EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1222

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 197, 25.7.2015, p. 24–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/03/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1222/oj

25.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1222

tal-24 ta' Lulju 2015

li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1) u b'mod speċjali l-Artikolu 18(3)(b) u (5),

Billi:

(1)

It-tlestija urġenti ta' suq intern tal-enerġija li jiffunzjona b'mod sħiħ u interkonness hija kruċjali għall-għanijiet taż-żamma tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, iż-żieda fil-kompetittività u l-iżgurar li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bl-aktar prezzijiet affordabbli. Suq intern fl-elettriku li jiffunzjona sew għandu jipprovdi lill-produtturi l-inċentivi xierqa għall-investiment f'ġenerazzjoni ta' enerġija ġdida, inkluż fl-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li jagħti attenzjoni speċjali lill-Istati Membri u r-reġjuni l-aktar iżolati fis-suq tal-enerġija tal-Unjoni. Suq li jiffunzjona sew għandu jipprovdi wkoll lill-konsumaturi b'miżuri xierqa li jippromwovu użu aktar effiċjenti ta' enerġija, li jippresupponi provvista tal-enerġija sigura.

(2)

Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija element essenzjali tas-sigurtà pubblika u għalhekk hija marbuta intrinsikament mal-funzjonament effiċjenti tas-suq intern fl-elettriku u l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku iżolati tal-Istati Membri. L-elettriku jista' jasal għand iċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tan-netwerk biss. Is-swieq tal-elettriku li jaħdmu sew u, b'mod partikolari, in-netwerks u assi oħra assoċjati mal-provvista tal-elettriku huma essenzjali għas-sigurtà pubblika, għall-kompetittività ekonomika u għall-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji għall-kundizzjonijiet ta' aċċess għan-netwerk għal skambji transfruntiera tal-elettriku u b'mod partikolari regoli dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni fir-rigward tal-interkonnessjonijiet u s-sistemi ta' trażmissjoni li jaffettwaw il-flussi tal-elettriku transfruntiera. Sabiex ikun hemm suq tal-elettriku tassew integrat, ir-regoli kurrenti dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, il-ġestjoni tal-konġestjoni u n-negozjar tal-elettriku għandhom jiġu armonizzati ulterjorment. Għalhekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati minimi għall-akkoppjament finalment singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, sabiex jiġi pprovdut qafas ġuridiku ċar għal sistema ta' allokazzjoni tal-kapaċità u ta' ġestjoni tal-konġestjoni effiċjenti u moderna, li tiffaċilita n-negozjar tal-elettriku fuq il-livell tal-Unjoni, biex ikun hemm użu effiċjenti tan-netwerk u tiżdied il-kompetizzjoni, għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

(4)

Biex jiġi implimentat l-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, il-kapaċità transfruntiera jeħtieġ li tiġi kkalkulata b'mod koordinat mill-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni (minn hawn 'il quddiem, it-“TSOs”). Għal dan l-iskop, huma għandhom jistabbilixxu mudell ta' grilja komuni li jinkludi l-istimi dwar il-ġenerazzjoni, it-tagħbija u l-istatus tan-netwerk għal kull siegħa. Il-kapaċità disponibbli normalment tiġi kkalkulata bl-hekk imsejjaħ metodu ta' kalkolu abbażi tal-fluss, metodu li jqis li l-elettriku jista' jgħaddi minn passaġġi differenti u jottimizza l-kapaċità disponibbli fi grilji interdipendenti ħafna. Il-kapaċità transfruntiera disponibbli għandha tkun wieħed mill-inputs ewlenin għall-proċess ta' kalkolu ulterjuri, meta jiġu rikonċiljati l-offerti ta' xiri u l-offerti ta' bejgħ tal-Unjoni kollha, miġbura mis-swieq tal-kambju tal-enerġija, filwaqt li titqies il-kapaċità transfruntiera disponibbli b'mod ekonomikament ottimali. L-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata jiżgura li l-enerġija ġeneralment tgħaddi minn żoni bi prezzijiet baxxi għal żoni bi prezzijiet għolja.

(5)

L-operatur tas-suq tal-akkoppjament (minn hawn 'il quddiem, l-“MCO”) juża algoritmu speċifiku biex jirrikonċilja l-offerti ta' xiri u ta' bejgħ b'mod ottimali. Ir-riżultati tal-kalkolu għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-swieq tal-kambju tal-enerġija kollha fuq bażi nondiskriminatorja. Abbażi tar-riżultati tal-kalkolu mill-MCO, is-swieq tal-kambju tal-enerġija għandhom jinformaw lill-klijenti tagħhom dwar l-offerti ta' xiri u ta' bejgħ li ntgħażlu. L-enerġija mbagħad għandha tiġi ttrasferita fin-netwerks kollha skont ir-riżultati tal-kalkolu tal-MCO. Il-proċess għall-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata huwa simili, bl-eċċezzjoni li akkoppjament singolu tal-istess ġurnata għandu juża proċess kontinwu matul il-ġurnata kollha u mhux kalkolu uniku bħall-akkoppjament tal-ġurnata bil-quddiem.

(6)

Il-kalkolu tal-kapaċità għall-perjodi ta' żmien tas-suq tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata għandu jiġi kkoordinat ta' mill-inqas fuq livell reġjonali sabiex jiġi żgurat li l-kalkolu tal-kapaċità huwa affidabbli u li titqiegħed fis-suq l-aħjar kapaċità. Għandhom jiġu stabbiliti metodoloġiji tal-kalkolu tal-kapaċità reġjonali komuni sabiex jiġu definiti l-inputs, l-approċċ tal-kalkolu u r-rekwiżiti ta' validazzjoni. Informazzjoni dwar l-aħjar kapaċità disponibbli għandha tiġi aġġornata fil-ħin abbażi tal-aħħar informazzjoni permezz ta' proċess ta' kalkolu tal-kapaċità effiċjenti.

(7)

Hemm żewġ approċċi permessibbli meta tiġi kkalkulata kapaċità transżonali: abbażi tal-fluss jew abbażi tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni koordinata. L-approċċ abbażi tal-fluss għandu jintuża bħala l-approċċ primarju għall-kalkolu tal-kapaċità ta' ġurnata bil-quddiem u għall-kalkolu tal-kapaċità tal-istess ġurnata meta l-kapaċità transżonali bejn iż-żoni tal-offerti tkun interdipendenti ħafna. L-approċċ abbażi tal-fluss għandu jiġi introdott biss wara li jkunu ġew ikkonsultati l-parteċipanti tas-suq u jkunu ngħataw żmien ta' preparazzjoni suffiċjenti biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel. L-approċċ tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni koordinata għandu jiġi applikat biss f'reġjuni fejn il-kapaċità transżonali hija inqas interdipendenti u jkun jista' jintwera li l-approċċ abbażi tal-fluss ma jwassalx għal valur miżjud.

(8)

Għandu jiġi stabbilit mudell ta' grilja komuni għall-finijiet tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata li jirrappreżenta s-sistema interkonnessa Ewropea biex tiġi kkalkulata l-kapaċità transżonali b'mod koordinat. Il-mudell ta' grilja komuni għandu jinkludi mudell tas-sistema ta' trażmissjoni bil-lokazzjoni tal-unitajiet u tagħbijiet ta' ġenerazzjoni rilevanti għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali. Il-provvista ta' informazzjoni eżatta u f'waqtha minn kull TSO hija essenzjali għall-ħolqien tal-mudell ta' grilja komuni.

(9)

Kull TSO għandu jintalab iħejji mudell ta' grilja individwali tas-sistema tiegħu u jibgħatha lit-TSOs responsabbli għall-amalgamazzjoni tagħhom f'mudell ta' grilja komuni. Il-mudelli ta' grilja individwali għandhom jinkludu informazzjoni mill-unitajiet u t-tagħbijiet ta' ġenerazzjoni.

(10)

It-TSOs għandhom jużaw sett komuni ta' azzjonijiet ta' rimedju bħat-tpartit u r-ridispaċċ biex jindirizzaw kemm il-konġestjonijiet interni kif ukoll dawk transżonali. Sabiex jiffaċilitaw allokazzjoni iktar effiċjenti tal-kapaċità u sabiex jevitaw tnaqqis mhux neċessarju tal-kapaċitajiet transfruntiera, it-TSOs għandhom jikkoordinaw l-użu ta' azzjonijiet ta' rimedju fil-kalkolu tal-kapaċità.

(11)

Żoni tal-offerti li jirriflettu d-distribuzzjoni tal-provvista u d-domanda huma s-sinsla tan-negozju tal-elettriku bbażat fuq is-suq u huma prerekwiżit għall-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tal-metodi ta' allokazzjoni tal-kapaċità inkluż il-metodu bbażat fuq il-fluss. Iż-żoni tal-offerti għaldaqstant għandhom jiġu definiti b'mod li jiżgura ġestjoni effiċjenti tal-konġestjoni u effiċjenza globali tas-suq. Iż-żoni tal-offerti jistgħu sussegwentement jiġu mmodifikati bil-qsim, l-amalgamazzjoni jew l-aġġustament tal-konfini taż-żoni. Iż-żoni tal-offerti għandhom ikunu identiċi għall-perjodi taż-żmien kollha tas-suq. Il-proċess ta' reviżjoni tal-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti stipulat f'dan ir-Regolament ser ikollu rwol importanti sabiex jiġu identifikati l-konġestjonijiet strutturali u ser jippermetti sabiex tiġi delineata żona tal-offerti iktar effiċjenti.

(12)

It-TSOs għandhom jimplimentaw ridispaċċ ikkoordinat tar-rilevanza transfruntiera jew tpartit tal-anqas fil-livell reġjonali u lil hinn mil-livell reġjonali. Ir-ridispaċċ ta' rilevanza transfruntiera jew it-tpartit għandhom jiġu koordinati b'ridispaċċ jew tpartit intern għaż-żona ta' kontroll.

(13)

Il-kapaċità għandha tiġi allokata fil-perjodi ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata permezz ta' metodi ta' allokazzjoni impliċiti, b'mod partikolari metodi li jallokaw flimkien l-elettriku u l-kapaċità. Fil-każ tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem, dan il-metodu għandu jkun irkant impliċitu u fil-każ ta' akkoppjament singolu tal-istess ġurnata, għandu jkun hemm allokazzjoni impliċita kontinwa. Il-metodu tal-irkant impliċitu għandu jiddependi fuq interfaċċji effettivi u f'waqthom bejn it-TSOs, is-swieq tal-kambju tal-enerġija u serje ta' partijiet oħra biex jiġi żgurat li tiġi allokata l-kapaċità u l-konġestjoni tiġi mmaniġġjata b'mod effiċjenti.

(14)

Għal raġunijiet ta' effiċjenza u sabiex jiġi implimentat akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata malajr kemm jista' jkun, akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata għandhom jużaw l-operaturi tas-suq eżistenti u soluzzjonijiet implimentati diġà fejn xieraq, mingħajr ma jipprekludu l-kompetizzjoni minn operaturi ġodda.

(15)

Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (iktar 'il quddiem l-“Aġenzija”) tista' toħloq jew taħtar entità regolata unika biex twettaq funzjonijiet MCO komuni relatati mat-tħaddim tas-suq tal-akkoppjament ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

(16)

L-iżvilupp ta' swieq tal-istess ġurnata aktar likwidi li jagħtu lill-partijiet il-kapaċità sabiex jibbilanċjaw il-pożizzjonijiet tagħhom eqreb għall-ħin reali, għandu jgħin sabiex jiġu integrati sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq Ewropew tal-elettriku u għaldaqstant, imbagħad, jiffaċilita l-għanijiet ta' politika għall-enerġija rinnovabbli.

(17)

Il-kapaċità transżonali ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata għandha tkun soda biex tippermetti allokazzjoni transżonali effettiva.

(18)

Sabiex isiru irkantijiet impliċiti fl-Unjoni kollha, jeħtieġ li jiġi żgurat proċess ta' akkoppjament tal-prezzijiet fl-Unjoni kollha. Dan il-proċess għandu jirrispetta l-kapaċità ta' trażmissjoni u l-limiti ta' allokazzjoni u għandu jkun iddisinjat b'tali mod li jippermetti l-applikazzjoni jew l-estensjoni tiegħu fl-Unjoni kollha u l-iżvilupp ta' tipi ta' prodotti ġodda fil-futur.

(19)

L-iskambji tal-enerġija jiġbru sottomissjonijiet u offerti f'perjodi ta' żmien differenti li jservu ta' input neċessarju għall-kalkolu tal-kapaċità fil-proċess tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata. Għaldaqstant, ir-regoli għan-negozjar tal-elettriku previsti f'dan ir-Regolament jirrikjedu qafas istituzzjonali għall-iskambji tal-enerġija. Permezz ta' rekwiżiti komuni għall-ħatra ta' operaturi nominati tas-suq tal-elettriku (minn hawn 'il quddiem in-“NEMOs”) u għall-kompiti tagħhom, ikun eħfef biex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u jkun jista' jsir l-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata li jqis kif xieraq lis-suq intern.

(20)

L-istabbiliment ta' proċess ta' akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata jirrikjedi kooperazzjoni bejn is-swieq tal-kambju tal-enerġija potenzjalment kompetituri sabiex jiġu stabbiliti funzjonijiet komuni ta' akkoppjament tas-suq. Minħabba f'hekk dawn il-funzjonijiet komuni jeħtieġu ferm li ssir sorveljanza u konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.

(21)

Minkejja l-ħolqien ta' algoritmu affidabbli sabiex jiġu rikonċiljati sottomissjonijiet u offerti u proċessi ta' riżerva xierqa, f'xi sitwazzjonijiet, il-proċess tal-akkoppjament tal-prezzijiet ma jkunx jista' jagħti riżultati. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu previsti soluzzjonijiet ta' riżerva fil-livell nazzjonali u reġjonali biex jiġi żgurat li l-kapaċità tkun tista' xorta waħda tiġi allokata.

(22)

Għall-perjodu ta' żmien tas-suq tal-istess ġurnata għandhom jiġu introdotti prezzijiet affidabbli għall-kapaċità tat-trażmissjoni li jkunu jirriflettu l-konġestjoni meta l-kapaċità tkun skarsa.

(23)

Kwalunkwe spiża mġarrba b'mod effiċjenti sabiex tiggarantixxi ċertezza tal-kapaċità u tistabbilixxi proċessi biex ikun hemm konformità ma' dan ir-Regolament għandha tiġi rkuprata permezz tat-tariffi tan-netwerk jew mekkaniżmi xierqa fi żmien xieraq. NEMOs, anki meta jwettqu funzjonijiet ta' MCO, għandhom ikunu intitolati li jirkupraw l-ispejjeż imġarrba, jekk dawn ikunu saru b'mod effiċjenti u jkunu raġonevoli u proporzjonati.

(24)

Ir-regoli għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż komuni ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u akkoppjament singolu tal-istess ġurnata bejn NEMOs u TSOs minn Stati Membri differenti għandu jintlaħaq ftehim dwarhom qabel jinbeda l-proċess ta' implimentazzjoni sabiex jiġi evitat id-dewmien u t-tilwim minħabba l-kondivizjoni tal-ispejjeż.

(25)

Il-kooperazzjoni bejn TSOs, NEMOs u l-awtoritajiet regolatorji hija neċessarja sabiex jiġi promoss l-iffunzjonar komplet u effiċjenti tas-suq intern tal-elettriku u sabiex jiġu żgurati l-aħjar ġestjoni, operat ikkoordinat u żvilupp tekniku sod tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku fl-Unjoni. It-TSOs, in-NEMOs u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jisfruttaw sinerġiji li jirriżultaw minn proġetti tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern tal-elettriku. Huma għandhom jisiltu mill-esperjenza miksuba, jirrispettaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu u jużaw soluzzjonijiet żviluppati bħala parti minn dawk il-proġetti.

(26)

Sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn it-TSOs, in-NEMOs u l-awtoritajiet regolatorji, għandu jiġi stabbilit qafas ta' governanza tal-Unjoni robust, affidabbli u nondiskriminatorju għal akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata.

(27)

L-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata, ma jistax jintlaħaq b'suċċess mingħajr ċertu sett ta' regoli armonizzati għall-kalkolu tal-kapaċità, il-ġestjoni tal-konġestjoni u n-negozjar tal-elettriku.

(28)

Madankollu, akkoppjament uniku ġurnata bil-quddiem u akkoppjament tas-suq uniku tal-istess ġurnata għandu jiġi implimentat biss f'fażijiet, peress li qafas regolatorju għall-kummerċ tal-elettriku u l-istruttura fiżika tal-grilja ta' trażmissjoni huma kkaratterizzati minn differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. L-introduzzjoni tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata għaldaqstant tirrikjedi allinjament suċċessiv tal-metodoloġiji eżistenti dwar il-kalkolu tal-kapaċità, l-allokazzjoni u l-ġestjoni tal-konġestjoni. Għaldaqstant, akkoppjament singolu tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata jista' jiġi introdott fil-livell reġjonali bħala pass intermedjarju fejn neċessarju.

(29)

L-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament fl-istess ġurnata jeħtieġu l-introduzzjoni ta' prezzijiet ta' kklirjar massimi u minimi armonizzati li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-investiment għal kapaċità sigura u sikurezza fit-tul tal-provvista kemm fi ħdan kif ukoll bejn l-Istati Membri.

(30)

Minħabba l-livell eċċezzjonalment għoli ta' kumplessità u dettall tat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji meħtieġa sabiex jiġi applikat b'mod sħiħ l-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata, ċerti termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji għandhom jiġu żviluppati mit-TSOs u n-NEMOs u approvati mill-awtoritajiet regolatorji. Madankollu, l-iżvilupp ta' ċerti termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji mit-TSOs u s-swieq tal-kambju tal-enerġija u l-approvazzjoni sussegwenti tagħhom mill-awtoritajiet regolatorji ma għandhomx idewmu t-tlestija tas-suq intern tal-elettriku. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kooperazzjoni bejn it-TSOs, in-NEMOs u l-awtoritajiet regolatorji.

(31)

B'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) l-Aġenzija għandha tieħu deċiżjoni jekk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji komuni.

(32)

Dan ir-Regolament ġie żviluppat f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ACER, l-ENTSO għall-Elettriku u l-partijiet interessati, sabiex jiġu adottati regoli effettivi, ibbilanċjati u proporzjonati b'mod trasparenti u parteċipattiv. Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, il-Kummissjoni ser tikkonsulta lill-ACER, l-ENTSO għall-Elettriku u partijiet interessati rilevanti oħrajn, b'mod partikolari NEMOs, qabel ma tipproponi xi emenda f'dan ir-Regolament.

(33)

Dan ir-Regolament jissupplimenta l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament.

(34)

Minħabba l-isfidi importanti sabiex jiġi introdott akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata fis-suq attwali tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, għaddej proċess ta' ridisinjament qawwi. Għalhekk, hemm bżonn ta' iktar żmien għall-implimentazzjoni tal-partijiet ta' dan ir-Regolament, b'għadd ta' arranġamenti transitorji li qed jiġu implimentati.

(35)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Linji gwida ddettaljati dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali u l-ġestjoni tal-konġestjoni fis-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, inklużi r-rekwiżiti għall-istabbilment ta' metodoloġiji komuni għad-determinazzjoni tal-volumi ta' kapaċità simultanji disponibbli bejn iż-żoni tal-offerti u l-kriterji biex tiġi vvalutata l-effiċjenza u proċess ta' reviżjoni biex jiġu ddefiniti ż-żoni tal-offerti.

2.   Dan ir-Regolament japplika għas-sistemi ta' trażmissjoni u l-interkonnessjonijiet fl-Unjoni ħlief is-sistemi ta' trażmissjoni fuq gżejjer li mhumiex konnessi ma' sistemi ta' trażmissjoni permezz ta' interkonnessjonijiet oħra.

3.   Fl-Istati Membri fejn ikun hemm aktar minn operatur ta' sistema ta' trażmissjoni wieħed, dan ir-Regolament japplika għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kollha f'dak l-Istat Membru. Meta operatur ta' sistema ta' trażmissjoni ma jkollux funzjoni rilevanti għal obbligu wieħed jew aktar skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li r-responsabbiltà li jkun hemm konformità ma' dawn l-obbligi tiġi assenjata lil operatur wieħed jew iktar tas-sistema ta' trażmissjoni speċifiċi differenti.

4.   L-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-Unjoni jistgħu jinfetħu għall-operaturi tas-suq u t-TSOs li joperaw fl-Iżvizzera bil-kundizzjoni li l-liġi nazzjonali f'dak il-pajjiż timplimenta d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-elettriku u li jkun hemm ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera.

5.   Soġġetta li jiġu ssodifati l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 4 t'hawn fuq, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera f'akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata tiġi deċiża mill-Kummissjoni abbażi tal-opinjoni mogħtija mill-Aġenzija. Id-drittijiet u l-obbligi ta' NEMOs u TSOs tal-Iżvizzera li jingħaqad mal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem ikunu konsistenti mad-drittijiet u l-obbligi ta' NEMOs u TSOs li joperaw fl-Unjoni sabiex jippermettu l-iffunzjonar mingħajr xkiel tas-sistemi tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament tal-istess ġurnata implimentati fil-livell tal-Unjoni u kundizzjonijiet ekwi għall-partijiet ikkonċernati kollha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 (3) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“mudell ta' grilja individwali” tfisser set ta' dejta li jiddeskrivi l-karatteristika ewlenija tas-sistema tal-enerġija (ġenerazzjoni, tagħbija u topoloġija tal-grilja) u regoli relatati sabiex ibiddlu dawn il-karatteristiċi matul il-kalkolu tal-kapaċità imħejji minn TSOs responsabbli, li għandu jiġi amalgamat ma' komponenti oħra ta' mudell ta' grilja individwali sabiex jinħoloq il-mudell ta' grilja komuni;

2.

“mudell ta' grilja komuni” tfisser sett ta' dejta tal-Unjoni kollha miftiehem bejn TSOs differenti li jiddeskrivi l-karatteristiċi ewlenin tas-sistema tal-enerġija (ġenerazzjoni, tagħbija u topoloġija tal-grilja) u regoli sabiex jinbidlu dawn il-karatteristiċi matul il-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità;

3.

“reġjun bil-kapaċità kalkolata” tfisser iż-żona ġeografika li fiha jiġi applikat il-kalkolu tal-kapaċità kkoordinat;

4.

“xenarju” tfisser l-istatus previst tas-sistema tal-enerġija għal perjodu ta' żmien partikolari;

5.

“pożizzjoni netta” tfisser it-total nett ta' esportazzjonijiet u importazzjonijiet tal-elettriku għal kull unità taż-żmien tas-suq għal żona tal-offerti;

6.

“limiti tal-allokazzjoni” tfisser il-limiti li għandhom jiġu osservati matul l-allokazzjoni tal-kapaċità sabiex tinżamm is-sistema ta' trażmissjoni fil-limiti tas-sigurtà operazzjonali u li ma nqalbux f'kapaċità transżonali jew li huma meħtieġa sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-allokazzjoni tal-kapaċità;

7.

“limiti ta' sigurtà operazzjonali” tfisser il-konfini operattivi aċċettabbli għal operazzjoni sigura tal-grilja bħal-limiti termali, il-limiti tal-vultaġġ, il-limiti tal-kurrent f'ċirkwit qasir, u l-limiti tal-istabbiltà dinamika;

8.

“approċċ koordinat tal-kapaċità netta tat-trażmissjoni” tfisser il-metodu ta' kalkolu tal-kapaċità abbażi tal-prinċipju ta' valutazzjoni u definizzjoni ex-ante ta' skambju massimu ta' enerġija bejn iż-żoni tal-offerti biswit;

9.

“approċċ abbażi tal-fluss” tfisser il-metodu tal-kalkolu tal-kapaċità li fih l-iskambji tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti huma limitati minn fatturi ta' distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija u marġni disponibbli fuq elementi kritiċi tan-netwerk;

10.

“kontinġenza” tfisser il-ħsara identifikata u possibbli jew li diġà seħħet ta' element, inkluż mhux biss l-elementi tas-sistema ta' trażmissjoni, iżda wkoll utenti sinifikanti tal-grilja u elementi tan-netwerk tad-distribuzzjoni jekk rilevanti għas-sigurtà operazzjonali tas-sistema ta' trażmissjoni;

11.

“kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata” tfisser l-entità jew l-entitajiet li għandhom il-kompitu li jikkalkolaw il-kapaċità ta' trażmissjoni fil-livell reġjonali u lil hinn;

12.

“kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni” tfisser metodu kif tissarraf bidla netta tal-pożizzjoni ta' żona tal-offerta identifikata f'żidiet jew tnaqqis speċifiku stmat tal-injezzjoni fil-mudell tal-grilja komuni;

13.

“azzjoni ta' rimedju” kwalunkwe miżura applikata minn TSO jew bosta TSOs, b'mod manwali jew awtomatiku, sabiex tinżamm is-sigurtà operazzjonali;

14.

“marġni ta' affidabbiltà” tfisser tnaqqis tal-kapaċità transżonali sabiex jiġu koperti l-inċertezzi fil-kalkolu tal-kapaċità;

15.

“ħin tas-suq” tfisser il-ħin tas-sajf tal-Ewropa ċentrali jew il-ħin tal-Ewropa ċentrali, liema wieħed ikun fis-seħħ;

16.

“introjtu mill-konġestjoni” tfisser introjtu li wasal mill-allokazzjoni tal-kapaċità;

17.

“konġestjoni tas-suq” tfisser sitwazzjoni li fiha s-surplus ekonomiku għal akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u akkoppjament singolu tal-istess ġurnata ikun ġie limitat minn kapaċità transżonali jew minn limitazzjonijiet ta' allokazzjoni;

18.

“konġestjoni fiżika” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni ta' netwerk, li fiha l-flussi tal-enerġija mbassrin jew milħuqin jiksru l-limiti termali tal-elementi tal-grilja u l-istabbiltà tal-vultaġġ jew il-limiti ta' stabbiltà tal-angolu tas-sistema tal-enerġija;

19.

“konġestjoni strutturali” tfisser konġestjoni fis-sistema ta' trażmissjoni li tista' tiġi definita mingħajr ambigwità, hija prevedibbli, ġeografikament stabbli matul iż-żmien u qed terġa' sseħħ b'mod frekwenti taħt kundizzjonijiet normali tas-sistema tal-enerġija;

20.

“rikonċiljazzjoni” tfisser il-mod tan-negozjar li permezz tiegħu ordnijiet ta' bejgħ jiġu assenjati lil ordnijiet ta' xiri xierqa sabiex jiġi żgurat l-immassimizzar tas-surplus ekonomiku għal akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

21.

“ordni” tfisser intenzjoni ta' xiri jew bejgħ tal-enerġija jew kapaċità espressa minn parteċipant tas-suq suġġett għal kundizzjonijiet ta' eżekuzzjoni speċifiċi;

22.

“ordnijiet rikonċiljati” tfisser l-ordnijiet rikonċiljati kollha ta' xiri u bejgħ mill-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz jew l-algoritmu kontinwu tar-rikonċiljazzjoni tan-negozju;

23.

“operatur nominat tas-suq tal-elettriku (NEMO)” tfisser entità nnominata mill-awtorità kompetenti biex twettaq kompiti marbutin mal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

24.

“reġistru komuni tal-ordnijiet” tfisser modulu fis-sistema kontinwa ta' akkoppjament tal-istesss ġurnata li jiġbor l-ordnijiet rikonċiljabbli kollha min-NEMOs li jipparteċipaw f'akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

25.

“negozjar” tfisser ordni rikonċiljata waħda jew iktar;

26.

“akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem” tfisser il-proċess ta' rkant li fih l-ordnijiet miġburin jitqabblu u l-kapaċità transżonali tiġi allokata fl-istess ħin għal żoni tal-offerti differenti fis-suq tal-ġurnata bil-quddiem;

27.

“akkoppjament singolu tal-istess ġurnata” tfisser il-proċess kontinwu li fih l-ordnijiet miġburin jitqabblu u l-kapaċità transżonali tiġi allokata fl-istess ħin għal żoni tal-offerti differenti fis-suq tal-istess ġurnata;

28.

“algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz” tfisser l-algoritmu użat f'akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem għar-rikonċiljazzjoni ta' ordnijiet fl-istess ħin u l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet transżonali;

29.

“algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu” tfisser l-algoritmu użat f'akkoppjament singolu tal-istess ġurnata għal ordnijiet rikonċiljanti u l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet transżonali b'mod kontinwu;

30.

“funzjoni ta' operatur tas-suq tal-akkoppjament (MCO)” tfisser il-kompitu ta' rikonċiljazzjoni ta' ordnijiet mis-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata għal żoni tal-offerti differenti u l-allokazzjoni fl-istess ħin tal-kapaċitajiet transżonali;

31.

“prezz tal-ikklerjar” tfisser il-prezz determinat billi tiġi rikonċiljata l-ogħla ordni ta' bejgħ aċċettata u l-irħas ordni ta' xiri aċċettata fis-suq tal-elettriku;

32.

“skambju skedat” tfisser trasferiment ta' elettriku skedat bejn żoni ġeografiċi għal kull unità ta' żmien tas-suq u għal direzzjoni identifikata;

33.

“kalkolatur tal-iskambju skedat” tfisser l-entità jew l-entitajiet li għandhom il-kompitu li jikkalkolaw l-iskambji skedati;

34.

“perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem” tfisser il-perjodu ta' żmien tas-suq tal-elettriku saż-żmien tal-għeluq tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem, meta għal kull unità taż-żmien tas-suq il-prodotti jiġu nnegozjati fil-ġurnata ta' qabel il-kunsinna;

35.

“skadenza għaċ-ċertezza tal-ġurnata bil-quddiem” tfisser il-punt fiż-żmien wara li l-kapaċità transżonali ssir ċerta;

36.

“ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem” tfisser il-punt fiż-żmien sakemm jiġu aċċettati l-ordnijiet fis-suq ta' ġurnata bil-quddiem;

37.

“perjodu ta' żmien tas-suq tal-istess ġurnata” tfisser il-perjodu ta' żmien tas-suq tal-elettriku wara l-ħin tal-ftuħ tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata u qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata, meta għal kull unità tal-ħin tas-suq, il-prodotti jiġu nnegozjati qabel il-kunsinna tal-prodotti nnegozjati;

38.

“ħin tal-ftuħ tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata” tfisser il-punt taż-żmien meta l-kapaċità transżonali bejn iż-żoni tal-offerti tiġi rilaxxata għal unità ta' żmien identifikata tas-suq u għal konfini identifikati taż-żona tal-offerta;

39.

“ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata” tfisser il-punt taż-żmien meta l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali ma tibqax permessa għal unità ta' żmien identifikata tas-suq;

40.

“modulu tal-ġestjoni tal-kapaċità” tfisser sistema li fiha informazzjoni aġġornata dwar kapaċità transżonali disponibbli għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fl-istess ġurnata;

41.

“prodott tal-istess ġurnata mhux standard” tfisser prodott għal akkoppjament kontinwu tal-istess ġurnata mhux għall-kunsinna kostanti tal-enerġija jew għal perjodu li jaqbeż unità waħda tal-ħin tas-suq b'karatteristiċi speċifiċi maħsuba sabiex jirriflettu prattiki tas-sistema ta' operazzjoni jew bżonnijiet tas-suq, pereżempju ordnijiet li jkopru unitajiet multipli taż-żmien tas-suq jew prodotti li jirriflettu spejjeż tal-bidu ta' unità tal-produzzjoni;

42.

“kontraparti ċentrali” tfisser l-entità jew entitajiet li għandhom il-kompitu li jidħlu f'kuntratti mal-parteċipanti tas-suq, permezz ta' tiġdid tal-kuntratti li jirriżultaw mill-proċess tar-rikonċiljazzjoni, u tal-organizzazzjoni tat-trasferiment ta' pożizzjonijiet netti li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kapaċità ma' kontrapartijiet ċentrali oħrajn jew aġenti tat-trasferimenti;

43.

“aġent tat-trasferimenti” tfisser l-entità jew entitajiet li għandhom il-kompitu li jitrasferixxu pożizzjonijiet netti bejn kontrapartijiet ċentrali differenti;

44.

“ċertezza” tfisser garanzija li d-drittijiet tal-kapaċità transżonali jibqgħu l-istess u li jitħallas kumpens jekk xorta waħda jinbidlu;

45.

“forza maġġuri” tfisser kwalunkwe avveniment mhux prevedibbli jew mhux tas-soltu jew sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll raġonevoli ta' TSO, u mhux dovuta minħabba nuqqas tat-tali TSO, li ma jistax jiġi evitat jew megħlub bi previżjoni u diliġenza raġonevoli, li ma tistax tiġi solvuta minn miżuri li huma minn perspettiva teknika, finanzjarja jew ekonomika, raġonevolment possibbli għat-TSO, li effettivament seħħet u hija oġġettivament verifikabbli, u li tagħmilha impossibbli għal tali TSO biex jissodisfa temporanjament jew b'mod permanenti l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament;

46.

“surplus ekonomiku għal akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata” tfisser is-somma ta' (i) is-surplus tal-fornitur fl-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew akkoppjament singolu tal-istess ġurnata għall-perjodu ta' żmien rilevanti, (ii) is-surplus tal-konsumatur għall-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata, (iii) l-introjtu mill-konġestjoni u (iv) spejjeż u benefiċċji relatati oħra meta dawn iżidu l-effiċjenza ekonomika għall-perjodu ta' żmien rilevanti, is-surplus tal-fornitur u tal-konsumatur ikun id-differenza bejn l-ordnijiet aċċettati u l-prezz tal-ikklerjar għal kull unità tal-enerġija mmultiplikati bil-volum tal-enerġija tal-ordnijiet.

Artikolu 3

Għanijiet tal-kooperazzjoni fl-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni

Dan ir-Regolament għandu l-għan li:

(a)

jippromwovi l-kompetizzjoni effettiva fil-ġenerazzjoni, in-negozju u l-provvista tal-elettriku;

(b)

jiżgura l-użu ottimali tal-infrastruttura ta' trażmissjoni;

(c)

jiżgura s-sigurtà operazzjonali;

(d)

jottimizza l-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali;

(e)

jiżgura trattament ġust u nondiskriminatorju tat-TSOs, in-NEMOs, l-Aġenzija, l-awtoritajiet regolatorji u l-parteċipanti tas-suq;

(f)

jiżgura u jsaħħaħ it-trasparenza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni;

(g)

jagħti kontribut għat-tħaddim u l-iżvilupp effiċjenti fit-tul tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku u s-settur tal-elettriku fl-Unjoni;

(h)

iħares il-ħtieġa għal suq ġust u ordinat u l-formazzjoni ġusta u ordnata tal-prezz;

(i)

joħloq kundizzjonijiet ekwi għan-NEMOs;

(j)

jipprovdi aċċess nondiskriminatorju għall-kapaċità transżonali.

Artikolu 4

Nomina ta' NEMOs u revoka tan-nomina

1.   Kull Stat Membru li huwa konness elettrikament ma' żona ta' offerti fi Stat Membru ieħor għandu jiżgura li NEMO wieħed jew iktar jiġu nnominati erba' xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament biex iwettqu l-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem/jew l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata. Għal dak l-għan, operaturi tas-suq domestiku u mhux domestiku, jistgħu jiġu mistiedna biex japplikaw sabiex jiġu nnominati bħala NEMO.

2.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jiżgura li ta' mill-inqas NEMO wieħed jiġi nnominat f'kull żona tal-offerti fit-territorju tiegħu. In-NEMOs jiġu nnominati għal terminu inizjali ta' erba' snin. Għajr meta japplika l-Artikolu 5(1), l-Istati Membri għandhom iħallu jsiru applikazzjonijiet għan-nomina, tal-inqas darba fis-sena.

3.   Sakemm l-Istati Membri ma jistipulawx mod ieħor, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu l-awtorità li tinnomina, responsabbli għan-nomini tan-NEMOs, il-monitoraġġ tal-konformità mal-kriterji tan-nomina u, fil-każ ta' monopolji legali nazzjonali, l-approvazzjoni tat-tariffi tan-NEMOs jew il-metodoloġija biex jiġu kkalkolati t-tariffi tan-NEMOs. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li awtoritajiet li mhumiex l-awtoritajiet regolatorji jkunu l-awtorità li tinnomina. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jridu jaraw li l-awtorità li tinnomina jkollha l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet regolatorji sabiex twettaq il-kompiti tagħha b'mod effettiv.

4.   L-awtorità li tinnomina għandha tivvaluta jekk il-kandidati tan-NEMOs jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6. Dawk il-kriterji japplikaw irrispettivament minn jekk jinħatarx NEMO wieħed jew iktar. Meta jiġu deċiżi n-nomini tan-NEMO, tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bejn l-applikanti, speċjalment bejn applikanti domestiċi u mhux domestiċi. Jekk l-awtorità li tinnomina ma tkunx l-awtorità regolatorja, l-awtorità regolatorja tagħti opinjoni dwar safejn l-applikant għan-nomina jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 6. In-nomini tan-NEMOs għandhom jiġu rifjutati biss meta ma jkunux issodisfati l-kriterji tan-nomina stipulati fl-Artikolu 6 jew b'konformità mal-Artikolu 5(1).

5.   NEMO innominat fi Stat Membru wieħed ikollu dritt li joffri servizzi ta' nnegozjar ta' ġurnata bil-quddiem tal-istess ġurnata b'kunsinna fi Stat Membru ieħor. Ir-regoli tan-negozjar fl-Istat Membru tal-aħħar japplikaw mingħajr il-bżonn ta' nomina bħala NEMO f'dak l-Istat Membru. L-awtoritajiet li jinnominaw għandhom iżommu għajnejhom fuq in-NEMOs kollha li jagħmlu akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u/jew fl-istess ġurnata fi ħdan l-Istat Membru tagħhom. B'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament 714/2009 l-awtoritajiet li jinnominaw għandhom jaraw li n-NEMOs kollha li jagħmlu akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u/jew fl-istess ġurnata fi ħdan l-Istat Membru tagħhom jibqgħu konformi ma' dan ir-Regolament, indipendentement min jekk in-NEMOs ġewx innominati jew le. L-awtoritajiet inkarigati min-nomina, il-monitoraġġ u l-infurzar tan-NEMOs għandhom jaqsmu l-informazzjoni meħtieġa kollha għal superviżjoni effiċjenti tal-attivitajiet tan-NEMOs.

NEMO nnominat irid jinnotifika lill-awtorità li tinnomina ta' Stat Membru ieħor jekk jipproponi li jwettaq akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata f'dak l-Istat Membru xahrejn qabel jibda jopera.

6.   B'eċċezzjoni għall-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, Stat Membru jista' jirrifjuta s-servizzi ta' nnegozjar minn NEMO nnominat fi Stat Membru ieħor jekk:

(a)

jeżisti monopolju legali nazzjonali għal servizzi ta' nnegozjar ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata fl-Istat Membru jew fiż-żona tal-offerti tal-Istat Membru fejn isseħħ il-kunsinna skont l-Artikolu 5(1); jew

(b)

l-Istat Membru fejn isseħħ il-kunsinna jista' jistabbilixxi li hemm xkiel tekniku għall-kunsinna f'dak l-Istat Membru ta' elettriku mixtri fi swieq ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata bl-użu ta' NEMOs innominati fi Stat Membru ieħor b'rabta mal-ħtieġa li jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament filwaqt li tinżamm sigurtà operazzjonali; jew

(c)

ir-regoli tan-negozjar fl-Istat Membru tal-kunsinna mhumiex kompatibbli mal-kunsinna f'dak l-Istat Membru tal-elettriku mixtri fuq il-bażi tas-servizzi ta' nnegozjar ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata pprovduti minn NEMO nnominat fi Stat Membru ieħor; jew

(d)

in-NEMO huwa monopolju legali nazzjonali skont l-Artikolu 5 fl-Istat Membru fejn huwa nnominat.

7.   Fil-każ ta' deċiżjoni ta' ċaħda tas-servizzi ta' nnegozjar ta' ġurnata bil-quddiem u/jew fl-istess ġurnata mal-kunsinna fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-kunsinna għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lin-NEMO u lill-awtorità li tinnomina tal-Istat Membru fejn huwa nnominat in-NEMO, kif ukoll lill-Aġenzija u l-Kummissjoni. Iċ-ċaħda għandha tkun iġġustifikata kif xieraq. Fil-każijiet stipulati fis-subparagrafi 6(b) u 6(c), id-deċiżjoni ta' ċaħda tas-servizzi ta' nnegozjar mal-kunsinna fi Stat Membru ieħor għandha tistabbilixxi wkoll kif u sa meta jista' jingħeleb ix-xkiel tekniku għan-negozjar mal-kunsinna fi Stat Membru ieħor. L-awtorità li tinnomina tal-Istat Membru li jiċħad is-servizzi ta' nnegozjar għandha tinvestiga d-deċiżjoni u tippubblika opinjoni dwar kif jitneħħa x-xkiel għas-servizzi ta' negozjar jew kif is-servizzi ta' negozjar u r-regoli dwar l-innegozjar jistgħu jsiru kompatibbli.

8.   L-Istat Membru fejn ġie nnominat in-NEMO għandu jara li n-nomina tiġi revokata jekk in-NEMO ma jibqax konformi mal-kriterji fl-Artikolu 6 u ma jkunx kapaċi jerġa' jsir konformi fi żmien sitt xhur min-notifika tat-tali nuqqas mill-awtorità li tinnomina. Jekk l-awtorità regolatorja ma tkunx responsabbli għan-nomina u l-monitoraġġ, għandha tiġi kkonsultata dwar ir-revoka. L-awtorità li tinnomina għandha tinnotifika wkoll lill-awtorità li tinnomina tal-Istat Membri l-oħrajn fejn huwa attiv in-NEMO dwar in-nuqqas tiegħu milli jżomm konformità filwaqt li fl-istess ħin tinnotifika lin-NEMO.

9.   Jekk awtorità li tinnomina ta' Stat Membru ssib li NEMO attiv iżda mhux innominat f'pajjiżu jonqos milli jibqa' konformi mal-kriterji fl-Artikolu 6 fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu f'dan il-pajjiż, trid tinnotifika lin-NEMO dwar in-nuqqas ta' konformità tiegħu. Jekk in-NEMO ma jerġax jiġi konformi fi żmien tliet xhur min-notifika, l-awtorità li tinnomina tista' tissospendi d-dritt li joffri servizzi ta' nnegozjar ta' ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata f'dan l-Istat Membru sakemm in-NEMO jerġa' jsir konformi. L-awtorità li tinnomina għandha tinnotifika lill-awtorità li tinnomina tal-Istat Membru fejn huwa nnominat in-NEMO, lill-Aġenzija u l-Kummissjoni.

10.   L-awtorità li tinnomina għandha tgħarraf lill-Aġenzija dwar in-nomina u r-revoka tan-NEMOs. L-Aġenzija għandha żżomm lista ta' NEMOs innominati, l-istatus tagħhom u fejn joperaw fuq is-sit tagħha.

Artikolu 5

Nomina ta' NEMOs fil-każ ta' monopolju ġuridiku nazzjonali għal servizzi ta' nnegozjar

1.   Jekk diġà jkun jeżisti monopolju ġuridiku nazzjonali li jeskludi n-nomina ta' iktar minn NEMO wieħed għal servizzi ta' nnegozjar tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata fi Stat Membru jew fiż-żona tal-offerti tal-Istat Membru fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat irid jinnotifika lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament u jista' jirrifjuta n-nomina ta' iktar minn NEMO wieħed f'żona tal-offerti.

Jekk ikun hemm diversi applikanti sabiex jiġu nnominati bħala l-uniku NEMO, l-Istat Membru kkonċernat jinnomina lill-applikant li jissodisfa l-aħjar il-kriterji elenkati fl-Artikolu 6. Jekk Stat Membru jirrifjuta n-nomina ta' iktar minn NEMO wieħed għal kull żona tal-offerti, l-awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi jew tapprova t-tariffi tan-NEMOs għan-negozjar fis-swieq tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, biżżejjed minn qabel id-dħul fis-seħħ, jew tispeċifika l-metodoloġiji użati għall-kalkolu tagħhom.

B'konformità mal-Artikolu 4(6), l-Istat Membru kkonċernat jista' jirrifjuta wkoll servizzi ta' nnegozjar transfruntiera offruti minn NEMO innominat fi Stat Membru ieħor; madankollu, il-protezzjoni tal-iskambji tal-enerġija eżistenti f'dak l-Istat Membru minn żvantaġġi ekonomiċi permezz ta' kompetizzjoni, mhix raġuni valida għar-rifjut.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-regolament, monopolju legali nazzjonali jitqies li jeżisti meta l-liġi nazzjonali tistipula b'mod espliċitu li ma jistax ikun hemm iktar minn entità waħda fi ħdan Stat Membru jew żona tal-offerti ta' Stat Membru li twettaq servizzi ta' nnegozjar ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata.

3.   Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 dwar l-iżvilupp ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u akkoppjament singolu tal-istess ġurnata fl-Istati Membri, b'enfasi partikolari fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn in-NEMOs. Abbażi ta' dak ir-rapport u jekk il-Kummissjoni jidhirlha li ma hemmx ġustifikazzjoni għall-kontinwazzjoni tal-monopolji ġuridiċi nazzjonali jew għaċ-ċaħda ssoktata ta' Stat Membru milli jħalli NEMO nnominata fi Stat Membru ieħor jinnegozja b'mod transfruntier, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra miżuri leġiżlattivi xierqa jew miżuri xierqa oħra sabiex iżżid iktar il-kompetizzjoni u n-negozjar fost u bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tinkludi wkoll valutazzjoni fir-rapport li jevalwa l-governanza ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata stabbilita minn dan ir-Regolament, b'enfasi partikolari fuq it-trasparenza tal-funzjonijiet tal-MCO mwettqin b'mod konġunt min-NEMOs. Fuq il-bażi ta' dak ir-rapport, u jekk il-Kummissjoni tqis li hemm ambigwità biex jitwettqu l-funzjonijiet ta' MCO monopolistika u kompiti oħrajn ta' NEMO, il-Kummissjoni tista' tqis miżuri leġiżlattivi xierqa jew miżuri xierqa oħrajn sabiex tkompli ssaħħaħ it-trasparenza u t-tħaddim effiċjenti tal-akkoppjament ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata.

Artikolu 6

Kriterji għan-nomina ta' NEMO

1.   Applikant jiġi nnominat bħala NEMO biss jekk jikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

huwa jkun ikkuntratta jew jikkuntratta riżorsi għal operazzjoni komuni, kkoordinati u konformi ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u/jew tal-istess ġurnata, inklużi riżorsi neċessarji li jissodisfaw il-funzjonijiet ta' NEMO, ir-riżorsi finanzjarji, it-teknoloġija tal-informazzjoni neċessarja, l-infrastruttura teknika u l-proċeduri operazzjoni jew jipprova li huwa kapaċi jagħmel disponibbli dawn ir-riżorsi f'perjodu preparatorju raġonevoli qabel ma jibda l-kompitu tiegħu skont l-Artikolu 7;

(b)

ikun kapaċi jiżgura li parteċipanti ikollhom aċċess miftuħ għal informazzjoni rigward il-kompiti NEMO skont l-Artikolu 7;

(c)

ikun kost-effiċjenti fir-rigward ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u akkoppjament singolu tal-istess ġurnata u fil-kontijiet interni tiegħu għandu jżomm kontijiet separati għal funzjonijiet ta' MCO u attivitajiet oħrajn sabiex jipprevjeni sussidjar reċiproku;

(d)

ikollu livell adegwat ta' separazzjoni kummerċjali minn parteċipanti oħra tas-suq;

(e)

jekk ikun innominat bħala monopolju legali nazzjonali għal servizzi ta' nnegozjar ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata fi Stat Membru, ma għandux juża t-tariffi fl-Artikolu 5(1) biex jiffinanzja l-attivitajiet ta' ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata tiegħu fi Stat Membru ħlief f'dak fejn jinġabru dawn it-tariffi;

(f)

ikun kapaċi jitratta lill-parteċipanti kollha tas-suq b'mod nondiskriminatorju;

(g)

ikollu fis-seħħ arranġamenti xierqa ta' sorveljanza tas-suq;

(h)

ikollu stabbiliti ftehimiet xierqa ta' trasparenza u kunfidenzjalità ma' parteċipanti tas-suq u TSOs;

(i)

ikun kapaċi jipprovdi s-servizzi ta' kklerjar u saldu neċessarji;

(j)

għandu jkun kapaċi jimplimenta s-sistemi ta' komunikazzjoni u r-rutini meħtieġa għall-koordinazzjoni mat-TSOs tal-Istat Membru.

2.   Il-kriterji ta' nomina stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu applikati b'tali mod li l-kompetizzjoni bejn in-NEMOs tiġi organizzata b'mod ġust u nondiskriminatorju.

Artikolu 7

Kompiti ta' NEMO

1.   In-NEMOs għandhom jaġixxu bħala operaturi tas-suq fi swieq nazzjonali jew reġjonali biex iwettqu akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata f'kooperazzjoni mat-TSOs. Il-kompiti tagħhom jinkludu li jirċievu l-ordnijiet minn parteċipanti tas-suq, għandhom responsabbiltà ġenerali għar-rikonċiljazzjoni u l-allokazzjoni ta' ordnijiet b'konformità mar-riżultati tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, il-pubblikazzjoni tal-prezzijiet u s-saldu l-ikklerjar ta' kuntratti li jirriżultaw min-negozjar skont ftehimiet u regolamenti parteċipanti rilevanti.

Fir-rigward ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, in-NEMOs b'mod partikolari jkunu responsabbli għall-kompiti li ġejjin:

(a)

jimplimentaw il-funzjonijiet ta' MCO stabbiliti fil-paragrafu 2 b'koordinazzjoni ma' NEMOs;

(b)

jistabbilixxu b'mod kollettiv ir-rekwiżiti għall-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, rekwiżiti għal funzjonijiet MCO u l-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz fir-rigward tal-oqsma kollha relatati mal-iffunzjonar tas-suq tal-elettriku b'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, u l-Artikoli 36 u 37;

(c)

jistabbilixxu prezzijiet minimi u massimi skont l-Artikoli 41 u 54;

(d)

jagħmlu anonima l-informazzjoni dwar l-ordni li tkun waslet u jikkondividwu l-informazzjoni neċessarja sabiex iwettqu l-funzjonijiet MCO previsti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-Artikoli 40 u 53;

(e)

jivvalutaw ir-riżultati kkalkulati mill-funzjonijiet MCO stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li jallokaw l-ordnijiet ibbażati fuq dawn ir-riżultati, jivvalidaw ir-riżultati bħala finali jekk ikunu meqjusa korretti u jieħdu r-responsabbiltà għalihom skont l-Artikoli 48 u 60;

(f)

jinformaw lill-parteċipanti tas-suq dwar ir-riżultati tal-ordnijiet tagħhom skont l-Artikoli 48 u 60;

(g)

jaġixxu bħala kontrapartijiet ċentrali għall-ikklerjar u s-saldu tal-iskambju tal-enerġija li jirriżulta mill-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 68(3);

(h)

jistabbilixxu b'mod konġunt man-NEMOs u t-TSOs relevanti proċeduri ta' riżerva għall-operat tas-suq nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 36(3) jekk ebda riżultat ma jkun disponibbli mill-funzjonijiet MCO skont l-Artikolu 39(2), filwaqt li jqisu l-proċeduri ta' riżerva stipulati fl-Artikolu 44;

(i)

jipprovdu b'mod konġunt previżjonijiet tal-kost tal-akkoppjament ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata u informazzjoni dwar l-ispiża għall-awtoritajiet regolatorji kompetenti u t-TSOs meta l-ispejjeż tan-NEMO għall-istabbiliment, l-emendar u t-tħaddim ta' akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata jkollhom jiġu koperti mill-kontribut tat-TSOs ikkonċernati skont l-Artikoli 75 sa 77 u l-Artikolu 80;

(j)

Fejn applikabbli, skont l-Artikolu 45 u 57, jikkoordinaw mat-TSOs sabiex jistabbilixxu arranġamenti dwar iktar minn NEMO wieħed fi ħdan żona tal-offerti u jagħmlu akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u/jew fl-istess ġurnata skont l-arranġamenti approvati.

2.   In-NEMOs għandhom iwettqu l-funzjonijiet MCO b'mod konġunt ma' NEMOs oħra. Dawk il-funzjonijiet jinkludu dawk li ġejjin:

(a)

jiżviluppaw u jżommu l-algoritmi, is-sistemi u l-proċeduri għal akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 36 u 51;

(b)

jipproċessaw dejta input dwar kapaċità transżonali u limitazzjonijiet ta' allokazzjoni previsti minn kalkolaturi kkoordinati tal-kapaċità skont l-Artikoli 46 u 58;

(c)

joperaw l-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz u l-algoritmu kontinwu tar-rikonċiljazzjoni tan-negozju skont l-Artikoli 48 u 60;

(d)

jivvalidaw u jibagħtu riżultati tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata lin-NEMOs skont l-Artikoli 48 u 60.

3.   Sa tmien xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-NEMOs kollha għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet regolatorji kollha u lill-Aġenzija pjan li jistabbilixxi kif jitwaqqfu u kif jaħdmu b'mod konġunt il-funzjonijiet MCO stabbiliti fil-paragrafu 2, inklużi abbozzi ta' ftehimiet neċessarji bejn in-NEMOs u ma' pajjiżi terzi. Il-pjan jinkludi deskrizzjoni ddettaljata u l-iskeda proposta għall-implimentazzjoni, li ma għandhix tkun iktar minn 12-il xahar, u deskrizzjoni tal-impatt mistenni tat-termini u l-kundizzjonijiet jew metodoloġiji dwar l-istabbiliment u l-prestazzjoni tal-funzjonijiet MCO fil-paragrafu 2.

4.   Il-kooperazzjoni bejn in-NEMOs għandha tkun limitata b'mod strett għal dak li hu neċessarju għad-disinn, l-implimentazzjoni u l-operat b'mod sigur u effiċjenti tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata. Il-prestazzjoni konġunta ta' funzjonijiet MCO jiġu bbażati fuq il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u tiżgura li ebda NEMO ma jibbenefika minn vantaġġi ekonomiċi mhux iġġustifikati permezz tal-parteċipazzjoni f'funzjonijiet MCO.

5.   L-Aġenzija għandha timmonitorja l-progress tan-NEMO fl-istabbiliment u t-twettiq tal-funzjonijiet MCO, b'mod partikolari rigward il-qafas kuntrattwali u regolatorju u rigward il-preparazzjoni teknika sabiex jiġu ssodisfati l-funzjonijiet MCO. Sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tirrapporta lill-Kummissjoni jekk il-progress fl-istabbiliment u t-twettiq tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata huwiex sodisfaċenti.

L-Aġenzija tista' tivvaluta l-effettività u l-effiċjenza tal-istabbiment u t-twettiq ta' funzjoni MCO fi kwalunkwe ħin. Jekk dik il-valutazzjoni turi li r-rekwiżiti ma ġewx issodisfati, l-Aġenzija tista' tirrakkomanda lill-Kummissjoni kwalunkwe miżura ulterjuri meħtieġa għal kunsinna effettiva u effiċjenti f'waqtha tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

6.   Jekk in-NEMO jonqsu milli jissottomettu pjan skont l-Artikolu 7(3) li jistabbilixxi l-funzjonijiet MCO imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu kemm għall-perjodu ta' żmien tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem kif ukoll għall-perjodu ta' akkoppjament singolu tal-istess ġurnata, il-Kummissjoni tista' skont l-Artikolu 9(4) tipproponi emenda għal dan ir-Regolament, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-ħatra tal-ENTSO għall-Elettriku jew entità oħra biex twettaq il-funzjonijiet MCO għall-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u għall-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata minflok in-NEMOs.

Artikolu 8

Il-kompiti tat-TSOs relatati mal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata

1.   Fi Stati Membri li huma elettrikament konnessi ma' Stat Membru ieħor, it-TSOs kollha għandhom jipparteċipaw fl-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

2.   It-TSOs għandhom:

(a)

jistabbilixxu b'mod konġunt ir-rekwiżiti TSO għall-akkoppjament tal-prezzijiet u algoritmi rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu għall-aspetti kollha relatati mal-allokazzjoni tal-kapaċità skont l-Artikolu 37(1)(a);

(b)

jivvalidaw b'mod konġunt l-algoritmi rikonċiljanti mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu skont l-Artikolu 37(4);

(c)

jistabbilixxu u jwettqu l-kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikoli 14 sa 30;

(d)

fejn hemm bżonn, jistabbilixxu allokazzjoni tal-kapaċità transżonali u arranġamenti oħrajn skont l-Artikoli 45 u 57;

(e)

jikkalkolaw u jibagħtu l-kapaċitajiet transżonali u l-limitazzjonijiet ta' allokazzjoni skont l-Artikoli 46 u 58;

(f)

jivverifikaw ir-riżultati tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem f'termini tal-limitazzjonijiet tal-kapaċitajiet u l-allokazzjoni transżonali vvalidati skont l-Artikoli 48(2) u 52;

(g)

fejn meħtieġ, jistabbilixxu kalkolaturi tal-iskambju skedat għall-ikkalkolar u l-pubblikazzjoni ta' skambji skedati fuq il-konfini bejn iż-żoni tal-offerti skont l-Artikoli 49 u 56;

(h)

jirrispettaw ir-riżultati tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata ikkalkulati skont l-Artikolu 39 u l-Artikolu 52;

(i)

jistabbilixxu u joperaw proċeduri ta' riżerva kif xieraq għall-allokazzjoni tal-kapaċità skont l-Artikolu 44;

(j)

jipproponu l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata u l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 59;

(k)

jaqsmu l-introjtu mill-konġestjoni b'konformità mal-metodoloġija konġunta skont l-Artikolu 73;

(l)

fejn ikun miftiehem, jaġixxu bħala aġenti tat-trasferimenti li jittrasferixxu pożizzjonijiet netti skont l-Artikolu 68(6).

Artikolu 9

Adozzjoni ta' termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji

1.   It-TSOs u n-NEMOs għandhom jiżviluppaw it-termini u l-kundizzjonijiet jew metodoloġiji meħtieġa minn dan ir-Regolament u jissottomettuhom għal approvazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti fl-iskadenzi rispettivi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Meta proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew metodoloġiji skont dan ir-Regolament jeħtieġ li tiġi żviluppata u miftiehma minn iktar minn TSO jew NEMO wieħed, it-TSOs u n-NEMOs parteċipanti għandhom jikkooperaw mill-qrib. It-TSOs, bl-assistenza tal-ENTSO għall-Elettriku u n-NEMOs kollha, għandhom jinformaw regolarment lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti u l-Aġenzija dwar il-progress tal-iżvilupp ta' dawn it-termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji.

2.   It-TSOs jew in-NEMOs li jiddeċiedu fuq proposti għal patti u kundizzjonijiet jew metodoloġiji skont l-Artikolu 9(6) għandhom jiddeċiedu b'maġġoranza kkwalifikata jekk ma jintlaħaqx kunsens bejniethom. Il-maġġoranza kkwalifikata għandha tintlaħaq fi ħdan kull waħda mill-klassijiet rispettivi tal-votazzjoni ta' TSOs u NEMOs. Maġġoranza kkwalifikata għal proposti skont l-Artikolu 9(6) għandha teħtieġ maġġoranza ta':

(a)

TSOs jew NEMOs li tal-inqas jirrappreżentaw 55 % tal-Istati Membri u

(b)

TSOs jew NEMOs li jirrappreżentaw l-Istati Membri li tal-inqas jinkludu 65 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

Minoranza li timblokka għal deċiżjonijiet skont l-Artikolu 9(6) trid tinkludi TSOs jew NEMOs li tal-inqas jirrappreżentaw erba' Stati Membri, u jekk din ma tintlaħaqx, jitqies li nkisbet il-maġġoranza kkwalifikata.

Għal deċiżjonijiet tat-TSOs skont l-Artikolu 9(6), għandu jiġi attribwit vot wieħed għal kull Stat Membru. Jekk ikun hemm iktar minn TSO wieħed fit-territorju ta' Stat Membru, l-Istat Membru għandu jalloka s-setgħat ta' votazzjoni bejn it-TSOs.

Għal deċiżjonijiet dwar NEMOs skont l-Artikolu 9(6), għandu jiġi attribwit vot wieħed għal kull Stat Membru. Kull NEMO jrid ikollu numru ta' voti daqs in-numru ta' Stati Membri fejn huwa nnominat. Jekk jiġi nnominat iktar minn NEMO wieħed fit-territorju ta' Stat Membru, l-Istat Membru għandu jalloka s-setgħat ta' votazzjoni bejn in-NEMOs, filwaqt li jqis il-volum rispettiv tagħhom ta' elettriku transazzjonat f'dak l-Istat Membru partikolari fis-sena finanzjarja ta' qabel.

3.   Ħlief għall-Artikoli 43(1), 44, 56(1), 63 u 74(1) TSOs li jiddeċiedu fuq proposti għal patti u kundizzjonijiet jew metodoloġiji skont l-Artikolu 9(7) għandhom jiddeċiedu b'maġġoranza kkwalifikata jekk ma jintlaħaqx kunsens bejniethom u meta r-reġjuni kkonċernati jkunu magħmulin minn iktar minn ħames Stati Membri. Il-maġġoranza kkwalifikata għandha tintlaħaq fi ħdan kull waħda mill-klassijiet ta' votazzjoni rispettivi ta' TSOs u NEMOs. Maġġoranza kkwalifikata għal proposti skont l-Artikolu 9(7), għandha teħtieġ maġġoranza ta':

(a)

TSOs li tal-inqas jirrappreżentaw 72 % tal-Istati Membri kkonċernati; u

(b)

TSOs li jirrappreżentaw Stati Membri li tal-inqas fihom 65 % tal-popolazzjoni tar-reġjun ikkonċernat.

Minoranza li timblokka għal deċiżjonijiet skont l-Artikolu 9(7) trid tinkludi tal-inqas in-numru minimu ta' TSOs li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti, kif ukoll TSOs li jirrappreżentaw tal-inqas Stat Membru ieħor addizzjonali kkonċernat, u fin-nuqqas ta' dan għandu jitqies li nkisbet maġġoranza kkwalifikata.

TSOs li jiddeċiedu fuq proposti għal patti u kundizzjonijiet jew metodoloġiji skont l-Artikolu 9(7) b'rabta mar-reġjuni msawrin minn ħames Stati Membri jew inqas għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi tal-kunsens.

Għal deċiżjonijiet dwar TSOs skont l-Artikolu 9(7), għandu jiġi attribwit vot wieħed għal kull Stat Membru. Jekk hemm iktar minn TSO wieħed fit-territorju ta' Stat Membru, l-Istat Membru għandu jalloka s-setgħat ta' votazzjoni bejn it-TSOs.

NEMOs li jiddeċiedu fuq proposti għal patti u kundizzjonijiet jew metodoloġiji skont l-Artikolu 9(7) għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta' kunsens.

4.   Jekk it-TSOs jew in-NEMOs jonqsu milli jissottomettu proposta għal termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sal-iskadenzi ddefiniti f'dan ir-Regolament, huma għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti u lill-Aġenzija bl-abbozzi rilevanti tat-termini u l-kundizzjonijiet jew metodoloġiji u jispjegaw x'ipprevjena ftehim. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni u b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji kompetenti, wara talba tal-Kummissjoni, tinvestiga r-raġunijiet għan-nuqqas u tinforma lill-Kummissjoni dwarhom. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa sabiex tkun possibbli l-adozzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji meħtieġa fi żmien erba' xhur mill-wasla tal-informazzjoni tal-Aġenzija.

5.   Kull awtorità regolatorja għandha tapprova t-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji użati biex jiġu kkalkulati jew stabbiliti l-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata mit-TSOs u n-NEMOs. Huma responsabbli għall-approvazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji msemmija fil-paragrafi 6, 7 u 8.

6.   Il-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew metodoloġiji li ġejjin huma suġġetti għall- approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kollha:

(a)

il-pjan dwar it-twettiq konġunt ta' funzjonijiet MCO skont l-Artikolu 7(3);

(b)

ir-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata skont l-Artikolu 15(1);

(c)

il-metodoloġija tal-provvista ta' dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija skont l-Artikolu 16(1);

(d)

il-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni skont l-Artikolu 17(1);

(e)

il-proposta għal metodoloġija armonizzata ta' kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 21(4);

(f)

il-metodoloġija ta' riżerva skont l-Artikolu 36(3);

(g)

l-algoritmu sottomess min-NEMOs skont l-Artikolu 37(5), inklużi s-settijiet ta' rekwiżiti tat-TSOs u n-NEMOs għall-iżvilupp tal-algoritmu skont l-Artikolu 37(1);

(h)

prodotti li jistgħu jiġu kkunsidrati min-NEMOs fl-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament fl-istess ġurnata skont l-Artikoli 40 u 53;

(i)

il-prezzijiet massimi u minimi skont l-Artikoli 41(1) u 54(2);

(j)

il-metodoloġija tal-ipprezzar tal-kapaċità tal-istess ġurnata li għandha tiġi żviluppata skont l-Artikolu 55(1);

(k)

il-ħin tal-ftuħ tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata u l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 59(1);

(l)

l-iskadenza taċ-ċertezza tal-ġurnata bil-quddiem skont l-Artikolu 69;

(m)

il-metodoloġija tad-distribuzzjoni tal-introjtu mill-konġestjoni skont l-Artikolu 73(1);

7.   Il-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji li ġejjin huma suġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun ikkonċernat:

(a)

il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità komuni skont l-Artikolu 20(2);

(b)

id-deċiżjonijiet dwar l-introduzzjoni u l-postponiment tal-kalkolu bbażat fuq il-fluss skont l-Artikolu 20(2) sa (6) u dwar l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 20(7);

(c)

il-metodoloġija għar-ridispċċ u t-tpartit koordinat skont l-Artikolu 35(1);

(d)

il-metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-iskambji skedati skont l-Artikolu 43(1) u 56(1);

(e)

il-proċeduri ta' riżerva skont l-Artikolu 44;

(f)

l-irkanti reġjonali komplimentari skont l-Artikolu 63(1);

(g)

il-kundizzjonijiet sabiex issir allokazzjoni espliċita skont l-Artikolu 64(2);

(h)

il-metodoloġija tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ jew it-tpartit skont l-Artikolu 74(1).

8.   It-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji li ġejjin huma suġġett għall-approvazzjoni individwali minn kull awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti oħra tal-Istati Membri kkonċernati:

(a)

fejn applikabbli, in-nomina u r-revoka jew is-sospensjoni ta' NEMO skont l-Artikolu 4(2), 4(8) u 4(9);

(b)

jekk applikabbli, it-tariffi jew il-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkulati t-tariffi tan-NEMOs relatati man-negozjar fis-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 5(1);

(c)

proposti għal TSOs individwali għal reviżjoni tal-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti skont l-Artikolu 32(1)(d);

(d)

fejn applikabbli, il-proposta għal allokazzjoni tal-kapaċità transżonali u arranġamenti oħrajn skont l-Artikoli 45 u 57;

(e)

l-ispejjeż tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni skont l-Artikoli 75 sa 79;

(f)

jekk applikabbli, il-qsim tal-ispejjeż reġjonali u nazzjonali tal-akkoppjament ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 80(4).

9.   Il-proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji tinkludi perjodu ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom u deskrizzjoni tal-impatt mistenni tagħhom fuq l-għanijiet ta' dan ir-Regolament. Il-proposti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji soġġetti għall-approvazzjoni minn diversi awtoritajiet regolatorji jew kollha kemm huma jiġu sottomessi lill-Aġenzija fl-istess żmien li jiġu sottomessi lill-awtoritajiet regolatorji. Wara li ssir talba mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti, l-Aġenzija toħroġ opinjoni fi żmien tliet xhur dwar il-proposta għat-termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji.

10.   Meta l-approvazzjoni tal-patti u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji tkun teħtieġ deċiżjoni minn iktar minn awtorità regolatorja waħda, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jikkonsultaw u, jikkooperaw mill-qrib u jikkoordinaw ma' xulxin sabiex jaslu għal ftehim. Fejn applikabbli, l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jikkunsidraw l-opinjoni tal-Aġenzija. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu deċiżjonijiet dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji sottomessi b'konformità mal-paragrafi 6, 7 u 8 fi żmien sitt xhur wara li l-awtorità regolatorja jew, meta applikabbli, l-aħħar awtorità regolatorja kkonċernata, tirċievi l-patti u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji.

11.   Meta l-awtoritajiet regolatorji ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 10, jew fuq talba konġunta tagħhom, l-Aġenzija għandha tadotta deċiżjoni dwar il-proposti sottomessi għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji fi żmien sitt xhur skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

12.   F'każ li waħda mill-awtoritajiet regolatorji jew bosta minnhom jitolbu emenda sabiex japprovaw it-termini u kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji sottomessi b'konformità mal-paragrafi 6, 7 u 8, it-TSOs jew in-NEMOs rilevanti għandhom jissottomettu proposta għal termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji emendati għall-approvazzjoni fi żmien xahrejn wara t-talba mill-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jiddeċiedu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji emendati fi żmien xahrejn wara s-sottomissjoni tagħhom. Meta l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-patti u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji skont il-paragrafi (6) u (7) fi żmien il-perjodu ta' xahrejn, jew meta jagħmlu talba konġunta, l-Aġenzija tadotta deċiżjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji emendati fi żmien sitt xhur skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009. Jekk it-TSOs jew in-NEMOs rilevanti jonqsu milli jissottomettu proposta għal termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji emendati, għandha tapplika l-proċedura prevista fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

13.   It-TSOs u n-NEMOs responsabbli għall-iżvilupp tat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jew l-awtoritajiet regolatorji responsabbli għall-adozzjoni tagħhom b'konformità mal-paragrafi 6, 7 u 8 jistgħu jitolbu emenda ta' dawn it-termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji.

Il-proposti għal emendi tat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jiġu sottomessi għall-konsultazzjoni f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 u jiġu approvati f'konformità mal-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu.

14.   TSOs u NEMOs responsabbli għall-istabbiliment tal-patti u l-kundizzjonijiet jew ta' metodoloġiji skont dan ir-Regolament għandhom jippubblikawhom fuq l-Internet wara li jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti jew, jekk ma jkun hemm bżonn ta' ebda approvazzjoni bħal din, ħlief meta t-tali informazzjoni titqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 13.

Artikolu 10

Ġestjoni ta' kuljum tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata

It-TSOs u n-NEMOs għandhom jorganizzaw flimkien il-ġestjoni ta' kuljum tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata. Għandhom jiltaqgħu b'mod regolari biex jiddiskutu u jiddeċiedu fuq kwistjonijiet operazzjonali ta' kuljum. It-TSOs u n-NEMOs għandhom jistiednu lill-Aġenzija u l-Kummissjoni bħala osservaturi għal dawn il-laqgħat u għandhom jippubblikaw sommarju tal-minuti tal-laqgħat.

Artikolu 11

Involviment tal-partijiet interessati

F'kooperazzjoni mill-qrib mal-ENTSO għall-Elettriku, l-Aġenzija għandha torganizza l-involviment tal-partijiet interessati dawr akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata u aspetti oħrajn tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jinkludi laqgħat regolari mal-partijiet interessati sabiex jiġu identifikati problemi u jiġi propost titjib b'mod partikolari b'rabta mal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata. Dan ma għandux jieħu post il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 12.

Artikolu 12

Konsultazzjoni

1.   It-TSOs u n-NEMOs responsabbli għas-sottomissjoni tal-proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji jew l-emendi tagħhom b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet relevanti ta' kull Stat Membru, dwar l-abbozz ta' proposti għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji meta dan ikun stipulat b'mod espliċitu f'dan ir-Regolament. Din il-konsultazzjoni ddum għal perjodu ta' mhux inqas minn xahar.

2.   Il-proposti għal termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji sottomessi mit-TSOs u n-NEMOs fil-livell tal-Unjoni jiġu ppubblikati u sottomessi għall-konsultazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Il-proposti sottomessi mit-TSOs u n-NEMOs fil-livell reġjonali jiġu sottomessi għall-konsultazzjoni tal-inqas fil-livell reġjonali. Il-partijiet li jissottomettu proposti fil-livell bilaterali u multilaterali għandhom jikkonsultaw tal-inqas lill-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-entitajiet responsabbli għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji għandhom jikkunsidraw kif meħtieġ l-opinjonijiet tal-parteċipanti ewlenin li jirriżultaw mill-konsultazzjoni li tkun saret b'konformità mal-paragrafu 1, qabel is-sottomissjoni tagħha għall-approvazzjoni regolatorja jekk mitlub skont l-Artikolu 9 jew qabel il-pubblikazzjoni fil-każijiet l-oħra kollha. Fil-każijiet kollha, ġustifikazzjoni ċara u robusta għall-inklużjoni jew le tal-opinjonijiet li jirriżultaw mill-konsultazzjoni tiġi żviluppata fis-sottomissjoni u ppubblikata f'ħin xieraq qabel jew waqt il-pubblikazzjoni tal-proposta għat-termini u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji.

Artikolu 13

Obbligi ta' kunfidenzjalità

1.   Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li tasal, tiġi skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament tiġi suġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali japplika għal kwalunkwe persuna suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

3.   Informazzjoni kunfidenzjali li tasal għand il-persuni msemmija fil-paragrafu 2 matul l-eżerċitar tal-kompiti tagħhom ma tistax tiġi żvelata lill-ebda persuna jew jew awtorità oħra mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi nazzjonali, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, jew leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet regolatorji, korpi jew persuni li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss għall-finijiet tal-qadi tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

TITOLU II

REKWIŻITI GĦAL TERMINI, KUNDIZZJONIJIET U METODOLOĠIJI LI JIKKONĊERNAW L-ALLOKAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ U L-ĠESTJONI TAL-KONĠESTJONI

KAPITOLU 1

Kalkolu tal-kapaċità

Taqsima 1

Rekwiżiti ġenerali

Artikolu 14

Perjodi taż-żmien għall-kalkolu tal-kapaċità

1.   It-TSOs kollha jikkalkulaw il-kapaċità transżonali għal ta' mill-inqas il-perjodi ta' żmien li ġejjin:

(a)

ġurnata bil-quddiem għas-suq ta' ġurnata bil-quddiem;

(b)

tal-istess ġurnata għas-suq tal-istess ġurnata.

2.   Għall-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem, jiġu kkalkulati l-valuri individwali għall-kapaċità transżonali għal kull unità ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem. Għall-perjodu ta' żmien tas-suq tal-istess ġurnata, jiġu kkalkulati l-valuri individwali għall-kapaċità transżonali għal kull unità ta' żmien li baqa' għall-kapaċità transżonali.

3.   Għall-perjodu ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem, il-kalkolu tal-kapaċità jkun ibbażat fuq l-aħħar informazzjoni disponibbli. L-aġġornament tal-informazzjoni għall-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem ma għandux jibda qabel il-ħin tas-suq 15:00 jumejn qabel il-ġurnata tal-kunsinna.

4.   It-TSOs kollha ta' reġjun bil-kapaċità kkalkulata jiżguraw li l-kapaċità transżonali tiġi kkalkulata mill-ġdid fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli. Il-frekwenza ta' dan il-kalkolu mill-ġdid tqis l-effiċjenza u sigurtà operazzjonali.

Artikolu 15

Reġjuni bil-kapaċità kkalkulata

1.   Sa tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt proposta komuni dwar id-determinazzjoni tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata. Il-proposta hija suġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddefinixxi l-fruntieri taż-żona tal-offerti attribwiti għat-TSOs li huma membri ta' kull reġjun ta' kalkolu tal-kapaċità. Għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tikkunsidra r-reġjuni speċifikati fil-punt 3(2) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(b)

kull konfini taż-żona tal-offerti, jew żewġ konfini separati taż-żona tal-offerti jekk applikabbli, li permezz tagħhom teżisti l-interkonnessjoni bejn żewġ żoni tal-offerti, jiġu assenjati reġjun bil-kapaċità kkalkulata;

(c)

tal-inqas dawk it-TSOs għandhom jiġu assenjati lir-reġjuni kollha bil-kapaċità kkalkulata fejn għandhom konfini maż-żona tal-offerti.

3.   Ir-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata li japplikaw approċċ abbażi tal-fluss jiġu amalgamati f'reġjun wieħed bil-kapaċità kkalkulata jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

is-sistemi ta' trażmissjoni tagħhom huma marbuta direttament ma' xulxin;

(b)

jieħdu sehem fl-istess żona ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata;

(c)

l-amalgamazzjoni tagħhom hija iktar effiċjenti milli jinżammu separati. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistgħu jitolbu analiżi konġunta tal-kostijiet-benefiċċji mit-TSOs ikkonċernati sabiex tiġi vvalutata l-effiċjenza tal-amalgamazzjoni.

Taqsima 2

Il-mudell ta' grilja komuni

Artikolu 16

Metodoloġija tal-provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija

1.   Sa 10 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha jiżviluppaw b'mod konġunt proposta għal metodoloġija singola għat-twassil tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija meħtieġa biex jiġi stabbilit il-mudell ta' grilja komuni, li hija suġġetta għall-konsultazzjoni skont l-Artikolu 12. Il-proposta tinkludi ġustifikazzjoni, abbażi tal-għanijiet ta' dan ir-Regolament, li jirrikjedu l-informazzjoni.

2.   Il-proposta għall-metodoloġija ta' provvista ta' dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija tispeċifika liema unitajiet u tagħbijiet ta' ġenerazzjoni huma meħtieġa sabiex jipprovdu informazzjoni lit-TSOs rispettivi tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità.

3.   Il-proposta għall-metodoloġija ta' provvista ta' dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija tispeċifika informazzjoni li għandha tkun ipprovduta mill-unitajiet u t-tagħbijiet ta' ġenerazzjoni lit-TSOs. L-informazzjoni ta' mill-inqas tinkludi, dan li ġej:

(a)

informazzjoni relatata mal-karatteristiċi tekniċi tagħhom;

(b)

informazzjoni relatata mad-disponibbiltà tal-unitajiet u t-tagħbijiet ta' ġenerazzjoni;

(c)

informazzjoni relatata mal-iskedi tal-unitajiet ta' ġenerazzjoni;

(d)

l-informazzjoni disponibbli rilevanti relatata ma' kif ser jiġu dispaċċjati l-unitajiet ta' ġenerazzjoni.

4.   Il-metodoloġija tispeċifika l-iskadenzi applikabbli għall-unitajiet u t-tagħbijiet ta' ġenerazzjoni sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Kull TSO juża u jikkondividi ma' TSOs oħra, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3(d) tintuża għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità biss.

6.   Mhux iktar tard minn xahrejn wara l-approvazzjoni tal-metodoloġija tal-provvista ta' dejta dwar il-ġenerazzjoni u t-tagħbija mill-awtoritajiet regolatorji kollha, l-ENTSO għall-Elettriku jippubblika:

(a)

lista tal-entitajiet li jridu jipprovdu l-informazzjoni lit-TSOs;

(b)

lista tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 li għandha tiġi pprovduta;

(c)

skadenzi sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni.

Artikolu 17

Il-metodoloġija ta' mudell ta' grilja komuni

1.   Sa 10 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha jiżviluppaw b'mod konġunt proposta għal metodoloġija ta' mudell ta' grilja komuni. Il-proposta hija suġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   Il-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni tippermetti l-istabbiliment tal-mudell ta' grilja komuni. Hija tinkludi ta' mill-inqas il-punti li ġejjin:

(a)

definizzjoni tax-xenarji skont l-Artikolu 18;

(b)

definizzjoni tal-mudelli ta' grilja individwali skont l-Artikolu 19;

(c)

deskrizzjoni tal-proċess biex il-mudelli ta' grilja individwali jiġu amalgamati biex jifformaw mudell ta' grilja komuni.

Artikolu 18

Xenarji

1.   It-TSOs kollha jiżviluppaw flimkien xenarji komuni għal kull perjodu ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità msemmi fl-Artikolu 14(1)(a) u (b). Ix-xenarji komuni jintużaw biex jiddeskrivu sitwazzjoni speċifika ta' tbassir tal-ġenerazzjoni, it-tagħbija t-topoloġija tal-grilja għas-sistema ta' trażmissjoni fil-mudell ta' grilja komuni.

2.   Jiġi żviluppat xenarju għal kull unità ta' ħin tas-suq kemm għall-perjodu ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità ġurnata bil-quddiem kif ukoll tal-istess ġurnata.

3.   Għal kull xenarju, it-TSOs kollha jistabbilixxu b'mod konġunt regoli komuni li jiddeterminaw il-pożizzjoni netta f'kull żona tal-offerti u l-fluss għal kull linja ta' kurrent dirett. Dawn ir-regoli komuni jiġu ddefiniti fuq l-aħjar previżjoni tal-pożizzjoni netta għal kull żona tal-offerti u fuq l-aħjar previżjoni tal-flussi fuq kull linja ta' kurrent dirett għal kull xenarju u jinkludu l-bilanċ globali bejn it-tagħbija u l-ġenerazzjoni tas-sistema ta' trażmissjoni tal-Unjoni. Ma għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni mhux dovuta bejn l-iskambji interni u transżonali meta jiġu ddefiniti x-xenarji, b'konformità mal-punt 1.7 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

Artikolu 19

Mudell ta' grilja individwali

1.   Għal kull żona tal-offerti u għal kull xenarju:

(a)

it-TSOs kollha fiż-żona tal-offerti jipprovdu b'mod konġunt mudell ta' grilja individwali singolu li jikkonforma mal-Artikolu 18(3); jew

(b)

kull TSO fiż-żona tal-offerti jipprovdi mudell ta' grilja individwali għaż-żona ta' kontroll tiegħu, inklużi l-interkonnessjonijiet, sakemm l-ammont tal-pożizzjonijiet netti fiż-żoni ta' kontroll, inklużi l-interkonnessjonijiet, li jkopri ż-żona tal-offerti jikkonforma mal-Artikolu 18(3).

2.   Kull mudell ta' grilja individwali jippreżenta l-aħjar previżjoni possibbli tal-kundizzjonijiet tas-sistema ta' trażmissjoni għal kull xenarju speċifikat mit-TSOs fiż-żmien meta jinħoloq il-mudell ta' grilja individwali.

3.   Il-mudelli ta' grilja individwali ikopru l-elementi kollha tan-netwerk tas-sistema ta' trażmissjoni li jintużaw fl-analiżi tas-sigurtà operazzjonali reġjonali għall-perjodu ta' żmien ikkonċernat.

4.   It-TSOs kollha jarmonizzaw sal-punt massimu possibbli il-mod li bih jinbnew il-mudelli individwali tal-grilji.

5.   Kull TSO jipprovdi d-dejta kollha meħtieġa fil-mudell tal-grilja individwali biex jippermetti l-fluss ta' enerġija attiv u reattiv u l-analiżijiet tal-vultaġġ fl-istat fiss.

6.   Fejn ikun xieraq, u bi ftehim bejn it-TSOs kollha f'reġjun bil-kapaċità kkalkulata, kull TSO ta' dak ir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata, jiskambja d-dejta ma' TSOs oħra biex jippermetti l-analiżijiet tal-istabbiltà dinamika u tal-vultaġġ.

Taqsima 3

Metodoloġiji tal-kalkolu tal-kapaċità

Artikolu 20

Introduzzjoni għall-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità abbażi tal-fluss

1.   Għall-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem u l-perjodu ta' żmien tas-suq tal-istess ġurnata, l-approċċ użat fil-metodoloġiji ta' kalkolu tal-kapaċità komuni għandu jkun approċċ ibbażat fuq il-fluss, ħlief meta jkun issodisfat ir-rekwiżit ta' paragrafu 7.

2.   Sa mhux aktar tard minn 10 xhur wara l-approvazzjoni tal-proposta għal reġjuni bil-kapaċità kkalkulata skont l-Artikolu 15(1), it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata jissottomettu proposta għal metodoloġija ta' kalkolu tal-kapaċità kkoordinata komuni fir-reġjun rispettiv. Il-proposta tkun suġġetta għal konsultazzjoni mal-Artikolu 12. Il-proposta għall-metodoloġija ta' kalkolu tal-kapaċità fi ħdan ir-reġjuni skont dan il-paragrafu fir-reġjuni ta' kalkolu tal-kapaċità fuq il-bażi tal-“Ewropa tal-Majjistral” (“NWE”) u l-“Ewropa Ċentrali tal-Lvant” (“CEE”) kif iddefiniti fil-punti (b), u (d) tal-punt 3.2 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 714/2009 kif ukoll fir-reġjuni msemmijin fil-paragrafu 3 u 4, għandha tkun ikkumplimentata b'qafas komuni għall-koordinazzjoni u l-kompatibilità tal-metodoloġiji bbażati fuq il-fluss fost ir-reġjuni li jridu jiġu żviluppati skont il-paragrafu 5.

3.   It-TSOs mir-reġjun ta' kalkolu tal-kapaċità fejn hija inkluża l-Italja, kif iddefinit fil-punt (c) tal-punt 3.2 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 714/2009, jistgħu jestendu l-iskadenza mingħajr ħsara għall-obbligu fil-paragrafu 1 għas-sottomissjoni tal-proposta għal metodoloġija komuni u kkoordinata ta' kalkolu tal-kapaċità bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq il-fluss għar-reġjuni rispettiv skont il-paragrafu 2 sa sitt xhur wara li l-Iżvizzera tissieħeb fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem. Il-proposta mhux bilfors trid tinkludi konfini taż-żona tal-offerti fi ħdan l-Italja u bejn l-Italja u l-Greċja.

4.   Mhux iktar tard minn sitt xhur wara, tal-inqas wara li l-Partijiet Kontraenti kollha tal-Komunità tal-Enerġija tax-Xlokk tal-Ewropa jieħdu sehem fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem, it-TSOs minn tal-inqas il-Kroazja, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja għandhom jissottomettu flimkien proposta biex tiġi introdotta metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità bl-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-fluss għall-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata. Il-proposta għandha tipprovdi għal data ta' implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità bl-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-flussi ta' mhux iktar minn sentejn wara l-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti kollha tal-Komunità tal-Enerġija SEE fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem. It-TSOs mill-Istati Membri li għandhom konfini ma' reġuni oħrajn huma mħeġġin jissieħbu fl-inizjattivi sabiex jimplimentaw metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità fuq il-bażi tal-flussi ma' dawn ir-reġjuni.

5.   Meta żewġ reġjuni ta' kalkolu tal-kapaċità biswit xulxin jew iktar fl-istess żona sinkronika jimplimentaw metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità bl-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-flussi għall-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata, għandhom jitqiesu bħala reġjun wieħed għal dan il-għan u t-TSOs minn dan ir-reġjun għandhom jissottomettu fi żmien sitt xhur proposta sabiex japplikaw metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità bl-użu tal-approċċ fuq il-bażi tal-flussi għall-perjodu ta' żmien tas-suq ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata. Il-proposta għandha tipprovdi għal data ta' implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità transreġjonali ta' mhux iktar minn 12-il xahar wara l-implimentazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq il-fluss f'dawn ir-reġjuni għall-metodoloġija għall-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem, u 18-il xahar għall-metodoloġija għall-perjodu ta' żmien fl-istess ġurnata. Il-perjodi ta' żmien indikati f'dan il-paragrafu jistgħu jiġu adattati skont il-paragrafu 6.

Il-metodoloġija fiż-żewġ reġjuni ta' kalkolu tal-kapaċità li bdew jiżviluppaw metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità tista' tiġi implimentati l-ewwel qabel ma tiġi żviluppata metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità ma' kwalunkwe reġjun ieħor ta' kalkolu tal-kapaċità.

6.   Jekk it-TSOs ikkonċernati kapaċi juru li l-applikazzjoni tal-metodoloġiji komuni bbażati fuq il-flussi skont il-paragrafi 4 u 5 ma jkunux għadhom saru iktar effiċjenti jekk jiġi supponut l-istess livell ta' sigurtà operazzjonali, jistgħu jitolbu b'mod konġunt lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jipposponu l-iskadenzi.

7.   It-TSOs jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet regolatorji kompetenti b'mod konġunt sabiex japplikaw l-approċċ koordinat ta' kapaċità ta' trażmissjoni netta fir-reġjuni u l-konfini taż-żona tal-offerti li mhuwiex dawk imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 4, jekk it-TSOs kapaċi juru li l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità bl-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-flussi ma jkunx għadu sar iktar effiċjenti meta mqabbel mal-approċċ koordinat tal-kapaċità ta' trażmissjoni netta u jekk jiġi supponut l-istess livell ta' sigurtà operazzjonali fir-reġjun ikkonċernat.

8.   Sabiex il-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jadattaw għal kwalunkwe bidla fl-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità, it-TSOs ikkonċernati għandhom jittestjaw l-approċċ il-ġdid flimkien mal-approċċ eżistenti u jinvolvu lill-parteċipanti tas-suq għal ta' mill-inqas sitt xhur qabel ma jimplimentaw proposta sabiex jinbidel l-approċċ ta' kalkolu tal-kapaċità.

9.   It-TSOs ta' kull reġjun ta' kalkolu tal-kapaċità li japplikaw l-approċċ ibbażat fuq il-flussi għandhom jistabbilixxu u jqiegħdu għad-dispożizzjoni għodda li tħalli lill-parteċipanti fis-suq jevalwaw l-interazzjoni bejn il-kapaċitajiet transżonali u l-iskambji transżonali bejn iż-żoni tal-offerti.

Artikolu 21

Il-Metodoloġija ta' kalkolu tal-kapaċità

1.   Il-proposta għal metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità għal reġjun bil-kapaċità kkalkulata ddeterminata skont l-Artikolu 20(2) tinkludi ta' mill-inqas il-punti li ġejjin għall-perjodu ta' żmien ta' kalkolu tal-kapaċità:

(a)

Metodoloġiji għall-kalkolu tal-inputs għall-kalkolu tal-kapaċità li jinkludu l-parametri li ġejjin:

(i)

metodoloġija sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta' affidabbiltà skont l-Artikolu 22;

(ii)

il-metodoloġiji għad-determinazzjoni tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali, kontinġenzi rilevanti għall-kalkolu tal-kapaċità, u limitazzjonijiet tal-allokazzjoni li jistgħu jiġu applikati skont l-Artikolu 23;

(iii)

il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni skont l-Artikolu 24;

(iv)

il-metodoloġija għad-determinazzjoni ta' azzjonijiet ta' rimedju li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 25.

(b)

deskrizzjoni ddettaljata tal-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità li tinkludi dan li ġej:

(i)

deskrizzjoni matematika tal-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità applikat b'inputs tal-kalkolu tal-kapaċità differenti;

(ii)

regoli biex tiġi evitata diskriminazzjoni mhux xierqa bejn l-iskambji interni u transżonali biex tiġi żgurata l-konformità mal-punt 1.7 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(ii)

regoli għall-kunsiderazzjoni fejn xieraq ta' kapaċitajiet transżonali allokati preċedentement;

(iv)

regoli dwar l-aġġustamenti tal-flussi tal-enerġija fuq l-elementi kruċjali tan-netwerk jew il-kapaċità transżonali minħabba l-azzjonijiet ta' rimedju skont l-Artikolu 25;

(v)

għall-approċċ abbażi tal-fluss, deskrizzjoni matematika tal-kalkolu tal-fatturi ta' distribuzzjoni tat-trasferimenti u tal-kalkolu tal-marġni disponibbli fuq l-elementi kruċjali tan-netwerk;

(vi)

għall-approċċ ikkoordinat tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni, ir-regoli biex jiġu kkalkulati l-kapaċitajiet transżonali, inklużi r-regoli biex jiġu kondiviżi b'mod effiċjenti l-kapaċitajiet ta' flussi tal-enerġija tal-elementi kruċjali tan-netwerk fost konfini taż-żona tal-offerti differenti;

(vii)

meta l-flussi tal-enerġija fuq l-elementi kruċjali tan-netwerk ikunu influwenzati minn skambji ta' enerġija transżonali f'reġjuni bil-kapaċità kkalkulata differenti, ir-regoli biex jiġu kondiviżi fost reġjuni bil-kapaċità kkalkulata differenti, il-kapaċitajiet ta' fluss tal-enerġija tal-elementi kruċjali tan-netwerk biex jiġu akkomodati dawn il-flussi.

(c)

metodoloġija għall-validazzjoni tal-kapaċità transżonali skont l-Artikolu 26.

2.   Għall-perjodu ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità tal-istess ġurnata, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità tinkludi wkoll il-frekwenza li biha l-kapaċità tiġi rivalutata skont l-Artikolu 14(4), u għandha tagħti raġunijiet għall-frekwenza magħżula.

3.   Il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità għandha tinkludi proċedura ta' riżerva għall-każ meta l-kalkolu tal-kapaċità inizjali ma jwassal għall-ebda riżultat.

4.   It-TSOs kollha ta' kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata, sa fejn ikun possibbli għandhom jużaw l-inputs armonizzati tal-kalkolu tal-kapaċità. Sal-31 ta' Diċembru 2020, ir-reġjuni kollha għandhom jużaw metodoloġija armonizzata għall-kalkolu tal-kapaċità li b'mod partikolari għandha tipprovdi għal metodoloġija armonzizata għall-kalkolu tal-kapaċità għall-approċċ ibbażat fuq il-flussi u l-approċċ koordinat tal-kapaċità ta' trażmissjoni netta. L-armonzizazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-effiċjenza dwar l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji bbażati fuq il-flussi u l-metodoloġiji koordinati tal-kapaċità ta' trażmissjoni netta li jipprovdu għall-istess livell ta' sigurtà operazzjonali. It-TSOs kollha għandhom jissottomettu l-valutazzjoni ma' proposta għat-trażizzjoni lejn metodoloġija armonizzata għall-kalkolu tal-kapaċità lill-awtoritajiet regolatorji kollha fi żmien 12-il xahar wara li tal-inqas żewġ reġjuni ta' kalkolu tal-kapaċità jkunu implimentaw il-metodoloġija komuni ta' kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 20(5).

Artikolu 22

Metodoloġija tal-marġni ta' affidabbiltà

1.   Il-proposta għal metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità għandha tinkludi metodoloġija sabiex jiġi ddeterminat il-marġni tal-affidabbiltà. Il-metodoloġija sabiex jiġi determinat il-marġni tal-affidabbiltà għandha tikkonsisti f'żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, it-TSOs rilevanti jistmaw id-distribuzzjoni tal-probabbiltà ta' devjazzjonijiet bejn il-flussi mistennija tal-enerġija fiż-żmien tal-kalkolu tal-kapaċità u l-flussi tal-enerġija realizzati f'ħin reali. Fit-tieni fażi, il-marġni tal-affidabbiltà jiġi kkalkulat billi jiġi derivat valur mill-probabbiltà tad-distribuzzjoni.

2.   Il-metodoloġija sabiex jiġi determinat il-marġni tal-affidabbiltà għandha tistabbilixxi l-prinċipji għall-kalkolu tad-distribuzzjoni tal-probabbiltà tad-devjazzjonijiet bejn il-flussi mistennija tal-enerġija fiż-żmien tal-kalkolu tal-kapaċità u l-flussi tal-enerġija realizzati f'ħin reali, u tispeċifika inċertezzi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu. Sabiex jiġu ddeterminati dawk l-inċertezzi, il-metodoloġija b'mod partikolari għandha tikkunsidra:

(a)

devjazzjonijiet mhux intenzjonati ta' flussi fiżiċi tal-elettriku f'unità ta' żmien tas-suq ikkawżati mill-aġġustament tal-flussi tal-elettriku fiż-żoni ta' kontroll jew bejniethom sabiex tinżamm frekwenza kostanti;

(b)

inċertezzi li jistgħu jaffettwaw il-kalkolu tal-kapaċità li jista' jokkorri bejn il-perjodu ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità u l-ħin reali, għall-unità taż-żmien tas-suq li qed tiġi kkunsidrata.

3.   Fil-metodoloġija sabiex jiġi ddeterminat il-marġni tal-affidabbiltà, it-TSOs għandhom jistabbilixxu wkoll prinċipji armonizzati komuni sabiex il-marġni tal-affidabbiltà jiġi derivat mid-distribuzzjoni tal-probabbiltà.

4.   Abbazi tal-metodoloġija adottata b'konformità mal-paragrafu 1, it-TSOs għandhom jiddeterminaw il-marġni tal-affidabbiltà li jirrispettaw il-limiti tas-sigurtà operazzjonali u jikkunsidraw inċertezzi bejn il-perjodu ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità u l-ħin reali, u l-azzjonijiet ta' rimedju disponibbli wara l-kalkolu tal-kapaċità.

5.   Għal kull perjodu ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità, it-TSOs ikkonċernati għandhom jiddeterminaw il-marġni tal-affidabbiltà għal elementi kritiċi tan-netwerk, meta jiġi applikat l-approċċ abbażi tal-fluss, u għall-kapaċità transżonali, meta jiġi applikat l-approċċ ikkoordinat tal-kapaċità netta tat-trażmissjoni.

Artikolu 23

Metodoloġiji għal-limiti tas-sigurtà operazzjonali,il-kontinġenzi u l-limiti ta' allokazzjoni

1.   Kull TSO għandu jirrispetta l-limiti tas-sigurtà operazzjonali u l-kontinġenzi użati fl-analiżi tas-sigurtà operazzjonali.

2.   Il-limiti ta' sigurtà operazzjonali u l-kontinġenzi użati fil-kalkolu tal-kapaċità ma jkunux l-istess bħal dawk użati fl-analiżi tas-sigurtà operazzjonali. It-TSOs għandhom jiddeskrivu fil-proposta tal-metodoloġija komuni tal-kalkolu tal-kapaċità il-metodu u l-kriterji partikolari li użaw sabiex jiddeterminaw il-limiti tas-sigurtà operazzjonali u l-kontinġenzi użati għall-kalkolu tal-kapaċità.

3.   Jekk it-TSOs japplikaw limitazzjonijiet tal-allokazzjoni, dawn jistgħu jiġu determinati biss bl-użu ta':

(a)

limiti meħtieġa biex tinżamm is-sistema ta' trażmissjoni fil-limiti ta' sigurtà operazzjonali u li ma jistgħux jiġu ttrasformati b'mod effiċjenti fi flussi massimi fuq elementi kritiċi tan-netwerk: jew

(b)

limiti maħsuba biex jiżdied is-surplus ekonomiku għal akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata.

Artikolu 24

Metodoloġija tal-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni

1.   Il-proposta għal metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kapaċità għandha tinkludi proposta għal metodoloġija sabiex tiġi stabbilita kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni komuni għal kull żona tal-offerti u xenarju żviluppat skont l-Artikolu 18.

2.   Il-kjavi tat-trasponiment tal-ġenerazzjoni jirrappreżentaw l-aqwa previżjoni tar-relazzjoni ta' bidla fil-pożizzjoni netta taż-żona tal-offerti f'bidla speċifika ta' ġenerazzjoni jew tagħbija fil-mudell ta' grilja komuni. Din il-previżjoni tikkunsidra b'mod partikolari l-informazzjoni mill-metodoloġija ta' provista ta' dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija.

Artikolu 25

Metodoloġija għal azzjonijiet ta' rimedju fil-kalkolu tal-kapaċità

1.   Kull TSO f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandu jiddefinixxi b'mod individwali l-azzjonijiet ta' rimedju li għandhom jittieħdu fil-kalkolu tal-kapaċità biex jiġu ffaċilitati l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   Kull TSO f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandu jikkoordina mat-TSOs l-oħra f'dak ir-reġjun l-użu ta' azzjonijiet ta' rimedju li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-kapaċità u l-applikazzjoni attwali tagħhom f'operazzjoni f'ħin reali.

3.   Sabiex l-azzjonijiet ta' rimedju jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-kapaċità, it-TSOs kollha f'kull reġjun b'kapaċità kkalkulata jaqblu li jużaw l-azzjonijiet ta' rimedju li jirrikjedu l-azzjoni ta' iktar minn TSO waħda.

4.   Kull TSO għandu jiżgura li l-azzjonijiet ta' rimedju jitqiesu fil-kalkolu tal-kapaċità bil-kundizzjoni li l-azzjonijiet ta' rimedju li baqa' wara l-kalkolu, flimkien mal-marġni tal-affidabbiltà msemmija fl-Artikolu 22 huma suffiċjenti biex tiġi żgurata s-sigurtà operazzjonali.

5.   Kull TSO għandu jqis l-azzjonijiet ta' rimedju mingħajr spejjeż fil-kalkolu tal-kapaċità.

6.   Kull TSO għandu jiżgura li l-azzjonijiet ta' rimedju li għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-kapaċità huma l-istess għall-perjodi ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-disponibilitajiet tekniċi tagħhom għal kull perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità.

Artikolu 26

Metodoloġija tal-validazzjoni tal-kapaċità transżonali

1.   Kull TSO għandu jivvalida u għandu d-dritt li jikkorreġi l-kapaċità transżonali rilevanti għall-konfini taż-żona tal-offerti tat-TSO jew l-elementi kruċjali tan-netwerk ipprovduti mill-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata skont l-Artikoli 27 sa 31.

2.   Fejn jiġi applikat approċċ koordinat tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni, it-TSOs kollha tar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jinkludu fil-metodoloġija ta' kalkolu tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 21, regola għall-qsim tal-korrezzjoni tal-kapaċità transżonali bejn il-fruntieri taż-żona tal-offerti differenti.

3.   Kull TSO jista' jnaqqas il-kapaċità transżonali matul il-validazzjoni tal-kapaċità transżonali msemmija fil-paragrafu 1 għal raġunijiet ta' sigurtà operazzjonali.

4.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jikkoordina mal-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata tal-viċinat matul il-kalkolu tal-kapaċità u l-validazzjoni.

5.   Kull tliet xhur, kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jirrapporta t-tnaqqis li sar matul il-validazzjoni tal-kapaċità transżonali b'konformità mal-paragrafu 3 lill-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata. Dan ir-rapport għandu jinkludi l-lokazzjoni u l-ammont ta' kwalunkwe tnaqqis fil-kapaċità transżonali u jagħti ġustifikazzjoni għat-tnaqqis.

6.   L-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun bil-kapaċità kkoordinata għandhom jiddeċiedu jekk jippubblikawx ir-rapport kollu jew parti minnu msemmi fil-paragrafu 5.

Taqsima 4

Il-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità

Artikolu 27

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-deċizjoni dwar il-metodoloġija ta' provvista tad-dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija msemmija fl-Artikolu 16 u dwar il-metodoloġija tal-mudell ta' grilja komuni msemmija fl-Artikolu 17, it-TSOs kollha għandhom jorganizzaw il-proċess ta' amalgamazzjoni tal-mudelli tal-grilja individwali.

2.   Sa mhux aktar tard minn erba' xhur wara d-deċiżjonijiet dwar il-metodoloġiji msemmija fl-Artikoli 20 u 21, it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jistabbilixxu b'mod konġunt il-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata u jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw l-operazzjonijiet tagħhom.

3.   It-TSOs kollha ta' kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jirrevedu l-kwalità tad-dejta sottomessa fil-kalkolu tal-kapaċità kull tieni sena bħala parti mir-rapport biennali tagħhom dwar il-kalkolu tal-kapaċità u allokazzjoni prodotta skont l-Artikolu 31.

4.   Permezz tal-użu tal-aħħar informazzjoni disponibbli, it-TSOs kollha għandhom jirrevedu u jaġġornaw regolarment u ta' mill-inqas darba f'sena:

(a)

il-limiti ta' sigurtà operazzjonali, il-kontiġenzi u l-limiti ta' allokazzjoni użati għall-kalkolu tal-kapaċità;

(b)

id-distribuzzjoni tal-probabbiltà tad-devjazzjonijiet bejn il-flussi tal-enerġija mistennija fil-ħin tal-kalkolu tal-kapaċità u l-flussi tal-enerġija realizzati fil-ħin reali użati għall-kalkolu tal-marġni ta' affidabbiltà;

(c)

l-azzjonijiet ta' rimedju kkunsidrati fil-kalkolu tal-kapaċità;

(d)

l-applikazzjoni tal-metodoloġiji għad-determinazzjoni tal-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni, l-elementi kruċjali tan-netwerk u l-kontiġenzi msemmija fl-Artikoli 22 sa 24.

Artikolu 28

Il-ħolqien ta' mudell ta' grilja komuni

1.   Għal kull perjodu ta'żmien għall-kalkolu tal-kapaċità msemmi fl-Artikolu 14(1), kull unità ta' ġenerazzjoni jew tagħbija soġġetta għall-Artikolu 16 għandha tipprovdi d-dejta speċifikata fil-metodoloġija tal-provvista ta' dejta ta' ġenerazzjoni u tagħbija lit-TSO responsabbli għaż-żona ta' kontroll rispettiva fl-iskadenzi speċifikati.

2.   Kull unità ta' ġenerazzjoni jew tagħbija li tipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 16(3) għandha tipprovdi sett ta' stimi l-iktar affidabbli prattikabbli.

3.   Għal kull perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità, kull TSO għandu jistabbilixxi l-mudell ta' grilja individwali għal kull xenarju skont l-Artikolu 19 sabiex il-mudelli ta' grilja individwali jiġu amalgamati f'mudell ta' grilja komuni.

4.   Kull TSO għandu jagħti lit-TSO responsabbli għall-amalgamazzjoni tal-mudelli tal-grilja individwali f'mudell ta' grilja komuni, sett affidabbili ta' stimi prattikabbli għal kull mudell ta' grilja individwali.

5.   Għal kull perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità, jinħoloq mudell ta' grilja komuni singolu tal-Unjoni, għal kull xenarju kif stabbilit fl-Artikolu 18 billi jiġu amalgamati l-inputs mit-TSOs kollha li japplikaw il-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità kif stabbilit fil-paragarafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 29

Il-kalkolu reġjonali tal-kapaċità transżonali

1.   Għal kull perjodu ta' żmien għall-kalkolu tal-kapaċità, kull TSO għandu jipprovdi lill-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata u lit-TSOs l-oħra kollha fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata bil-punti li ġejjin: limiti operazzjonali tas-sigurtà, kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni, azzjonijiet ta' rimedju, marġni ta' affidabbiltà, limiti ta' allokazzjoni u kapaċità transżonali allokati preċedentement.

2.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata jwettaq analiżi tas-sigurtà operazzjonali li tapplika limiti ta' sigurtà operazzjonali billi juża l-mudell ta' grilja komuni maħluq għal kull xenarju skont l-Artikolu 28(5).

3.   Meta jikkalkula l-kapaċità transżonali, kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu:

(a)

juża l-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni biex jikkalkula l-impatt tal-bidliet tal-pożizzjonijiet netti taż-żona tal-offerti u tal-flussi fuq il-linji ta' kurrent dirett;

(b)

jinjora dawk l-elementi kruċjali tan-netwerk li mhumiex influwenzati b'mod sinifikanti mill-bidliet fil-pożizzjonijiet netti fiż-żona tal-offerti skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 21; u,

(c)

jiżgura li s-settijiet kollha tal-pożizzjonijiet netti fiż-żona tal-offerti u l-flussi fil-linji ta' kurrent dirett li ma jaqbżux il-kapaċità transżonali, jikkonformaw mal-marġni ta' affidabbiltà u l-limiti ta' sigurtà operazzjonali skont l-Artikolu 21(1)(a)(i) u (ii) u jqis il-kapaċità transżonali allokata preċedentement skont l-Artikolu 21(1)(b)(iii).

4.   Kull kalkolatur ta' kapaċità kkoordinata għandu jottimizza l-kapaċità transżonali billi jagħmel użu mill-azzjonijiet ta' rimedju tas-sigurtà disponibbli li jitqiesu fil-kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 21(1)(a)(iv).

5.   Kull kalkolatur ta' kapaċità kkoordinata għandu japplika r-regoli ta' kondiviżjoni stabbiliti skont l-Artikolu 21(1)(a)(vi).

6.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu josserva d-deskrizzjoni matematika tal-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità applikat skont l-Artikolu 21(1)(b)(i).

7.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata li japplika approċċ abbażi tal-fluss għandu:

(a)

juża d-dejta dwar il-limiti ta' sigurtà operazzjonali biex jikkalkula l-flussi massimi fuq l-elementi kruċjali tan-netwerk;

(b)

juża l-mudell ta' grilja momuni, il-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni u l-kontiġenzi biex jikkalkula l-fatturi tad-distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija;

(c)

juża l-fatturi ta' distribuzzjoni tat-trasferimenti tal-enerġija biex jikkalkula l-flussi li jirriżultaw minn kapaċitajiet transżonali allokati preċedentement fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata;

(d)

jikkalkula l-flussi fuq l-elementi kruċjali tan-netwerk għal kull xenarju filwaqt li jqis il-kontinġenzi u jaġġustahom billi wieħed jassumi li ma jkunx hemm skambji ta' enerġija transżonali fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata, u japplika r-regoli biex tiġi evitata diskriminazzjoni inġusta bejn l-iskambji tal-enerġija interni u transżonali skont l-Artikolu 21(1)(b)(ii);

(e)

jikkalkula l-marġni disponibbli fuq l-elementi kruċjali tan-netwerk filwaqt li jqis il-kontinġenzi li huma ekwivalenti għall-flussi massimi mnaqqsa bi flussi aġġustati msemmija fil-punt (d), il-marġnijiet ta' affidabbiltà u l-flussi li jirriżultaw minn kapaċitajiet transżonali allokati preċedentement;

(f)

jaġġusta l-marġni disponibbli fuq elementi kruċjali tan-netwerk jew il-fatturi ta' distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija permezz tal-użu tal-azzjonijiet ta' rimedju li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 25.

8.   Kull kalkolatur ta' kapaċità kkoordinata li japplika approċċ koordinat tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni għandu:

(a)

juża l-mudell ta' grilja komuni, il-kjavi għat-trasponiment tal-ġenerazzjoni u l-kontinġenzi biex jikkalkula l-iskambju tal-enerġija massimu fuq il-konfini taż-żona tal-offerti, li għandu jkun ekwivalenti għall-iskambju massimu kkalkulat bejn żewġ żoni tal-offerti fuq iż-żewġ naħat tal-konfini taż-żona tal-offerti li jħares il-limiti ta' sigurtà operazzjonali;

(b)

jaġġusta l-iskambju massimu tal-enerġija permezz ta' azzjonijiet ta' rimedju li jitqiesu fil-kalkolu tal-kapaċità skont l-Artikolu 25;

(c)

jaġġusta l-iskambju massimu tal-enerġija permezz ta' regoli biex tiġi evitata diskriminazzjoni mhux xierqa bejn l-iskambji interni u transżonali skont l-Artikolu 21(1)(b)(ii);

(d)

japplika r-regoli stabbiliti skont l-Artikolu 21(1)(b)(vi) biex jikkondividi b'mod effiċjenti s-sehem tal-kapaċitajiet ta' fluss tal-enerġija tal-elementi kruċjali tan-netwerk fost fruntieri taż-żona tal-offerti differenti;

(e)

jikkalkula l-kapaċità transżonali li għandha tkun daqs l-iskambju massimu tal-enerġija aġġustat għall-marġni ta' affidabbiltà u l-kapaċità transżonali diġà allokata.

9.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jikkoopera mal-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata tal-viċinat. It-TSOs ġirien għandhom jiżguraw tali kooperazzjoni billi jiskambjaw u jikkonfermaw informazzjoni fir-rigward tal-interdipendenza mal-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata reġjonali rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu u l-validazzjoni tal-kapaċità. It-TSOs ġirien għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-interdipendenza lill-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata qabel il-kalkolu tal-kapaċità. Valutazzjoni tal-preċiżjoni ta' din l-informazzjoni u miżuri korrettivi huma inklużi fir-rapport biennali abbozzat skont l-Artikolu 31 fejn ikun xieraq.

10.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jistabbilixxi:

(a)

parametri abbażi tal-fluss għal kull żona tal-offerti fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata, jekk jiġi applikat approċċ abbażi tal-fluss; jew

(b)

valuri tal-kapaċità transżonali għal kull konfini taż-żona tal-offerti f'reġjun bil-kapaċità kkalkulata jekk jiġi applikat approċċ ikkoordinat tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni.

11.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jissottometti l-kapaċità transżonali lil kull TSO fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata għall-validazzjoni, skont l-Artikolu 21(1)(c).

Artikolu 30

Validazzjoni u twassil tal-kapaċità transżonali

1.   Kull TSO għandu jivvalida r-riżultati tal-kalkolu tal-kapaċità reġjonali fuq il-konfini taż-żona tal-offerti tiegħu jew l-elementi kruċjali tan-netwerk, skont l-Artikolu 26.

2.   Kull TSO għandu jibgħat il-validazzjoni tal-kapaċità u l-limitazzjonijiet tal-allokazzjoni tiegħu lill-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata rilevanti u lit-TSOs l-oħra tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata rilevanti.

3.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jipprovdi l-kapaċitajiet transżonali u l-limitazzjonijiet tal-allokazzjoni vvalidati għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċità skont l-Artikoli 46 u 58.

Taqsima 5

Rapport biennali dwar il-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità

Artikolu 31

Rapport biennali dwar il-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità

1.   Sa sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jħejji abbozz ta' rapport dwar il-kalkolu tal-kapaċità u l-allokazzjoni u jibagħtu lill-Aġenzija.

2.   Jekk ikun mitlub hekk mill-Aġenzija, f'kull tieni sena sussegwenti, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jħejji rapport dwar il-kalkolu tal-kapaċità u l-allokazzjoni u jibagħtu lill-Aġenzija.

3.   Għal kull żona tal-offerti, konfini taż-żona tal-offerti u reġjun tal-kalkolu tal-kapaċità, ir-rapport dwar il-kalkolu tal-kapaċità u l-allokazzjoni għandu ta' mill-inqas jinkludi:

(a)

l-approċċ tal-kalkolu tal-kapaċità użat;

(b)

l-indikaturi statistiċi dwar il-marġni ta' affidabbiltà;

(c)

indikaturi statistiċi tal-kapaċità transżonali inklużi l-limiti tal-allokazzjoni fejn ikun xieraq għal kull perjodu ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità;

(d)

l-indikaturi tal-kwalità għall-informazzjoni użata fil-kalkolu tal-kapaċità;

(e)

fejn ikun xieraq, miżuri proposti sabiex jitjieb il-kalkolu tal-kapaċità;

(f)

għal reġjuni fejn huwa applikat approċċ ikkoordinat tal-kapaċità netta ta' trażmissjoni, analiżi li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 20(7) għadhomx issodisfati;

(g)

indikaturi biex tiġi vvalutata u segwita f'terminu ta' żmien twil l-effiċjenza tal-akkoppjament ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, inkluża l-amalgamazzjoni tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata skont l-Artikolu 15(3), fejn ikun rilevanti; u

(h)

rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp ulterjuri ta'akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, inkluża l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-metodoloġiji, il-proċessi u l-arranġamenti ta' governanza.

4.   Wara konsultazzjoni mal-Aġenzija, it-TSOs kollha għandhom jiftiehmu b'mod konġunt dwar l-istatistika u l-indikaturi tal-kwalità għar-rapport. L-Aġenzija tista' titlob emenda ta' dawk l-indikaturi, qabel il-ftehim mit-TSOs u matul l-applikazzjoni tagħhom.

5.   L-Aġenzija għandha tiddeċiedi jekk tippubblikax ir-rapport biennali kollu jew parti minnu.

KAPITOLU 2

Konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti

Artikolu 32

Reviżjoni tal-konfigurazzjonijiet eżistenti taż-żona tal-offerti

1.   Reviżjoni tal-konfigurazzjoni eżistenti taż-żona tal-offerti tista' titnieda minn:

(a)

l-Aġenzija skont l-Artikolu 34(7);

(b)

diversi awtoritajiet regolatorji skont rakkomandazzjoni mill-Aġenzija skont l-Artikolu 34;

(c)

TSOs ta' reġjun ta' kalkolu tal-kapaċità, flimkien mat-TSOs kollha kkonċernati b'żoni ta' kontroll, inklużi l-interkonnetturi, li huma fi ħdan iż-żona ġeografika fejn il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti għandha tiġi vvalutata skont il-paragrafu 2(a);

(d)

awtorità regolatorja singola jew TSO, bl-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tagħha, għaż-żoni tal-offerti fiż-żona ta' kontroll tat-TSO, jekk il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti għandha impatt negliġibbli fuq it-TSOs ta' kontroll tal-viċinat, inklużi l-interkonnetturi, u r-reviżjoni tal-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti hija meħtieġa biex tittejjeb l-effiċjenza, jew tinżamm is-sigurtà operazzjonali.

(e)

Stati Membri f'reġjun ta' kalkolu tal-kapaċità.

2.   Jekk titnieda reviżjoni b'konformità mal-paragrafu 1(a), (b), (c), jew (e), l-entità li tniedi r-reviżjoni għandha tispeċifika:

(a)

iż-żona ġeografika li fiha għandha tiġi vvalutata l-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti u ż-żoni ġeografiċi tal-viċinat li għandhom jitqiesu l-impatti tagħhom;

(b)

it-TSOs parteċipanti;

(c)

l-awtoritajiet regolatorji parteċipanti.

3.   Jekk titnieda reviżjoni b'konformità mal-paragrafu 1(d), japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iż-żona ġeografika fejn tiġi vvalutata ż-żona tal-offerti tiġi limitata għaż-żona ta' kontroll tat-TSO rilevanti, inklużi l-interkonnetturi;

(b)

it-TSO taż-żona ta' kontroll rilevanti jkun l-uniku TSO parteċipanti fir-reviżjoni;

(c)

l-awtorità regolatorja kompetenti tkun l-unika awtorità regolatorja parteċipanti fir-reviżjoni;

(d)

it-TSO u l-awtorità regolatorja rilevanti rispettivament jagħtu lit-TSOs u lill-awtoritajiet regolatorji tal-viċinat reċiprokament, avviż minn qabel tat-tnedija tar-reviżjoni, u jagħtu r-raġunijiet; kif ukoll

(e)

il-kundizzjonijiet għar-reviżjoni jiġu speċifikati u r-riżultati tar-reviżjoni u l-proposta għall-awtoritajiet regolatorji rilevanti jiġu ppubblikati.

4.   Il-proċess ta' reviżjoni għandu jkun jikkonsisti f'żewġ stadji.

(a)

Fl-ewwel stadju, it-TSOs li jieħdu sehem f'reviżjoni ta' konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti għandhom jiżviluppaw il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet li se jintużaw fil-proċess ta' reviżjoni u jipproponu konfigurazzjonijiet taż-żoni tal-offerti alternattivi għall-valutazzjoni.

Il-proposta dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet u konfigurazzjoni alternattiva taż-żona tal-offerti għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet regolatorji parteċipanti, li għandhom ikunu kapaċi jeħtieġu emendi koordinati fi żmien tliet xhur.

(b)

Fit-tieni stadju, it-TSOs li jieħdu sehem f'reviżjoni tal-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti għandhom:

(i)

jivvalutaw u jqabblu l-konfigurazzjoni kurrenti taż-żona tal-offerti u kull konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti alternattiva permezz tal-kriterji speċifikati fl-Artikolu 33;

(ii)

iwettqu konsultazzjoni skont l-Artikolu 12 u workshop fir-rigward tal-proposti ta' konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti alternattiva, imqabbla mal-konfigurazzjoni eżistenti taż-żona tal-offerti, inklużi perjodi ta' żmien għall-implimentazzjoni, sakemm il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti għandha impatt negliġibbli fuq iż-żoni ta' kontroll tat-TSOs tal-viċinat;

(iii)

jissottomettu proposta konġunta biex tinżamm jew tiġi emendata l-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti lill-Istati Membri parteċipanti u lill-awtoritajiet regolatorji fi żmien 15-il xahar mid-deċiżjoni li titnieda reviżjoni.

(c)

Malli jirċievu l-proposta konġunta biex iżommu jew jemendaw il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti skont il-punt (iii) t'hawn fuq, l-Istati Membri li jieħdu sehem jew, meta pprovduti mill-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, għandhom fi żmien sitt xhur jilħqu ftehim dwar il-proposta biex tinżamm jew tiġi emendata l-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti.

5.   In-NEMOs jew il-parteċipanti tas-suq, jekk mitluba mit-TSOs, jipprovdu lit-TSOs parteċipanti f'reviżjoni ta' żona tal-offerti b'informazzjoni biex ikunu jistgħu jivvalutaw il-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti. Din l-informazzjoni għandha tiġi kondiviża biss bejn it-TSOs parteċipanti għall-finijiet biss tal-valutazzjoni tal-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti.

6.   L-inizjattiva għar-reviżjoni tal-konfigurazzjoni taż-żoni tal-offerti u r-riżultati tagħha jiġu ppubblikati mill-ENTSO għall-Elettriku jew jekk ir-reviżjoni ġiet imnidija b'konformità mal-paragrafu 1(d), mit-TSO parteċipanti.

Artikolu 33

Kriterji għar-reviżjoni tal-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti

1.   Jekk ir-reviżjoni tal-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti ssir skont l-Artikolu 32, mill-inqas għandhom jiġu kkunsidrati l-kriterji li ġejjin:

(a)

fir-rigward tas-sigurtà tan-netwerk:

(i)

il-kapaċità tal-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti biex tiġi żgurata s-sigurtà operazzjonali u s-sigurtà tal-provvista;

(ii)

il-grad tal-inċertezza fil-kalkolu tal-kapaċità transżonali.

(b)

fir-rigward tal-effiċjenza globali tas-suq:

(i)

kwalunkwe żieda jew tnaqqis fl-effiċjenza ekonomika li jirriżultaw mill-bidla;

(ii)

l-effiċjenza tas-suq, mill-inqas inkluża l-ispiża biex tiġi ggarantita ċ- ċertezza tal-kapaċità, il-likwidità tas-suq, il-konċentrazzjoni tas-suq u s-saħħa tas-suq, l-iffaċilitar tal-kompetizzjoni effettiva, is-sinjali tal-prezz għall-bini tal-infrastruttura, il-preċiżjoni u s-saħħa tas-sinjali tal-prezz;

(iii)

l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u tat-tranżizzjoni, inkluża l-ispiża biex jiġu emendati l-obbligi kuntrattwali eżistenti, li ġarrbu l-parteċipanti tas-suq, in-NEMOs u t-TSOs;

(iv)

l-ispiża biex tinbena infrastruttura ġdida li tista' ttaffi l-konġestjoni eżistenti;

(v)

il-ħtieġa li jkun żgurat li l-eżitu tas-suq huwa fattibbli mingħajr il-ħtieġa li ssir applikazzjoni estensiva ta' azzjonijiet ta' rimedju ekonomikament ineffiċjenti;

(vi)

kull effett negattiv tat-tranżazzjonijiet interni fuq żoni tal-offerti oħra biex tkun żgurata l-konformità mal-punt 1.7 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(vii)

l-impatt fuq it-tħaddim u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi tal-ibbilanċjar u l-proċessi ta' saldu tal-iżbilanċi.

(c)

fir-rigward tal-istabbiltà u s-sodezza taż-żoni tal-offerti:

(i)

il-ħtieġa għaż-żoni tal-offerti li jkunu suffiċjentement stabbli u robusti maż-żmien;

(ii)

il-ħtieġa għaż-żoni tal-offerti li jkunu konsistenti għall-perjodi ta' żmien tal-kalkolu tal-kapaċità kollha;

(iii)

il-ħtieġa għal kull unità ta' ġenerazzjoni u tagħbija biex jagħmlu parti minn żona tal-offerti waħda biss għal kull unità ta' ħin tas-suq;

(iv)

il-post u l-frekwenza tal-konġestjoni, jekk il-konġestjoni strutturali tinfluwenza d-delimitazzjoni taż-żoni tal-offerti b'kunsiderazzjoni għal kwalunkwe investiment futur li jista' jtaffi l-konġestjoni eżistenti.

2.   Reviżjoni ta' żona tal-offerti skont l-Artikolu 32 għandha tinkludi x-xenarji li jqisu medda ta' żviluppi probabbli fl-infrastruttura tul perjodu ta' 10 snin li jibda mis-sena ta' wara s-sena li fiha tittieħed id-deċiżjoni li titnieda r-reviżjoni.

Artikolu 34

Rapportar regolari dwar il-konfigurazzjoni kurrenti taż-żoni tal-offerti mill-ENTSO għall-Elettriku u l-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tivvaluta l-effiċjenza tal-konfigurazzjoni kurrenti taż-żona tal-offerti kull tliet snin.

Hija għandha:

(a)

titlob lill-ENTSO għall-Elettriku biex iħejji abbozz ta' rapport tekniku dwar il-konfigurazzjoni kurrenti taż-żoni tal-offerti, kif ukoll;

(b)

abbozz ta' rapport tas-suq li jevalwa l-impatt tal-konfigurazzjoni taż-żoni tal-offerti fuq l-effiċjenza tas-suq.

2.   Ir-rapport tekniku imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1(a) għandu ta' mill-inqas jinkludi:

(a)

lista tal-konġestjonijiet strutturali u konġestjonijiet fiżiċi ewlenin oħrajn, inklużi l-lokazzjonijiet u l-frekwenza tagħhom;

(b)

analiżi tal-evoluzzjoni mistennija jew it-tneħħija tal-konġestjoni fiżika minħabba l-investimenti fin-netwerks jew minħabba bidliet sinifikanti fix-xejriet tal-ġenerazzjoni u l-konsum;

(c)

analiżi tas-sehem tal-flussi tal-enerġija li ma jirriżultawx mill-mekkaniżmu tal-allokazzjoni tal-kapaċità, għal kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata fejn ikun xieraq;

(d)

l-introjti mill-konġestjoni u l-ispejjeż taċ- ċertezza.

(e)

xenarju li jdum għaxar snin.

3.   Kull TSO għandu jipprovdi dejta u analiżi li jippermettu li jitħejja fi żmien xieraq ir-rapport tekniku dwar il-konfigurazzjoni taż-żoni tal-offerti.

4.   ENTSO għall-Elettriku għandu jagħti lill-Aġenzija rapport tekniku dwar il-konfigurazzjoni kurrenti taż-żona tal-offerti sa mhux aktar tard minn disa' xhur wara t-talba mill-Aġenzija.

5.   Ir-rapport tekniku dwar il-konfigurazzjoni kurrenti taż-żoni tal-offerti għandu jkopri l-perjodu tal-aħħar tliet snin kalendarji sħaħ li jippreċedu t-talba mill-Aġenzija.

6.   Mingħajr ħsara għall-obbligi ta' kunfidenzjalità previsti fl-Artikolu 13, l-ENTSO għall-Elettriku għandhom jagħmlu r-rapport tekniku għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

7.   Jekk ir-rapport tekniku jew tas-suq jiżvela ineffiċjenzi fil-konfigurazzjoni kurrenti taż-żona tal-offerti, l-Aġenzija tista' titlob TSOs biex iniedu reviżjoni ta' konfigurazzjoni eżistenti taż-żona tal-offerti skont l-Artikolu 32(1).

KAPITOLU 3

Ridispaċċ u Tpartit

Artikolu 35

Ridispaċċ u tpartit ikkoordinat

1.   Fi żmien 16-il xahar wara l-approvazzjoni regolatorja dwar ir-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata msemmija fl-Artikolu 15, it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw proposta għal metodoloġija komuni għal ridispaċċ u tpartit koordinat. Din il-proposta għandha tkun suġġetta għall-konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   Il-metodoloġija għal ridispaċċ u tpartit ikkoordinat tinkludi azzjonijiet ta' rilevanza transfruntiera u tippermetti lit-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata biex itaffu b'mod effettiv il-konġestjoni fiżika irrispettivament minn jekk ir-raġunijiet għall-konġestjoni fiżika jaqgħux lil hinn miż-żona ta' kontroll tagħhom jew le. Il-metodoloġija għar-ridispaċċ u t-tpartit ikkoordinat għandha tindirizza l-fatt li l-applikazzjoni tagħhom tista' tinfluwenza b'mod sinifikanti l-flussi li ma jaqgħux fiż-żona ta' kontroll tat-TSOs.

3.   Kull TSO jista' jagħmel ridispaċċ tal-unitajiet u tagħbijiet ta' ġenerazzjoni kollha disponibbli b'konformità mal-mekkaniżmi u l-ftehimiet xierqa applikabbli għaż-żona ta' kontroll tiegħu, inklużi l-interkonnetturi.

Sa 26 xahar wara l-approvazzjoni regolatorja tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata, it-TSOs kollha f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw rapport suġġetti għall-konsultazzjoni skont l-Artikolu 12, li fih jivvalutaw il-koordinazzjoni progressiva u l-armonizzazzjoni ta' dawk il-mekkaniżmi u l-ftehimiet u jinkludu l-proposti. Ir-rapport għandu jiġi sottomess lill-awtoritajiet regolatorji rispettivi tagħhom għall-valutazzjoni. Il-proposti fir-rapport għandhom jipprevjenu li dawn il-mekkaniżmi u arranġamenti jfixklu s-suq.

4.   Kull TSO għandu jastjeni minn miżuri ta' ridispaċċ u tpartit unilaterali u mhux koordinati ta' rilevanza transfruntiera. Kull TSO għandu jikkoordina l-użu tar-riżorsi ta' ridispaċċ u tpartit, filwaqt li jqis l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà operazzjonali u l-effiċjenza ekonomika.

5.   L-unitajiet u t-tagħbijiet ta' ġenerazzjoni rilevanti għandhom jagħtu lit-TSOs il-prezzijiet tar-ridispaċċ u t-tpartit qabel jiġu allokati riżorsi tar-ridispaċċ u t-tpartit.

Il-prezzijiet tar-ridispaċċ u t-tpartit għandhom ikunu bbażati fuq:

(a)

il-prezzijiet fis-swieq rilevanti tal-elettriku għall-perjodi ta' żmien rilevanti; jew

(b)

l-ispejjeż tar-riżorsi ta' ridispaċċ u tpartit, li ġew ikkalkulati b'mod trasparenti abbażi tal-ispejjeż imġarrba.

6.   L-unitajiet u t-tagħbijiet ta' ġenerazzjoni jipprovdu ex-ante l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kalkolu tal-ispiża ta' ridispaċċ u tpartit lit-TSOs rilevanti. Din l-informazzjoni għandha tkun kondiviża bejn it-TSOs rilevanti għal finijiet ta' ridispaċċ u tpartit biss.

KAPITOLU 4

Żvilupp tal-algoritmi

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   In-NEMOs kollha għandhom jiżviluppaw, iżommu u jħaddmu l-algoritmi li ġejjin:

(a)

algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz;

(b)

algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu.

2.   In-NEMOs għandhom jiżguraw li l-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz u l-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 39 u 52 rispettivament.

3.   Sa 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-NEMOs kollha, f'kooperazzjoni mat-TSOs, għandhom jiżviluppaw proposta għal metodoloġija ta' riżerva biex jikkonfomaw mal-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikoli 39 u 52 rispettivament. Il-proposta għal metodoloġija hija suġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

4.   Fejn possibbli in-NEMOs għandhom jutilizzaw is-soluzzjonijiet miftiehma diġà biex jimplimentaw b'mod effiċjenti l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 37

Żvilupp tal-algoritmu

1.   Sa tmien xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament:

(a)

It-TSOs kollha għandhom jipprovdu b'mod konġunt lin-NEMOs kollha bi proposta għal sett ta' rekwiżiti għall-allokazzjoni tal-kapaċità effiċjenti biex jippermettu l-iżvilupp tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz u l-iżvilupp tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jispeċifikaw il-funzjonalitajiet u l-prestazzjoni, inklużi d-dati ta' skadenza għall-għoti tar-riżultati tal-kapaċità transżonali ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata u l-limiti ta' allokazzjoni li għandhom jiġu osservati;

(b)

in-NEMOs kollha għandhom jipproponu b'mod konġunt sett ta' rekwiżiti komuni relatati mar-rikonċiljazzjoni effiċjenti biex jippermettu l-iżvilupp tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz u l-iżvilupp tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu.

2.   Sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara s-sottomissjoni tal-proposti tat-TSO u n-NEMO għal sett ta' rekwiżiti komuni b'konformità mal-paragrafu 1, in-NEMOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta għall-algoritmu b'konformità ma' dawn ir-rekwiżiti. Din il-proposta għandha tindika l-limiti ta' żmien għas-sottomissjoni tal-ordnijiet li jkunu waslu min-NEMOs sabiex jaqdu l-funzjonijiet ta' MCO skont l-Artikolu 7(1)(b).

3.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi sottomessa lit-TSOs kollha. Jekk ikun meħtieġ aktar żmien biex il-proposta tiġi ppreparata, in-NEMOs kollha għandhom jaħdmu flimkien appoġġjati mit-TSOs kollha għal perjodu ta' żmien ta' mhux aktar minn xahrejn biex jiżguraw li l-proposta tikkonforma mal-paragrafi 1 u 2.

4.   Il-proposti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu suġġetti għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

5.   In-NEMOs kollha għandhom jissottmettu l-proposta żviluppata b'konformità mal-paragrafi 2 u 3 għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji, sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

6.   Sa mhux aktar minn sentejn wara l-approvazzjoni tal-proposta b'konformità mal-paragrafu 5, it-TSOs kollha u n-NEMOs kollha għandhom jirrevedu t-tħaddim tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz u l-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu u jissottomettu r-rapport lill-Aġenzija. Jekk mitlub mill-Aġenzija, kull tieni sena sussegwenti, ir-reviżjoni għandha tiġi ripetuta.

KAPITOLU 5

L-akkompjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem

Taqsima 1

L-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz

Artikolu 38

L-għanijiet tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz

1.   L-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz għandu jipproduċi r-riżultati stabbiliti fl-Artikolu 39(2), b'tali mod li:

(a)

ikollu l-għan li jimmassimizza s-surplus ekonomiku għal akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem għar-reġjun akkoppjat tal-prezz għall-ġurnata ta' negozju li jmiss;

(b)

juża l-prinċipju ta' pprezzar marġinali skont liema l-offerti kollha aċċettati ser ikollhom l-istess prezz għal kull żona tal-offerti għal kull unità ta' ħin tas-suq;

(c)

jiffaċilita l-formazzjoni effiċjenti tal-prezz;

(d)

jirrispetta l-kapaċità transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni;

(e)

huwa repetibbli u skalabbli.

2.   L-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz għandu jiġi żviluppat b'tali mod li jkun possibbli li tiġi applikata għal numru ikbar jew iżgħar ta' żoni tal-offerti.

Artikolu 39

Inputs u riżultati tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz

1.   Sabiex jiġu prodotti r-riżultati, l-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz għandu juża:

(a)

il-limiti ta' allokazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 23(3);

(b)

ir-riżultati tal-kapaċità transżonali vvalidata skont l-Artikolu 30;

(c)

l-ordnijiet sottomessi skont l-Artikolu 40.

2.   L-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz għandu ta' mill-inqas jipproduċi r-riżultati li ġejjin fl-istess ħin għal kull unità taż-żmien tas-suq:

(a)

prezz singolu ta' kklerjar għal kull unità taż-żona tal-offerti u unità ta' ħin tas-Suq f'Euros/MWh;

(b)

pożizzjoni netta singola għal kull żona tal-offerti u għal kull unità taż-żmien tas-suq;

(c)

l-informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit l-istatus ta' eżekuzzjoni tal-ordnijiet.

3.   In-NEMOs kollha għandhom jiżguraw il-preċiżjoni u l-effiċjenza tar-riżultati prodotti mill-algoritmu singolu tal-akkoppjament tal-prezz.

4.   It-TSOs kollha għandhom jivverifikaw li r-riżultati tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz huma konsistenti mal-kapaċità transżonali u l-limiti tal-allokazzjoni.

Artikolu 40

Prodotti akkomodati

1.   Mhux iktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-NEMOs għandhom jissottomettu proposta konġunta li tikkonċerna prodotti li jistgħu jitqiesu fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem. In-NEMOs għandhom jaraw li l-ordnijiet li jirriżultaw minn dawn il-prodotti sottomessi għall-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz jiġu espressi f'Euros u jagħmlu referenza għall-ħin tas-suq.

2.   In-NEMOs kollha għandhom jiżguraw li l-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz ikun kapaċi jakkomoda l-ordnijiet li jirriżultaw minn dawn il-prodotti li jkopru unità ta' ħin tas-suq waħda u unitajiet tal-ħin tas-suq multipli.

3.   Sa sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u f'kull tieni sena sussegwenti, in-NEMOs kollha għandhom jikkonsultaw skont l-Artikolu 12:

(a)

parteċipanti tas-suq biex jiżguraw li l-prodotti disponibbli jirriflettu l-ħtiġijiet tagħhom;

(b)

it-TSOs kollha biex jiġi żgurat li l-prodotti jikkunsidraw b'mod xieraq is-sigurta operazzjonali;

(c)

l-awtoritajiet regolatorji kollha biex jiżguraw li l-prodotti disponibbli l-jikkonformaw mal-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

4.   In-NEMOs kollha għandhom jemendaw il-prodotti jekk meħtieġ skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 41

Prezzijiet massimi u minimi

1.   Sa 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-NEMOs kollha, b'kooperazzjoni mat-TSOs rilevanti, għandhom jiżviluppaw proposta dwar il-prezzijiet tal-ikklirjar ta' xiri massimi u minimi armonizzati li għandhom jiġu applikati fiż-żoni tal-offerti kollha li jieħdu sehem fl-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem. Il-proposta għandha tqis stima tal-valur tat-tagħbija mitlufa.

Il-proposta hija suġġetta għall-konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   In-NEMOs kollha għandhom jissottomettu l-proposta lill-awtoritajiet regolatorji għall-approvazzjoni.

Meta Stat Membru jkun ipprovda li awtorità li mhijiex l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tapprova prezzijiet massimi u minimi ta' kklirjar f'livell nazzjonali, l-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta l-proposta mal-awtorità relevanti fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-swieq nazzjonali.

Wara li jirċievu deċiżjoni għal approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kollha, in-NEMOs kollha għandhom jinformaw lit-TSOs ikkonċernati dwar dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien mhux ġustifikat.

Artikolu 42

L-ipprezzar ta' kapaċità transżonali ta' ġurnata bil-quddiem

1.   Il-kapaċità transżonali ġurnata bil-quddiem tirrifletti l-konġestjoni tas-suq u tammonta għad-differenza bejn il-prezz korrispondenti tal-ikklerjar ta' ġurnata bil-quddiem taż-żoni tal-offerti rilevanti.

2.   Ma għandhom jiġu applikati ebda tariffi bħal tariffi għall-iżbilanċi jew tariffi addizzjonali fuq il-kapaċità transżonali ta' ġurnata bil-quddiem minbarra għall-ipprezzar b'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 43

Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-iskambji skedati li jirriżultaw mill-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem

1.   Sa 16-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs li għandhom l-intenzjoni li jikkalkulaw skambji skedati li jirriżultaw mill-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem, għandhom jiżviluppaw proposta għal metodoloġija komuni. Il-proposta hija suġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   Il-metodoloġija għandha tiddeskrivi l-kalkolu u telenka l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta min-NEMOs rilevanti lill-kalkolatur tal-iskambju skedat skont l-Artikolu 8(2)(g) u l-limiti ta' żmien għat-twassil tal-informazzjoni ma għandux ikun aktar tard mit-15.30 ħin tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem.

3.   Il-kalkolu huwa bbażat fuq pożizzjonijiet netti għal kull unità taż-żmien tas-suq.

4.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ikkonċernat tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1, it-TSOs li japplikaw skambji skedati għandhom jirrevedu l-metodoloġija. Minn dakinhar 'il quddiem jekk ikun mitlub mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti, il-metodoloġija għandha tiġi riveduta kull sentejn.

Artikolu 44

Stabbiliment tal-proċeduri ta' riżerva

Sa 16-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament kull TSO b'koordinazzjoni mat-TSOs l-oħra kollha fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw proposta għal proċeduri robusti u fil-ħin biex tiġi żgurata allokazzjoni tal-kapaċità effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorja f'każ li l-proċess ta' akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem ma jkunx jista' jipproduċi riżultati.

Il-proposta għall-istabbiliment tal-proċeduri ta' riżerva huma suġġetti għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

Artikolu 45

Arranġamenti li jikkonċernaw iktar minn NEMO wieħed f'żona tal-offerti waħda u għal interkonnetturi li mhumiex operati minn TSOs iċċertifikati

1.   TSOs f'żoni tal-offerti fejn jiġi nnominat iktar minn NEMO wieħed u/jew joffri servizzi tan-negozjar, jew meta jeżistu interkonnetturi li mhumiex operati minn TSOs iċċertifikati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament 714/2009, għandhom jiżviluppaw proposta għal allokazzjoni tal-kapaċità transżonali u arranġamenti neċessarji oħrajn għat-tali żoni tal-offerti f'kooperazzjoni mat-TSOs ikkonċernati, NEMOs u operaturi ta' interkonnetturi li mhumiex iċċertifikati bħala TSOs sabiex jiżguraw li n-NEMOs relevanti u l-interkonnetturi jipprovdu d-dejta u l-kopertura finanzjarja meħtieġa għat-tali arranġamenti. Dawn l-arranġamenti jridu jippermettu lil TSOs u NEMOs addizzjonali sabiex jissieħbu f'dawn l-arranġamenti.

2.   Il-proposta għandha tiġi sottomessa għal approvazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti fi żmien 4 xhur wara li jkun ġie nominat u/jew awtorizzat NEMO wieħed li joffri servizzi tan-negozjar f'żona tal-offerti jew jekk interkonnettur ġdid mhuwiex operat minn TSO iċċertifikat. Għal interkonnetturi eżistenti li mhumiex operati minn TSOs iċċertifikati, il-proposta għandha tiġi sottomessa fi żmien erba' xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Taqsima 2

Il-proċess ta' akkompjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem

Artikolu 46

Provvista ta' dejta ta' input

1.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata jiżgura li l-kapaċitajiet transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni jiġu pprovduti lin-NEMOs rilevanti fil-ħin biex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tal-kapaċitajiet transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni fis-suq sa mhux aktar tard mill-11.00 ħin tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem.

2.   Jekk kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata ma jkunx jista' jipprevedi kapaċitajiet transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni, siegħa qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem, dak il-kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jinnotifika in-NEMOs rilevanti. Dawn in-NEMOs għandhom jippubblikaw immedjatament notifika lill-parteċipanti tas-suq.

F'każijiet bħal dawn, il-kapaċitajiet transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni għandhom jiġu pprovduti mill-kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata sa mhux aktar tard minn 30 minuta qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem.

Artikolu 47

Operazzjoni tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem

1.   Is-suq ta' ġurnata bil-quddiem għandu jiftaħ mhux aktar tard mill-11.00 tal-ħin tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem.

2.   Il-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem f'kull żona tal-offerti huwa f'nofsinhar tal-ħin tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem. TSOs jew NEMOs fir-reġjun ibbażati fuq ir-reġjun tal-KEE jew il-pajjiżi ġirien tiegħu jista' jfassal ħin tal-għeluq tan-negozju differenti sakemm dan ir-reġjun ikun issieħeb f'akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem.

3.   Il-parteċipanti tas-suq għandhom sottomettu l-ordnijiet kollha lin-NEMOs rilevanti qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem skont l-Artikoli 39 u 40.

4.   Kull NEMO għandu jissottometti l-ordnijiet li jkun irċieva b'konformità mal-paragrafu 3 biex iwettaq il-funzjonijiet MCO skont l-Artikolu 7(2) sa mhux aktar tard minn ħin speċifikat min-NEMOs kollha fil-proposta għal algoritmu singolu tal-akkoppjament tal-prezz stabbilit fl-Artikolu 37(5).

5.   L-ordnijiet rikonċiljati fl-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem huma meqjusa sodi.

6.   Il-funzjonijiet MCO għandhom jiżguraw l-anonimità tal-ordnijiet sottomessi.

Artikolu 48

Twassil tar-riżultati

1.   Sa mhux iktar tard miż-żmien speċifikat mit-TSOs kollha fir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 37(1)(a), in-NEMOs kollha li jwettqu funzjonijiet MCO għandhom iwasslu r-riżultati tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem:

(a)

lit-TSOs kollha, lill-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata u lin-NEMOs kollha, għar-riżultati speċifikati fl-Artikolu 39(2)(a) u (b);

(b)

lin-NEMOs kollha għar-riżultati speċifikati fl-Artikolu 39(2)(c).

2.   Kull TSO għandu jivverifika li r-riżultati tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz imsemmi fl-Artikolu 39(2)(b), ikunu ġew ikkalkulati skont il-limiti ta' allokazzjoni u l-kapaċità transżonali vvalidata.

3.   Kull NEMO għandu jivverifika li r-riżultati tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz speċifikat fl-Artikolu 39(2)(c) ikunu ġew ikkalkulati skont l-ordnijiet.

4.   Kull NEMO għandu jinforma lill-parteċipanti tas-suq dwar l-istejtus ta' eżekuzzjoni tal-ordnijiet tagħhom mingħajr dewmien mhux ġustifikabbli.

Artikolu 49

Il-kalkolu tal-iskambji skedati li jirriżultaw mill-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem

1.   Kull kalkolatur tal-iskambju skedat għandu jikkalkula l-iskambji skedati bejn iż-żoni tal-offerti għal kull unità ta' ħin tas-suq skont il-metodoloġija stabbilita skont l-Artikolu 43.

2.   Kull kalkolatur tal-iskambju skedat għandu jinnotifika lin-NEMOs rilevanti, lill-kontropartijiet ċentrali, lill-aġenti tat-trasferiment, u lit-TSOs rilevanti dwar l-iskambji skedati miftiehma.

Artikolu 50

Bidu tal-proċeduri ta' riżerva

1.   F'każ li in-NEMOs kollha li jwettqu funzjonijiet MCO ma jkunux jistgħu jwasslu parti mir-riżultati tal-algoritmu ta' akkoppjament tal-prezz jew ir-riżultati kollha sal-ħin skedat skont l-Artikolu 37(1)(a), għandhom japplikaw il-proċeduri ta' riżerva kif stabbilit skont l-Artikolu 44.

2.   F'każijiet fejn hemm riskju li n-NEMOs kollha li jwettqu funzjonijiet MCO ma jkunux jistgħu jwasslu parti mir-riżultati sal-iskadenza, in-NEMOs għandhom jinnotifikaw lit-TSOs kollha hekk kif jiġi identifikat ir-riskju. In-NEMOs kollha li jwettqu funzjonijiet MCO għandhom jippubblikaw immedjatament notifika lill-parteċipanti tas-suq li jistgħu jiġu applikati proċeduri ta' riżerva.

KAPITOLU 6

L-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata

Taqsima 1

L-għanijiet, il-kundizzjonijiet u r-riżultati tal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata

Artikolu 51

L-għanijiet tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu

1.   Mill-ħin tal-ftuħ tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata sal-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata, l-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu għandu jiddetermina liema ordnijiet jintgħażlu għar-rikonċiljazzjoni b'tali mod li r-rikonċiljazzjoni:

(a)

timmira li timmassimizza s-surplus ekonomiku għal akkoppjament singolu tal-istess ġurnata għal kull negozju għall-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata billi jalloka kapaċità lill-ordnijiet li għalihom hija fattibbli li ssir rikonċiljazzjoni skont il-prezz u l-ħin ta' sottomissjoni;

(b)

tosserva l-limiti ta' allokazzjoni previsti skont l-Artikolu 58(1);

(c)

tosserva l-kapaċità transżonali prevista skont l-Artikolu 58(1);

(d)

tosserva r-rekwiżiti għat-twassil tar-riżultati stabbiliti fl-Artikolu 60;

(e)

hija repetibbli u skalabbli,

2.   L-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu għandu jipproduċi r-riżultati previsti fl-Artikolu 52 u jikkorrispondi mal-kapaċitajiet u l-funzjonalitajiet tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 53.

Artikolu 52

Riżultati tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu

1.   In-NEMOs kollha bħala parti mill-funzjoni MCO tagħhom għandhom jiżguraw li l-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu ta' mill-inqas jipproduċi r-riżultati li ġejjin:

(a)

l-istejtus ta' eżekuzzjoni tal-ordnijiet u l-prezzijiet għal kull negozju;

(b)

pożizzjoni netta singola għal kull żona tal-offerta u unità ta' ħin tas-suq fi ħdan is-suq tal-istess ġurnata.

2.   In-NEMOs kollha għandhom jiżguraw il-preċiżjoni u l-effiċjenza tar-riżultati prodotti mill-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu.

3.   It-TSOs kollha għandhom jivverifikaw li r-riżultati tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu huma konsistenti mal-kapaċità transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni skont l-Artikolu 58(2).

Artikolu 53

Prodotti akkomodati

1.   Mhux iktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-NEMOs għandhom jissottomettu proposta konġunta dwar prodotti li jistgħu jiġu kkunsidrati fl-akkoppjament singolu fl-istess ġurnata. In-NEMOs għandhom jaraw li l-ordnijiet kollha li jirriżultaw minn dawn il-prodotti sottomessi biex jippermettu li jitwettqu l-funzjonijiet MCO skont l-Artikolu 7 jiġu espressi f'Euro u jagħmlu referenza għall-ħin tas-suq u l-unità ta' ħin tas-suq.

2.   In-NEMOs kollha għandhom jiżguraw li l-ordnijiet li jirriżultaw minn dawn il-prodotti huma kompatibbli mal-karatteristiċi tal-kapaċità transżonali li jippermettulhom li jiġu rikonċiljati simultanjament.

3.   In-NEMOs kollha għandhom jiżguraw li l-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu jkun jista' jakkomoda l-ordnijiet li jkopru unità ta' ħin tas-suq waħda u unitajiet ta' ħin tas-suq multipli.

4.   Sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] u f'kull tieni sena sussegwenti, in-NEMOs kollha għandhom jikkonsultaw skont l-Artikolu 12:

(a)

il-parteċipanti tas-suq biex jiżguraw li l-prodotti disponibbli jirriflettu l-ħtiġijiet tagħhom;

(b)

it-TSOs kollha biex jiżguraw li l-prodotti jikkunsidraw b'mod xieraq is-sigurta operazzjonali;

(c)

l-awtoritajiet regolatorji kollha, biex jiġi żgurat li l-prodotti disponibbli jikkonformaw mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

5.   Jekk ikun meħtieġ, in-NEMOs kollha għandhom jemendaw il-prodotti b'konformità mar-riżultati tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 54

Il-Prezzijiet massimi u minimi

1.   Sa 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-NEMOs kollha, b'kooperazzjoni mat-TSOs rilevanti, għandhom jiżviluppaw proposta dwar il-prezzijiet ta' kklirjar massimi u minimi armonizzati li għandhom jiġu applikati fiż-żoni tal-offerti li jipparteċipaw fl-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata. Il-proposta għandha tqis stima tal-valur tat-tagħbija mitlufa.

Il-proposta għandha tkun soġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   In-NEMOs kollha għandhom jissottomettu l-proposta lill-awtoritajiet regolatorji għal approvazzjoni. Meta Stat Membru jkun ipprovda li awtorità li mhijiex l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tapprova prezzijiet massimi u minimi ta' kklirjar fil-livell nazzjonali, l-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta l-proposta mal-awtorità relevanti fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-swieq nazzjonali.

3.   Wara li jirċievu deċiżjoni mill-awtoritajiet regolatorji, in-NEMOs kollha għandhom jinformaw lit-TSOs rilevanti dwar dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien mhux iġġustifikat.

Artikolu 55

L-ipprezzar tal-kapaċità fl-istess ġurnata

1.   Ladarba tiġi applikata, il-metodoloġija singola għall-ipprezzar tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata żviluppata skont l-Artikolu 55(3) għandha tirrifletti l-konġestjoni tas-suq u hija bbażata fuq ordnijiet reali.

2.   Qabel l-approvazzjoni tal-metodoloġija singola għall-ipprezzar tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata stabbilita fil-paragrafu 3, it-TSOs jistgħu jipproponu mekkaniżmu ta' allokazzjoni tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata b'ipprezzar affidabbli konsistenti mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1 għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri rilevanti. Il-mekkaniżmu għandu jiżgura li l-prezz tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata huwa disponibbli għall-parteċipanti tas-suq fiż-żmien tar-rikonċiljazzjoni tal-ordnijiet.

3.   Sa 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta għal metodoloġija singola għall-ipprezzar tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata. Il-proposta hija suġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

4.   Ma għandhom jiġu applikati ebda tariffi bħal tariffi għall-iżbilanċi jew tariffi addizzjonali għall-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata ħlief għal ipprezzar b'konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3.

Artikolu 56

Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-iskambji skedati li jirriżultaw mill-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata

1.   Sa 16-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs li għandhom l-intenzjoni li jikkalkulaw l-iskambji skedati li jirriżultaw mill-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata għandhom jiżviluppaw proposta għal metodoloġija komuni għal dan il-kalkolu.

Il-proposta hija suġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   Il-metodoloġija għandha tiddeskrivi l-kalkolu u fejn ikun meħtieġ, telenka l-informazzjoni li n-NEMOs rilevanti jipprovdu lill-kalkolatur tal-iskambju skedat u l-limiti ta' żmien għat-twassil ta' tali informazzjoni.

3.   Il-kalkolu tal-iskambji skedati jkun ibbażat fuq il-pożizzjonijiet netti kif speċifikat fl-Artikolu 52(1)(b).

4.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ikkonċernat tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1, it-TSOs rilevanti għandhom jirrevedu l-metodoloġija. Minn dakinhar 'il quddiem, jekk ikun mitlub mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti, it-TSOs għandhom jirrevedu l-metodoloġija kull sentejn.

Artikolu 57

Arranġamenti li jikkonċernaw iktar minn NEMO wieħed f'żona tal-offerti waħda u għal interkonnetturi li mhumiex operati minn TSOs iċċertifikati

1.   TSOs f'żoni tal-offerti fejn hemm iktar minn NEMO wieħed innominat u/jew joffri servizzi ta' nnegozjar, jew meta jkunu jeżistu interkonnetturi li mhumiex operati minn TSOs iċċertifikati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament 714/2009, għandhom jiżviluppaw proposta għal allokazzjoni tal-kapaċità transżonali u arranġamenti meħtieġa oħrajn għat-tali żoni tal-offerti f'kooperazzjoni mat-TSOs ikkonċernati, in-NEMOs u operaturi ta' interkonnetturi li mhumiex iċċertifikati bħala TSOs sabiex jiżguraw li n-NEMOs relevanti u l-interkonnetturi jipprovdu d-dejta u l-kopertura finanzjarja meħtieġa għat-tali arranġamenti. Dawn l-arranġamenti jridu jħallu lil TSOs u NEMOs addizzjonali jissieħbu f'dawn l-arranġamenti.

2.   Il-proposta għandha tiġi sottomessa għal approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti fi żmien 4 xhur minn meta NEMO jiġi nnominat u/jew jitħalla joffri servizzi ta' nnegozjar f'żona tal-offerti jew jekk interkonnettur ġdid mhuwiex operat minn TSO iċċertifikat. Għal interkonnetturi eżistenti li mhumiex operati minn TSOs iċċertifikati, il-proposta għandha tiġi sottomessa fi żmien 4 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Taqsima 2

Il-proċess ta' akkoppjament singolu tal-istess ġurnata

Artikolu 58

Provvista ta' dejta ta' input

1.   Kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jiżgura li l-kapaċità transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni jiġu pprovduti lin-NEMOs rilevanti sa mhux aktar tard minn 15-il minuta qabel l-ħin tal-ftuħ tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata.

2.   Jekk ikunu meħtieġa aġġornamenti għall-kapaċità transżonali u għal-limiti tal-allokazzjoni minħabba bidliet operazzjonali għas-sistema ta' trażmissjoni, kull TSO għandu jinnotifika lill-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata fir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata tiegħu. Il-kalkolaturi tal-kapaċità kkoordinata mbagħad għandhom jinnotifikaw lin-NEMOs rilevanti.

3.   Jekk xi kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata ma jkunx jista' jikkonforma mal-paragrafu 1, dak il-kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata għandu jinnotifika lin-NEMOs rilevanti. Dawn in-NEMOs għandhom jippubblikaw notifika lill-parteċipanti tas-suq kollha mingħajr dewmien mhux ġustifikabbli.

Artikolu 59

Tħaddim tal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata

1.   Sa 16-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha ikunu responsabbli biex jipproponu l-ħin tal-ftuħ tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata u l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 12.

2.   Il-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata għandu jiġi stabbilit b'tali mod li:

(a)

jiġu massimizzati l-opportunitajiet tal-parteċipanti tas-suq biex ikunu jistgħu jaġġustaw il-bilanċi tagħhom billi jinnegozjaw fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata kemm jista' jkun dak il-ħin stess; u

(b)

jipprovdu lit-TSOs u l-parteċipanti tas-suq bi żmien suffiċjenti għall-proċessi ta' skedar u bbilanċjar tagħhom fir-rigward tan-netwerk u s-sigurtà operazzjonali.

3.   Il-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata għandu jiġi stabbilit għal kull unità taż-żmien tas-suq għal konfini identifikati taż-żona tal-offerti. Dan għandu jkun mhux aktar minn siegħa qabel il-bidu tal-unità ta' ħin tas-suq rilevanti u għandu jikkunsidra l-proċessi ta' bbilanċjar relatati li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà operazzjonali.

4.   In-negozjar tal-enerġija tal-istess ġurnata għal unità speċifika ta' ħin tas-suq għandu jibda ta' mill-inqas fil-ħin tal-ftuħ tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata fil-konfini taż-żona tal-offerti rilevanti u huwa permess sal-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata.

5.   Qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata, il-parteċipanti tas-suq għandhom jissottomettu lin-NEMOs rilevanti l-ordnijiet kollha għal unità taż-żmien tas-suq identifikata. In-NEMOs kollha għandhom jissottomettu l-ordnijiet għal unità speċifika tal-ħin tas-suq għal rikonċiljazzjoni singola immedjatament wara li l-ordnijiet jaslu mill-parteċipanti tas-suq.

6.   L-ordnijiet rikonċiljati fl-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata huma meqjusa sodi.

7.   Il-funzjonijiet MCO għandhom jiżguraw l-anonimità tal-ordnijiet sottomessi permezz tar-reġistru komuni tal-ordnijiet.

Artikolu 60

Twassil tar-riżultati

1.   In-NEMOs kollha li jwettqu funzjonijiet MCO għandhom iwasslu r-riżultati tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu:

(a)

lin-NEMOs l-oħra kollha għal riżultati dwar l-istejtus ta' eżekuzzjoni għal kull negozju speċifikat fl-Artikolu 52(1)(a).

(b)

għat-TSOs kollha u l-kalkolaturi tal-iskambji skedati, għal riżultati ta' pożizzjonijiet netti singoli speċifikati fl-Artikolu 52(1)(b).

2.   Jekk, b'konformità mal-paragrafu 1(a), kwalunkwe NEMO, għal raġunijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ma jkunx jista' jwassal dawn ir-riżultati tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu, huwa għandu jinnotifika lin-NEMOs l-oħra kollha.

3.   Jekk b'konformità mal-paragrafu 1(b), kwalunkwe NEMO, għal raġunijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ma jkunx jista' jwassal dawn ir-riżultati tal-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu, huwa għandu jinnotifika lit-TSOs kollha u lil kull kalkolatur ta' skambju skedat malajr kemm jista' jkun prattikabbli. In-NEMOs kollha għandhom jinnotifikaw lill-parteċipanti tas-suq ikkonċernati.

4.   In-NEMOs kollha mingħajr dewmien mhux iġġustifikat għandhom jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-parteċipanti tas-suq biex jiżguraw li jkunu jistgħu jitwettqu l-azzjonijiet speċifikati fl-Artikoli 68 u 73(3).

Artikolu 61

Kalkolu tal-iskambji skedati li jirriżultaw mill-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata

1.   Kull kalkolatur tal-iskambju skedat għandu jikkalkula l-iskambji skedati bejn iż-żoni tal-offerti għal kull unità ta' ħin tas-suq b'konformità mal-metodoloġija stabbilita skont l-Artikolu 56.

2.   Kull kalkolatur tal-iskambju skedat għandu jinnotifika lin-NEMOs, lill-kontropartijiet ċentrali, lill-aġenti tat-trasferiment, u lit-TSOs rilevanti dwar l-iskambji skedati mifthiema.

Artikolu 62

Pubblikazzjoni tal-informazzjoni tas-suq

1.   Malli jkunu rikonċiljati l-ordnijiet kull NEMO għandu jippubblika għall-parteċipanti fis-suq relevanti mill-inqas l-istejtus tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet u l-prezzijiet għal kull negozju prodott mill-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu skont l-Artikolu 52(1)(a).

2.   Kull NEMO għandu jiżgura li informazzjoni dwar volumi eżegwiti aggregati u prezzijiet titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f'format aċċessibbli għal ta' mill-inqas 5 snin. L-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata għandha tiġi proposta min-NEMOs kollha fi ħdan il-proposta għal algoritmu ta' tlaqqigħ tan-negozjar kontinwu skont l-Artikolu 37(5).

Artikolu 63

Irkantijiet reġjonali kumplimentari

1.   Sa 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-NEMOs u t-TSOs rilevanti fil-konfini taż-żona tal-offerti jistgħu jissottomettu b'mod konġunt proposta komuni għad-disinn u l-implimentazzjoni tal-irkantijiet reġjonali kumplimentari tal-istess ġurnata. Il-proposta hija suġġetta għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

2.   L-irkantijiet kumplimentari tal-istess ġurnata jistgħu jiġu implimentati fost jew bejn iż-żoni tal-offerti flimkien ma' soluzzjoni ta' akkoppjament singolu tal-istess ġurnata msemmija fl-Artikolu 51. Sabiex jitwettqu l-irkantijiet reġjonali tal-istess ġurnata, in-negozjar kontinwu fost u bejn iż-żoni ta' offerti rilevanti jista' jitwaqqaf għal perjodu limitat ta' ħin qabel jaqħlaq in-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata, li ma għandux jaqbeż iż-żmien minimu meħtieġ biex jitwettaq l-irkant u fi kwalunkwe każ 10 minuti.

3.   Għal irkantijiet reġjonali kumplimentari tal-istess ġurnata, il-metodoloġija għall-ipprezzar tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata tista' tkun differenti mill-metodoloġija stabbilita skont l-Artikolu 55(3) iżda madankollu xorta waħda għandha tilħaq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 55(1).

4.   L-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistgħu japprovaw il-proposta għal irkantijiet reġjonali kumplimentari tal-istess ġurnata jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-irkantijiet reġjonali ma għandux ikollhom impatt ħażin fuq il-likwidità tal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

(b)

il-kapaċità transżonali kollha tiġi allokata permezz tal-modulu tal-ġestjoni tal-kapaċità;

(c)

l-irkant reġjonali ma għandux jintroduċi xi diskriminazzjoni mhux dovuta bejn il-parteċipanti tas-suq minn reġjuni ġirien;

(d)

l-iskedi għall-irkantijiet reġjonali jkunu konsistenti mal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata biex il-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw kemm jista' jkun fil-ħin reali;

(e)

l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu kkonsultaw lill-parteċipanti tas-suq fl-Istati Membri kkonċernati.

5.   Talanqas kull sentejn wara d-deċiżjoni dwar l-irkantijiet reġjonali kumplimentari, l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrevedu l-kompatibbiltà ta' kwalunkwe soluzzjoni reġjonali mal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata biex jiġi żġurat li l-kundizzjonijiet ta' hawn fuq jibqgħu jiġi ssodisfati.

Taqsima 3

Arranġamenti tranżitorji tal-istess ġurnata

Artikolu 64

Dispożizzjonijiet relatati mal-allokazzjoni espliċita

1.   Meta mitlub b'mod konġunt mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri ta' kull waħda mill-konfini taż-żona tal-offerti kkonċernati, it-TSOs ikkonċernati għandhom jipprovdu wkoll allokazzjoni espliċita, minbarra dik impliċita, jiġifieri allokazzjoni tal-kapaċità separata min-negozjar tal-elettriku, permezz tal-modulu tal-ġestjoni tal-kapaċità fil-konfini taż-żoni tal-offerti.

2.   It-TSOs fil-konfini taż-żona tal-offerti kkonċernati għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt proposta dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mill-parteċipanti tas-suq biex jipparteċipaw f'allokazzjoni espliċita. Il-proposta għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni konġunta mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri tal-konfini taż-żona tal-offerti kollha kkonċernati.

3.   Meta jiġi stabbilit il-modulu tal-ġestjoni tal-kapaċità, għandha tiġi evitata d-diskriminazzjoni meta tiġi allokata l-kapaċità b'mod simultanju impliċitament u espliċitament. Il-modulu tal-ġestjoni tal-kapaċità għandu jiddetermina liema ordnijiet għandhom jintgħażlu għan-negozjar u liema talbiet tal-kapaċità espliċiti għandhom jiġu aċċettati, b'konformità mal-klassifikazzjoni tal-prezz u l-ħin tad-dħul.

Artikolu 65

Tneħħija tal-allokazzjoni espliċita

1.   In-NEMOs ikkonċernati għandhom jikkooperaw mill-qrib mat-TSOs ikkonċernati u jikkonsultaw lill-parteċipanti tas-suq skont l-Artikolu 12 sabiex il-bżonnijiet tal-parteċipanti tas-suq tal-istess ġurnata marbuta mad-drittijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċità espliċita jissarrfu fi prodotti mhux standard tal-istess ġurnata.

2.   Qabel jieħdu deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-allokazzjoni espliċita, l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri tal-konfini taż-żona tal-offerti kkonċernati għandhom jorganizzaw b'mod konġunt konsultazzjoni biex jiġi vvalutat jekk il-prodotti mhux standard tal-istess ġurnata proposti jissodisfawx il-bżonnijiet tal-parteċipanti tas-suq għan-negozjar tal-istess ġurnata.

3.   L-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-Istati Membri tal-konfini taż-żona tal-offerti kollha kkonċernati għandhom japprovaw b'mod konġunt il-prodotti mhux standard introdotti u t-tneħħija ta' allokazzjoni espliċita.

Artikolu 66

Dispożizzjonijiet relatati għall-arranġamenti tal-istess ġurnata

1.   Il-parteċipanti tas-suq għandhom jiżguraw il-kompletezza tan-nomina, l-ikklerjar u saldu relatati mal-allokazzjoni espliċita tal-kapaċità transżonali.

2.   Il-parteċipanti tas-suq għandhom jissodisfaw kwalunkwe obbligi finanzjarji, relatati mal-ikklerjar u s-saldu li jirriżultaw mill-allokazzjoni espliċita.

3.   It-TSOs parteċipanti għandhom jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar l-interkonnessjonijiet li għalihom l-allokazzjoni espliċita hija applikabbli, inkluża l-kapaċità transżonali għall-allokazzjoni espliċita.

Artikolu 67

Talbiet espliċiti għall-kapaċità

Talba għal kapaċità transżonali espliċita tista' tiġi sottomessa mill-parteċipant tas-suq biss għal interkonnessjoni meta tkun applikabbli l-allokazzjoni espliċita. Għal kull talba għall-kapaċità espliċita, il-parteċipant tas-suq għandu jissottometti l-volum u l-prezz għall-modulu tal-ġestjoni tal-kapaċità. Il-prezz u l-volum tal-kapaċità allokata espliċita jiġu pprovduti pubblikament mit-TSOs rilevanti.

KAPITOLU 7

Ikklerjar u saldu għall-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata

Artikolu 68

Ikklerjar u saldu

1.   Il-kontropartijiet ċentrali għandhom jiżguraw l-ikklerjar u s-saldu tal-ordnijiet rikonċiljati kollha fi żmien xieraq. Il-kontropartijiet ċentrali għandhom jaġixxu bħala l-kontroparti għall-parteċipanti tas-suq għan-negozjanti kollha fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn dawk in-negozji.

2.   Kull kontroparti ċentrali għandha żżomm anonimità bejn il-parteċipanti tas-suq.

3.   Il-kontropartijiet ċentrali għandhom jaġixxu bħala kontroparti għal xulxin għall-iskambju tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn dawn l-iskambji tal-enerġija.

4.   Tali skambji jqisu:

(a)

il-pożizzjonijiet netti prodotti skont l-Artikoli 39(2)(b) u 52(1)(b);

(b)

skambji skedati kkolkolati skont l-Artikoli 49 u 61.

5.   Kull kontroparti ċentrali għandha tiżgura li għal kull unità taż-żmien:

(a)

fiż-żoni tal-offerti kollha, waqt li jitqiesu, fejn ikun xieraq, il-limiti ta' allokazzjoni, ma jkun hemm ebda devjazzjoni bejn is-somma tal-enerġija trasferita barra miż-żoni tal-offerti żejda kollha u s-somma tal-enerġija trasferita fiż-żoni tal-offerti nieqsa kollha;

(b)

l-esportazzjonijiet tal-elettriku u l-importazzjonijiet tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti huma ugwali għal xulxin bid-devjazzjonijiet li jirriżultaw biss minn kunsiderazzjoni ta' limiti ta' allokazzjoni, fejn ikun xieraq.

6.   Minkejja l-paragrafu 3, aġent tat-trasferimenti jista' jaġixxi bħala kontroparti bejn kontropartijiet ċentrali differenti għall-iskambju ta'enerġija, jekk il-partijiet ikkonċernati jikkonkludu ftehim speċifiku għal dak l-effett. Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim, l-arranġament tat-trasferiment jiġi deċiż mill-awtoritajiet regolatorji responsabbli għaż-żoni tal-offerti li bejniethom ikun meħtieġ l-ikklerjar u s-saldu tal-iskambju tal-enerġija.

7.   Il-kontropartijiet ċentrali jew l-aġenti tat-trasferimenti kollha għandhom jiġbru introjti mill-konġestjoni li jirriżultaw mill-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem speċifikati fl-Artikolu 46 sa 48 u mill-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata speċifikati fl-Artikoli 58 sa 60.

8.   Il-kontropartijiet ċentrali jew l-aġenti tat-trasferimenti kollha għandhom jiżguraw li l-introjti mill-konġestjoni miġbura jiġu ttrasferiti lit-TSOs mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara d-data tas-saldu.

9.   Jekk iż-żmien tal-pagamenti ma jkunx armonizzat bejn żewġ żoni tal-offerti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li tiġi nnominata entità biex timmaniġġja d-diskrepanza fl-għażla tal-ħin u tħallas l-ispejjeż rilevanti.

KAPITOLU 8

Ċertezza tal-kapaċità transżonali allokata

Artikolu 69

Proposta għall-iskadenza għaċ-ċertezza ta' ġurnata bil-quddiem

Sa 16-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta komuni għal skadenza għaċ-ċertezza tal-ġurnata bil-quddiem, li ma għandhiex tkun iqsar minn nofs siegħa qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem. Il-proposta hija suġġetta għall-konsultazzjoni skont l-Artikolu 12.

Artikolu 70

Ċertezza tal-kapaċità ta' ġurnata bil-quddiem u limiti ta' allokazzjoni

1.   Qabel id-data ta' skadenza għaċ-ċertezza ta' ġurnata bil-quddiem, kull kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata jista' jaġġusta l-kapaċità transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni pprovduti lil NEMOs rilevanti.

2.   Wara l-iskadenza għaċ-ċertezza ta' ġurnata bil-quddiem, il-kapaċità transżonali u l-limiti ta' allokazzjoni kollha jkunu sodi għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta' ġurnata bil-quddiem, sakemm ma jiġux issodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 46(2), f'liema każ, il-kapaċità transżonali tkun soda hekk kif jiġu sottomessi lin-NEMOs rilevanti.

3.   Wara l-iskadenza għaċ-ċertezza ta' ġurnata bil-quddiem, il-kapaċità transżonali li ma tkunx ġet allokata, tista' tiġi aġġustata għal allokazzjonijiet sussegwenti.

Artikolu 71

Ċertezza tal-kapaċità tal-istess ġurnata

Il-kapaċità transżonali tkun ċerta minn dak il-mument li tiġi allokata.

Artikolu 72

Ċertezza fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' forza maġġuri jew ta' emerġenza

1.   Fil-każ ta' forza maġġuri jew sitwazzjoni ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, fejn it-TSO jaġixxi bil-ħeffa u r-ridispaċċ jew it-tpartit ma jkunx possibbli, kull TSO ikollu d-dritt li jnaqqas il-kapaċitajiet transżonali allokati. Fil-każijiet kollha, it-tnaqqis għandu jsir b'mod koordinat billi jkun hemm komunikazzjoni mat-TSOs ikkonċernati direttament kollha.

2.   TSO, li jinvoka forza maġġuri jew sitwazzjoni ta' emerġenza, għandu jippubblika notifika li tiddeskrivi n-natura tal-forza maġġuri jew tas-sitwazzjoni ta' emerġenza u t-tul probabbli tagħha. Din in-notifika għandha ssir permezz tan-NEMOs għall-parteċipanti tas-suq ikkonċernati. Jekk il-kapaċità tkun allokata espliċitament għall-parteċipanti tas-suq, it-TSO li jinvoka forza maġġuri jew sitwazzjoni ta' emerġenza għandu jibgħat notifika direttament lil dawn il-partijiet kontraenti li huma detenturi ta' kapaċità transżonali għall-perjodu ta' żmien tas-suq rilevanti.

3.   Jekk il-kapaċità allokata tiġi mnaqqsa minħabba forza maġġuri jew sitwazzjoni ta' emerġenza, invokati minn TSO, it-TSO għandu jirrimborża jew jagħti kumpens għall-perjodu ta' forza maġġuri jew is-sitwazzjoni ta' emerġenza, b'konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

f'każ ta' allokazzjoni impliċita, il-kontropartijiet ċentrali jew l-aġenti tat-trasferimenti ma jkunux suġġetti għal dannu finanzjarju jew benefiċċju finanzjarju li jinqala' minn kwalunkwe żbilanċ maħluq minn tali tnaqqis;

(b)

fil-każ ta' forza maġġuri, jekk il-kapaċità tkun allokata permezz ta' allokazzjoni espliċita, il-parteċipanti tas-suq huma intitolati għal rimborż tal-prezz imħallas għall-kapaċità matul il-proċess ta' allokazzjoni espliċita;

(c)

f'sitwazzjoni ta' emerġenża, jekk il-kapaċità tkun allokata permezz ta' allokazzjoni espliċita, il-parteċipanti tas-suq huma intitolati għal kumpens ugwali għad-differenza fil-prezz tas-swieq rilevanti bejn iż-żoni tal-offerti fil-perjodu ta' żmien rilevanti; jew

(d)

f'sitwazzjoni ta' emerġenza, jekk il-kapaċità tkun allokata permezz ta' allokazzjoni espliċita, iżda l-prezz taż-żona tal-offerti ma jiġix ikkalkulat f'ta' mill-inqas waħda miż-żewġ żoni tal-offerti rilevanti fil-perjodu ta' żmien rilevanti, il-parteċipanti tas-suq huma intitolati għal rimborż tal-prezz imħallas għall-kapaċità matul il-proċess ta' allokazzjoni espliċita.

4.   It-TSO li jinvoka forza maġġuri jew sitwazzjoni ta' emerġenza, għandu jillimita l-konsegwenzi u d-dewmien tal-forza maġġuri jew is-sitwazzjoni ta' emerġenza.

5.   Meta Stat Membru jkun stabbilixxa hekk, fuq talba mit-TSO kkonċernat, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta jekk avveniment jikkwalifikax bħala forza maġġuri.

TITOLU III

SPEJJEŻ

KAPITOLU 1

Metodoloġija ta' distribuzzjoni tal-introjtu mill-konġestjoni għal akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata

Artikolu 73

Metodoloġija ta' distribuzzjoni tal-introjtu mill-konġestjoni

1.   Sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta għal metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-introjtu mill-konġestjoni.

2.   Il-metodoloġija żviluppata b'konformità mal-paragrafu 1 għandha:

(a)

tiffaċilita l-iżvilupp u t-tħaddim effiċjenti fit-tul tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u t-tħaddim effiċjenti tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni;

(b)

tikkonforma mal-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni tal-konġestjoni previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(c)

tippermetti għal ippjanar finanzjarju raġonevoli;

(d)

tkun kompatibbli fil-perjodi ta' żmien kollha;

(e)

tistabbilixxi arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-introjtu mill-konġestjoni li hu derivat mill-assi ta' trażmissjoni proprjetà ta' partijiet oħra li mhumiex TSOs.

3.   It-TSOs għandhom jiddistribwixxu introjti mill-konġestjoni b'konformità mal-metodoloġija fil-paragrafu 1 malli jkun raġonevolment prattiku u mhux iktar tard minn ġimgħa wara li l-introjti tal-konġestjoni jkunu ġew ittrasferiti skont l-Artikolu 68(8).

KAPITOLU 2

Ridispaċċ u tpartit tal-metodoloġija ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż għal akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata

Artikolu 74

Ridispaċċ jew tpartit tal-metodoloġija ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż

1.   Sa mhux aktar tard minn 16-il xahar wara d-deċiżjoni dwar ir-reġjuni b'kapaċità kkalkulata, it-TSOs f'kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom jiżviluppaw proposta għal metodoloġija komuni għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ jew it-tpartit.

2.   Il-metodoloġija ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż ta' ridispaċċ jew tpartit għandha tinkludi soluzzjonijiet ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż għal azzjonijiet ta' rilevanza transfruntiera.

3.   L-ispejjeż eliġibbli ta' ridispaċċ jew tpartit għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn it-TSOs rilevanti għandhom jiġu determinati b'mod trasparenti u verifikabbli.

4.   Il-metodoloġija ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż ta' ridispaċċ jew tpartit għandha ta' mill-inqas:

(a)

tiddetermina liema spejjeż imġarrba mill-użu tal-azzjonijiet ta' rimedju ġew ikkunsidrati fil-kalkolu tal-kapaċità, u fejn ġie stabbilit qafas komuni dwar l-użu ta' tali azzjonijiet, huma eliġibbli għall-kondiviżjoni bejn it-TSOs tar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata b'konformità mal-metodoloġija ta' kalkolu tal-kapaċità stabbilita fl-Artikoli 20 u 21;

(b)

tiddefinixxi liema spejjeż, imġarrba mill-użu tar-ridispaċċ jew it-tpartit biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza tal-kapaċità transżonali, huma eliġibbli għall-kondiviżjoni bejn it-TSOs kollha tar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata b'konformità mal-metodoloġija ta' kalkolu tal-kapaċità stabbilita fl-Artikoli 20 u 21;

(c)

tistabbilixxi regoli għal kondiviżjoni tal-ispejjeż mifruxa madwar ir-reġjuni kif iddeterminat b'konformità mal-punti (a) u (b).

5.   Il-metodoloġija żviluppata b'konformitá mal-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

mekkaniżmu biex tiġi vverifikata l-ħtieġa attwali għal ridispaċċ jew tpartit bejn it-TSOs involuti;

(b)

mekkaniżmu ex-post biex jiġi ssorveljat l-użu ta' azzjonijiet ta' rimedju bl-ispejjeż;

(c)

mekkaniżmu biex jiġi vvalutat l-impatt tal-azzjonijiet ta' rimedju, abbażi tas-sigurtà operazzjonali u l-kriterji ekonomiċi;

(d)

proċess li jippermetti titjib tal-azzjoniijiet ta' rimedju; u

(e)

proċess li jippermetti l-monitoraġġ ta' kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

6.   Il-metodoloġija żviluppata b'konformitá mal-paragrafu 1 għandha:

(a)

tipprovdi inċentivi biex tiġi ġestita b'mod effettiv il-konġestjoni, inklużi azzjonijiet ta' rimedju tas-sigurtà u inċentivi għal investimenti;

(b)

tkun konsistenti mar-responsabbiltajiet u l-obbligi tat-TSOs involuti;

(c)

tiżgura distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u l-benefiċċji bejn it-TSOs involuti;

(d)

tkun konsistenti ma' mekkaniżmi relatati oħra inklużi ta' mill-inqas:

(i)

il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-introjtu mill-konġestjoni stabbilita fl-Artikolu 73;

(ii)

il-mekkaniżmu ta' kumpens inter-TSO kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u r-Regolament (UE) Nru 838/2010 (5);

(e)

tiffaċilita l-iżvilupp u t-tħaddim effiċjenti fit-tul tas-sistema interkonnessa Pan-Ewropea u t-tħaddim effiċjenti tas-suq tal-elettriku Pan-Ewropew;

(f)

tiffaċilita l-aderenza mal-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni tal-konġestjoni kif stabbilit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(g)

tippermetti għal ippjanar finanzjarju raġonevoli;

(h)

tkun kompatibbli fil-perjodi taż-żmien kollha tas-suq ta' ġurnata bil-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata u

(i)

tikkonforma mal-prinċipji ta' trasparenza u nondiskriminazzjoni.

7.   Sal-31 ta' Diċembru 2018, it-TSOs kollha ta' kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom ikomplu jarmonizzaw kemm jista' jkun bejn ir-reġjuni l-metodoloġiji ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tpartit applikati fi ħdan ir-reġjun bil-kapaċità kkalkulata rispettiv tagħhom.

KAPITOLU 3

Allokazzjoni tal-kapaċità u rkupru tal-ispiża tal-ġestjoni tal-konġestjoni

Artikolu 75

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-irkurpu tal-ispiża

1.   L-ispejjeż relatati mal-obbligi imposti fuq it-TSOs skont l-Artikolu 8, inklużi l-ispejjeż speċifikati skont l-Artikolu 74 u l-Artikoli 76 sa 79, għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti. L-ispejjeż ivvalutati bħala raġonevoli, effiċjenti u proporzjonati għandhom jiġu rkuprati fi żmien xieraq permezz ta' tariffi tan-netwerk jew mekkaniżmi xierqa oħra kif iddeterminat mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

2.   Is-sehem tal-Istati Membri mill-ispejjeż komuni imsemmija fl-Artikolu 80(2)(a), l-ispejjeż reġjonali skont l-Artikolu 80(2)(b) u l-ispejjeż nazzjonali msemmija fl-Artikolu 80(2)(c) ivvalutati bħala raġonevoli, effiċjenti u proporzjonati għandhom jiġu rkuprati permezz ta' tariffi NEMO, tariffi tan-netwerk jew mekkaniżmu xieraq ieħor kif iddeterminat mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

3.   Jekk mitlub mill-awtoritajiet regolatorji, it-TSOs, in-NEMOs u delegati skont l-Artikolu 78, fi żmien tliet xhur minn dik it-talba, għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-ispejjeż imġarrba.

Artikolu 76

L-ispejjeż tal-istabbiliment, l-emendar u t-tħaddim tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata

1.   In-NEMOs kollha għandhom iġarrbu l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż komuni, reġjonali u nazzjonali tal-istabbilment, l-aġġornament jew l-iżvilupp ulterjuri tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz għall-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem;

(b)

l-ispejjeż komuni, reġjonali u nazzjonali tal-istabbilient, l-aġġornament jew l-iżvilupp ulterjuri tal-algoritmu rikonċiljanti tan-negozjar kontinwu u tal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

(c)

l-ispejjeż komuni, reġjonali u nazzjonali tat-tħaddim tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

2.   Soġġett għal ftehim main-NEMOs ikkonċernati, it-TSOs jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni għall-ispejjeż previsti fil-paragrafu 1 soġġett għal approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti. F'tali każijiet, fi żmien xahrejn mill-wasla ta' previżjoni min-NEMOs ikkonċernati, kull TSO jkun intitolat li jipprovdi proposta ta' kontribuzzjoni tal-ispejjeż lill-awtorità regolatorja rilevanti għal approvazzjoni.

3.   In-NEMOs ikkonċernati huma intitolati li jirkupraw l-ispejjeż b'konformità mal-paragrafu 1 li ma jkunux tħallsu mit-TSOs b'konformità mal-paragrafu 2 permezz ta' tariffi jew mekkaniżmi xierqa oħra biss jekk l-ispiża tkun raġonevoli u proporzjonata permezz ta' ftehimiet nazzjonali mal-awtorità regolatorja kompetenti.

Artikolu 77

Spejjeż ta' kklerjar u saldu

1.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-kontropartijiet ċentrali u l-aġenti tat-trasferimenti jistgħu jiġu rkuprati permezz ta' tariffi jew mekkaniżmi xierqa oħra jekk ikunu raġonevoli u proporzjonati.

2.   Il-kontropartijiet ċentrali u l-aġenti tat-trasferimenti għandhom ifittxu kklerjar effiċjenti u arranġamenti ta' saldu li jevitaw spejjeż mhux meħtieġa, li jirriflettu r-riskju mġarrab. L-arranġamenti ta' saldu u kklerjar transfruntiera huma soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti.

Artikolu 78

Spejjeż tal-istabbiliment u t-tħaddim tal-proċess ta' kalkolu tal-kapaċità kkoordinata

1.   Kull TSO għandu jħallas individwalment l-ispejjeż għall-provvediment tal-inputs għall-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità.

2.   It-TSOs kollha għandhom iġarrbu l-ispejjeż relatati mal-amalgamazzjoni tal-mudelli ta' grilja individwali.

It-TSOs kollha ta' kull reġjun bil-kapaċità kkalkulata għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment u t-tħaddim tal-kalkolaturi tal-kapaċità kkalkulata.

3.   Kwalunkwe spiża li trid titħallas mill-parteċipanti tas-suq fl-ilħuq tar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandha titħallas minn dawk il-parteċipanti tas-suq.

Artikolu 79

Spejjeż biex tiġi żgurata ċ-ċertezza

L-ispejjeż biex tiġi żgurata ċ-ċertezza skont l-Artikoli 70(2) u 71 għandhom jitħallsu mit-TSOs rilevanti, sa fejn ikun possibbli skont l-Artikolu 16(6)(a) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludu l-ispejjeż mill-mekkaniżmi ta' kumpens assoċjati mal-iżgurar taċ-ċertezza tal-kapaċitajiet transżonali kif ukoll l-ispejjeż tar-ridispaċċ, il-kontronegozjar u l-ispejjeż ta' żbilanċ assoċjati mal-kumpens lill-parteċipanti tas-suq.

Artikolu 80

Kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn in-NEMOs u t-TSOs fi Stati Membri differenti

1.   It-TSOs u n-NEMOs rilevanti kollha kull sena jipprovdu rapport lill-awtoritajiet regolatorji li fihom l-ispejjeż għall-istabbiliment, l-emendar u t-tħaddim tal-akkoppjament ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata huma spjegati fid-dettall. Dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat mill-Aġenzija filwaqt li jingħata l-kunsiderazzjoni xierqa għall-informazzjoni kummerċjali sensittiva. L-ispejjeż relatati direttament mal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata u ta' ġurnata bil-quddiem għandhom jiġu identifikati u vverifikati b'mod ċar u separat. Ir-rapport għandu jipprovdi wkoll id-dettalji sħaħ tal-kontribuzzjonijiet li saru lill-ispejjeż tan-NEMO mit-TSOs skont l-Artikolu 76(2).

2.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu kif ġej:

(a)

l-ispejjeż komuni li jirriżultaw mill-attivitajiet ikkoordinati tan-NEMOs kollha jew it-TSO parteċipanti fl-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew fl-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

(b)

l-ispejjeż reġjonali li jirriżultaw mill-attivitajiet tan-NEMOs u t-TSO li jikkooperaw f'ċerti reġjuni;

(c)

l-ispejjeż nazzjonali li jirriżultaw minn attivitajiet tan-NEMOs jew it-TSOs f'dak l-Istat Membru.

3.   L-ispejjeż komuni msemmija fil-paragrafu 2(a) għandhom jinqasmu bejn it-TSOs u n-NEMOs fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi parteċipanti fl-akkoppjament ta' ġurnata bil-quddiem u l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata. Sabiex jiġi kkalkulat l-ammont li għandu jitħallas mit-TSOs u n-NEMOs f'kull Stat Membru u, jekk applikabbli f'pajjiżi terzi, parti waħda minn tmienja tal-ispejjeż komuni għandha tiġi kondiviża b'mod ugwali bejn kull Stat Membru u pajjiż terz, ħames partijiet minn tmienja jiġu kondiviżi bejn kull Stat Membru u pajjiż terz proporzjonalment għall-konsum tagħhom, u żewġ partijiet minn tmienja jiġu kondiviżi b'mod ugwali bejn in-NEMOs parteċipanti. Sabiex jiġu kkunsidrati bidliet fl-ispejjeż komuni jew bidliet fit-TSOs u n-NEMOs parteċipanti, il-kalkolu tal-ispejjeż komuni għandu jiġi adattat regolarment.

4.   NEMOs u TSOs li jikkooperaw f'ċertu reġjun għandhom jaqblu b'mod konġunt fuq proposta għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż reġjonali skont il-paragrafu 2(b). Imbagħad il-proposta għandha tiġi approvata b'mod individwali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' kull wieħed mill-Istati Membri fir-reġjun. Inkella, in-NEMOs u t-TSOs li jikkooperaw f'ċertu reġjun jistgħu jużaw l-allokazzjoni għall-kondiviżjoni tal-arranġamenti stabbiliti fil-paragrafu 3.

5.   Il-prinċipji tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż japplikaw għall-ispejjeż imġarrba mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr ħsara għas-soluzzjonijiet eżistenti użati għall-iżvilupp ta' akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata u l-iżpejjeż imġarrbin qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jinqasmu bejn in-NEMOs u t-TSOs fuq il-bażi tal-ftehimiet eżistenti li jirregolaw it-tali soluzzjonijiet.

TITOLU IV

DELEGAZZJONI TA' KOMPITI U MONITORAĠĠ

Artikolu 81

Delegazzjoni ta' kompiti

1.   TSO jew NEMO jistgħu jiddelegaw kwalunkwe funzjoni jew parti minnha assenjata lilhom skont dan ir-Regolament lil parti terza waħda jew iktar fil-każ li l-parti terza tista' twettaq il-funzjoni rispettiva b'mod effettiv bħala l-entità ta' delegazzjoni. L-entità ta' delegazzjoni tibqa' responsabbli sabiex tiġi żgurata konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament inkluż l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja għall-monitoraġġ mill-awtorità regolatorja.

2.   Qabel id-delegazzjoni, il-parti terza kkonċernata tkun uriet b'mod ċar lill-parti ta' delegazzjoni l-kapaċità tagħha li tissodisfa kull wieħed mill-obbligi ta' dan ir-Regolament.

3.   Fil-każ li parti mill-kompitu jew il-kompitu kollu speċifikat f'dan ir-Regolament tiġi delegata lil parti terza, il-parti ta' delegazzjoni tiżgura li jkunu stabbiliti qabel id-delegazzjoni ftehimiet xierqa ta' kunfidenzjalità b'konformità mal-obbligi ta' kunfidenzjalità tal-parti ta' delegazzjoni.

Artikolu 82

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata

1.   L-entità jew l-entitajiet li jaqdu l-funzjonijiet ta' MCO għandhom jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet regolatorji jew l-awtoritajiet relevanti tat-territorju fejn jinsabu. Awtoritajiet regolatorji oħrajn jew awtoritajiet relevanti, u l-Aġenzija, għandhom jikkontribwixxu għall-monitoraġġ meta jkunu adegwati. L-awtoritajiet regolatorji jew l-awtoritajiet relevanti primarjament responsabbli għall-monitoraġġ ta' NEMO u l-funzjoni ta' MCO għandhom jikkooperaw b'mod sħiħ u jipprovdu aċċess għal informazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji oħra u lill-Aġenzija sabiex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-akkoppjament ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2009/72/KE.

2.   Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata mill-ENTSO għall-Elettriku skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 b'mod partikolari għandu jkopri l-oqsma li ġejjin:

(a)

il-progress u l-problemi potenzjali bl-implimentazzjoni tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, inkluża l-għażla ta' fakultajiet differenti disponibbli f'kull pajjiż;

(b)

it-tħejjija tar-rapport dwar il-kalkolu tal-kapaċità u allokazzjoni skont l-Artikolu 31(1);

(c)

l-effiċjenza tal-konfigurazzjoni kurrenti taż-żona tal-offerti f'koordinazzjoni mal-Aġenzija skont l-Artikolu 34;

(d)

l-effettività tat-tħaddim tal-algoritmu tal-akkoppjament tal-prezz u l-algoritmu rikonċiljanti għan-negozjar kontinwu b'kooperazzjoni main-NEMOs skont l-Artikolu 37(6);

(e)

l-effettività tal-kriterju li jikkonċerna l-istima tal-valur tat-tagħbija mitlufa, skont l-Artikoli 41(1) u 54(1); u

(f)

ir-reviżjoni tal-metodoloġija għall-ikkalkolar tal-iskambji skedati li jirrizultaw mill-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem skont l-Artikolu 43(4).

3.   ENTSO għall-Elettriku għandu jissottometti pjan għall-monitoraġġ li jinkludi r-rapporti li għandhom jiġu mħejjija u kwalunkwe aġġornament b'konformità mal-paragrafu 2, lill-Aġenzija għall-opinjoni sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

4.   L-Aġenzija, b'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, għandha tħejji sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament lista tal-informazzjoni rilevanti li għandha tiġi kkomunikata mill-ENTSO għall-Elettriku lill-Aġenzija skont l-Artikoli 8(9) u 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-lista ta' informazzjoni rilevanti tista' tkun suġġetta għal aġġornamenti. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jżomm format komprensiv standardizzat, arkivju tad-dejta diġitali tal-informazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija.

5.   It-TSO's kollha għandhom jissottomettu lill-ENTSO għall-Elettriku l-informazzjoni meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti b'konformità mal-paragrafi 2 u 4.

6.   In-NEMOs, il-parteċipanti tas-suq u organizzazzjonijiet rilevanti oħra fir-rigward tal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, wara talba konġunta mill-Aġenzija u ENTSO għall-Elettriku, għandhom jissottomettu lill-ENTSO għall-Elettriku l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ b'konformità mal-paragrafi 2 u 4, ħlief għal informazzjoni diġà miksuba mill-awtoritajiet regolatorji, l-Aġenzija jew l-ENTSO għall-Elettriku fil-kuntest tal-kompiti ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni rispettivi tagħhom.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJU U FINALI

Artikolu 83

Dispożizzjonijiet tranżitorju għall-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

1.   Ħlief għall-Artikoli 4, 5 u 6 u l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-patti u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji, li għalihom għandhom japplikaw id-dati ta' skadenza rispettivi, ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament ma japplikawx fl-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, qabel il-31 ta' Diċembru 2017.

2.   Sa mid-data ta' dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2017, l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jimplimentaw arranġamenti tranżitorji preparatorji. Dawn l-arranġamenti tranżitorji:

(a)

jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dan ir-Regolament u l-konformità sħiħa miegħu, u jinkludu l-miżuri preparatorji neċessarji kollha għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dan ir-Regolament u l-konformità sħiħa miegħu, sal-31 ta' Diċembru 2017;

(b)

jiggarantixxu grad raġonevoli ta' integrazzjoni mas-swieq fil-ġurisdizzjonijiet biswit;

(c)

jipprovdu għal ta' mill-inqas:

(i)

allokazzjoni tal-kapaċità ta' interkonnettur f'irkant espliċitu ġurnata bil-quddiem u f'ta' mill-inqas żewġ irkantijiet impliċiti tal-istess ġurnata;

(ii)

nomina konġunta ta' kapaċità ta' interkonnessjoni u enerġija fil-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem;

(iii)

applikazzjoni tal-prinċipju “Tużah jew Titilfu” jew “Tużah jew Tbiegħu”, kif speċifikat fil-punt 2.5 tal- Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, għal kapaċità mhux użata fil-perjodu ta' żmien tas-suq ta' ġurnata bil-quddiem.

(d)

jiżguraw prezzijiet ġusti u nondiskriminatorji tal-kapaċità tal-interkonnettur fl-irkantijiet impliċiti fl-istess ġurnata;

(e)

idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ġusti, trasparenti u nondiskriminatorji biex jiżguraw iċ-ċertezza;

(f)

jistabbilixxu pjan direzzjonali ddettaljat, approvat mill-awtoritajiet regolatorji għall-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq bi tragwardi għall-ilħuq tal-implimentazzjoni sħiħa u tal-konformità ma' dan ir-Regolament;

(g)

ikunu soġġetti għal proċess ta' konsultazzjoni, li jinvolvi l-partijiet kollha rilevanti u jagħtu l-akbar kunsiderazzjoni għall-eżitu tal-konsultazzjoni.

(h)

ikunu ġġustifikati abbażi tal-analiżi tal-kost-benefiċċju;

(i)

ma jaffettwawx b'mod mhux dovut ġurisdizzjonijiet oħra.

3.   L-awtoritajiet regolatorji tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jipprovdu lill-Aġenzija, iżda ta' mill-inqas kull trimestru, jew fuq talba tal-Aġenzija, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-arranġamenti tranżitorji għas-suq tal-elettriku fil-gżira tal-Irlanda u l-progress lejn l-ilħuq tal-implimentazzjoni sħiħa tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 84

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)  Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1)

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal-14 ta' Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u pubblikazzjoni ta' data fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 1)

(4)  Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 838/2010 tat-23 ta' Settembru 2010 dwar l-iffissar ta' linji gwida għall mekkaniżmu ta' kumpens lil operaturi tas-sistemi ta' inter-trażmissjoni u għal approċċ regolatorju komuni għall-ħlasijiet tat-trażmissjoni (ĠU L 250, 24.9.2010, p. 5)


Top