidlu ħafna r-relazzjoni bejn l-industrija tat-turiżmu u l-klijenti tagħha. L-evalwazzjoni tal-livell ta’ sensibilizzazzjoni, tal-aċċess u tal-użu ta’ dawn is-servizzi mill-atturi diversi kkonċernati wriet li dawn jagħmlu użu differenti tal-ICT, minħabba fatturi bħal m’huma il-kompetenza bażika tagħhom, id-daqs tagħhom u l-pożizzjoni relattiva tagħhom fil-katina turistika.

Fir-rigward ta’ dawn l-isfidi u opportunitajiet kollha, l-impriżi tas-settur, b‘mod partikolari l-SMEs, mhux dejjem ikunu jistgħu jadattaw ruħhom malajr, meta jitqiesu r-riżorsi finanzjarji limitati tagħhom u n-nuqqas ta' kwalifiki tal-impjegati tagħhom.

Fl-aħħar nett, ma’ dawn jiżdiedu sfidi speċifiċi determinati mill-karatteristiċi partikolari tas-settur tat-turiżmu Ewropew. Dawn l-isfidi huma marbuta, minn naħa, mal-mudelli ta’ konsum, b’mod partikolari t-tqassim fl-istaġuni u ċ-ċaqliq turistiku, u min-naħa l-oħra, mal-mudelli ta’ produzzjoni, jiġifieri l-katina ta’ valuri u d-destinazzjonijiet turistiċi. Bħalissa, id-domanda turistika hija kkonċentrata ħafna fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu. Din l-istaġjonalità mhux biss għandha effett fuq il-flussi ta’ dħul, iżda twassal ukoll għal użu mhux ottimali tal-infrastrutturi eżistenti u tal-persunal.

4. Objettivi ambizzjużi għal qafas ġDID TA’ AZZJONI

Minħabba l-kriżi u r-restrizzjonijiet li huma aktar u aktar ta’ piż fuq l-attività tiegħu, it-turiżmu Ewropew għandu jevolvi. Din il-ħtieġa tirrikjedi adattamenti fil-livelli kollha. L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għal dan u tiffavorixxi politika proattiva biex tħaffef it-tkabbir u toħloq il-kundizzjonijiet ta’ ġibda mizjuda.

B’mod konformi mat-Trattat ta’ Lisbona, l-għan ewlieni tal-politika Ewropea tat-turiżmu huwa li tistimola l-kompetittività tas-settur, filwaqt li wieħed ikun konxju tal-fatt li, fuq perjodu ta’ żmien twil, il-kompetittività hija strettament marbuta mal-karattru “sostenibbli” tal-mod ta’ żvilupp tagħha. Dan l-għan huwa marbut b’mod ċar mal-istrateġija ekonomika ġdida tal-Unjoni, “Ewropa 2020”, u speċjalment mal-inizjattiva ewlenija “Il-politika industrijali fiż-żmien tal-globalizzazzjoni”. Barra minn hekk, it-turiżmu jista’ wkoll jikkontribwixxi għal inizjattivi ewlenin oħra bħal m’huma “Unjoni għall-innovazzjoni”, “Aġenda diġitali għall-Ewropa”[10] u “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ politika aktar attiva tat-turiżmu, ibbażata l-aktar fuq l-eżerċiżżju sħiħ tal-libertajiet garantiti mit-Trattati, jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv għat-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku.

Fil-fatt, il-qafas ta’ azzjoni Ewropew qabel kollox għandu l-għan li jiffavorixxi l-prosperità tat-turiżmu fl-Ewropa. Iżda għandu wkoll jindirizza tħassib soċjali, ta’ koeżjoni territorjali u ta’ ħarsien u valorizzazzjoni tal-wirt naturali u kulturali. Barra minn hekk, għandu jippermetti lis-settur isaħħaħ l-elastiċità tiegħu fir-rigward tal-impatti tal-bidla fil-klima kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jikkumpensa għall-bidliet strutturali li t-turiżmu jista’ jwassal għalihom. B’mod indirett, it-turiżmu jikkontribwixxi wkoll biex isaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza Ewropea billi jiffavorixxi l-kuntatti u l-iskambji bejn iċ-ċittadini, lil hinn mid-differenzi fil-lingwa, fil-kultura jew fir-tradizzjoni. Huwa wkoll importanti f'dan il-kuntest li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom meta jiċċaqalqu ġewwa jew 'il barra mill-Unjoni Ewropea: huma għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ ċittadini Ewropej bl-istess faċilità bħal f'pajjiżhom. Il-Kummissjoni sejra tipproponi soluzzjonijiet biex telimina kemm tista’ l-ostakoli li ċ-ċittadini Ewropej jiltaqgħu magħhom meta jippruvaw jieħdu xi servizzi tat-turiżmu ‘l barra minn pajjiżhom.

Dawn l-eżiġenzi għal politika Ewropea ambizzjuża ġew rikonoxxuti waqt il-laqgħa ministerjali informali dwar it-turiżmu organizzat fuq inizjattiva tal-presidenza Spanjola tal-Kunsill fil-15 ta’ April 2010. Wara l-konferenza ta’ livell għoli dwar it-turiżmu Ewropew, li saret f’Madrid fl-14 ta’ April 2010, “Assemblea Leġiżlattiva” reali tat-turiżmu Ewropew, din il-laqgħa ministerjali informali kienet pass deċiżiv għall-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri kollha għal settur turistiku kompetittiv, sostenibbli, modern u soċjalment responsabbli. Għalhekk, il-ministri tal-UE sostnew id-“Dikjarazzjoni ta’ Madrid” li tistabbilixxi serje ta’ rakkomandazzjonijiet rigward l-implimentazzjoni ta’ politika Ewropea konsolidata tat-turiżmu, tinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività sostenibbli ta’ dan is-settur u tagħraf il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE favur it-turiżmu, li ttemm b’mod utli l-azzjoni tal-Istati Membri permezz ta’ approċċ integrat tat-turiżmu.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-azzjonijiet favur it-turiżmu jistgħu jinġabru f’erba’ fusijiet:

1. tiġi stimolata l-kompetittività tas-settur turistiku fl-Ewropa;

2. jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta’ kwalità;

3. tiġi konsolidata d-dehra u l-viżibbiltà tal-Ewropa bħala grupp ta’ destinazzjonijiet sostenibbli u ta’ kwalità;

4. jintlaħaq il-potenzjal massimu tal-politiki u l-għodod finanzjarji tal-UE għall-iżvilupp tat-turiżmu.

Dawn l-erba’ fusijiet jiffurmaw il-bażi tal-qafas ġdid ta’ azzjoni għat-turiżmu li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni timplimenta b’kollaborazzjoni stretta mal-Istati Membri u l-atturi ewlenin tal-industrija tat-turiżmu.

5. Qafas ġDID TA’ AZZJONI LI JKUN JISTA’ JILQA’ L-ISFIDI

B’mod konformi mal-għanijiet imsemmijin hawn fuq, u wara li qieset bis-sħiħ il-qafas istituzzjonali ġdid ipprovdut mit-Trattat ta' Lisbona, il-Kummissjoni Ewropea hija konvinta li jistgħu jitwettqu għadd ta’ azzjonijiet ta’ dimensjoni Ewropea jew plurinazzjonali, filwaqt li jiġi rispettat il-principju tas-sussidjarjetà stabbilit fit-Trattat u l-ħiliet tal-Istati Membri fir-rigward it-turiżmu.

5.1. Titħeġġeġ il-kompetittività tas-settur turistiku fl-Ewropa

It-titjib tal-kompetittività tat-turiżmu fl-UE għandu rwol kruċjali għat-tisħiħ tas-settur lejn tkabbir dinamiku u sostenibbli. Biex jintlaħaq dan il-għan, għandha tiġi żviluppata l-innovazzjoni fit-turiżmu, tissaħħaħ il-kwalità tal-offerta fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, jitjiebu l-ħiliet professjonali fis-settur, nippruvaw nikkumpensaw għall-istaġjonalità tad-domanda, tiġi diversifikata l-offerta turistika, u fl-aħħar nett, nikkontribwixxu għat-titjib tad-dejta statistika u tal-analiżi li jirrigwardjaw it-turiżmu. Is-settur turistiku għandu potenzjal kbir ta’ żvilupp tal-attività intraprenditorjali, billi maġġoranza kbira ħafna ta’ impriżi turistiċi huma magħmula minn impriżi żgħar u medji (SMEs). Barra minn hekk, huwa għandu sinerġiji importanti max-xogħol tas-sengħa u l-professjonijiet tal-arti li jistgħu jikkontribwixxu għaż-żamma tal-wirt kulturali kif ukoll għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali.

Il-promozzjoni ta’ diversifikazzjoni tal-offerta turistika

L-Unjoni Ewropea tista’ tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-offerta billi tħeġġeġ il-flussi intra-Ewropej permezz tal-valorizzazzjoni tal-prodotti turistiċi tematiċi fuq skala Ewropea. Fil-fatt, is-sinerġiji transnazzjonali jistgħu jiffavorixxu promozzjoni aħjar u viżibbiltà turistika miżjuda. B’hekk jistgħu jinkludu l-wirt kollu fid-diversità kollha tiegħu: il-wirt kulturali (inklużi r-rotot kulturali), il-kreazzjoni kulturali kontemporanja, is-siti naturali protetti, it-turiżmu tal-benesseri u tas-saħħa (inkluż it-turiżmu fl-ispas), it-turiżmu tal-edukazzjoni, it-turiżmu enogastronomiku, storiku, sportiv jew reliġjuż, l-agrituriżmu, it-turiżmu rurali, jew it-turiżmu li jivvalorizza l-wirt marittimu u kulturali ta’ taħt l-ilma kif ukoll il-wirt industrijali jew l-istruttura ekonomika ta’ reġjun.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni diġà bdiet kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tat-turiżmu kulturali sabiex jiġi evalwat aħjar l-impatt fuqu u tiġi żgurata viżibbiltà aħjar tiegħu. Inizjattivi transkonfinali oħra nbdew f’dawn l-aħħar snin, bħal rotot Ewropej għaċ-ċikliżmu jew rotot ta’ pelleġrinaġġ, bħal m’huma il-“Via Francigena” jew it-triq ta’ Santiago de Compostela. Il-Kummissjoni taħseb li bosta minn dawn l-inizjattivi xieraq li jiġu rikonoxxuti u li jibbenefikaw minn leġittimità Ewropea li tiggarantixxi n-natura transnazzjonali tagħhom. Dan ir-rikonoxximent tal-vokazzjoni Ewropea tagħhom jista’ joħloq l-istess dinamiċi bħal dawk tal-esperiment b’suċċess tal-“Kapitali Ewropej tal-Kultura” li jaġixxu bħala katalizzatur għall-iżvilupp lokali u t-turiżmu billi jimplimentaw kull sena programm kulturali ambizzjuż u attraenti fuq skala Ewropea[11]. Dan l-esperiment jista’ wkoll jiġi estiż għar-reġjuni li huma parti min-netwerk “Natura 2000”, li jkopru aktar minn 17 % tat-territorju Ewropew u huma żoni ta’ interess għat-turiżmu, sakemm jiġu rispettati l-prinċipji ta’ konservazzjoni tal-ambjenti naturali kkonċernati.

AZZJONIJIET PREVISTI: L-iżvilupp ta’ strateġija koerenti għall-promozzjoni diversifikata tal-offerta turistika u l-valorizzazzjoni aħjar tal-wirt komuni tal-Ewropa, li ser jiddependi l-aktar fuq it-“ċertifikat tal-patrimonju Ewropew” kif ukoll fuq azzjonijiet oħra bħal pereżempju l-Jiem Ewropej tal-Wirt u l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali. It-tħeġġiġ tal-integrazzjoni fl-istrateġiji turistiċi tal-wirt “naturali” li ser jibbenefika wkoll mill-inizjattivi ta’ ċertifikazzjoni. |

5. L-iżvilupp tal-innovazzjoni fl-industrija turisika

L-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni saru determinanti għall-kompetittività tal-industrija tat-turiżmu u biex jissaħħu l-iskambji ma’ setturi oħra li huma marbuta magħha. L-użu tagħhom mill-atturi pubbliċi u privati tat-turiżmu, b’mod partikolari mill-SMEs, għandu jiġi msaħħaħ permezz ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ sħubija u użu xieraq tal-programmi nazzjonali u Ewropej diversi. Huwa wkoll meħtieġ li titħaffef l-integrazzjoni tal-għodod u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-attivitajiet turistiċi kollha, b’mod partikolari dawk li jitwettqu mill-SMEs, u li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-atturi tat-turiżmu diversi għall-għodod finanzjarji rilevanti.

AZZJONIJIET PREVISTI: Il-Kummissjoni sejra tniedi pjattaforma “ICT u Turiżmu”, magħmula mill-partijiet interessati biex tiffaċilita l-adattament tas-settur turistiku u tal-impriżi tiegħu għall-evoluzzjonijiet tas-suq tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u biex titjieb il-kompetittività tagħhom billi jittieħed vantaġġ sħiħ mis-sinerġiji possibbli bejn iż-żewġ setturi. Waqt it-tħejjija tal-komunikazzjoni futura tagħha dwar il-kummerċ elettroniku fis-suq intern, li sejra tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, il-Kummissjoni sejra teżamina l-possibbiltajiet li tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-settur turistiku f’dan il-kuntest. |

6. It-titjib tal-ħiliet professjonali

Il-modernizzazzjoni tal-attività turistika għandha ssir flimkien ma’ intensifikazzjoni tal-isforzi biex jitjiebu l-ħiliet professjonali tal-ħaddiema ta’ dan is-settur, b’mod partikolari sabiex jiġi ffaċilitat l-adattament tagħhom għat-teknoloġiji ġodda u għall-istenniji ġodda tas-suq, pereżempju fir-rigward tas-saħħa u tal-benesseri u sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità tagħhom. F’dan ir-rigward, dawn l-isforzi sejrin jiġu inklużi fil-qafas tal-istrateġija “Ewropa 2020”, b’mod partikolari tal-inizjattiva ewlenija “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”.

AZZJONIJIET PREVISTI: Għas-sostenn tat-taħriġ fis-settur turisitku, il-Kummissjoni sejra tipprova tippromwovi l-possibbiltajiet tal-programmi differenti tal-UE, bħal pereżempju Leonardo jew il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) bit-taqsimiet tiegħu “Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ” kif ukoll “E-skills għall-Innovazzjoni”. |

7. It-tħeġġiġ ta’ titwil tal-istaġun turistiku

L-użu aħjar tal-infrastrutturi turistiċi eżistenti u tal-persunal fl-istaġun mejjet jista’ jippermetti lill-impriżi jtejbu l-użu tal-infrastrutturi u l-produttività tagħhom billi jiddependu fuq xogħol tas-sengħa aktar stabbli u aktar motivat. L-ewwel pass f’dan ir-rigward diġà sar permezz tal-inizjattiva “CALYPSO”[12], li wasslet għal inventarju tal-prattika tajba eżistenti fl-Istati Membri.

AZZJONIJIET PREVISTI: Jiġi ffaċilitat mekkaniżmu ta’ skambi turistiċi proattivi bejn l-Istati Membri[13], li jippermettu b’mod partikolari lil ċerti gruppi ewlenin, bħal pereżempju ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b’mobilità mnaqqsa u l-familji bi dħul baxx, li jivvjaġġaw l-aktar matul l-istaġun mejjet. L-iżvilupp ta’ mekkaniżmu proattiv ta’ skambju ta’ informazzjoni online għal koordinazzjoni aħjar tal-vaganzi tal-iskola bejn l-Istati Membri, mingħajr ħsara għat-tradizzjonijiet kulturali tal-Istati Membri. |

8. Tiġi kkonsolidata l-bażi ta’ għarfien soċjoekonomiku tat-turiżmu

Biex tissaħħaħ il-kompetittività ta’ dan is-settur, il-Kummissjoni temmen li huwa importanti ħafna li jkun hemm, fuq livell Ewropew, bażi ta’ għarfien soċjoekonomiku aħjar fuq it-turiżmu kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet tiegħu mal-ambjent. F’dan ir-rigward, ir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva 95/57/KE dwar il-ġbir tal-informazzjoni statistika fil-qasam tat-turiżmu hija pass importanti, għaliex din sejra tqis l-evoluzzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa u l-ħtiġijiet tal-utenti.

Madankollu, wieħed għandu jagħmel pass aktar ‘il quddiem u jħeġġeġ il-kooperazzjoni fuq livell Ewropew bejn l-Istati Membri, id-destinazzjonijiet, ir-rappreżentanti tal-industrija u l-atturi privati u pubbliċi, sabiex tiġi kkonsolidata d-dejta statistika u l-analiżijiet ta' dan is-settur. Għal dan, filwaqt li jinżamm ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-attività statistika fuq livell Ewropew mogħti lil Eurostat, il-Kummissjoni temmen li jinħtieġ li jiġu żviluppati netwerks ta’ għarfien bejn istituti ta’ riċerka, universitajiet, osservatorji pubbliċi u privati, b’kooperazzjoni stretta mal-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, l-uffiċċji ta’ turiżmu nazzjonali l-istituzzjonijiet statistiċi u atturi oħra. Il-koordinazzjoni u l-iżvilupp tar-riċerka fil-qasam tat-turiżmu fuq skala Ewropea huma neċessità għal approċċ aktar integrat u għal sinerġiji akbar. Din issir ukoll permezz tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali, bħall-OECD jew id-WTO.

AZZJONIJIET PREVISTI: Fil-qafas tal-komunikazzjoni annwali tagħha bit-titlu “Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur”, il-Kummissjoni sejra tiżgura monitoraġġ tas-suq billi tkejjel is-sodisfazzjon tal-konsumaturi Ewropej rigward diversi servizzi turistiċi (trasport, kiri, akkomodazzjoni, vjaġġi, vaganzi u pakketti ta’ vvjaġġar). Il-Kummissjoni, f’perjodu ta’ żmien qasir, sejra tiżviluppa proġett pilota bl-għan li joħloq netwerk tal-istituti ta' riċerka, l-universitajiet, l-osservatorji pubbliċi u privati, l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali u l-uffiċċji ta' turiżmu nazzjonali. F’perjodu ta’ żmien medju, fuq il-bażi tar-riżultati tal-proġett pilota, il-Kummissjoni sejra tħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ “Osservatorju virtwali tat-turiżmu” biex issostni u tikkoordina fin-netwerk l-attivitajiet ta’ riċerka tal-istituti nazzjonali ta’ riċerka differenti u tipprovdi dejta soċjoekonomika dwar it-turiżmu fuq livell Ewropew. |

9. 5.2. Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta’ kwalità

Il-kompetittività tat-turiżmu hija marbuta b’mod strett man-natura sostenibbli tiegħu, għaliex il-kwalità tad-destinazzjonijiet turistiċi tiddependi ħafna fuq l-ambjent naturali u kulturali tagħhom u fuq l-integrazzjoni tagħhom f’komunità lokali. In-natura sostenibbli tat-turiżmu tkopri bosta aspetti: l-użu responsabbli tar-riżorsi naturali, il-konsiderazzjoni tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet (il-produzzjoni ta’ skart, il-pressjoni fuq l-ilma, il-ħamrija u l-bijodiversità, eċċ.), l-użu ta’ enerġiji “nodfa”, il-ħarsien tal-wirt u ż-żamma tal-integrità naturali u kulturali tad-destinazzjonijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-impjiegi ġġenerati, l-impatt ekonomiku lokali jew il-kwalità tal-akkoljenza. Dawn il-prinċipji huma riflessi sew fl-istrateġiji turistiċi stabbiliti fuq livell nazzjonali u reġjonali, anke jekk ma jwasslux biżżejjed għal azzjonijiet konkreti.

Fuq livell tal-UE, il-Kummissjoni stabbilixxiet bosta għodod biex tiffaċilita ġestjoni ambjentali b’saħħitha għall-impriżi, bħal pereżempju t-tikketta ekoloġika Ewropea (l-ekotikketta UE) jew l-Iskema għall-Ekommaniġġjar u l-Verifika (EMAS). Madankollu, ir-reazzjoni tal-impriżi turistiċi għat-tħassib ta’ sostenibbiltà kienet varjata ħafna madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll lill-Istati Membri dokumenti li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali Ewropea, kemm għall-proġetti individwali kif ukoll għall-ippjanar strateġiku[14].

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sejra tkun tista’ tiddependi fuq l-inizjattiva implimentata b’kooperazzjoni man-netwerk tar-reġjuni Ewropej kompetittivi u sostenibbli, NECSTouR, u fuq in-netwerk tad-destinazzjonijiet EDEN, għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tad-destinazzjonijiet. Din il-prattika għandha tiġi estiża sabiex tippermetti l-valorizzazzjoni tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej li jadottaw prattiċi effikaċi biex jippromwovu s-sostenibbiltà tat-turiżmu. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li jitħeġġu l-inizjattivi li jippromwovu ġestjoni responsabbli tar-riżorsi (l-enerġija, l-ilma, il-materja prima, eċċ.) u li jiggarantixxu l-kundizzjonijiet ottimali ta’ servizz u ta’ sigurtà, b’mod partikolari għall-akkoljenza tal-anzjani u tal-persuni b’mobilità mnaqqsa.

AZZJONIJIET PREVISTI: L-iżvilupp, fuq il-bażi tan-NECSTouR u tal-EDEN, ta’ sistema ta’ indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tad-destinazzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ din is-sistema ta’ indikaturi, il-Kummissjoni sejra tfassal tikketta għall-promozzjoni tad-destinazzjonijiet turistiċi. L-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għat-turisti Ewropej dwar l-għażla tad-destinazzjonijiet u l-mezzi ta’ trasport, ir-relazzjonijiet tagħhom mal-popolazzjoni lokali tad-destinazzjonijiet li jkunu żaru, il-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal u tan-nisa. L-iżvilupp ta’ marka Ewropea “Turiżmu ta’ Kwalità”, fuq il-bażi tal-esperjenzi nazzjonali eżistenti, biex tiżdied is-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodott turistiku u jiġu premjati l-passi stretti meħuda mill-professjonisti tat-turiżmu li l-għan tagħhom huwa l-kwalità tas-servizzi turistiċi għas-sodisfazzjon tal-klijent. Tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni mill-industrija tat-turiżmu Ewropew tar-riskji marbuta mal-bidliet fil-klima, sabiex jiġu evitati investimenti b’telf u jiġu eżaminati l-possibbiltajiet għall-iżvilupp ta’ offerti turistiċi alternattivi. Tiġi proposta Karta tat-turiżmu sostenibbli u responsabbli u jiġi stabbilit premju Ewropew għall-impriżi turistiċi u d-destinazzjonijiet li jirrispettaw il-valuri mniżżla fil-Karta. Tiġi proposta strateġija għal turiżmu kostali u marittimu sostenibbli. Tiġi stabbilita jew imsaħħa l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ewlenin emerġenti (iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Brażil) u l-pajjiżi tal-Mediterran, għall-promozzjoni ta’ mudelli ta’ żvilupp turistiku sostenibbli u responsabbli u għall-iskambju tal-aħjar prattika. |

10. 5.3. Tiġi konsolidata d-dehra u l-viżibbiltà tal-Ewropa bħala grupp ta’ destinazzjonijiet turistiċi sostenibbli u ta’ kwalità

Id-dehra u l-perċezzjoni tal-Ewropa bħala grupp ta’ destinazzjonijiet turistiċi huma aspetti marbuta b’mod strett mal-kompetittività tat-turiżmu[15]. Meta titqies l-intensità tal-kompetizzjoni dinjija, iżda wkoll il-potenzjal li jirrappreżentaw bosta pajjiżi terzi bħala pajjiżi emittenti għat-turiżmu lejn l-Ewropa, huwa essenzjali li jitwettqu azzjonijiet bl-għan li jistimolaw id-domanda turistika għall-Ewropa. Inizjattiva importanti ta’ promozzjoni tal-Ewropa lejn il-pajjiżi terzi diġà teżisti permezz tal-portal tal-internet “visiteurope.com”, li huwa amministrat mill-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu (CET) u mniedi fl-2006, bis-sostenn tal-Kummissjoni Ewropea.

Id-dehra tal-Ewropa u l-perċezzjoni tagħha bħala grupp ta’ destinazzjonjiet turistiċi sostenibbli u ta’ kwalità għandha titjieb. It-tisħiħ tal-ġibda tad-destinazzjonijiet Ewropej u l-aħjar viżibbiltà tagħhom għandhom iwasslu għal impatti ekonomiċi kbar permezz tal-istimolazzjoni tal-wasliet ta’ turisti mhux Ewropej, iżda wkoll permezz ta’ interess akbar tal-Ewropej biex jivvjaġġaw fil-kontinent tagħhom stess.

Bl-għan li teżamina l-aħjar modi ta' preżentazzjoni komuni tal-offerta turistika Ewropea, il-Kummissjoni temmen li huwa meħtieġ li tiġi promossa din id-dehra fis-swieq dinjija, b'mod partikolari f’ċerti pajjiżi terzi (pereżempju l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja u l-Brażil), permezz ta’ inizjattivi konġunti mal-Istati Membri u l-industrija Ewropea.

Għal dan il-għan, huwa xieraq li jiġu eżaminati bosta possibbiltajiet sabiex jiġu vvalorizzati u jingħataw viżibbiltà il-prodotti tematiċi diversi f'dimensjoni Ewropea jew plurinazzjonali, b'mod partikolari fil-fieri jew esibizzjonijiet turistiċi kbar, jew tiġi mħeġġa valorizzazzjoni aħjar tal-avvenimenti kulturali u sportivi kbar, bħal pereżempju l-“Kapitali Ewropej tal-Kultura”, il-“Jiem Ewropej tal-Wirt”, il-Logħob Olimpiku jew l-esibizzjonijiet universali, li huma kollha għodod potenzjali biex jiżdied l-iżvilupp tat-turiżmu fl-Ewropa.

AZZJONIJIET PREVISTI: Tinħoloq, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, “marka tal-Ewropa” awtentika, biex tikkomplementa l-isforzi ta’ promozzjoni fuq livell nazzjonali u reġjonali u tippermetti aħjar lid-destinazzjonijiet Ewropej li jingħarfu mid-destinazzjonijiet internazzjonali l-oħra. Jiġi promoss il-portal “visiteurope.com” sabiex tikber il-ġibda tal-Ewropa bħala grupp ta’ destinazzjonijiet turistiċi sostenibbli u ta’ kwalità, b’mod partikolari mal-pajjiżi emerġenti. Jitħeġġu azzjonijiet komuni ta’ promozzjoni waqt avvenimenti internazzjonali kbar jew fil-fieri u esibizzjonijiet turistiċi kbar. Tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-fora internazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, tal-OECD, tat-T20 u tal-Euro-Med. |

11. 5.4. Jintlaħaq il-potenzjal massimu tal-politiki u l-għodod finanzjarji tal-UE għall-iżvilupp tat-turiżmu

Il-politika tat-turiżmu hija kkaratterizzata min-natura transversali tagħha. Għadd kbir ta’ politiki Ewropej oħra għandhom impatt dirett jew indirett fuq it-turiżmu. Dan jgħodd speċjalment għall-politika tat-trasport (mobbiltà sostenibbli, drittijiet u sigurtà tal-possiġġieri u kwalità tat-trasport), għall-kompetizzjoni (kwistjonijiet tal-konċentrazzjoni ta’ impriżi, b’mod partikolari fl-offerta turistika online, tal-integrazzjoni vertikali u tal-għajnuniet pubbliċi), għas-suq intern (libertà ta' stabbiliment u libertà li jiġu provduti servizzi relatati mat-turiżmu, il-promozzjoni tal-kwalità tas-servizzi, l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku), għat-tassazzjoni (ostakoli ta’ natura fiskali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, it-trattament fiskali tal-impriżi tas-settur bħal pereżempju l-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-faċilitajiet fiskali), għall-ħarsien tal-konsumaturi (drittijiet li jkollhom wara li jiffirmaw il-kuntratt, prattiċi kummerċjali mhux ġusti, bejgħ mill-bogħod), għall-ambjent, għall-impjiegi u għat-taħriġ, għall-kultura u anke għall-politika ta’ żvilupp reġjonali kif ukoll rurali.

Il-Kummissjoni hija determinata li tiżgura integrazzjoni aħjar tat-turiżmu fil-politiki diversi tagħha u li tkun attenta li l-applikazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ teħles il-potenzjal kollu ta' kompetittività ta' dan is-settur. Hija sejra żżid l-isforzi tagħha ta’ koordinazzjoni bejn il-politiki diversi kkonċernati bl-għan li tiffaċilita l-konsiderazzjoni sħiħa tal-interessi u l-ħtiġijiet tal-industrija tat-turiżmu waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tagħha.

Rigward il-politika tas-suq intern, is-settur tat-turiżmu issa għandu jibbenefika fis-sħiħ mill-integrazzjoni tas-suq Ewropew tas-servizzi. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern b’mod partikolari għandha twassal għal simplifikazzjoni sinifikattiva tal-proċeduri li japplikaw għal dawk li jagħtu servizz fis-settur tat-turiżmu u għall-eliminazzjoni tal-bosta ostakoli legali u amministrattivi li s’issa kienu qegħdin jillimitaw l-aċċess tagħhom għas-swieq differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza sostanzjali tat-turiżmu marittimu u kostali bħala katalizzatur tal-iżvilupp ekonomiku u għandha l-intenzjoni li twettaq azzjonijiet fil-qafas tal-Politika Marittima Integrata tal-UE biex tħeġġeġ l-iżvilupp tagħha. Id-diversifikazzjoni ekonomika lejn it-turiżmu tirrappreżenta prijorità għal ħafna żoni kostali, fejn it-tnaqqis ta’ attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-sajd u mal-bini tal-bastimenti, b’mod partikolari, wassal għal tnaqqis tad-dħul u għal żieda tal-qgħad. Din id-diversifikazzjoni hija sostnuta mill-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) fil-qafas ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali. Il-mod kif wieħed għandu jieħu vantaġġ mill-potenzjal tal-industrija nawtika u tan-navigazzjoni għar-rikreazzjoni għat-tkabbir ekonomiku tal-gżejjer u tar-reġjuni kostali u marittimi ser jiġi eżaminat ukoll.

Il-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE għandha wkoll importanza konsiderevoli għas-settur tat-turiżmu. Permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Kummissjoni tista’ ssostni, fost oħrajn, l-istabbiliment ta’ impriżi attivi fit-turiżmu rurali, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-agrituriżmu kif ukoll il-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali u naturali tar-reġjuni rurali, inklużi ż-żoni tal-muntanji.

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, il-Kummissjoni sejra tkompli tippromwovi u timmobilizza għodod u programmi Komunitarji ta' sostenn għall-benefiċċju tat-turiżmu. Fost dawn l-għodod, il-fondi strutturali Ewropej differenti (FEŻR, FSE), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) kif ukoll il-programm qafas ta’ riċerka u żvilupp jistgħu jkomplu jiffinanzjaw l-istabbiliment ta’ proġetti konkreti. Fl-aħħar nett, il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) għandu importanza partikolari għat-turiżmu minħabba li, mill-2008, qiegħed jintervjeni biex isostni l-ħolqien ta’ netwerks Ewropej għal turiżmu kompetittiv u sostenibbli. Għall-perjodu ta’ wara l-2013, il-possibbiltajiet ta’ sostenn għat-turiżmu mill-fondi Ewropej diversi, kif ukoll permezz tal-konsolidazzjoni tal-azzjonijiet ta’ tħejjija diġà eżistenti f’dan il-qasam, sejrin jiddependu mill-orjentazzjonijiet li sejrin jittieħdu fir-rigward tal-prijoritajiet tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea, meta jitqiesu r-restrizzjonijiet baġitarji.

L-evoluzzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u tal-ferrovija tirrappreżenta kisba importanti għat-turiżmu Ewropew grazzi għal qafas legali li jipproteġi lit-turisti li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet waqt il-vjaġġ tagħhom. L-għan tal-Kummissjoni huwa li l-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq il-baħar, bil-karozzi tal-linja u l-coaches ikunu jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet simili. Ir-reviżjoni li qiegħda ssir tad-Direttiva dwar il-vjaġġi, il-vaganzi u l-pakketti ta’ vvjaġġar hija wkoll element pożittiv biex isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fl-industrija turistika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sejra tkompli tikkoopera b’mod strett mal-Istati Membri, l-industrija turistika u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati tas-settur għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà fis-strutturi tal-akkomodazzjoni, fost oħrajn għall-aspetti relatati mar-riskji tan-nar.

Barra dan, konxja mill-importanza li qiegħda tikber tat-turiżmu għall-Ewropa, inkluż dak li ġej mill-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni sejra teżamina l-possibbiltajiet u għodod differenti, fil-qafas tal-politika tal-viżi u tal-qsim tal-fruntieri esterni, għall-użu ottimali tagħhom.

Sabiex tippermetti lit-turiżmu Ewropew ikompli jizviluppa b’mod kompetittiv u sostenibbli, b’mod konformi mal-istrateġija “Ewropa 2020” u mat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kummissjoni sejra teżamina l-mezzi biex jissaħħu l-azzjonijiet ta’ sostenn u ta’ koordinazzjoni favur it-turiżmu Ewropew.

6. Konklużjoni

Il-politika Ewropea tat-turiżmu teħtieġ spinta ġdida. Peress li qegħdin jiffaċċjaw sfidi li jirrikjedu reazzjonijiet konkreti u sforzi ta’ adattament, l-atturi tal-industrija tat-turiżmu Ewropew għandhom ikunu jistgħu jiġbru flimkien l-isforzi tagħhom u jaħdmu f’qafas politiku konsolidat li jqis il-prijoritajiet ġodda tal-UE. Filwaqt li jitqiesu l-ħiliet ġodda tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-turiżmu, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi qafas ambizzjuż biex it-turiżmu Ewropew isir industrija kompetittiva, moderna, sostenibbli u responsabbli. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana bosta inizjattivi konkreti biex tagħti lis-settur tat-turiżmu Ewropew il-mezzi li jadatta ruħu u li jiżviluppa. Dawn l-azzjonijiet jikkompletaw il-politiki tal-Istati Membri u għandhom l-għan li jikkoordinaw l-isforzi billi jiddeterminaw il-miżuri li jagħtu valur miżjud awtentiku Ewropew. Is-suċċess ta’ din l-istrateġija ser jiddependi fuq l-impenn tal-partijiet interessati kollha u fuq il-ħila tagħhom li jaħdmu flimkien għall-implimentazzjoni tagħha.

Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni sejra tkompli l-isforzi tagħha biex ikun hemm skambju ta’ opinjonijiet b’mod regolari, malajr u trasparenti mal-Istati Membri u l-industrija turistika dwar l-inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mat-turiżmu. Għal dan, hija sejra tibbaża ruħha l-aktar fuq il-Kumitat Konsultattiv dwar it-Turiżmu. Għalhekk, l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma stess sejrin ikunu jistgħu jinfurmaw b’mod regolari l-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali diversi dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni.

Dan il-qafas konsolidat huwa l-ewwel pass. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni sejra tkompli r-riflessjoni tagħha dwar l-inizjattivi li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-turiżmu minn issa sal-Forum Ewropew tat-Turiżmu f’Novembru 2010, li fl-okkażjoni tiegħu ser ikun jista’ jiġi diskuss pjan ta’ azzjoni aktar dettalljat mal-Istati Membri u l-atturi pubbliċi u privati tat-turiżmu Ewropew. Wara, hija sejra tipproċedi f’perjodu ta’ żmien medju għal valutazzjoni ta’ din l-istrateġija sabiex tevalwa s-suċċess tagħha u timxi ‘l quddiem.

[1] Fornituri tradizzjonali ta’ vjaġġi u ta’ servizzi turistiċi (lukandi, ristoranti, aġenziji tal-ivvjaġġar, kiri ta’ karozzi, kumpaniji tal-ajru b’ajruplani mikrija, coaches tat-turiżmu, bastimenti tal-kruċieri, eċċ.) li joffru oġġetti u servizzi direttament lill-viżitaturi.

[2] Studju dwar il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea, Settembru 2009 (ara http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/document.cfm?action=display&doc_id=5257&userservice_id=1&request.id=0 ).

[3] B’mod partikolari, is-setturi tad-distribuzzjoni, tal-bini, il-kumpaniji tat-trasport b’mod ġenerali (trasport tal-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar, karozzi tal-linja, eċċ.) kif ukoll is-settur kulturali (inklużi l-industriji kulturali u kreattivi).

[4] Barometru tad-WTO tat-Turiżmu Dinji, Volum 8, Jannar 2010.

[5] Eurostat, Statistics in Focus, 23/2009 (Balance of payments statistics).

[6] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv” COM(2007)621 finali, “Tiġdid tal-Politika tal-UE dwar it-Turiżmu: Lejn partenarjat aktar b’saħħtu għat-Turiżmu Ewropew” COM(2006)134 finali

[7] {0><}100{>http://ec.europa.eu/transport/passengers/index_en.htm

[8] B’mod globali fl-Ewropa, il-wasliet ta’ turisti internazzjonali naqqsu b’madwar 5,6 % fl-2009, iżda ċerti reġjuni, l-aktar tal-Ewropa tal-Lvant jew tat-Tramuntana, kellhom tnaqqis sa 8 %. (Barometru tad-WTO tat-Turiżmu Dinji, Volum 8, Jannar 2010).

[9] 300 mit-800 sit tal-wirt dinji tal-UNESCO jinsabu fl-UE.

[10] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġenda diġitali għall-Ewropa” COM(2010) 245

[11] Bħala medja, fil-perjodu 1995-2004, l-għadd ta' ljieli mqattgħin fl-ibliet li kienu rebħu t-titlu f’sena minnhom żdied bi 12 % meta mqabbel mas-sena ta' qabel.

[12] “CALYPSO” tirrappreżenta azzjoni ta’ tħejjija adottata mill-Parlament Ewropew fl-2008 għal perjodu ta’ tliet snin bl-għan li jitħeġġu s-sħubijiet, bejn is-setturi pubbliċi, privati u tal-ekonomija soċjali, bit-tħeġġiġ tal-Kummissjoni Ewropa, li għandha l-għan ewlieni l-iskambji aġġustati għal kull staġun ta’ turisti li jaqaw fl-erba’ gruppi mmirati (żgħażagħ, anzjani, persuni b’mobilità mnaqqsa u familji bi dħul baxx) tal-azzjoni Calypso, mill-inqas bejn żewġ Stati Membri u jew Pajjiżi kandidati.

[13] Il-prattika tajba eżistenti, b’mod partikolari dik li ġejja mill-Penisola Iberika, turi li s-settur pubbliku jista’ jiffinanzja mekkaniżmi ta’ dan it-tip, b’redditu fuq l-investiment pożittiv (ta’ aktar minn 1,5 euro għal kull euro minfuq), jekk wieħed iqis il-benefiċċji indotti li ġejjin mill-ħolqien ta’ impjiegi, l-opportunitajiet addizzjonali offruti lis-settur privat u d-dħul mit-taxxa ġġenerat miż-żieda ta’ attivitajiet. Dawn il-benefiċċji għandhom ukoll impatt pożittiv fil-pajjiż ta’ oriġini.

[14] {0><}100{>http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/index_en.htm

[15] Studju dwar il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea, Settembru 2009 (ara http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/document.cfm?action=display&doc_id=5257&userservice_id=1&request.id=0 ).

Top