EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0757

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/757 tat-3 ta' Frar 2016 li jiddetermina dawk l-operazzjonijiet b'rabta mal-applikazzjoni tar-Regolamenti agrikoli li jeħtieġu l-introduzzjoni tal-informazzjoni fis-Sistema ta' Informazzjoni Doganali

C/2016/0508

OJ L 126, 14.5.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/757/oj

14.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/757

tat-3 ta' Frar 2016

li jiddetermina dawk l-operazzjonijiet b'rabta mal-applikazzjoni tar-Regolamenti agrikoli li jeħtieġu l-introduzzjoni tal-informazzjoni fis-Sistema ta' Informazzjoni Doganali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan tas-Sistema ta' Informazzjoni Doganali (CIS) huwa li tassisti fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta' operazzjonijiet li jkunu qegħdin jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola. Sabiex is-CIS tkompli tindirizza l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet kompetenti huwa meħtieġ li jsir aġġornament tal-lista tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni agrikola li għandhom jiġu inklużi fis-CIS.

(2)

L-introduzzjoni tal-informazzjoni fis-CIS rigward l-operazzjonijiet b'rabta mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni agrikola għandha tkun limitata għall-prodotti koperti mill-Kapitoli 1 sa 24 tan-Nomenklatura magħquda.

(3)

Sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwieġbu b'ħeffa għall-emerġenzi tas-saħħa, it-traċċar u r-rintraċċar taċ-ċaqliq tal-prodotti soġġetti għal-leġiżlazzjoni agrikola huma ta' importanza fundamentali. Sabiex ikun żgurat li tali oġġetti jkunu traċċati u rintraċċati fl-istadji kollha taċ-ċaqliq, għandha tkun provduta informazzjoni dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-ħażna temporanja u ċ-ċaqliq intern fl-UE ta' tali oġġetti.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-operazzjonijiet b'rabta mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni agrikola li skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 515/97 jeħtieġu l-introduzzjoni tal-informazzjoni fis-CIS ikunu dawk li jirrigwardaw:

(a)

l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' prodotti soġġetti għad-dispożizzjonijiet adottati skont il-politika agrikola komuni u r-regoli speċjali adottati fir-rigward ta' oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

(b)

l-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' prodotti soġġetti għad-dispożizzjonijiet adottati skont il-politika agrikola komuni u r-regoli speċjali adottati fir-rigward ta' oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

(c)

iċ-ċaqliq ta' prodotti, soġġetti għad-dispożizzjonijiet adottati fir-rigward ta' oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli, taħt il-kopertura ta' proċedura komuni ta' tranżitu jew proċedura ta' tranżitu estern u l-operazzjonijiet li jinvolvu l-ħżin temporanju fl-Unjoni ta' tali prodotti meta jiġu esportati mill-ġdid mill-Unjoni lejn pajjiż terz.

(d)

iċ-ċaqliq intern fl-UE tal-prodotti li huma soġġetti għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet abbażi ta' dispożizzjonijiet adottati permezz tal-politika agrikola komuni u r-regoli speċjali adottati fir-rigward ta' oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli jew li jibbenefikaw mill-assistenza tal-UE.

Artikolu 2

Jitħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 696/98 (2).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Settembru 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 02, Vol. 008, p. 217).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 696/98 tas-27 ta' Marzu 1998 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi fuq kwistjonijiet doganali u agrikoli (ĠU L 96, 28.3.1998, p. 22).


Top