Help Print this page 

Document 32013R0576

Title and reference
Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 Test b’relevanza għaż-ŻEE
  • In force
OJ L 178, 28.6.2013, p. 1–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 072 P. 258 - 283

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/576/oj
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html GA html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf GA pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Dates
  • Date of document: 12/06/2013
  • Date of effect: 28/06/2013; Dħul fis-seħħ Data tal-pubblikazzjoni Ara Art. 45
  • Date of effect: 29/12/2014; Applikazzjoni Ara Art. 45
  • Date of end of validity: 20/04/2021; Revokat u sostitwit bi 32016R0429
Miscellaneous information
  • Author: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Form: Regolament
  • Additional information: Rilevanza għaż-ŻEE, COD 2012/0039
Relationship between documents
Text

28.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/1


REGOLAMENT (UE) Nru 576/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ġunju 2013

dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-punt (b) tal-Artikolu 168(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiżi terzi u l-verifiki applikabbli għal tali movimenti. Huwa għandu l-għan li jiżgura livell suffiċjenti ta’ sikurezza fir-rigward tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali involuti f’tali movimenti mhux kummerċjali u li jneħħi kull ostakolu mhux iġġustifikat għal dawn il-movimenti.

(2)

F’dikjarazzjoni annessa għar-Regolament (UE) Nru 438/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets (4), il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tipproponi reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 kollu, b’mod partikolari, l-aspetti tal-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jeħtieġ li s-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 TFUE. B’kont meħud tan-numru ta’ emendi li jeħtieġ isiru għar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 998/2003 u sabiex jiġi żgurat li dawk ir-rekwiżiti jkunu ċari u aċċessibbli biżżejjed għaċ-ċittadini ordinarji, dak ir-Regolament għandu jitħassar u jiġi sostitwit b’dan ir-Regolament.

(3)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi lista ta’ speċijiet tal-annimali li għalihom għandhom japplikaw ir-rekwiżiti armonizzati tas-saħħa tal-annimali meta annimali ta’ dawk l-ispeċijiet jinżammu bħala annimali domestiċi u huma soġġetti għal movimenti mhux kummerċjali. Waqt it-tfassil ta’ dik il-lista, għandu jittieħed kont tas-suxxettibbiltà tagħhom għall-epidemjoloġija tal-idrofobija u r-rwol tagħhom fiha.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità msemmija fl-Anness A(I) għad-Direttiva 90/425/KEE (5), fost l-oħrajn tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ u l-importazzjonijiet tal-klieb, il-qtates u l-inmsa, li huma annimali ta’ speċijiet suxxettibbli għall-idrofobija. Minħabba li dawk l-ispeċijiet jinżammu wkoll bħala annimali domestiċi li spiss jakkumpanjaw lil sidhom jew lil persuna awtorizzata waqt movimenti mhux kummerċjali ġewwa l-Unjoni jew għal ġol-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali ta’ dawk l-ispeċijiet fl-Istati Membri. Dawk l-ispeċijiet għandhom jiġu elenkati fil-Parti A tal-Anness I għal dan ir-Regolament.

(5)

Bl-istess mod, għandu jiġi stabbilit qafas legali għar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali ta’ speċijiet mhux affettwati mill-idrofobija jew li ma għandhomx sinifikanza epidemjoloġika fir-rigward tal-idrofobija, u li għalihom ikunu japplikaw atti legali oħra tal-Unjoni, jekk ma jkunux jinżammu bħala annimali domestiċi, inkluża leġislazzjoni dwar annimali għall-produzzjoni tal-ikel. Dawk l-ispeċijiet għandhom jiġu elenkati fil-Parti B tal-Anness I.

(6)

Il-lista fil-Parti B tal-Anness I għandha tinkludi invertebrati, bl-eċċezzjoni ta’ naħal u naħal bagħli koperti bid-Direttiva 92/65/KEE, u molluski u krustaċji, koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (6). Hija għandha tinkludi wkoll l-annimali akkwatiċi ornamentali mrobbija f’akkwarji mhux kummerċjali li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/88/KE, u l-amfibji u r-rettili.

(7)

Il-lista fil-Parti B ta’ Anness I għandha tinkludi wkoll l-ispeċijiet kollha tal-għasafar, minbarra dawk koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intraKomunitarju, u l-importazzjoni ta’ tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (7), u r-rodituri u l-fniek, minbarra dawk intenzjonati għall-produzzjoni tal-ikel u definiti fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (8).

(8)

Madankollu, fl-interessi tal-konsistenza tal-liġi tal-Unjoni, sakemm jiġu stabbiliti r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-movimenti mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn territorju jew pajjiż terz ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I, għandu jkun possibbli li r-regoli nazzjonali japplikaw għal movimenti bħal dawn dment li dawn ma jkunux aktar stretti minn dawk applikati għall-movimenti għal finijiet kummerċjali.

(9)

Minħabba li l-annimali tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I għal dan ir-Regolament jistgħu jkunu ta’ speċijiet li jirrikjedu protezzjoni partikolari, dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (9).

(10)

Sabiex issir distinzjoni ċara bejn ir-regoli li japplikaw għal movimenti mhux kummerċjali u għal kummerċ u importazzjonijiet fl-Unjoni minn pajjiżi terzi ta’ klieb, qtates u inmsa koperti bir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali tad-Direttiva 92/65/KEE, dan ir-Regolament għandu mhux biss jiddefinixxi annimal domestiku, iżda wkoll il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimal domestiku, li matulu tali annimal domestiku jakkumpanja lil sidu jew lil persuna awtorizzata. L-esperjenza wriet li mhux dejjem hu possibbli li l-annimal domestiku jkun qrib is-sid jew il-persuna awtorizzata f’kull mument matul moviment mhux kummerċjali. Għal raġunijiet debitament iġġustifikati u ddokumentati, l-annimal domestiku għandu jitqies bħala li qed jakkumpanja lil sidu jew lill-persuna awtorizzata anke jekk il-moviment mhux kummerċjali tal-annimal domestiku jseħħ sa ħamest ijiem qabel jew wara l-moviment tas-sid jew tal-persuna awtorizzata, jew iseħħ f’post fiżiku differenti minn dak okkupat mis-sid jew mill-persuna awtorizzata.

(11)

L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-regoli eżistenti turi li l-kummerċ fi u l-importazzjonijiet ġo l-Unjoni minn pajjiżi terzi tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I jista’ jkun moħbi b’ingann bħala movimenti mhux kummerċjali. Sabiex jiġu evitati tali prattiki, billi dawn jistgħu joħolqu riskji għas-saħħa tal-annimali, dan ir-Regolament għandu jiffissa numru massimu ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I li jistgħu jakkumpanjaw lil sidhom jew lil persuna awtorizzata. Madankollu, għandu jkun possibbli li dak in-numru massimu jinqabeż f’ċerti kondizzjonijiet speċifikati. Barra minn hekk, għandu jiġi kkjarifikat li meta l-kondizzjonijiet speċifikati ma jkunux sodisfatti u n-numru ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I għal dan ir-Regolament jaqbeż in-numru massimu stabbilit, għal dawk l-annimali domestiċi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/65/KEE u tad-Direttiva 90/425/KEE (10) jew id-Direttiva 91/496/KEE (11).

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li, għal perijodu transizzjonali, l-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness I tiegħu, għandhom jitqiesu li ġew identifikati meta jkollhom tattwaġġ li jista’ jinqara faċilment jew sistema ta’ identifikazzjoni elettronika (“transponder”). Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regoli għall-immarkar tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I għal dan ir-Regolament wara l-iskadenza tal-perijodu transizzjonali fit-3 ta’ Lulju 2011.

(13)

L-impjantazzjoni ta’ transponder hija intervent invażiv u huma meħtieġa ċerti kwalifiki biex jitwettaq. Għaldaqstant it-transponders għandhom jiġu impjantati biss minn persuna kwalifikata kif suppost. Jekk Stat Membru jippermetti li persuni oħra minbarra veterinarji jimpjantaw transponders, huwa għandu jistabbilixxi regoli dwar il-kwalifiki minimi meħtieġa għal tali persuni.

(14)

L-Anness Ia għar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għall-identifikazzjoni tal-annimali domestiċi bi transponders. Dawk ir-rekwiżiti tekniċi jikkorrispondu mal-istandards aċċettati internazzjonalment u għandhom jiġu stabbiliti, mingħajr ma ssirilhom kwalunkwe emenda sostanzjali, fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

(15)

Sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri sanitarji preventivi għal mard u infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija. Dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni xjentifika vvalidata u għandhom jiġu applikati b’mod proporzjonat mar-riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali assoċjat mal-moviment mhux kummerċjali ta’ dawk l-annimali domestiċi li aktarx ikunu milquta minn dak il-mard jew dawk l-infezzjonijiet. Il-miżuri għandhom jinkludu regoli għall-kategorizzazzjoni tal-Istati Membri jew partijiet minnhom, proċeduri li bihom l-Istati Membri li jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji preventivi għandhom jissostanzjaw ir-raġunijiet għal dawn il-miżuri fuq bażi kontinwa, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi u, fejn adatt, kondizzjonijiet għal derogi mill-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Għalhekk għandha tiġi stipulata lista tal-Istati Membri jew ta’ partijiet minnhom ikkategorizzati skont ir-regoli rilevanti, f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont dan ir-Regolament.

(16)

Huwa possibbli li t-tilqim tal-idrofobija amministrati lill-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I qabel l-età ta’ tliet xhur ma jikkawżawx l-immunità protettiva minħabba l-kompetizzjoni mal-antikorpi materni. Konsegwentement, il-manifatturi tat-tilqim jirrakkomandaw li l-annimali domestiċi ma jiġux imlaqqma qabel ma jagħlqu t-tliet xhur. Għalhekk, sabiex jiġi awtorizzat il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi żgħar tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I li ma ġewx imlaqqma, jew li tlaqqmu iżda li għadhom ma kisbux immunità protettiva kontra l-idrofobija, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi ċerti miżuri prekawzjonarji li għandhom jittieħdu u għandu jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jawtorizzaw dan il-moviment għal ġot-territorju tagħhom meta l-annimali domestiċi ta’ taħt it-tliet xhur ikunu konformi ma’ dawn il-miżuri.

(17)

Sabiex jiġu ssimplifikati l-kondizzjonijiet għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I bejn l-Istati Membri ta’ stat favorevoli ekwivalenti fir-rigward tal-idrofobija, dan ir-Regolament għandu jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ deroga mir-rekwiżit tat-tilqim kontra l-idrofobija. It-tali possibbiltà għandha tkun disponibbli mal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni konġunta mill-Istati Membri interessati. Tali deroga għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni xjentifika vvalidata u tkun applikata b’mod proporzjonat mar-riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali assoċjat mal-moviment mhux kummerċjali ta’ dawk l-annimali li aktarx ikunu milquta mill-idrofobija. L-Istati Membri jew partijiet minnhom li jibbenefikaw minn deroga bħal dik, għandhom jiġu elenkati f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont dan ir-Regolament.

(18)

Il-pajjiżi u t-territorji elenkati fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 998/2003 japplikaw ir-regoli ekwivalenti għal dawk applikati mill-Istati Membri filwaqt li dawk elenkati fil-Parti C tal-Anness II għal dak ir-Regolament jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament. Dawk il-listi għandhom jiġu stipulati, mingħajr ma ssirilhom kwalunkwe emenda sostanzjali, f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont dan ir-Regolament.

(19)

Barra minn hekk, għandha tiġi stipulata lista tat-territorji jew tal-pajjiżi terzi li japplikaw regoli li l-kontenut u l-effett tagħhom huma l-istess bħal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament għal annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I, f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont dan ir-Regolament.

(20)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi għal ġo Stati Membri minn Stati Membri oħra u mill-pajjiżi jew it-territorji elenkati fit-Taqsima 2 tal-Parti B u fil-Parti C tal-Anness II tiegħu. Dawk ir-rekwiżiti jinkludu tilqima valida kontra l-idrofobija mwettqa lill-annimali domestiċi kkonċernati b’tilqim konformi mal-istandards minimi stabbiliti fil-Kapitolu rilevanti tal-Manwal ta’ Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), jew li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq f’konformità mad-Direttiva 2001/82/KE (12) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 (13). Dak it-tilqim ġie ppruvat li huwa effettiv fil-protezzjoni tal-annimali kontra l-idrofobija u huwa parti mir-rekwiżiti tal-validità għat-tilqim kontra l-idrofobija stipulati fl-Anness Ib għar-Regolament (KE) Nru 998/2003. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu stipulati, mingħajr ma jsirulhom emendi sostanzjali, fl-Anness III għal dan ir-Regolament.

(21)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi rekwiżiti għas-saħħa tal-annimali aktar stretti għall-annimali domestiċi li jiġu spustati għal ġo Stati Membri minn pajjiżi jew territorji oħra minbarra dawk elenkati fil-Parti C tal-Anness II tiegħu. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu verifiki tal-effettività fl-annimali individwali tat-tilqim kontra l-idrofobija bit-titrazzjoni tal-antikorpi f’laboratorju approvat f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE tal-20 ta’ Marzu 2000 li taħtar istituzzjoni speċifika sabiex tkun responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji neċessarji għall-istandardizazzjoni ta’ testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija (14). Dak ir-rekwiżit għandu għalhekk jinżamm fl-Anness IV għal dan ir-Regolament u għandha tiġi inkluża kondizzjoni li t-test għandu jsir f’konformità mal-metodi stabbiliti fil-Kapitolu rilevanti tal-Manwal ta’ Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE).

(22)

Id-dokumenti tal-identifikazzjoni li jakkumpanjaw lill-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I li jkunu soġġetti għal movimenti mhux kummerċjali għal ġol-Istati Membri huma meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-identifikazzjoni u r-rekwiżiti għall-kontenut, il-validità, il-karatteristiċi ta’ sigurtà, il-format u l-istruttura tagħhom.

(23)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-Istati Membri li jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali għal ġot-territorju tagħhom ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I akkumpanjati minn dokument tal-identifikazzjoni maħruġ f’territorju jew pajjiż terz li japplika regoli li l-kontenut u l-effett tagħhom huma l-istess bħal dawk applikati mill-Istati Membri. Huwa għandu wkoll jippermetti lill-Istati Membri li jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali għal ġot-territorju tagħhom wara moviment lejn territorju jew pajjiż terz ta’ dawk l-annimali domestiċi akkumpanjati minn dokument tal-identifikazzjoni maħruġ fi Stat Membru dment li l-kondizzjonijiet għar-ritorn minn dawk it-territorji jew pajjiżi terzi jkunu sodisfatti qabel mal-annimal domestiku jitlaq mill-Unjoni.

(24)

Dan ir-Regolament għandu wkoll jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jawtorizzaw, fejn tinħoloq il-ħtieġa tat-tluq urġenti tas-sid, pereżempju, fil-każ ta’ diżastru naturali f’daqqa, instabbiltà politika jew forza maġġuri oħra marbuta mas-sid, id-dħul dirett ġot-territorju tagħhom ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament sakemm tkun saret applikazzjoni bil-quddiem għal permess u dan ikun ingħata mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, u ssir perijodu ta’ iżolament ta’ żmien limitat taħt superviżjoni uffiċjali biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Minkejja l-ħtieġa għal tluq urġenti bħal dan, it-tali permessi huma indispensabbli minħabba r-riskji tas-saħħa tal-annimali li jirriżultaw mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ annimal domestiku li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.

(25)

Id-Direttiva 90/425/KEE u d-Direttiva 91/496/KEE ma japplikawx għal verifiki veterinarji fuq annimali domestiċi li jakkumpanjaw vjaġġaturi waqt movimenti mhux kummerċjali.

(26)

Għalhekk, sabiex l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa, dan ir-Regolament għandu jirrikjedi lill-persuna li tkun qed takkumpanja lill-annimal domestiku biex tippreżenta d-dokument tal-identifkazzjoni meħtieġ waqt kull moviment mhux kummerċjali fi Stat Membru u għandu jipprevedi verifiki adatti tad-dokumenti u tal-identità fuq annimali domestiċi li jakkumpanjaw lil sidhom waqt moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn ċerti territorji jew pajjiżi terzi.

(27)

Huwa għandu jirrikjedi wkoll lill-Istati Membri li jwettqu verifiki sistematiċi tad-dokumenti u tal-identità f’punti tad-dħul apposta fuq l-annimali domestiċi li jakkumpanjaw lil sidhom waqt moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn ċerti territorji jew pajjiżi terzi. Dawk il-verifiki għandhom jieħdu kont tal-prinċipji rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (15). Fejn ikun meħtieġ għall-fini ta’ moviment ulterjuri fi Stati Membri oħra, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jiddokumentaw il-verifiki fid-dokument tal-identifikazzjoni sabiex id-data ta’ dawn il-verifiki tkun tista’ tintuża biex jiġi ddeterminat il-perijodu tal-validità tad-dokument tal-identifikazzjoni.

(28)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jipprevedi miżuri ta’ salvagwardja sabiex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali li jirriżultaw mill-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi.

(29)

Bil-ħsieb li ċ-ċittadin jingħata informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar ir-regoli li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali għal ġol-Unjoni tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu dik l-informazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali disponibbli għall-pubbliku.

(30)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-ispeċi għall-immarkar tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I u miżuri sanitarji preventivi speċifiċi għall-ispeċi kontra mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija li jaffettwaw l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ regoli li jillimitaw in-numru ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I li jakkumpanjaw lil sidhom waqt moviment mhux kummerċjali u għall-emendar tal-Annessi II sa V tiegħu. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(31)

Barra minn hekk, is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-proċedura ta’ urġenza għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni f’każijiet debitament iġġustifikati ta’ riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, fir-rigward ta’ miżuri sanitarji preventivi kontra mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija li jistgħu jaffettwaw lill-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I.

(32)

Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-lista tal-Istati Membri jew ta’ partijiet minnhom, li għandhom status favorevoli ekwivalenti fir-rigward tal-idrofobija u li huma awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet reċiproċi biex jidderogaw minn ċerti kondizzjonijiet applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi, il-lista tal-Istati Membri kkategorizzati f’konformità mar-regoli li jikkonċernaw miżuri sanitarji preventivi kontra mard u infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija, il-listi ta’ territorji u pajjiżi terzi stabbiliti bil-għan ta’ deroga minn ċerti kondizzjonijiet applikabbli għal movimenti mhux kummerċjali, il-mudell għad-dokumenti tal-identifikazzjoni li għandhom jakkumpanjaw lill-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I waqt moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn territorju jew pajjiż terz, ir-regoli dwar il-format, l-istruttura u l-lingwi tad-dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu ffirmati, u l-miżuri ta’ salvagwardja fil-każ tal-okkorrenza jew it-tifrix tal-idrofobija jew ta’ mard jew infezzjoni oħra minbarra l-idrofobija. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (16).

(33)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament li jaġġornaw il-lista tal-Istati Membri jew ta’ partijiet minnhom bi status favorevoli ekwivalenti fir-rigward tal-idrofobija, li huma awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet reċiproċi biex jidderogaw minn ċerti kondizzjonijiet applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi u l-lista ta’ territorji jew pajjiżi terzi stabbilita għall-finijiet tad-deroga minn ċerti kondizzjonijiet applikabbli għal movimenti mhux kummerċjali u rigward miżuri ta’ salvagwardja fil-każ tal-okkorrenza jew it-tifrix tal-idrofobija jew ta’ mard jew infezzjoni oħra minbarra l-idrofobija, fejn, f’każijiet debitament iġġustifikati, relatati mas-saħħa tal-annimali u pubblika, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jirrikjedu dan.

(34)

F’għadd ta’ Stati Membri ġew żvelati ċerti nuqqasijiet fil-konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 998/2003. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament.

(35)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE tas-26 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u inmsa (17) tistabbilixxi l-mudell tal-passaport għall-moviment tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet ta’ klieb, qtates u inmsa bejn l-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 998/2003. Id-dokumenti tal-identifikazzjoni maħruġa skont dak il-mudell tal-passaport, soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet, għandhom jibqgħu validi għall-ħajja kollha ta’ annimal domestiku sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq is-sid.

(36)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/874/UE tal-15 ta’ Diċembru 2011 li tistabbilixxi l-lista tal-pajjiżi terzi u t-territorji awtorizzati għall-importazzjoni ta’ klieb, qtates u inmsa u għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ iktar minn ħamest iklieb, qtates u inmsa fl-Unjoni, kif ukoll iċ-ċertifikati mudell għall-importazzjoni u l-movimenti mhux kummerċjali ta’ dawn l-annimali fl-Unjoni (18) tistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa li jikkonferma konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 għall-moviment mhux kummerċjali ta’ ħamest iklieb, qtates jew inmsa jew inqas għal ġol-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għar-regoli l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament, dak iċ-ċertifikat mudell għandu jibqa’ validu soġġett għal ċerti kondizzjonijiet.

(37)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I sabiex jiġu evitati u mminimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali li jirriżultaw minn tali moviment, ma jistax jintlaħaq tajjeb biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għalhekk jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

(38)

Sabiex tiġi żgurata l-publikazzjoni simultanja ta’ dan ir-Regolament u tal-atti ta’ implimentazzjoni rigward il-lista ta’ territorji u pajjiżi terzi stabbilita għall-finijiet tad-deroga minn ċerti kondizzjonijiet applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali, rigward il-mudell għad-dokumenti ta’ identifikazzjoni li għandhom jakkumpanjaw l-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I matul il-moviment mhux kummerċjali fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn territorju jew pajjiż terz, u rigward ir-regoli dwar il-format, l-istruttura u l-lingwi tad-dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu ffirmati, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u r-regoli għal verifiki ta’ konformità ta’ dawn il-movimenti.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn territorju jew pajjiż terz.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal:

(a)

ir-Regolament (KE) Nru 338/97;

(b)

kwalunkwe miżura nazzjonali adottata, ippubblikata u magħmula disponibbli għall-pubbliku mill-Istati Membri biex jirrestrinġu l-moviment ta’ ċerti speċijiet jew razez ta’ annimali domestiċi abbażi ta’ konsiderazzjonijiet li mhumiex relatati mas-saħħa tal-annimali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“moviment mhux kummerċjali” tfisser kwalunkwe moviment li ma għandux bħala l-għan tiegħu l-bejgħ jew it-trasferiment tas-sjieda ta’ annimal domestiku;

(b)

“annimal domestiku” tfisser annimal ta’ speċi elenkata fl-Anness I li jakkumpanja lil sidu jew lil persuna awtorizzata matul moviment mhux kummerċjali, u li matul dan il-moviment mhux kummerċjali jibqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-sid jew tal-persuna awtorizzata;

(c)

“sid” tfisser persuna fiżika li hija indikata bħala s-sid fid-dokument tal-identifikazzjoni;

(d)

“persuna awtorizzata” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li għandha awtorizzazzjoni bil-miktub mis-sid biex twettaq il-moviment mhux kummerċjali tal-annimal domestiku f’isem is-sid;

(e)

“transponder” tfisser apparat passiv, li jinqara biss, għall-identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju;

(f)

“dokument tal-identifikazzjoni” tfisser dokument, imfassal skont il-mudell stabbilit f’atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament, li jippermetti li l-annimal domestiku jiġi identifikat b’mod ċar u li l-istat ta’ saħħtu tiġi vverifikata għal konformità ma’ dan ir-Regolament;

(g)

“veterinarju awtorizzat” tfisser kwalunkwe veterinarju li jkun ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti biex iwettaq kompiti speċifiċi f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew ma’ atti oħra adottati skont dan ir-Regolament;

(h)

“veterinarju uffiċjali” tfisser kwalunkwe veterinarju maħtur mill-awtorità kompetenti;

(i)

“verifika tad-dokumenti” tfisser il-verifika tad-dokument tal-identifikazzjoni li jakkumpanja lill-annimal domestiku;

(j)

“verifika tal-identità” tfisser verifika tal-konsistenza bejn id-dokument tal-identifikazzjoni u l-annimal domestiku u fejn adatt, tal-preżenza u l-konformità tal-immarkar;

(k)

“punt ta’ dħul tal-vjaġġaturi” tfisser kull żona magħżula mill-Istati Membri għall-finijiet tal-verifiki msemmija fl-Artikolu 34(1).

Artikolu 4

Obbligu ġenerali

Il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu pprojbiti, ristretti jew imfixkla minħabba raġunijiet tas-saħħa tal-annimali li mhumiex dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Numru massimu ta’ annimali domestiċi

1.   In-numru massimu ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I li jistgħu jakkumpanjaw lis-sid jew lil persuna awtorizzata matul moviment wieħed mhux kummerċjali ma għandux ikun aktar minn ħamsa.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, in-numru massimu ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I jista’ jkun iktar minn ħamsa jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi jkun għall-fini ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet, wirjiet jew avvenimenti sportivi jew f’taħriġ għal tali avvenimenti;

(b)

is-sid jew il-persuna awtorizzata jippreżenta evidenza bil-miktub li l-annimali domestiċi jkunu reġistrati jew biex jattendu għal avveniment imsemmi fil-punt (a), jew ma’ assoċjazzjoni li torganizza avvenimenti bħal dawn;

(c)

l-annimali domestiċi għandhom aktar minn sitt xhur.

3.   L-Istati Membri jistgħu jwettqu verifiki standard fuq il-post sabiex jivverifikaw li l-informazzjoni ppreżentata f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 2 tkun korretta.

4.   Fejn in-numru massimu ta’ annimali domestiċi msemmi fil-paragrafu 1 jinqabeż u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti, dawk l-annimali domestiċi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fid-Direttiva 92/65/KEE għall-ispeċijiet ikkonċernati u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-annimali jkunu soġġetti għall-verifiki veterinarji previsti fid-Direttivi 90/425/KEE jew 91/496/KEE, kif opportun.

5.   Sabiex jiġi prevenut li movimenti kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I jiġu moħbija b’ingann bħala movimenti mhux kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 39 li jistabbilixxi regoli li jiffissaw in-numru massimu ta’ annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet li jistgħu jakkumpanjaw lis-sid jew lil persuna awtorizzata matul moviment mhux kummerċjali uniku.

6.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu sa mhux aktar tard mid-29 ta' Ġunju 2018. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi emendi għal dan ir-Regolament abbażi tar-rapport tagħha.

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦALL-MOVIMENTI MHUX KUMMERĊJALI TA’ ANNIMALI DOMESTIĊI GĦAL ĠO STAT MEMBRU MINN STAT MEMBRU IEĦOR

TAQSIMA 1

Annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

Artikolu 6

Kondizzjonijiet applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

L-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I ma għandhomx jiġu spustati għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor ħlief jekk huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu mmarkati f’konformità mal-Artikolu 17(1);

(b)

ikunu rċevew tilqima kontra l-idrofobija li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ validità stipulati fl-Anness III;

(c)

ikunu konformi ma’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija adottati skont l-Artikolu 19(1);

(d)

ikunu akkumpanjati minn dokument tal-identifikazzjoni komplut kif dovut u li jkun inħareġ f’konformità mal-Artikolu 22.

Artikolu 7

Deroga mill-kondizzjoni tat-tilqima kontra l-idrofobija għall-annimali domestiċi ta’ età żgħir tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

1.   Soġġetti għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu, b’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 6 jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi fit-territorju tagħhom minn Stat Membru ieħor ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I, li huma:

(a)

jew ikollhom anqas minn 12-il ġimgħa u ma jkunux ġew imlaqqma kontra l-idrofobija; jew

(b)

ikollhom bejn 12 u 16-il ġimgħa u jkunu tlaqqmu kontra l-idrofobija, iżda li għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ validità msemmija fil-punt 2(e) tal-Anness III.

2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tingħata biss jekk:

(a)

jew is-sid jew il-persuna awtorizzata tipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li mit-twelid saż-żmien tal-moviment mhux kummerċjali l-annimali domestiċi ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ annimali selvaġġi ta’ speċijiet suxxettibbli għall-idrofobija; jew

(b)

l-annimali domestiċi jkunu akkumpanjati minn ommhom, li jkunu għadhom jiddependu minnha, u mid-dokument tal-identifikazzjoni li jakkumpanja lill-ommhom ikun jista’ jiġi stabbilit li, qabel ma twieldu, l-omm ġiet imlaqqma kontra l-idrofobija u t-tilqima kienet konformi mar-rekwiżiti ta’ validità stipulati fl-Anness III.

3.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dwar il-format, l-istruttura u l-lingwi tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

Artikolu 8

Deroga mill-kondizzjoni tat-tilqima kontra l-idrofobija għall-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

1.   B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 6, il-moviment mhux kummerċjali dirett bejn l-Istati Membri jew partijiet minnhom, ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I li ma ġewx imlaqqma kontra l-idrofobija, jista’ jiġi awtorizzat f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 fuq applikazzjoni konġunta mill-Istati Membri kkonċernati.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta lista ta’ Stati Membri li huma awtorizzati jikkonkludu ftehimiet reċiproċi li jidderogaw mill-punt (b) tal-Artikolu 6 f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dik il-lista għandha turi l-partijiet ta’ dawk l-Istati Membri li fihom tista’ tapplika d-deroga.

3.   Sabiex ikunu inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri interessati fi ftehim reċiproku bħal dan għandhom jippreżentaw applikazzjoni konġunta lill-Kummissjoni, inklużi d-dettallji tal-abbozz ta’ ftehim, li bih ikunu jistgħu juru, b’kont meħud tal-proċeduri fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) għal awtodikjarazzjoni fir-rigward tal-ħelsien ta’ pajjiż jew żona mill-idrofobija, li huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri applikanti għandhom ikollhom joperaw kontinwament sistemi ta’ sorveljanza u ta’ rappurtar fir-rigward tal-idrofobija;

(b)

l-Istati Membri applikanti, jew il-partijiet tat-territorju tagħhom li għalihom issir l-applikazzjoni, għandhom ikunu ilhom ħielsa mill-idrofobija u m’għandux ikun magħruf li l-idrofobija kienet ġiet stabbilita f’annimali selvaġġi fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati, jew partijiet tiegħu, għal tal-anqas sentejn qabel l-applikazzjoni konġunta abbażi tas-sistemi msemmija f’punt (a);

(c)

l-Istati Membri applikanti għandu jkollhom jaħdmu miżiri ta’ kontroll effiċjenti u effettivi biex jipprevjenu d-dħul u t-tixrid tal-idrofobija fit-territorju tagħhom;

(d)

l-applikazzjoni tad-deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 6 għandha tkun iġġustifikata u proporzjonali għar-riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali assoċjati mal-moviment mhux kummerċjali dirett minn wieħed mill-Istati Membri applikanti għal ieħor jew għal parti mit-territorju tiegħu ta’ annimali domestiċi mhux imlaqqma tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I.

L-applikazzjoni konġunta għandu jkollha informazzjoni adegwata, affidabbli u xjentifikament validata.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tneħħi l-Istati Membri mil-lista msemmija fil-paragrafu 2 għat-territorji kollha tagħhom jew partijiet minnhom jekk kwalunkwe bidla fid-dettalji speċifikati fil-paragrafu 3 ma jkunux għadhom isostnu l-applikazzjoni għad-deroga.

5.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

6.   Minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza ġġustifikati kif dovut relatati ma’ riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta’ implimentazzjoni applikabbli li jaġġornaw il-lista Stati Membri jew partijiet tagħhom imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

TAQSIMA 2

Annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I

Artikolu 9

Kondizzjonijiet applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I

1.   Sakemm il-Kummissjoni tkun adottat att iddelegat skont l-Artikolu 19(1) fir-rigward ta’ annimali domestiċi ta’ wieħed mill-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I, il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor għandu jkun soġġett għal konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-annimali domestiċi tal-ispeċijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu spustati għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor biss jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu mmarkati jew deskritti f’konformità mar-rekwiżiti adottati skont l-Artikolu 17(2);

(b)

ikunu jikkonformaw ma’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija adottati skont l-Artikolu 19(1);

(c)

ikunu akkumpanjati minn dokument tal-identifikazzjoni komplut kif dovut u li jkun inħareġ f’konformità mal-Artikolu 29.

3.   Sakemm jiġu adottati l-atti ddelegati rilevanti msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I għal ġot-territorju tagħhom minn Stat Membru ieħor, dment li t-tali regoli:

(a)

jiġu applikati b’mod proporzjonat mar-riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali assoċjat mal-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet; u

(b)

ma jkunux aktar stretti minn dawk applikati għall-kummerċ tal-annimali ta’ dawk l-ispeċijiet f’konformità mad-Direttiva 92/65/KEE jew 2006/88/KE.

KAPITOLU III

KONDIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦALL-MOVIMENTI MHUX KUMMERĊJALI TA’ ANNIMALI DOMESTIĊI GĦAL ĠO STAT MEMBRU MINN TERRITORJU JEW PAJJIŻ TERZ

TAQSIMA 1

Annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

Artikolu 10

Kondizzjonijiet applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

1.   L-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I ma għandhomx jiġu spustati għal ġo Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz ħlief jekk huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu mmarkati f’konformità mal-Artikolu 17(1);

(b)

ikunu rċevew tilqima kontra l-idrofobija li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ validità stipulati fl-Anness III;

(c)

ikun sarilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija li jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ validità stipulati fl-Anness IV;

(d)

ikunu konformi ma’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija, adottata skont l-Artikolu 19(1);

(e)

ikunu akkumpanjati minn dokument tal-identifikazzjoni komplut kif dovut u li jkun inħareġ f’konformità mal-Artikolu 26.

2.   L-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I jistgħu jiġu spustati għal ġo Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz ieħor minbarra dawk elenkati skont l-Artikolu 13(1) biss permezz ta’ punt ta’ dħul tal-vjaġġaturi elenkati kif mitlub skont l-Artikolu 34(3).

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-klieb militari jew tas-salvataġġ u t-tfittxija reġistrati li jiġu spustati minn punt ta’ dħul ieħor li mhux punt ta’ dħul tal-vjaġġaturi, dment li:

(a)

is-sid jew il-persuna awtorizzata tkun applikat minn qabel għal permess u l-Istat Membru jkun ta permess bħal dan; u

(b)

il-klieb jgħaddu minn verifiki ta’ konformità mal-Artikolu 34(2) f’post magħżul mill-awtorità kompetenti għal dak il-fini u f’konformità mal-arranġamenti stipulati fil-permess imsemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 11

Deroga mill-kondizzjoni tat-tilqima kontra l-idrofobija għall-annimali domestiċi ta’ età żgħira tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

1.   Soġġetti għall-paragrafu 2, b’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 10(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali għal ġot-territorju tagħhom mit-territorji jew il-pajjiżi terzi elenkati skont l-Artikolu 13(1) jew (2), ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I, li huma:

(a)

jew ikollhom anqas minn 12-il ġimgħa u ma jkunux ġew imlaqqma kontra l-idrofobija; jew

(b)

ikollhom bejn 12 u 16-il ġimgħa u jkunu tlaqqmu kontra l-idrofobija, iżda li għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ validità msemmija fil-punt 2(e) tal-Anness III.

2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tingħata biss jekk:

(a)

jew is-sid jew il-persuna awtorizzata tipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li mit-twelid saż-żmien tal-moviment mhux kummerċjali l-annimali domestiċi ma’ kellhom l-ebda kuntatt ma’ annimali selvaġġi ta’ speċijiet suxxettibbli għall-idrofobija; jew

(b)

l-annimali domestiċi jkunu akkumpanjati minn ommhom, li jkunu għadhom jiddependu minnha, u mid-dokument tal-identifikazzjoni li jakkumpanjaw lill- ommhom ikun jista’ jiġi stabbilit li, qabel ma twieldu, l-omm ġiet imlaqqma kontra l-idrofobija u t-tilqima kienet konformi mar-rekwiżiti ta’ validità stipulati fl-Anness III.

3.   Il-moviment mhux kummerċjali sussegwenti għal ġo Stat Membru ieħor tal-annimali domestiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun projbit, ħlief meta huma jiġu spustati f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 jew meta jkunu ġew awtorizzati li jiġu spustati f’konformità mal-Artikolu 7 u l-Istat Membru tad-destinazzjoni jkun ukoll awtorizza l-movimenti għal ġot-territorju tiegħu minn territorji jew pajjiżi terzi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dwar il-format, l-istruttura u l-lingwi tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

Artikolu 12

Deroga mill-kondizzjoni tat-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi għall-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

1.   B’deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 10(1), it-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi ma għandux ikun neċessarju għal annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I li jkunu qed jiġu spustati għal ġo Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz elenkat skont l-Artikolu 13(1) jew (2):

(a)

jew direttament;

(b)

wara residenza esklużiva f’wieħed jew aktar minn dawk it-territorji jew il-pajjiżi terzi; jew

(c)

wara transitu minn territorju jew pajjiż terz ieħor minbarra dawk elenkati skont l-Artikolu 13(1) jew (2), dment li s-sid jew il-persuna awtorizzata tipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li matul dan it-transitu l-annimali domestiċi ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ annimali ta’ speċijiet suxxettibbli għall-idrofobija u baqgħu magħluqin f’mezz tat-trasport jew fil-perimetru ta’ ajruport internazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dwar il-format, l-istruttura u l-lingwi tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

Artikolu 13

Stabbiliment ta’ lista ta’ territorji u pajjiżi terzi

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, lista ta’ territorji u pajjiżi terzi li jkunu għamlu applikazzjoni għad-dħul fil-lista li fiha juru li għal annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I, huma japplikaw regoli, li l-kontenut u l-effett tagħhom huma l-istess bħal dawk stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II, f’din it-Taqsima u fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu VI u fejn applikabbli r-regoli adottati skont dawk ir-regoli.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, lista ta’ territorji u pajjiżi terzi li jkunu għamlu applikazzjoni għad-dħul fil-lista li fiha juru li għall-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I, huma jissodisfaw tal-inqas il-kriterji li ġejjin:

(a)

in-notifika tal-każijiet ta’ idrofobija lill-awtoritajiet kompetenti hija obbligatorja;

(b)

sistema ta’ sorveljanza effettiva għall-idrofobija tkun ilha li ġiet stabbilita tal-inqas sentejn qabel l-applikazzjoni, fejn rekwiżit minimu jkun programm ta’ detezzjoni bikrija kontinwu għall-iżgurar ta’ investigazzjoni u rappurtar ta’ annimali suspettati li għandhom l-idrofobija;

(c)

l-istruttura u l-organizzazzjoni tas-servizzi veterinarji u ta’ kontroll tagħhom, u s- setgħat ta’ tali servizzi, is-superviżjoni li jkunu soġġetti għaliha u l-mezzi disponibbli, inkluż il-persunal u l-kapaċità laboratorja, ikunu suffiċjenti biex:

(i)

tiġi applikata u infurzata b’mod effettiv leġislazzjoni nazzjonali dwar il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi; u

(ii)

jiggarantixxu l-validità tad-dokumenti tal-identifikazzjoni fil-format previst fl-Artikolu 25 u maħruġa f’konformità mal-Artikolu 26;

(d)

regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-idrofobija ikunu fis-seħħ u implimentati b’mod effettiv biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ infezzjoni tal-annimali domestiċi, inklużi regoli dwar l-importazzjonijiet ta’ annimali domestiċi minn pajjiżi jew territorji oħra, u fejn hu xieraq, dwar:

(i)

il-kontroll tal-klieb jiġru barra u l-popolazzjoni tal-qtates;

(ii)

it-tilqim tal-annimali domestiċi kontra l-idrofobija, b’mod partikolari fejn l-idrofobija hija preżenti fil-friefet il-lejl vampiri; u

(iii)

il-kontroll u t-tneħħija tal-idrofobija fl-organiżmi selvaġġi;

(e)

hemm fis-seħħ regoli dwar l-għoti tal-liċenzji u t-tqegħid fis-suq ta’ tilqim kontra l-idrofobija.

3.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

Minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza ġġustifikati kif dovut relatati ma’ riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta’ implimentazzjoni applikabbli li jaġġornaw il-lista ta’ territorji jew pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

TAQSIMA 2

Annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I

Artikolu 14

Kondizzjonijiet applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I

1.   Sakemm il-Kummissjoni tkun adottat att iddelegat skont l-Artikolu 19(1) fir-rigward ta’ annimali domestiċi ta’ waħda mill-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I, il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet fi Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz għandu jkun soġġett għal konformità mal- kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-annimali domestiċi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu spustati għal ġo Stat Membru minn territorju jew pajjiż biss jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu mmarkati jew deskritti f’konformità mar-rekwiżiti adottati skont l-Artikolu 17(2);

(b)

ikunu konformi ma’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija adottata skont l-Artikolu 19(1);

(c)

ikunu akkumpanjati minn dokument tal-identifikazzjoni komplut kif dovut u li jkun inħareġ f’konformità mal-Artikolu 31;

(d)

ikunu daħlu minn punt ta’ dħul tal-vjaġġaturi meta ġew minn territorju jew pajjiż terz ieħor minbarra dawk elenkati skont l-Artikolu 15.

3.   Sakemm jiġu adottati l- atti ddelegati rilevanti msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I għal ġot-territorju tagħhom minn territorju jew pajjiż terz, dment li t-tali regoli jkunu:

(a)

applikati b’mod proporzjonat mar-riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali assoċjat mal-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet; u

(b)

ma jkunux aktar stretti minn dawk applikati għall-importazzjonijiet tal-annimali ta’ dawk l-ispeċijiet f’konformità mad-Direttivi 92/65/KEE jew 2006/88/KE.

Artikolu 15

Stabbiliment ta’ lista ta’ territorji u pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, lista ta’ territorji u pajjiżi terzi li jkunu wrew li għal annimali domestiċi tal-ispeċijiet li huma elenkati fil-Parti B tal-Anness I, huma japplikaw regoli li l-kontenut u l-effett tagħhom huma l-istess bħal dawk stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II, f’din it-Taqsima u fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu VI u fejn applikabbli r-regoli adottati skont dawk ir-regoli.

TAQSIMA 3

Derogi mill-kondizzjonijiet dwar il-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi

Artikolu 16

Deroga mill-kondizzjonijiet applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi bejn ċerti pajjiżi u territorji

B’deroga mill-Artikoli 10 u 14, il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi bejn il-pajjiżi u t-territorji li ġejjin jista’ jissokta f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti mir-regoli nazzjonali ta’ dawk il-pajjiżi u territorji:

(a)

San Marino u l-Italja;

(b)

il-Vatikan u l-Italja;

(c)

Monako u Franza;

(d)

Andorra u Franza;

(e)

Andorra u Spanja;

(f)

in-Norveġja u l-Isvezja;

(g)

il-Gżejjer Faeroe u d-Danimarka;

(h)

il-Groenlandja u d-Danimarka.

KAPITOLU IV

IMMARKAR U MIŻURI SANITARJI PREVENTIVI

TAQSIMA 1

Immarkar

Artikolu 17

Immarkar ta’ annimali domestiċi

1.   L-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I għandhom ikunu mmarkati bl-implantazzjoni ta’ transponder jew b’tattwaġġ li jista’ jinqara faċilment applikat qabel it-3 ta’ Lulju 2011.

Meta t-transponder imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tekniċi stipulati fl-Anness II, is-sid jew il-persuna awtorizzata għandha tipprovdi l-mezzi neċessarji għall-qari ta’ dak it-transponder fil-waqt ta’ kwalunkwe verifika tal-immarkar prevista fl-Artikolu 22(1) u (2), u l-Artikolu 26, u l-verifiki tal-identità previsti fl-Artikolu 33 u l-Artikolu 34(1).

2.   L-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I għandhom ikunu mmarkati jew deskritti b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull speċi, b’tali mod li tkun żgurata rabta bejn l-annimal domestiku u d-dokument tal-identifikazzjoni korrispondenti tiegħu.

Minħabba d-diversità tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 39 li jikkonċernaw dawn ir-rekwiżiti speċifiċi għall-ispeċi -immarkar jew id-deskrizzjoni ta’ annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet, filwaqt li jittieħed kont ta’ kwalunkwe rekwiżit nazzjonali possibilment eżistenti.

Artikolu 18

Kwalifiki meħtieġa għall-impjantazzjoni tat-transponders fl-annimali domestiċi

Fejn Stat Membru jkun biħsiebu jippermetti l-impjantazzjoni ta’ transponders minn persuna oħra minbarra veterinarju, huwa għandu jistabbilixxi regoli dwar il-kwalifiki minimi li tali persuna huma meħtieġa li jkollhom.

TAQSIMA 2

Miżuri sanitarji preventivi għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija

Artikolu 19

Miżuri sanitarji preventivi u kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom

1.   Meta jkunu meħtieġa miżuri sanitarji preventivi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali domestiċi għall-kontroll ta’ mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija li x’aktarx jinfirxu minħabba l-moviment ta’ dawk l-annimali domestiċi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 39 dwar miżuri sanitarji preventivi speċifiċi għall-ispeċi għal tali mard jew infezzjonijiet.

Meta, f’każ ta’ riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 40 għandha tapplika għal atti ddelegati adottati skont dan il-paragrafu.

2.   Il-miżuri sanitarji preventivi speċifiċi għall-ispeċi awtorizzati minn att delegat adottat skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni xjentifika adegwata, affidabbli u vvalidata u applikati fi proporzjon mar-riskju għas-saħħa pubblika u jew tal-annimali assoċjat mal-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi li x’aktarx jiġu affettwati minn mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija.

3.   L-atti ddelegati msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu wkoll:

(a)

regoli għall-kategorizzazzjoni tal-Istati Membri jew partijiet tagħhom skont l-istatus tagħhom rigward is-saħħa tal-annimali u s-sistemi ta’ sorveljanza u rappurtar tagħhom fir-rigward ta’ ċerti mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija;

(b)

il-kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw sabiex jibqgħu eliġibbli għall-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi msemmija fil-paragrafu 2;

(c)

il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi msemmija fil-paragrafu 2 qabel il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi;

(d)

il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ derogi f’ċerti ċirkostanzi speċifikati mill-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 20

Lista tal-Istati Membri jew partijiet minnhom imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 19(3)

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta listi ta’ Stati Membri jew partijiet tat-territorju tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-regoli għall-kategorizzazzjoni tal-Istati Membri jew ta’ partijiet minnhom imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 19(3). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

KAPITOLU V

DOKUMENTI TAL-IDENTIFIKAZZJONI

TAQSIMA 1

Dokumenti tal-identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

Artikolu 21

Format u kontenut tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 6

1.   Id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 6 għandu jkun fil-format ta’ passaport f’konformitá mal-mudell li għandu jiġi adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u għandu jkun fih entrati biex tiddaħħal l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-post tat-transponder jew tat-tattwaġġ u jew id-data tal-applikazzjoni jew id-data tal-qari tat-transponder jew tat-tattwaġġ, kif ukoll il-kodiċi alfanumeriku li jidher fit-transponder jew it-tattwaġġ;

(b)

l-isem, l-ispeċi, ir-razza, is-sess, il-kulur, id-data tat-twelid kif imniżżla mis-sid u fattizzi jew karatteristiki partikolari jew distintivi tal-annimal domestiku;

(c)

l-isem u informazzjoni ta’ kuntatt tas-sid;

(d)

l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma tal-veterinarju awtorizzat li joħroġ jew jimla d-dokument tal-identifikazzjoni;

(e)

il-firma tas-sid;

(f)

id-dettalji tat-tilqima kontra l-idrofobija;

(g)

id-data tat-teħid tad-demm għat-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija;

(h)

il-konformità ma’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija;

(i)

informazzjoni rilevanti oħra dwar l- istat tas-saħħa tal-annimal domestiku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-mudell imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu kif ukoll rekwiżiti dwar il-lingwi, l-istruttura u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-passaport imsemmi f’dak il-paragrafu, u r-regoli meħtieġa għat-transizzjoni tal-mudell ta’ dak il-passaport. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

3.   Il-passaport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu numru magħmul mill-kodiċi ISO tal-Istat Membru tal-ħruġ, segwit minn kodiċi alfanumeriku uniku.

Artikolu 22

Ħruġ u mili tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 6

1.   Id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 6 għandu jinħareg minn veterinarju awtorizzat wara li:

(a)

ikun ivverifika li l-annimal domestiku huwa mmarkat f’konformità mal-Artikolu 17(1);

(b)

ikun mela kif dovut l-entrati rilevanti fid-dokument tal-identifikazzjoni bl-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 21(1); u

(c)

is-sid ikun iffirma d-dokument tal-identifikazzjoni.

2.   Wara li jkun ivverifika li l-annimal domestiku jkun immarkat skont l-Artikolu 17(1), il-veterinarju awtorizzat għandu jimla l-entrati rilevanti tad-dokument tal-identifikazzjoni bl-informazzjoni msemmija fil-punti (d), (f), (g) u (h) tal-Artikolu 21(1), b’hekk jiċċertifika l-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6 u, fejn applikabbli, fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 27.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-mili tal-informazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 21(1) tista’ timtela minn veterinarju ieħor li mhux veterinarju awtorizzat jekk dan ikun permess taħt l-att iddelegat skont l-Artikolu 19(1).

3.   Il-veterinarju awtorizzat li joħroġ id-dokument tal-identifikazzjoni għandu jżomm rekord tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 21(1) u fl-Artikolu 21(3) għal perijodu minimu li għandu jiġi ddeterminat mill-awtorità kompetenti, iżda li ma għandux ikun inqas minn tliet snin.

4.   Fejn meħtieġ, il-konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tista’ tiġi ddokumentata f’aktar minn dokument tal-identifikazzjoni wieħed fil-format previst fl-Artikolu 21(1).

Artikolu 23

Distribuzzjoni ta’ dokumenti tal-identifikazzjoni vojta

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-dokumenti tal-identifikazzjoni vojta jiġu distribwiti biss lil veterinarji awtorizzati u li isimhom u l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom jiġu rreġistrati b’referenza għan-numru msemmi fl-Artikolu 21(3).

2.   Ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinżammu għal perijodu minimu li għandu jiġi ddeterminat mill-awtorità kompetenti, iżda li ma għandux ikun inqas minn tliet snin.

Artikolu 24

Deroga mill-format tad-dokument tal-informazzjon previst fl-Artikolu 21(1)

1.   B’deroga mill-Artikolu 21(1), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-parti A tal-Anness I akkumpanjati mid-dokument tal-identifikazzjoni maħruġ f’konformità mal-Artikolu 26.

2.   Fejn meħtieġ, il-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6 għandha tiġi ddokumentata fid-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, wara li jitlestew il-verifiki previsti fl-Artikolu 34(1).

TAQSIMA 2

Dokumenti tal-identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I

Artikolu 25

Format u kontenut tad-dokument tal-identifikazzjon msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 10(1)

1.   Id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 10(1) għandu jkun fil-format ta’ ċertifikat tas-saħħa tal-annimal f’konformità mal-mudell li għandu jiġi adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u għandu jkun fih entrati biex tiddaħħal l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-post tat-transponder jew tat-tattwaġġ u jew id-data tal-applikazzjoni jew id-data tal-qari tat-transponder jew tat-tattwaġġ, kif ukoll il-kodiċi alfanumeriku li jidher fit-transponder jew it-tattwaġġ;

(b)

l-ispeċi, ir-razza, id-data tat-twelid kif imniżżla mis-sid, is-sess u l-kulur tal-annimal domestiku;

(c)

numru ta’ referenza taċ-ċertifikat uniku;

(d)

l-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt tas-sid jew tal-persuna awtorizzata;

(e)

l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma tal-veterinarju uffiċjali jew awtorizzat li joħroġ id-dokument tal-identifikazzjoni;

(f)

id-dettalji tat-tilqima kontra l-idrofobija;

(g)

id-data tat-teħid tad-demm għat-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija;

(h)

il-konformità ma’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija;

(i)

l-isem u l-firma tar-rappreżentant tal-awtorità kompetenti li tapprova d-dokument;

(j)

l-isem, il-firma u l-informazzjoni ta’ kuntatt tar-rappreżentant tal-awtorità kompetenti li twettaq il-verifiki msemmija fl-Artikolu 34 u d-data ta’ dawn il-verifiki;

(k)

informazzjoni rilevanti oħra dwar l-istat tas-saħħa tal-annimal domestiku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-mudell imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu kif ukoll rekwiżiti dwar il-lingwi, l-istruttura u l-validità taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi f’dak il-paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

3.   Dikjarazzjoni bil-miktub mis-sid jew mill-persuna awtorizzata li tikkonferma li l-moviment tal-annimal domestiku fl-Unjoni huwa moviment mhux kummerċjali, għandha tkun parti mid-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 10(1).

Artikolu 26

Ħruġ u mili tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 10(1)

Id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 10(1) għandu jinħareġ jew minn veterinarju uffiċjali tat-territorju jew tal-pajjiż terz minn fejn kienu telqu abbażi tad-dokumentazzjoni ta’ appoġġ, jew minn veterinarju awtorizzat u sussegwentement għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti tat-territorju jew tal-pajjiż terz minn fejn kienu telqu wara li l-veterinarju li joħorġu:

(a)

ikun ivverifika li l-annimal domestiku huwa mmarkat f’konformità mal-Artikolu 17(1); u

(b)

ikun mela kif dovut l-entrati rilevanti tad-dokument tal-identifikazzjoni bl-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 25(1), b’hekk jiċċertifika konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 10(1), u fejn applikabbli punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 10(1).

Artikolu 27

Deroga mill-format tad-dokument tal-identifikazzjon previst fl-Artikolu 25(1)

B’deroga mill-Artikolu 25(1), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali fit-territorju tagħhom ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-parti A tal-Anness I akkumpanjati mid-dokument tal-identifikazzjoni maħruġ f’konformità mal-Artikolu 22 meta:

(a)

id-dokument tal-identifikazzjoni jkun inħareġ f’wieħed mit-territorji jew pajjiżi terzi elenkati skont l-Artikolu 13(1); jew

(b)

dawn l-annimali domestiċi jidħlu fi Stat Membru wara moviment jew transitu minn territorju jew pajjiż terz minn Stat Membru, u d-dokument tal-identifikazzjoni jkun imtela u nħareġ minn veterinarju awtorizzat li jiċċertifika li, qabel ma telqgħu mill-Unjoni, l-annimali domestiċi:

(i)

ikunu rċevew it-tilqima kontra l-idrofobija prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 10(1); u

(ii)

ikun sarilhom it-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija previst fil-punt (c) tal-Artikolu 10(1), ħlief fil-każ ta’ deroga previst fl-Artikolu 12.

TAQSIMA 3

Dokumenti tal-identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I

Artikolu 28

Format u kontenut tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(2)

1.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta mudell tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(2) li għandu jkun fih entrati biex tiddaħħal l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-karatteristiċi tal-marka jew tad-deskrizzjoni tal-annimal domestiku kif stipulat fl-Artikolu 17(2);

(b)

l-ispeċi u, fejn rilevanti, ir-razza, id-data tat-twelid kif iddikjarata mis-sid, is-sess u l-kulur tal-annimal domestiku;

(c)

l-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt tas-sid;

(d)

l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma tal-veterinarju awtorizzat li joħroġ jew jimla d-dokument tal-identifikazzjoni;

(e)

il-firma tas-sid;

(f)

id-dettalji ta’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija;

(g)

informazzjoni rilevanti oħra dwar l- istat tas-saħħa tal-annimal domestiku.

2.   L-att ta’ implimentazzjoni msemmi filparagrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu wkoll jistabbilixxi rekwiżiti rigward il-lingwi, l-istruttura, il-validità jew il-karatteristiċi ta’ sigurtà tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi f’dak il-paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

Artikolu 29

Ħruġ u mili tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(2)

1.   Id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(2) għandu jinħareg minn veterinarju awtorizzat wara li:

(a)

ikun ivverifika li l-annimal domestiku huwa mmarkat jew deskritt f’konformità mal-Artikolu 17(2);

(b)

ikun mela kif dovut l-entrati rilevanti bl-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 28(1); u

(c)

is-sid ikun iffirma d-dokument tal-identifikazzjoni.

2.   Wara li jkun ivverifika li l-annimal domestiku huwa mmarkat jew deskritt f’konformità mal-Artikolu 17(2), il-veterinarju awtorizzat għandu jimla l-entrati rilevanti tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(2) bl-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 28(1), b’hekk jiċċertifika konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 9(2), fejn applikabbli.

TAQSIMA 4

Dokumenti tal-identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I

Artikolu 30

Format u kontenut tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 14(2)

1.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta mudell tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(2) li għandu jkun fih entrati biex tiddaħħal l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-karatteristiċi tal-marka jew tad-deskrizzjoni tal-annimal domestiku kif previst fl-Artikolu 17(2);

(b)

l-ispeċi u, fejn rilevanti, ir-razza, id-data tat-twelid kif iddikjarata mis-sid, is-sess u l-kulur tal-annimal domestiku;

(c)

l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt tas-sid jew tal-persuna awtorizzata;

(d)

l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma tal-veterinarju uffiċjali jew awtorizzat li joħroġ id-dokument tal-identifikazzjoni;

(e)

numru ta’ referenza taċ-ċertifikat uniku;

(f)

id-dettalji ta’ kwalunkwe miżura sanitarja preventiva għal mard jew infezzjonijiet oħra minbarra l-idrofobija;

(g)

l-isem u l-firma tar-rappreżentant tal-awtorità kompetenti li tapprova d-dokument;

(h)

l-isem, il-firma u l-informazzjoni ta’ kuntatt tar-rappreżentant tal-awtorità kompetenti li twettaq il-verifiki msemmija fl-Artikolu 34 u d-data ta’ dawn il-verifiki;

(i)

informazzjoni rilevanti oħra dwar l-istat tas-saħħa tal-annimal domestiku.

2.   L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti dwar il-lingwi, l-istruttura u l-validità tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi f’dak il-paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

3.   Dikjarazzjoni bil-miktub mis-sid jew mill-persuna awtorizzata li tikkonferma li l-moviment tal-annimal domestiku fl-Unjoni huwa moviment mhux kummerċjali, għandha tkun parti mid-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(2).

Artikolu 31

Ħruġ u mili tad-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(2)

Id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(2) għandu jinħareġ jew minn veterinarju uffiċjali tat-territorju jew tal-pajjiż terz minn fejn kienu telqu abbażi tad-dokumentazzjoni ta’ appoġġ, jew minn veterinarju awtorizzat u sussegwentement approvat mill-awtorità kompetenti tat-territorju jew tal-pajjiż terz minn fejn kienu telqu wara li l-veterinarju li joħorġu:

(a)

ikun ivverifika li l-annimal domestiku huwa mmarkat jew deskritt f’konformità mal-Artikolu 17(2); u

(b)

ikun mela kif dovut l-entrati rilevanti tad-dokument tal-identifikazzjoni bl-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 30(1), b’hekk tkun iċċertifikata l-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 14(2) fejn applikabbli.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

TAQSIMA 1

Deroga għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi għal ġol-istati membri

Artikolu 32

Deroga mill-kondizzjonijiet tal-Artikoli 6, 9, 10 u 14

1.   B’deroga mill-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6, 9, 10 u 14, l-Istati Membri jistgħu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali għal ġot-territorju tagħhom ta’ annimali domestiċi li ma jikkonformawx mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-Artikoli dment li:

(a)

tkun saret applikazzjoni minn qabel għal permess mis-sid u l-Istat Membru tad-destinazzjoni jkun ta dan il-permess;

(b)

l-annimali domestiċi jiġu iżolati taħt superviżjoni uffiċjali għaż-żmien li jeħtieġu biex jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet u li ma jaqbiżx is-sitt xhur:

(i)

f’post approvat mill-awtorità kompetenti; u

(ii)

f’konformità mal-arranġamenti stipulati fil-permess.

2.   Il-permess imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jista’ jinkludi awtorizzazzjoni għal transitu minn Stat Membru ieħor bil-kondizzjoni li l-Istat Membru tat-transitu jkun ta l-ftehim tiegħu minn qabel lill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

TAQSIMA 2

Kondizzjonijiet ġenerali rigward il-konformità

Artikolu 33

Verifiki tad-dokumenti u tal-identità li għandhom isiru fir-rigward ta’ movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn territorju jew pajjiż terz elenkat skont l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 15

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 u sabiex jivverifikaw il-konformità mal-Kapitolu II, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki tad-dokumenti u tal-identità b’mod mhux diskriminatorju fuq annimali domestiċi li huma soġġetti għal moviment mhux kummerċjali fit-territorju tagħhom minn Stat Membru ieħor jew minn territorju jew pajjiż terz elenkat skont l-Artikolu 13(1) u, fejn applikabbli, l-Artikolu 15.

2.   Waqt kull moviment mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn territorju jew pajjiż terz elenkat skont l-Artikolu 13(1) u, fejn applikabbli, l-Artikolu 15, is-sid jew il-persuna awtorizzata għandha, fuq talba tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-verifiki previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

tippreżenta d-dokument tal-identifikazzjoni tal-annimal domestiku meħtieġ skont dan ir-Regolament li juri l-konformità mar-rekwiżiti għal dan il-moviment; u

(b)

jagħmel l-annimal domestiku disponibbli għal dawk il-verifiki.

Artikolu 34

Verifiki tad-dokumenti u tal-identità li għandhom jitwettqu fir-rigward ta’ movimenti mhux kummerċjali minn territorju jew pajjiż terz li mhux elenkat skont l-Artikolu 13(1) jew l-Artikolu 15

1.   Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-Kapitolu III, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha twettaq verifiki tad-dokumenti u tal-identità fil-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi fuq annimali domestiċi li huma soġġetti għal moviment mhux kummerċjali għal ġo dak l-Istat Membru minn territorju jew pajjiż terz li mhux elenkat skont l-Artikolu 13(1) u, fejn applikabbli, l-Artikolu 15.

2.   Is-sid jew il-persuna awtorizzata għandha fil-waqt tad-dħul għal ġo Stat Membru minn territorju jew pajjiż terz li mhux elenkat skont l-Artikolu 13(1) u, fejn applikabbli, l-Artikolu 15, tagħmel kuntatt mal-awtorità kompetenti preżenti fil-punt ta’ dħul għall-fini tal-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 u għandha:

(a)

tippreżenta d-dokument tal-identifikazzjoni tal-annimal domestiku meħtieġ skont dan ir-Regolament li juri l-konformità mar-rekwiżiti għal dan il-moviment; u

(b)

jagħmel l-annimal domestiku disponibbli għal dawk il-verifiki.

3.   L-Istati Membri għandhom ifasslu lista tal-punti tad-dħul tal-vjaġġaturi u jżommuha aġġornata.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti li jkunu ħatru biex twettaq il-verifiki previsti fil-paragrafu 1:

(a)

tkun informata bis-sħiħ bir-regoli stabbiliti fil-Kapitolu III u l-uffiċjali tal-awtorità kompetenti jkollhom it-taħriġ meħtieġ biex jimplimentawhom;

(b)

iżżomm rekords tan-numru totali ta’ verifiki li jkunu saru u tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità żvelati waqt dawk il-verifiki; u

(c)

tiddokumenta l-verifiki li jkunu saru fl-entrata rilevanti tad-dokument tal-identifikazzjoni fejn it-tali dokumentazzjoni tkun neċessarja għall-finijiet ta’ moviment mhux kummerċjali għal ġo Stati Membri oħra kif previst fl-Artikolu 24(1).

Artikolu 35

Azzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità żvelata waqt il-verifiki previsti fl-Artikoli 33 u 34

1.   Meta l-verifiki previsti fl-Artikoli 33 u 34 jiżvelaw li annimal domestiku ma jikkonformax mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli II jew III, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-veterinarju uffiċjali u fejn meħtieġ mas-sid jew mal-persuna awtorizzata, li:

(a)

tibgħat l-annimal domestiku lura lejn pajjiżu jew it-territorju minn fejn kienu telqu;

(b)

tiżola l-annimal domestiku taħt kontroll uffiċjali għaż-żmien li jeħtieġ biex jiġi konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II jew III; jew

(c)

bħala l-aħħar alternattiva meta r-ritorn tiegħu ma jkunx possibbli jew l-iżolament ma jkunx prattiku, ittemm il-ħajja tal-annimal domestiku f’konformità mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tal-annimali domestiċi fil-mument tal-qtil.

2.   Meta l-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi għal ġol-Unjoni jiġi rrifjutat mill-awtorità kompetenti, l-annimali domestiċi għandhom jiġu iżolati taħt kontroll uffiċjali sakemm:

(a)

jew jintbagħtu lura lejn pajjiżhom jew it-territorju minn fejn kienu telqu; jew

(b)

tiġi adottata kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva oħra dwar dawk l-annimali domestiċi.

3.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati a spejjeż tas-sid u mingħajr il-possibbiltà ta’ kwalunkwe kumpens finanzjarju għas-sid jew għall-persuna awtorizzata.

Artikolu 36

Miżuri ta’ salvagwardja

1.   Meta l-idrofobija jew marda jew infezzjoni oħra minbarra l-idrofobija tfaqqa’ jew tinfirex fi Stat Membru, territorju jew pajjiż terz, u probabbilment tkun ta’ theddida serja għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, tadotta waħda mill-miżuri li ġejjin, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, mingħajr dewmien u skont il-gravità tas-sitwazzjoni:

(a)

tissospendi l-moviment mhux kummerċjali jew it-transitu ta’ annimali domestiċi mit-territorju kollu jew parti minnu tal-Istat Membru jew tat-territorju jew pajjiż terz ikkonċernat;

(b)

tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali fir-rigward tal-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi mit-territorju kollu jew parti minnu, tal-Istat Membru jew tat-territorju jew pajjiż terz ikkonċernat.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

2.   F’każ ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza ġġustifikati kif dovut biex jitrażżan jew jiġi indirizzat riskju serju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli b’mod immedjat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

Artikolu 37

Obbligi ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni ċara u aċċessibbli faċilment dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi u r-regoli għall-verifiki ta’ konformità dwar moviment bħal dan stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha b’mod partikolari tinkludi dan li ġej:

(a)

il-kwalifiki meħtieġa għall-persuni li jwettqu l-impjantazzjoni tat-transponder previst fl-Artikolu 18;

(b)

l-awtorizzazzjoni għal deroga mill-kondizzjoni tat-tilqim kontra l-idrofobija għall-annimali ta’ età żgħira tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I kif previst fl-Artikoli 7 u 11;

(c)

il-kondizzjonijiet applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali għal ġot-territorju tal-Istati Membri ta’ annimali domestiċi:

(i)

li ma jikkonformawx mal-Artikoli 6, 9, 10 jew 14;

(ii)

li jiġu minn ċerti pajjiżi u territorji bil-kondizzjonijiet stabbiliti mir-regoli nazzjonali tagħhom kif previst fl-Artikolu 16;

(d)

il-lista tal-punti ta’ dħul tal-vjaġġaturi mfassla skont l-Artikolu 34(3), inkluż l-awtorità kompetenti maħtura biex twettaq il-verifiki previst fl-Artikolu 34(4);

(e)

il-kondizzjonijiet applikabbli għall-moviment mhux kummerċjali għal ġot-territorju tal-Istati Membri ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I, stabbiliti mir-regoli nazzjonali tagħhom kif previst fl-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 14(3);

(f)

informazzjoni dwar it-tilqim kontra l-idrofobija li għalihom l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq kif previst fil-punt 1(b) tal-Anness III, u b’mod partikolari dwar il-protokoll tat-tilqim korrespondenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu paġni bbażati fuq l-Internet li jagħtu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jikkomunikaw l-indirizz tas-sit elettroniku ta’ dawk il-paġni lill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri biex jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku billi tipprovdi fuq il-paġna tagħha tal-Internet:

(a)

il-links għall-paġni ta’ informazzjoni bbażati fuq l-Internet tal-Istati Membri; u

(b)

l-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (d) u (e) tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu, u l-informazzjoni magħmula disponibbli għall-pubbliku kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) b’lingwi addizzjonali, kif xieraq.

TAQSIMA 3

Dispożizzjonijiet proċedurali

Artikolu 38

Emendi għall-Annessi

Sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew tas-saħħa tal-annimali domestiċi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 39 biex temenda l-Annessi II sa IV.

Artikolu 39

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati qed tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 38 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-28 ta' Ġunju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ 5 snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 38 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 38 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tiġi espressa mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 40

Proċedura ta’ urġenza

1.   L-atti ddelegati adottati f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att iddelegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.

2.   Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(5). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att mingħajr dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 41

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (19). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat f’konformità mat-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, dan jiġi deċiż mill-president tal-kumitat jew ikun mitlub minn maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 42

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet u kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 43

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 huwa b’dan imħassar, bl-eċċezzjoni tat-Taqsima 2 tal-Parti B u l-Parti C tal-Anness II, li jibqgħu fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 13(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament rispettivament.

Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għal-lista fl-atti ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 13(1) jew (2) għandhom jinqraw bħala referenzi għal-lista ta’ pajjiżi terzi u territorji stipulata fit-Taqsima 2 tal-Parti B u fil-Parti C tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 998/2003 rispettivament sad-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

3.   It-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma fis-seħħ tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1152/2011 tal-14 ta’ Lulju 2011 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb (20), li ġie adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 44

Miżuri transitorji rigward id-dokumenti tal-identifikazzjoni

1.   B’deroga mill-Artikolu 21(1), id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 6 għandu jitqies li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament meta jkun:

(a)

tfassal f’konformità mal-mudell tal-passaport stabbilit fid-Deċiżjoni 2003/803/KE; u

(b)

inħareġ qabel id-29 ta' Diċembru 2014.

2.   B’deroga mill-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 27(a), id-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 10(1) għandu jitqies li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament meta jkun:

(a)

tfassal f’konformità mal-mudell taċ-ċertifikat kif jinsab fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2011/874/UE, jew fejn rilevanti, il-mudell tal-passaport stabbilit fid-Deċiżjoni 2003/803/KE; u

(b)

inħareġ qabel id-29 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ u applikabilità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-29 ta' Diċembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 119.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 (għandha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2013.

(3)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 132, 29.5.2010, p. 3.

(5)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(6)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(7)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 74.

(8)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(9)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 15, Vol. 03, p. 136.)

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56).

(12)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).

(14)  ĠU L 79, 30.3.2000, p. 40.

(15)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(16)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(17)  ĠU L 312, 27.11.2003, p. 1.

(18)  ĠU L 343, 23.12.2011, p. 65.

(19)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(20)  ĠU L 296, 15.11.2011, p. 6.


ANNESS I

Speċijiet ta’ annimali domestiċi

PARTI A

Klieb (Canis lupus familiaris)

Qtates (Felis silvestris catus)

Inmsa (Mustela putorius furo)

PARTI B

Invertebrati (ħlief in-naħal u n-naħal bagħli koperti bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/65/KEE u l-molluski u l-krustaċji msemmija rispettivament fil-punti (e)(ii) u (e)(iii) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/88/KE).

Annimali akkwatiċi ornamentali kif definiti fil-punt (k) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/88/KE u esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva permezz tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tagħha.

Amfibji

Rettili

Għasafar: kampjuni ta’ speċijiet avjarji oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/158/KE.

Mammali: rodituri u fniek oħra minbarra dawk intenzjonati għall-produzzjoni tal-ikel u definiti taħt “lagomorfi” fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 853/2004.


ANNESS II

Rekwiżiti tekniċi għat-transponders

It-transponders għandhom:

(a)

ikunu konformi mal-Istandard ISO 11784 u japplikaw it-teknoloġija HDX jew FDX-B; u

(b)

ikunu jistgħu jinqraw permezz ta’ apparat tal-qari kompatibbli mal-Istandard ISO 11785.


ANNESS III

Rekwiżiti ta’ validità għat-tilqim kontra l-idrofobija

1.

It-tilqima kontra l-idrofobija għandha:

(a)

tkun tilqima li mhijiex tilqima modifikata ħajja u tkun taqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

tilqim inattivat ta’ mill-inqas unità antiġenika waħda għal kull doża (rakkomandazzjoni mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa); jew

(ii)

tilqim rikombinant li jesprimi l-glikoproteina immunizzanti tal-vajrus tal-idrofobija f’vettur tal-vajrus ħaj;

(b)

jekk tkun amministrata fi Stat Membru, tkun ingħatat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont:

(i)

l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/82/KE; jew

(ii)

l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004;

(c)

jekk jiġi amministrat f’territorju jew pajjiż terz, għandu jkun ingħata approvazzjoni jew liċenzja mill-awtorità kompetenti u għandu jissodisfa mill-inqas ir-rekwiżiti stabbiliti fil-parti rilevanti tal-Kapitolu dwar l-idrofobija fil-Manwal ta’ Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

2.

Tilqima kontra l-idrofobija għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tilqima tkun ġiet amministrata minn veterinarju awtorizzat;

(b)

l-annimal domestiku kellu tal-inqas tnax-il ġimgħa fid-data li fiha ngħata t-tilqima;

(c)

id-data tal-amministrazzjoni tat-tilqima tkun indikata minn veterinarju awtorizzat jew veterinarju uffiċjali fit-taqsima adatta tad-dokument tal-identifikazzjoni;

(d)

id-data tal-amministrazzjoni msemmija fil-punt (b) ma tkunx tippreċedi d-data tal-applikazzjoni tat-transponder jew it-tattwaġġ jew id-data tal-qari tat-transponder jew tat-tattwaġġ indikata fit-taqsima adatta tad-dokument tal-identifikazzjoni;

(e)

il-perijodu ta’ validità tat-tilqima jibda mill-istabbiliment tal-immunità protettiva, li ma għandux ikun inqas minn 21 jum mit-tlestija tal-protokoll tat-tilqim rikjest mill-manifattur għat-tilqima primarja, u jkompli sat-tmiem il-perijodu tal-immunità protettiva, kif preskritt fl-ispeċifikazzjoni teknika tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq imsemmija fil-punt 1(b) jew tal-approvazzjoni jew il-liċenzja msemmija fil-punt 1(c) għat-tilqim kontra l-idrofobija fl-Istat Membru jew it-territorju jew il-pajjiż terz fejn tkun ġiet amministrata t-tilqima;

Il-perijodu ta’ validità tat-tilqima jiġi indikat minn veterinarju awtorizzat jew veterinarju uffiċjali fit-taqsima adatta tad-dokument tal-identifikazzjoni.

(f)

tilqima mill-ġdid għandha titqies bħala tilqima primarja jekk ma tkunx ingħatat fil-perijodu ta’ validità imsemmi fil-punt (e) tat-tilqima preċedenti.


ANNESS IV

Rekwiżiti ta’ validità għat-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija

1.

It-teħid tal-kampjun tad-demm meħtieġ biex isir it-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija għandu jitwettaq u jiġi ddokumentat minn veterinarju awtorizzat fit-taqsima adatta tad-dokument tal-identifikazzjoni;

2.

It-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija:

(a)

għandu jitwettaq fuq kampjun meħud tal-inqas 30 jum wara d-data tat-tilqim u:

(i)

isir mhux inqas minn tliet xhur qabel id-data ta’:

il-moviment mhux kummerċjali minn territorju jew pajjiż terz li mhux elenkat fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 13(1) jew (2); jew

it-transitu minn tali territorju jew pajjiż terz, fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 12 ma jkunux sodisfatti; jew

(ii)

qabel ma l-annimal domestiku joħroġ mill-Unjoni għal moviment jew transitu minn territorju jew pajjiż terz li mhux elenkat skont l-Artikolu 13(1) jew (2); id-dokument tal-identifikazzjoni fil-format previst fl-Artikolu 21(1) għandu jikkonferma li sar test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tal-idrofobija b’riżultat favorevoli qabel id-data tal-moviment;

(b)

għandu jkejjel livell ta’ antikorpi newtralizzanti għall-vajrus tal-idrofobija fis-serum daqs jew akbar minn 0,5 IU/ml u bl-użu ta’ metodu preskritt fil-parti rilevanti tal-Kapitolu dwar l-idrofobija fil-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali;

(c)

għandu jsir f’laboratorju approvat f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/258/KE;

(d)

ma għandux għalfejn jiġġedded wara riżultat sodisfaċenti deskritt fil-punt (b), dment li l-annimal domestiku jerġa’ jiġi mlaqqam fi żmien il-perijodu ta’ validità msemmi fil-punt 2(e) tal-Anness III tat-tilqima preċedenti.


ANNESS V

Tabella ta’ korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2

Artikolu 2(1)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2

Punt (a) tal-Artikolu 2(2)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 2

Punt (b) tal-Artikolu 2(2)

Punt (a) tal-Artikolu 3

Punti (a) u (b) tal-Artikolu 3

Punt (b) tal-Artikolu 3

Punt (f) tal-Artikolu 3

Punt (c) tal-Artikolu 3

Artikolu 2(1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1)

 

 

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Punt (a) tal-Artikolu 5(1)

Punt (a) tal-Artikolu 6

Punt (b) tal-Artikolu 5(1)

Punt (d) tal-Artikolu 6

Punt (b)(i)Artikolu 5(1)

Punt (b) tal-Artikolu 6

Punt (b)(ii) tal-Artikolu 5(1)

Punt (c) tal-Artikolu 6

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)

Artikolu 19

Artikolu 5(2)

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 5(5), Artikoli 9, 14 u 28

Artikolu 8(1)

Artikoli 10 u 12

Artikolu 8(2)

Artikolu 10(1)(e) u Artikolu 27

Punt (a) tal-Artikolu 8(3)

Artikolu 13(1)

Punt (b) tal-Artikolu 8(3)

Artikolu 16

Punt (c) tal-Artikolu 8(3)

Artikolu 11

Artikolu 8(4)

Artikolu 25(1) u (2)

Artikolu 9

Artikolu 14 u Artikolu 30(1) u (2)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10

Artikolu 13(2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10

Artikolu 13(3)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 11

Artikolu 37(1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 11

Punt (a) tal-Artikolu 34(4)

Frażi ta’ introduzzjoni u punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12

Artikolu 10(2) u Artikolu 34(1)

Frażi ta’ introduzzjoni u punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12

Artikolu 5(4)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12

Artikolu 34(3) u Artikolu 37(2)(d)

Artikolu 13

Artikolu 34(3) u Artikolu 37(2)(d)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14

Punt (a) tal-Artikolu 34(2)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 14

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 14

Artikolu 35(1) u (3)

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 14

Artikolu 35(2)

Artikolu 15

Punti 1 u 2(c) tal-Anness IV

Artikolu 16

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 17

Artikolu 21(1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 18

Artikolu 36

Artikolu 19

Artikolu 13(3) u Artikolu 5(5)

Artikolu 19a(1) u (2)

Artikolu 38

Artikolu 19a(3)

Artikolu 19b(1)

Artikolu 39(2)

Artikolu 19b(2)

Artikolu 39(4)

Artikolu 19b(3)

Artikolu 39(1)

Artikolu 19c(1) u (3)

Artikolu 39(3)

Artikolu 19c(2)

Artikolu 19d(1) u Artikolu 19d(2)

Artikolu 39(5)

Artikolu 19d(3)

Artikoli 20 sa 23

Artikolu 24(1), (2) u (3)

Artikolu 41(1), (2) u (3)

Artikolu 24(4) u (5)

Artikolu 25

Artikolu 45

Anness I

Anness I

Anness Ia

Anness II

Anness Ib

Anness III

Parti A u Taqsima 1 tal-Parti B tal-Anness II

Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II

Artikolu 13(1)

Parti C tal-Anness II

Artikolu 13(2)


DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Fil-qafas tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u t-Trattament Xieraq tal-Annimali (1), il-Kummissjoni se tinvestiga t-trattament tal-klieb u l-qtates involuti fil-prattiki kummerċjali.

Jekk ir-riżultat tal-istudju jindika li hemm riskji għas-saħħa minħabba dawk il-prattiki kummerċjali, il-Kummissjoni se tara li tieħu miżuri xierqa biex tħares is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, inkluż li tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħmlu l-adattamenti li hemm bżonn fil-leġiżlazzjoni preżenti tal-Unjoni dwar il-kummerċ tal-klieb u l-qtates, proposta li tinkludi l-introduzzjoni ta’ sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni tagħhom u li jkunu aċċessibbli fl-Istati Membri.

Fid-dawl ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hux fattibbli u anki jekk ikunx f’loku li sistemi ta’ reġistrazzjoni bħal dawn jiġu estiżi għall-klieb u l-qtates immarkati u identifikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar iċ-ċaqliq mhux kummerċjali tal-annimali tad-dar.


(1)  COM(2012) 6 final/2 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015.


Top