EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0299

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tas-sistema ta' Dublin {SEG(2007) 742}

/* KUMM/2007/0299 finali */

52007DC0299




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 6.6.2007

KUMM(2007) 299 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-valutazzjoni tas-sistema ta' Dublin

{SEG(2007) 742}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-valutazzjoni tas-sistema ta' Dublin

1. Daħla

1.1. Is-sistema ta' Dublin

Is-"Sistema ta' Dublin" tara li tiddetermina liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil imressqa minn ċittadin ta' pajjiż terz fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri ta' l-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda[1].

Is-sistema tinkludi r-Regolament tal-Kunsill Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun determinat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil imressqa f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ir-Regolament ta' Dublin)[2] u r-Regolament ta' Implementazzjoni tiegħu[3] u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar it-twaqqif ta' l-'Eurodac' għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (ir-Regolament EURODAC)[4] u r-Regolament ta' Implementazzjoni tiegħu[5].

L-ambitu ta' applikazzjoni territorjali tas-sistema ta' Dublin twessa' biex jinkludi lill-Iżvizzera, permezz ta' ftehim internazzjonali, imma sa issa dan huwa applikabbli biss provviżorjament.

1.2. Ambitu u għanijiet tar-Rapport

Ir-Regolamenti ta' Dublin u l-EURODAC jeżiġu li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tagħhom wara tliet snin fis-seħħ u li tipproponi, fejn xieraq, l-emendi meħtieġa. Billi r-Regolament ta' l-EURODAC jistabbilixxi għodda għall-applikazzjoni effiċjenti tar-Regolament ta' Dublin, ġie deċiż li ż-żewġ valutazzjonijiet ikunu integrati flimkien f'rapport komprensiv wieħed.

Dan ir-rapport jara li ssir valutazzjoni ta' l-applikazzjoni taż-żewġ Regolamenti, mid-dħul fis-seħħ rispettiv tagħhom sa l-aħħar ta' l-2005 ("il-perjodu ta' referenza"). Minbarra dan, ir-rapport jipproponi wkoll li jivvaluta l-flussi fl-ambitu tas-sistema ta' Dublin u jqabbel ir-riżultati mal-popolazzjoni totali ta' dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri. Ir-rapport jinkludi żewġ dokumenti: Rapport li jippreżenta s-sejbiet ewlenin u l-konklużjonijiet ta' l-analiżi magħmula mis-servizzi tal-Kummissjoni, u dokument ta' ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni [6], li fih ikun hemm id-dettalji ta' din l-analiżi.

Ir-riżultati ta' dan ir-rapport jiġu inkorporati fil-proċess tal-valutazzjoni tal-politika ta' l-UE dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2006[7].

2. Applikazzjoni tas-sistema ta' dublin

2.1. Daħla

Skond ir- Regolament ta' Dublin , l-Istati Membri jridu jivvalutaw, fuq bażi ta' kriterji oġġettivi u ġerarkiċi, liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil imressqa fit-territorju tiegħu. Jekk wara l-analiżi ta' dawn il-kriterji jkun nominat Stat Membru ieħor bħala l-Istat responsabbli, huma jistgħu jiddeċiedu li jitolbu lil dan l-Istat biex "jassumi r-responsabbiltà" għal min ikun qed jitlob l-ażil u konsegwentement biex jeżamina l-applikazzjoni. Jekk dan l-Istat Membru l-ieħor jaċċetta din ir-responsabbiltà, l-ewwel Stat Membru għandu jittrasferixxi lil min ikun qed jitlob l-ażil lill-Istat Membru kompetenti.

Fil-każ li Stat Membru jkun diġà eżamina jew beda jeżamina applikazzjoni għall-ażil, dan l-Istat jista' jintalab "jieħu lura r-responsabbiltà" għal min qed jitlob l-ażil li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor mingħajr permess, sabiex ikompli jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil jew sabiex jieħu l-miżuri xierqa biex min ikun qed ifittex l-ażil jintbagħat lura lejn pajjiżu. Jekk l-imsemmi Stat Membru jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu, l-Istat Membru li fih ikun qed jgħix illegalment min qed jitlob l-ażil irid jittrasferixxi lil din jew dan lill-Istat Membru responsabbli.

Ir- Regolament EURODAC ħoloq għodda biex biha titħaffef l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin, permezz tar-reġistrazzjoni u t-tqabbil tal-marki tas-swaba' ta' dawk li jitolbu l-ażil. L-Istati Membri jridu jieħdu l-marki tas-swaba' taċ-ċittadini kollha ta' pajjiż terz li jkunu 'l fuq minn 14-il sena li japplikaw għall-ażil fit-territorju tagħhom jew li jinqabdu jaqsmu l-fruntiera esterna tagħhom klandestinament. Jistgħu wkoll jieħdu l-marki tas-swaba' ta' barranin li jinstabu joqogħdu fit-territorju tagħhom illegalment biex jivverifikaw jekk dawn ikunux applikawx għall-ażil (fit-territorju tagħhom jew f'dak ta' Stat Membru ieħor). Id-data li jiġbru jridu jibagħtuha mill-aktar fis lill-Unità Ċentrali ta' l-EURODAC, amministrata mill-Kummissjoni, u hemm din tiġi rreġistrata fid-database Ċentrali u titqabbel ma' data oħra li jkun hemm diġà maħżuna. Dan it-tqabbil jista' jipproduċi "hits", meta d-data mdaħħla tkun taqbel ma' dik li jkun hemm diġà maħżuna. Jekk mill-hits jirriżulta li min qed jitlob l-ażil ikun diġà applika jew jekk hu/hi jkun daħal/tkun daħlet klandestinament fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, l-Istati Membri flimkien jistgħu jaġixxu skond ir-Regolament ta' Dublin.

2.2. Ċifri u konklużjonijiet ġenerali

Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin, l-analiżi ta' l-istatistika pprovduta mill-Istati Membri nstab li kienet diffiċli ħafna. Kif imfisser b'mod aktar dettaljat fid-dokument ta' ħidma, waħda mill-problemi prinċipali hija n-nuqqas kbir ta' qbil bejn l-għadd ta' talbiet u deċiżjonijiet li kull Stat Membru jirrapporta li jkun irċieva mingħand Stati Membri oħra (id- data li tidħol) u l-għadd ta' talbiet u deċiżjonijiet li kull Stat Membru jirrapporta li jkun bagħat lill-Istati Membri l-oħra (id- data li toħroġ). Iż-żewġ settijiet ta' data bħala prinċipju għandhom ikunu l-istess, imma, minħabba l-interpretazzjonijiet differenti tad-definizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u n-nuqqas ta' kompletezza ta' ċerta data , iż-żewġ numri ma jaqblux. Sabiex tkun evitata l-konfużjoni, dan ir-Rapport jissejjes biss fuq id- data li toħroġ, filwaqt li fid-dokument ta' ħidma saret distinzjoni bejn id- data li tidħol, fuq naħa, u d- data li toħroġ fuq in-naħa l-oħra.

Din il-problema tenfasizza l-importanza ta' qafas statistiku li dwaru għandu jkun hemm qbil komuni fejn jidħlu l-oqsma ta' l-ażil u l-immigrazzjoni, ħaġa li, ladarba jkunu adottat ir-Regolament għall-istatistiċi Komunitarji dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali[8], se jikkontribwixxi għall-ksib tagħha.

[pic]

Skond id- data mibgħuta mill-Istati membri, ħarġu aktar minn 55,300 talba għal trasferiment (11.5% ta' l-għadd totali ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil – 589,499 – fl-Istati Membri kollha għall-istess perjodu).

Ġew aċċettati 72% tat-talbiet; fi kliem ieħor, f'40,180 każ Stat Membru ieħor aċċetta li jassumi r-responsabbiltà għal applikant għall-ażil.

Madankollu, 16,842 applikant għall-ażil biss ġew attwalment trasferiti mill-Istati Membri (aktar dettalji dwar din iċ-ċifra u x'tirrappreżenta bħala perċentwal ta' l-għadd totali ta' aċċettazzjonijiet huma mogħtija fid-dokument ta' ħidma). Il-kwistjoni dwar it-trasferimenti ta' l-applikanti għall-ażil tista', għalhekk, titqies bħala waħda mill-problemi ewlenin għall-applikazzjoni effiċjenti tas-sistema ta' Dublin.

Għal dak li jirrigwarda l-EURODAC, l-istatistika hija ferm aktar ta' min jorbot fuqha, għaliex id-data tforniet minn rapporti awtomatiċi mill-Unità Ċentrali. It-tabella ta' hawn taħt turi l-evoluzzjoni tat-tliet tipi ta' tranżazzjonijiet mibgħuta mill-Istati Membri lill-Unità Ċentrali EURODAC.

[pic]

Fil-perjodu ta' riferiment, intbagħtet b'suċċess data dwar 657,753 applikant għall-ażil ("tranżazzjonijiet fil-kategorija 1"). L-għadd ta' dawn it-tranżazzjonijiet naqas b'mod konsiderevoli (2003: 238,325; 2004: 232,205; 2005: 187 223). Dan it-tnaqqis jidher aktar sinifikanti meta jitqies li mill-1 ta' Mejju 2004, 10 Stati Membri ġodda bdew japplikaw ir-Regolament EURODAC u li dawn iċ-ċifri ma jinkludux biss l-applikazzjonijiet għall-ażil "ġodda" (imma wkoll l-applikazzjonijiet multipli). Dan jirrifletti t-tnaqqis ġenerali fl-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil osservat fl-UE matul dawn l-aħħar snin.

Fl-2005, meta d- data l-ġdida dwar l-applikanti għall-ażli titqabbel mad- data maħżuna dwar l-applikanti għall-ażil, instab li 16% tal-każi kienu "applikazzjonijiet multipli" , jiġifieri l-applikant għall-ażil kien tefa' applikazzjoni għall-ażil fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor.

Fl-istess perjodu ta' riferiment, kienet irreġistarata fid- database Ċentrali data dwar 48,657 ċittadin ta' pajjiżi terzi li nqabdu jaqsmu fruntiera esterna klandestinament ("tranżazzjonijiet fil-kategorija 2" ). Kull sena, l-għadd ta' dawn it-tranżazzjonijiet żdied b'mod konsiderevoli, imma għadu inkredibbilment baxx meta jitqiesu l-pressjonijiet migratorji irregolari b'saħħithom fuq il-fruntieri esterni ta' l-UE.

Ukoll għall-istess perjodu ta' riferiment, ġiet irreġistrata data dwar 101,884 ċittadin ta' pajjiżi terzi li nstabu jgħixu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru ("tranżazzjonijiet fil-kategorija 3") . Din iċ-ċifra ilha tiżdied kull sena u dan juri li jeżisti interess mill-Istati Membri li dejjem qed jikber biex jużaw dan it-tip ta' sorveljar.

2.3. Implimentazzjoni prattika u titjib possibbli

2.3.1. Applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin

Il-valutazzjoni wriet li r-Regolament ta' Dublin qiegħed, ġeneralment, jiġi applikat b'mod sodisfaċenti u li fil-fatt jipprovdi sistema effikaċi biex tkun determinata r-responsabbiltà għall-eżaminar ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil. Madankollu, ġew identifikati ċerti kwistjonijiet relatati ma' l-applikazzjoni tiegħu, li huma msemmija hawn taħt u li aktar dettalji dwarhom jidhru fid-dokument ta' ħidma.

Aċċess effetiv għall-proċeduri

Ir-Regolament ta' Dublin jgħabbi lill-Istat Membru li jkun assuma r-responsabbiltà bl-obbligu li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil. Filwaqt li l-parti l-kbira ta' l-Istati Membri jinterpretaw din id-dispożizzjoni b'mod korrett bħala obbligu biex tintgħamel valutazzjoni sħiħa tal-ħtiġiet ta' ħarsien lill-applikanti għall-ażil, fuq il-bażi tad-data għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, f'ċerti ċirkustanzi Stat Membru partikolari ma jwettaqx dan it-tip ta' valutazzjoni meta jieħu lura mingħand Stati Membri oħrajn lil dawk li jkunu qed jitolbu l-ażil.

Għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta' "eżami ta' applikazzjoni għall-ażil" kif definit fir-Regolament ta' Dublin għandu jkun interpretat, mingħajr ebda eċċezzjoni, bħala implikazzjoni tal-valutazzjoni dwar jekk l-applikant ikkonċernat jikkwalifikax bħala refuġjat skond id-direttiva tal-Kwalifikazzjoni [9] .

Koerenza ma' l-acquis ta' l-UE dwar l-ażil

Ir-Regolament ta' Dublin ma japplikax għall-applikanti għal (jew il-benefiċjarji ta') ħarsien sussidjarju. Dan għandu konsegwenzi estremament negattivi għal dawk l-applikanti għall-ażil li ma jistgħux jerġgħu jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom li ngħataw ħarsien sussidjarju fi Stat Membru ieħor. Ir-raġuni ewlenija għaliex il-ħarsien sussidjarju ma kienx inkluż fir-Regolament ta' Dublin kienet li meta dan ir-Regolament kien ġie adottat, dan il-kunċett ma kienx għadu jagħmel parti mill- acquis ta' l-UE dwar l-ażil. Imma bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika dan il-kunċett sar parti integrali tal-qafas leġiżlattiv ta' l-UE għall-ażil li għandu jkun rifless fl-istrumenti kollha dwar l-ażil

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi li testendi l-ambitu tar-Regolament ta' Dublin biex jiġi inkluż il-ħarsien sussidjarju.

Applikazzjoni uniformi

L-applikazzjoni uniformi tar-regoli u l-kriterji stabbiliti mir-Regolament ta' Dublin hija essenzjali għall-funzjonament korrett tiegħu. Imma l-Istati Membri mhux dejjem jaqblu dwar iċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw ċerti dispożizzjonijiet.

Dawn l-interpretazzjonijiet diverġenti ġew osservati b'mod partikolari fl-applikazzjoni tal- klawżola tas-sovranità (l-Art. 3(2) tar-Regolament ta' Dublin), li tippermetti lill-Istati Membri jassumu responsabbiltà, ukoll jekk il-kriterji ta' Dublin jaħtru Stat Membru ieħor; u l- klawżola umanitarja (l-Art. 15 tar-Regolament ta' Dublin), li tippermetti lill-Istati Membri jgħaqqdu flimkien lill-membri tal-familja, filwaqt li l-applikazzjoni stretta tal-kriterji jifirduhom.

L-Istati Membri japplikaw il-klażola tas-sovranità għal raġunijiet differenti li jvarjaw minn raġunijiet umanitarji għal raġunijiet purament prattiċi.

L-applikazzjoni tal-klawżola tas-sovranità għal raġunijiet umanitarji għandha tkun inkuraġġita għaliex din tidher li tikkorrispondi ma' l-għan fundamentali ta' din id-dispożizzjoni.

Ir-Regolament ta' Dublin, fil-forma attwali tiegħu, ma jinħtieġx il-kunsens ta' l-applikant għall-ażil għall-applikazzjoni tal-klawżola tas-sovranità. F'ċerti ċirkustanzi dan kellu konsegwenzi negattivi, speċjalment meta dan ipprevjena lill-applikanti għall-ażil milli jerġgħu jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom fi Stati Membri oħrajn.

Mil-lat tal-kalwżola umanitarja, iċ-ċirkustanzi preċiżi għall-applikazzjoni tagħha, f'ċerti każi, mhumiex speċifikati, b'mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk tistax tkun applikata fuq talba ta' applikant għall-ażil u jekk għandhomx japplikaw skadenzi għat-talbiet mibgħuta minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor.

Il-Kummissjoni tipproponi li tispeċifika aħjar iċ-ċirkustanzi u l-proċeduri għall-applikazzjoni kemm tal-klawżola tas-sovranità kif ukoll dik umanitarja, speċjalment billi tistabbilixxi skadenzi applikabbli għat-talbiet u billi tissubordina l-applikazzjoni tal-klawżola tas-sovranità għall-kunsens ta' l-applikant għall-ażil ikkonċernat.

Uħud mill-Istati Membri sabu diffikultà fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti għall-waqfien tar-responsabbiltà (l-Artikoli 10(1), 16(3) u (4), 20(2) tar-Regolament ta' Dublin). F'dan ir-rigward, kjarifika tad-dispożizzjonijiet applikabbli tista' tgħin biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet.

Il-Kummissjoni ser tipproponi li tiċċara ċ-ċirkustanzi li fihom tieqaf ir-responsabbiltà ta' Stat Membru.

Fl-aħħarnett, jeżistu xi interpretazzjonijiet diverġenti fir-rigward ta' talbiet biex tittieħed lura persuna minorenni mhux akkumpanjata li tkun applikat qabel għall-ażil fi Stat Membru ieħor (l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Dublin). Uħud mill-Istati Membri jevitaw li jitolbu lura r-responsabbiltà għal persuna minorenni li ma tkunx akkumpanjata.

Filwaqt li l-applikazzjoni għal talbiet għat-teħid lura m'għandhiex tinqata' barra fil-każ ta' minuri li ma jkunux akkumpanjati, għandu dejjem jipprevali l-aħjar interess tat-tfal.

Il-Kummissjoni se tkompli tiċċara l-applikabbiltà tar-regoli ta' Dublin fir-rigward tat-tfal minuri li ma jkunux akkumpanjati

Provi

Spiss huwa diffiċli li jinġiebu l-provi meħtieġa għall-aċċettazzjoni tat-teħid lura tar-responsabbiltà għal applikant għall-ażil. Dan kellu effetti partikolarment negattivi fuq l-applikazzjoni tal-kriterji ta' l-unità familjari, u b'hekk kienet ġiet imminata l-implementazzjoni prattika ta' waħda mill-iżjed dispożizzjonijiet importanti tar-Regolament ta' Dublin.

Ġiet osservata diffikultà simili fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-kriterju tad-dħul illegali fit-territorju ta' l-UE (l-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta' Dublin), fejn it-tendenza hija li jkunu aċċettati biss provi ta' l-EURODAC.

Madankollu l-Istati Membri qablu fuq lista ta' mezzi ta' prova u lista ta' provi indizjarji, li ġew annessi mar-Regolament ta' Implementazzjoni.

Filwaqt li tifhem l-importanza ta' provi ċari sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-sistema, partikolarment fid-dawl ta' l-għaqda mill-ġdid tal-familja, il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-Regolament ta' Dublin u r-Regoli ta' Implementazzjoni tiegħu fl-intier tagħhom, bl-użu tal-mezzi ta' prova kollha previsti, inklużi d-dikjarazzjonijiet kredibbli u verifikabbli ta' l-applikant għall-ażil.

Skadenzi

Uħud mill-Istati Membri jikkunsidraw in-nuqqas ta' skadenzi fir-rigward tat-talbiet għat-"teħid lura tar-risponsabbiltà" għall-applikant għall-ażil bħala konroproduttiv għall-effiċjenza tas-sistema.

Barra dan, l-Istati Membri mhumiex sodisfatti bl-iskadenza ta' sitt ġimgħat biex jitwieġbu talbiet għall- informazzjoni - perjodu ta' żmien li huwa kkunsidrat bħala twil wisq għal provi essenzjali ta' dan it-tip.

Il-Kummissjoni ser tipproponi skadenzi għat-talbiet għat-"teħid lura tar-responsabbiltà" u tipproponi wkoll li tqassar l-iskadenza biex jitwieġbu talbiet għall-informazzjoni għal 4 ġimgħat.

Trasferimenti

Ir-rata baxxa ta' trasferimenti mwettqa ta' applikanti għall-ażil imqabbla ma' dawk aċċettati timmina b'mod konsiderevoli l-effikaċja tas-sistema. L-Istati Membri jqisu li r-raġuni għal dan hija għaliex l-applikanti għall-ażil spiss jogħsfru hekk kif jirċievu d-deċiżjoni għat-trasferiment.

Mill-istatistika joħroġ li ċerti Stati Membri jittrasferixxu għadd simili ta' applikanti għall-ażil bejn xulxin. Il-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu jistgħu joħolqu mekkaniżmi biex bihom jillimitaw l-għadd ta' trasferimenti tista' tnaqqas it-tagħbija tax-xogħol u l-ispejjeż operattivi tad-dipartimenti responsabbli għat-trasferimenti. Tista' wkoll tevita movimenti sekondarji ulterjuri wara li jsiru t-trasferimenti.

Il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri li jkunu jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-"annullament" ta' tpartit ta' għadd indaqs ta' applikanti għall-ażil f'ċirkustanzi determinati b'mod ċar.

Żieda fil-miżuri ta’ kustodja

L-Istati Membri qegħdin dejjem aktar idaħħlu miżuri ta' kustodja għal persuni suġġetti għal deċiżjoni dwar trasferiment sabiex iżommuhom milli jaħarbu qabel ma jiġu ttrasferiti.

Il-Kummissjoni tfakkar li filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jinstabu modi biex titjieb l-effettività tat-trasferimenti, il-miżuri ta’ kustodja għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar soluzzjoni, meta l-miżuri kollha mhux ta’ kustodja ma jkunux mistennija li jrendu riżultati sodisfaċenti u għaliex ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex iqisu li hemm riskju għoli ta' ħrib ta' applikanti għall-ażil. Fi kwalunkwe każ, għandha dejjem titqies is-sitwazzjoni tal-familji, persuni bi ħtiġiet mediċi, nisa u minorenni mhux akkompanjati

Applikazzjoni ħażina

L-applikazzjoni ħażina tar-Regolament ġiet osservata l-aktar fejn jidħlu l-aspetti proċedurali, speċjalment meta ma jkunux irrispettati l-iskadenzi għat-talbiet u t-tweġibiet għalihom.

L-Istati Membri għandu jkollhom rispett strett għall-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament ta' Dublin filwaqt li ma jinsewx li jekk talba ma jkollhiex tweġiba sa l-iskadenza preskritta, it-talba tkun aċċettata b'mod impliċitu, u li l-applikanti għall-ażil jistgħu jikkontestaw lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jekk dawn jonqsu milli jirrispettaw l-iskadenzi.

Kwistjoni oħra tikkonċerna l-użu mhux sistematiku minn ċerti Stati Membri ta' l-istrument żgurat ta' komunikazzjoni bilaterali, imsejjaħ DubliNet . Minħabba n-natura ta' l-informazzjoni trażmessa, dan jista' jaqla' xi problemi fir-rigward tal-ħarsien tad-data.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-użu tad-DubliNet huwa dejjem obbligatorju ħlief għall-eċċezzjonijiet definiti fl-Artikolu 15(1), it-tieni subparagrafu.

2.3.2. Applikazzjoni tar-Regolament EURODAC

Fir-rigward tar-Regolament EURODAC, filwaqt li l-Istati Membri kollha japplikawh, b'mod ġenerali, b'mod sodisfaċenti, l-applikazzjoni prattika ta' wħud mid-dispożizzjonijiet għadha problematika.

Skadenzi

Ir-Regolament EURODAC jeżiġi li l-Istati Membri jibagħtu d- data tagħhom mill-aktar fis lill-Unità Ċentrali ta' l-EURODAC (l-Artikoli 4(1) u 8(1)). Imma jidher li kultant dan qed jieħu 'l fuq minn 30 jum biex isir. Billi dewmien ta' dan it-tip fit-trażmissjoni jista' jwassal għad-determinazzjoni żbaljata ta' l-Istat Membru responsabbli, huwa estremament importanti li l-Istati Membri jnaqqsu dan id-dewmien.

Il-Kummissjoni ser tipproponi skadenza ċara għat-trażmissjoni tad-data lill-Unità Ċentrali EURODAC.

Ġbir tad-data

Kif intqal qabel, il-Kummissjoni tikkunsidra l-għadd ta' persuni li jkunu daħlu fil-pajjiż illegalment u li huma rreġistrati (48,657) bħala sorprendentement baxx. Dan iqajjem problemi dwar kemm hija effikaċi l-applikazzjoni ta' l-obbligu biex fil-fruntieri ta' l-Unjoni jittieħdu l-marki tas-swaba' tal-persuni li jkunu daħlu fil-pajjiż illegalment. Billi informazzjoni ta' dan it-tip hija kruċjali għall-applikazzjoni effikaċi ta' wieħed mill-kriterji ta' Dublin, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw b'mod strett ma' dan l-obbligu.

In-nuqqas sistematiku ta' konformità ma' l-obbligu biex jittieħdu l-marki tas-swaba' tal-persuni li jkunu daħlu fil-pajjiż illegalment jista' jitqies mill-Kummissjoni meta teżamina l-implimentazzjoni tal-Programm Qafas ta' Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji fl-2110 u b'mod partikolari l-kriterji rilevanti ta' distribuzzjoni applikabbli għad-diversi fondi. |

Kwalità

Mill-istatistika joħroġ li 6% tad-data ma tiġix aċċettata minħabba l-kwalità fqira tagħha. Il-kwalità tad-data mibgħuta lill-Unità Ċentrali ta' l-EURODAC għadha tista' tittejjeb permezz ta' taħriġ speċifiku, iċċekkjar lokali għall-kwalità u l-użu ta' apparat ta' l-ogħla livell teknoloġiku, bħalma huma l-iskaners operattivi (live scanners). L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw il-fondi Komunitarji disponibbli għal dan il-għan.

Il-Kummissjoni ser torganizza seminars ta' taħriġ għall-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri bil-għan li tittejjeb il-kwalità tad- data .

Tħassir

Ir-rispett għall-obbligu biex titħassar ċerta data (l-Artikoli 7 u 10(2) tar-Regolament EURODAC), pereżempju f'każi fejn applikant għall-ażil jikseb iċ-ċittadinanza, qed ikun problematiku wkoll. Sfortunatament, taħsir ta' dan it-tip ma jsirx fuq bażi ta' rutina, l-aktar għaliex l-Istat Membru li jkun introduċa d-data ma jkunx mgħarraf dwar it-tibdil fis-sitwazzjoni.

Il-Kummissjoni ser tipproponi introduzzjoni ta' kodiċi speċifiċi għal kull tip ta' tħassir, sabiex isir sorveljar aħjar tar-rispett għal dan l-obbligu, kif ukoll ta' mezzi sistematiċi għall-iskambju ta' informazzjoni f'każ ta' tibdil fl-istatus ta' l-applikant għall-ażil.

Ħarsien tad-data

Problemi oħra jirrigwardaw l-applikazzjoni korretta tar-regoli tar-rispett għad- data personali, partikolarment dawk ir-regoli li jippermettu lis-suġġetti tad- data jitolbu lill-Istati Membri jiċċekkjaw informazzjoni dwar data tagħhom stess fid- database ta' l-EURODAC (permezz ta' l-użu ta' dak li jissejjaħ "tiftix speċjali" ( special searches ), l-Artikolu 18 tar-Regolament EURODAC). Matul il-perjodu ta' referenza saru 'l fuq minn 3,700 tiftixa speċjali ta' dan it-tip, li huwa għadd sorprendentement għoli.

Il-Kummissjoni tfakkar li dan it-tiftix huwa strettament limitat għall-applikazzjoni tar-regoli tal-ħarsien tad-data.

2.3.3. Appoġġ ta' l-EURODAC lir-Regolament ta' Dublin

L-għan tar-Regolament EURODAC huwa li jħaffef l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin. Għalhekk huwa interessanti li jiġi eżaminat jekk effettivament l-EURODAC tax kontribut għall-ksib ta' l-għanijiet tar-Regolament ta' Dublin.

Kif innutat qabel, fl-2005 16% ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil kienu fil-fatt applikazzjonijiet multipli . Dan jista' jindika li s-sistema ta' Dublin ma kellhiex l-effett mistenni ta' deterrent kontra l-fenomenu ta' l-ispostament ta' l-applikanti għall-ażil minn Stat Membru għal ieħor bil-għan li jinstabu kundizzjonijiet aħjar (il-fenomenu ta' l-"asylum shopping"). Bosta applikanti għall-ażil ikomplu jippruvaw jiksbu deċiżjoni favorevoli għall-każ tagħhom billi jitfgħu aktar minn applikazzjoni waħda. Il-provvista ta' informazzjoni korretta lill-applikanti għall-ażil dwar il-konsegwenzi ta' applikazzjonijiet sussegwenti tista' tkun waħda mill-miżuri li tista' tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' dan il-fenomenu.

Fir-rigward ta' provi ta' dħul illegali , għandu jkun enfasizzat għal darb'oħra li huwa biss jekk l-Istati Membri kollha jikkonformaw ma' l-obbligu ta' ġbir ta' data dwar kull barrani li jidħol fl-UE illegalment, li jista' r-Regolament EURODAC effettivament iħaffef l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin.

Fl-aħħarnett, ġie osservat li l-Istati Membri ħafna drabi jirċievu mill-Unità Ċentrali ta' l-EURODAC riżultati li jkun fihom hits multipli , u dan ifisser li d- data dwar l-applikant għall-ażil tkun ġiet irreġistrata minn diversi Stati Membri. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, mhux dejjem ikun faċli li jiġi determinat liema Stat Membru għandu jerfa' r-responsabbiltà biex jeżamina t-talbiet għall-ażil, partikolarment fiż-żmien stabbilit.

Sabiex tkun issimplifikata l-analiżi tal-hits multipli, il-Kummissjoni ser tipproponi mekkaniżmi għall-Istati Membri biex iżommu lil xulxin infurmati dwar l-istatus tas-suġġetti tad- data rreġistrati fl-EURODAC, kif ukoll emendi tekniċi għall-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tad- data lill-Unità Ċentrali EURODAC, b'mod partikolari biex tiddaħħal aktar informazzjoni dwar l-istatus ta' l-applikanti għall-ażil.

2.3.4. Żviluppi ġejjiena possibbli fir-rigward tar-Regolamentazzjoni EURODAC

L-għan ewlieni tar-Regolamentazzjoni EURODAC hija li tipprovdi appoġġ biex jintgħaġġel il-proċess ta' identifikazzjoni ta' l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni ta' l-ażil. Madankollu, l-informazzjoni li qiegħda fid-database ta' l-EURODAC ma jistax ikollha applikazzjonijiet utli oħrajn bħal m'hija l-kontribuzzjoni għall-prevenzjoni mill-abbuż tas-sistema ta' l-ażil.

Filwaqt li l-Istati Membri huma obbligati li jaħżnu l-marki tas-swaba' ta' barranin li jinqabdu jaqsmu l-fruntiera esterna tagħhom illegalment, huma mhumiex obbligati jaħżnu l-istess data fil-każ ta' dawk li jinqabdu jissoġġornaw fit-territorju tagħhom.

Madankollu, l-Istati Membri diġà qegħdin juru interess dejjem jikber fl-użu tad-dettalji dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li jinqabdu jissoġġornaw fit-territorju tagħhom kif jixhdu ċ-ċifri għall-perjodu 2003-2005. Barra minn hekk, teżisti diskrepanza kbira bejn dawk li jinqabdu jissoġġornaw fit-territorju ta' Stat Membru (101,884) u dawk li jiġu arrestati f'konnessjoni ma' qsim irregolari ta' fruntiera esterna (48,657). Qiegħed għalhekk jiġi propost li tinħażen id-data relatata ma' dawk il-persuni li jiġu arrestati għax ikunu qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta' Stat Membru. Din id-data tkun utli meta jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-ażil, pereżempju biex tgħin fil-prevenzjoni ta' l-abbuż billi jkunu vverifikati l-istqarrijiet magħmula mill-applikanti għall-ażil. Din id-data tista' tinħazen għal perjodu inizjali ta' sentejn, l-istess bħal ma jiġri fil-każ ta' dawk li jaqsmu l-fruntieri b'mod illegali. Il-perjodu tal-ħżin jista' jittawwal f'każ li l-persuna tkun reġgħet ġiet arrestata.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi li tibda tinħażen id- data dwar persuni arrestati meta jinqabdu jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta' l-UE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ analiżi ulterjuri u valutazzjoni kompluta ta’ l-impatt, ser tesplora l-possibbiltà li testendi l-ambitu ta’ l-EURDAC bil-għan li tuża d- data għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u bħala mezz biex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

3. Analiżi tal-flussi ta' dublin

[pic]

Kuntrarjament għall-idea mħaddna minn bosta li l-parti l-kbira tat-trasferimenti huma diretti lejn l-Istati Membri li jinsabu fuq fruntieri esterni, jidher li l-allokazzjoni ġenerali bejn l-Istati Membri ta' fuq il-fruntieri u dawk li mhumiex hija fil-fatt bilanċjata mhux ħażin. Fl-2005, l-għadd totali tat-trasferimenti kollha lejn l-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntieri esterni ta' l-UE kien 3,055, filwaqt li kien hemm 5,161 trasferiment lejn l-Istati Membri li mhumiex fuq il-fruntieri.

Id-dokument ta' ħidma fih analiżi dettaljata li tipprova tiddetermina sa fejn dawn il-flussi ta' Dublin affettwaw il-popolazzjoni ġenerali ta' l-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri. Fi ftit kliem, jidher li t-trasferimenti ta' Dublin la żiedu u anqas naqqsu l-għadd totali ta' l-applikanti għall-ażil b'aktar minn 5% fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. Madankollu, fil-każ tal-Polonja, iż-żieda kienet ta' madwar 20% u fil-każ tas-Slovakkja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Ungerija u l-Portugall, ta' madwar 10%. Mill-banda l-oħra, fil-każ tal-Lussemburgu u l-Iżlanda, l-għadd ta' applikanti għall-ażil naqas b'madwar 20%.

Din it-tendenza kienet ukoll ikkonfermata fil-każ ipotetiku fejn t-trasferimenti aċċettati kollha kellhom ikunu mwettqa, għalkemm b'impatt ferm akbar fil-każ ta' l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja (żieda ta' madwar 40%). Madankollu, f'dan il-każ ukoll, ikun hemm għadd akbar ta' trasferimenti lejn l-Istati Membri li mhumiex fuq il-fruntieri (13,968) milli għal dawk ta' fuq il-fruntieri fl-UE (7,829).

Għandu jiġi nnutat, madankollu, li l-maġġoranza tat-trasferimenti jikkorrispondu mal-każi tat-"teħid lura tar-responsabbiltà"[10], li, fil-parti l-kbira, ma jikkorrispondux ma' l-applikazzjonijiet għall-ażil ġodda lejn l-Istati Membri, għaliex l-applikazzjonijiet kienu diġà rreġistrati fl-istatistika dwar l-ażil u l-eżami tagħhom kien diġà beda.

Ta' min jinnota wkoll li r-riżultati tat-tiftix fir-rigward tat-"tranżazzjonijiet fil-kategorija 1" fil-konfront tat-"tranżazzjonijiet fil-kategorija 2" juru li dawk l-applikanti għall-ażil li kienu daħlu f'territorju ta' l-UE b'mod illegali qabel tefgħu l-applikazzjoni, kienu qasmu minn Spanja, l-Italja u l-Greċja. Imma l-parti l-kbira ta' dawk li twaqqfu fuq il-fruntiera ta' dawn l-Istati Membri sussegwentement applikaw għall-ażil fl-istess Stat li kienu daħlu fih irregolarment. Mill-banda l-oħra, dawk li ma kinux applikaw għall-ażil u komplew jivjaġġaw, ġibdu l-aktar lejn ir-Renju Unit u Franza.

4. Konklużjonijiet

B'mod ġenerali, il-parti l-kbira ta' l-għanijiet tas-sistema ta' Dublin intlaħqu kollha, parikolarment dawk għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ċar u effikaċi biex tkun determinata r-responsabbliltà għall-applikazzjonijiet għall-ażil.

Minħabba nuqqas ta' data preċiża, ma kenitx possibbli l-valutazzjoni ta' wieħed mill-element importanti tas-sistema ta' Dublin, jiġifieri kemm tiswa din is-sistema. Madankollu, l-Istati Membri jisħqu li l-issodisfar ta' l-għanijiet politiċi tas-sistema huwa importanti ħafna, irrispettivament mill-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu.

Madankollu, jifdal xi problemi, kemm fir-rigward ta' l-applikazzjoni prattika kif ukoll ta' l-effikaċja tas-sistema. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex issolvi dawn il-problemi u ttejjeb dejjem aktar l-effikaċja tagħha.

Din il-valutazzjoni tirrappreżenta l-ewwel pass fit-tnedija ta' dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Politika Komuni Ewropea dwar l-Ażil, li ser jibda mal-pubblikazzjoni ta' Green Paper komprensiva tal-Kummissjoni f'Ġunju 2007.

[1] Sal-21 ta' Frar 2006, id-Danimarka ma kellhiex sehem fir-Regolament ta' Dublin. Għaldaqstant, bi Stati Membri dan ir-rapport jifhem l-Istati Membri kollha ta' l-UE ħlief id-Danimarka, in-Norveġja u l-Iżlanda.

[2] ĠU L 50, 25.2.2003.

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1560/3002 tat-2 ta' Settembru 2003 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 343/2003 (ĠU L222 tal-5.9.2003).

[4] ĠU L 316, 15.12.2000.

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 407/2002 tat-28 ta' Frar 2002 li jistipula ċerti regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2725/2000 (ĠU L 62 tal-5.3.2002).

[6] SEC(2007) 742.

[7] COM(2006) 332.

[8] COM (2005) 375, 14.9.2005.

[9] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-istandards minimi għall-kwalifikazzjoni u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew persuni li, għal raġunijiet oħra, jkunu jeħtieġu ħarsien internazzjonali u l-kontenut tal-ħarsien mogħti (ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12).

[10] Ara t-Tabella 2 tad-dokument ta' ħidma.

Top