EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0012

Direttiva tal-Kunsill 2010/12/UE tas- 16 ta’ Frar 2010 li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat u d-Direttiva 2008/118/KE

OJ L 50, 27.2.2010, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 063 P. 290 - 296

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/02/2023; Imħassar b' 32020L0262

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/12/oj

27.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2010/12/UE

tas-16 ta’ Frar 2010

li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat u d-Direttiva 2008/118/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxi bi proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tad-dazji fuq is-sigaretti (3) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/80/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (4), twettqet reviżjoni fil-fond tar-rati u l-istruttura tad-dazji tas-sisa fuq prodotti tat-tabakk. Dik ir-reviżjoni inkludiet dispożizzjonijiet mid-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar it-taxxi barra minn taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat (5).

(2)

Bil-għan li jkun żgurat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, kif rekwiżit mill-Artikolu 168 tat-Trattat, meta jitqies li jista' jiġi kkawżat dannu serju għas-saħħa mill-prodotti tat-tabakk u li l-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), għandhom isiru diversi bidliet fil-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk. Dawn il-bidliet għandhom jieħdu kont tal-qagħda prevalenti għal kull wieħed mill-prodotti varji tat-tabakk.

(3)

Dwar is-sigaretti, l-arranġamenti għandhom ikunu ssimplifikati sabiex jinħolqu kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi, biex inaqqsu s-separazzjoni tas-swieq tat-tabakk u jenfasizzaw l-għanijiet tas-saħħa. Għal dan il-għan, il-kunċett tal-kategorija tal-prezz l-aktar popolari għandu jiġi ssostitwit; ir-rekwiżit minimu relatat mal-prezz għandu jirreferi għall-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, waqt li l-minimu monetarju għandu jkun applikabbli għas-sigaretti kollha. Għall-istess raġunijiet, il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jservi wkoll bħala referenza għall-kejl tal-importanza ta’ dazju tas-sisa speċifiku fil-piż totali tat-taxxa.

(4)

Mingħajr preġudizzju għall-istruttura mħallta tat-taxxa u l-persentaġġ massimu tal-komponent speċifiku fuq il-piż tat-taxxa totali, l-Istati Membri għandhom jingħataw aktar mezzi effettivi biex jimponu dazju tas-sisa speċifiku jew minimu fuq is-sigaretti, sabiex jiżguraw li tal-anqas ċertu ammont minimu ta’ tassazzjoni japplika madwar l-Unjoni.

(5)

Dwar it-tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti, ir-rekwiżit minimu relatat mal-prezz tal-Unjoni għandu jiġi espress b’tali mod li jinkisbu effetti simili għal dawk fil-qasam tas-sigaretti u għandu jieħu l-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut bħala l-punt ta' referenza.

(6)

Il-bidliet fil-livelli tal-prezzijiet u s-sisa ġew analizzati, b'mod partikolari, għas-sigaretti, bl-aktar mod ċar l-aktar kategorija importanti ta' prodotti tat-tabakk, kif ukoll għat-tabakk imqatta' fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti. L-analiżi turi li għad hemm differenzi konsiderevoli bejn Stati Membri li jistgħu jfixklu t-tħaddim tas-suq intern. Aktar konverġenza bejn il-livelli ta’ taxxa applikati fl-Istati Membri tgħin biex jitnaqqsu l-frodi u l-kuntrabandu fl-Unjoni.

(7)

Konverġenza akbar tgħin ukoll biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-livell ta’ tassazzjoni huwa fil-fatt fattur ewlieni fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li min-naħa tiegħu jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumatur. Il-frodi u l-kuntrabandu jimminaw il-livelli tal-prezz ikkaġunati mit-taxxa, b'mod partikolari tas-sigaretti u tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti u għalhekk jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tal-kontroll fuq it-tabakk u l-protezzjoni tas-saħħa.

(8)

Bil-għan li tinkiseb konverġenza akbar u jitnaqqas il-konsum, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni fl-Unjoni fuq is-sigaretti u t-tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti għandhom għalhekk jiżdiedu.

(9)

Huwa meħtieġ li l-livelli minimi għat-tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti jinġabu qrib il-livelli minimi applikabbli għas-sigaretti, sabiex jittieħed kont aħjar tal-grad ta' kompetizzjoni li teżisti bejn iż-żewġ prodotti, rifless fix-xejriet ta' konsum osservati, kif ukoll tal-karattru ugwalment ta' ħsara tagħhom.

(10)

Perijodi tranżizzjonali għandhom jippermettu lill-Istati Membri sabiex jadattaw mingħajr problemi għal-livelli ġodda tad-dazju tas-sisa globali, u b'hekk jitnaqqsu l-effetti sekondarji possibbli.

(11)

Sabiex tkun evitata l-ħsara għall-ekwilibriju ekonomiku u soċjali tal-Korsika, huwa kemm essenzjali kif ukoll ġustifikabbli li tiġi estiża sal-31 Diċembru 2015 id-deroga li permezz tagħha Franza tista' tapplika rata tad-dazju tas-sisa li tkun aktar baxxa mir-rata nazzjonali fuq is-sigarretti u t-tabakk l-ieħor manifatturat rilaxxat għall-konsum f'Korsika. Sa dik id-data, ir-regoli tat-taxxa għal tabakk manifatturat rilaxxat għall-konsum hemmekk għandhom jinġiebu f'konformità sħiħa mar-regoli għal Franza kontinentali. Madanakollu, għandu jkun evitat tibdil f'daqqa żżejjed u għandu għalhekk ikun hemm żieda fi stadji tad-dazju tas-sisa attwalment impost fuq is-sigaretti u t-tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti f'Korsika.

(12)

Sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni u devjazzjonijiet mhux aċċettabbli ta' kummerċ u t-telf fuq id-dħul li jirriżulta għal dawk l-Istati Membri li japplikaw dazji tas-sisa għolja, kemm bħala sors importanti ta' dħul kif ukoll għal raġunijiet ta' saħħa, jidher meħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw limiti kwantitattivi fir-rigward tas-sigaretti li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju tagħhom mingħajr aktar ħlas ta' dazji tas-sisa meta dawk is-sigaretti jiddaħħlu fit-territorju tagħhom minn Stati Membri li jibbenefikaw minn perijodi tranżizzjonali. Huwa adatt li tiġi modulata tali awtorizzazzjoni ta' restrizzjonijiet b'kont meħud tal-livell li jkun laħaq il-livell minimu obbligatorju ġenerali ta' tassazzjoni u d-diffikultajiet li l-Istati Membri li jibbenefikaw minn deroga jistgħu jiltaqgħu magħhom minn tassazzjoni aktar baxxa fi Stati Membri oħrajn fi triqthom lejn l-allinjament gradwali għal-livell minimu obbligatorju ġenerali.

(13)

Bil-għan li jevita waqgħa fil-valur tal-livelli minimi ta’ dazju fuq is-sigarri tal-Unjoni, sigarri żgħar u tabakk tat-tipjip li mhux tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim ta’ sigaretti, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-livelli minimi, espressi bħala ammont speċifiku.

(14)

Fl-interess ta’ tassazzjoni uniformi u ġusta, id-definizzjoni ta’ sigaretti, sigarri u sigarri żgħar u ta’ tabakk tat-tipjip ieħor għandha tkun adattata sabiex, rispettivament, rombli tat-tabakk li skont it-tul tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ sigaretti jew aktar għal skop ta’ sisa; tip ta’ sigarru li huwa simili b'ħafna modi għas-sigarett huwa ttrattat bħala sigarett għal għanijiet ta’ sisa; tabakk tat-tipjip li huwa simili b’ħafna modi għat-tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim ta’ sigaretti huwa ttrattat bħala tabakk imqatta’ fin għal għan ta’ sisa; u l-iskart tat-tabakk ikun definit b'mod ċar. Fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi li tista' tikkawża implimentazzjoni immedjata għall-operaturi Ġermaniżi u Ungeriżi kkonċernati, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Ungerija għandhom ikunu awtorizzati jipposponu l-implimentazzjoni tad-definizzjoni l-ġdida ta’ sigarri u sigarri żgħar sal-1 ta' Jannar 2015.

(15)

F'konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġi (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li kemm jista' jkun juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi.

(16)

Għalhekk id-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE, 95/59/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (7) għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/79/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u dazju ad valorem minbarra l-VAT) fuq is-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 57 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dak id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 64 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

Madankollu, l-Istati Membri li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-anqas EUR 101 għal kull 1 000 sigarett fuq il-bażi tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut ma jeħtiġilhomx li jikkonformaw mar-rekwiżit tas-57 % indikat fl-ewwel subparagrafu.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2014, id-dazju tas-sisa globali fuq is-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 60 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dak id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 90 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

Madankollu, l-Istati Membri li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-anqas EUR 115 għal kull 1 000 sigarett fuq il-bażi tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut ma jeħtiġilhomx li jikkonformaw mar-rekwiżit tas-57 % indikat fl-ewwel subparagrafu.

Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija għandhom jingħataw perijodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2017 sabiex jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi.

3.   Il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun ikkalkulat b'referenza għall-valur totali tas-sigaretti kollha rilaxxati għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, diviż bil-kwantità totali ta' sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dan għandu jiġi ddeterminat mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu ta' kull sena abbażi ta' data relatata mar-rilaxx għall-konsum kollu li jkun sar fis-sena kalendarja preċedenti.

4.   L-Istati Membri għandhom iżidu b’mod gradwali d-dazji tas-sisa bil-għan li jilħqu r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 fid-dati indikati fih.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika darba fis-sena l-valur tal-euro fil-muniti nazzjonali li għandu jiġi applikat għall-ammonti tad-dazju tas-sisa globali.

Ir-rati tal-kambju li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk miksuba fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ottubru u ppublikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja ta’ wara.

6.   L-Istati Membri jistgħu jżommu l-ammonti tat-taxxi tas-sisa fis-seħħ fiż-żmien tal-aġġustament annwali li hemm provvediment għalih fil-paragrafu 5 jekk l-ammonti ta' konverżjoni tat-taxxi tas-sisa maqluba f'EUR jirriżultaw f'żieda ta' inqas minn 5 % jew inqas minn EUR 5, skont liema ammont hu l-aktar baxx, fit-taxxa tas-sisa espressa f'munita nazzjonali.”

(2)

L-Artikolu 2a għandu jiġi ssostitwit kif gej:

“Artikolu 2a

1.   Fejn bidla fil-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut isseħħ fi Stat Membru, u b’hekk iġġib id-dazju tas-sisa globali taħt il-livelli indikati fl-ewwel sentenzi tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 rispettivament, l-Istat Membru kkonċernat jista’ ma jaġġustax dak id-dazju sal-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha sseħħ il-bidla.

2.   Fejn Stat Membru jżid ir-rata tat-taxxa tal-valur miżjud fuq is-sigaretti, huwa jista’ jnaqqas id-dazju tas-sisa globali sa ammont li, espress bħala perċentwal tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, huwa ugwali għaż-żieda fir-rata tat-taxxa tal-valur miżjud, espressa wkoll bħala perċentwal tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, anke jekk aġġustament bħal dan għandu l-effett li jonqos id-dazju tas-sisa globali sa taħt il-livelli, espress bħala perċentwal tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, stipulat fl-ewwel sentenzi tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 rispettivament.

Madankollu, l-Istat Membru għandu jerġa’ jżid id-dazju sabiex jilħaq tal-anqas dawk il-livelli mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha jkun seħħ it-tnaqqis.”

(3)

L-Artikolu 3(4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2, Franza tista' tkompli tapplika għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2015, rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa għas-sigaretti rilaxxati għall-konsum fid-dipartimenti ta' Korsika sa kwota annwali ta' 1 200 tunnellata. Ir-rata mnaqqsa għandha tkun:

sal-31 ta' Diċembru 2012, mill-inqas 44 % tal-prezz għal sigaretti fil-kategorija tal-prezz l-aktar mitlub f'dawk id-dipartimenti;

mill-1 ta’ Jannar 2013, mill-inqas 50 % tal-prezz tal-bejgħ medju ppeżat tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 88 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut medju ppeżat;

mill-1 ta’ Jannar 2015, mill-inqas 57 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut medju ppeżat tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Id-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn EUR 90 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz tal-bejgħ bl-imnut medju ppeżat.”

(4)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport u, fejn huwa xieraq, proposta dwar ir-rati ta’ dazju tas-sisa stipulati f’din id-Direttiva u l-istruttura tad-dazju tas-sisa kif imfissra bl-Artikolu 16 tad-Direttiva 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat (*).

Ir-rapport mill-Kummissjoni għandu jqis it-tħaddim sew tas-suq intern, il-valur veru tar-rati tad-dazju tas-sisa u l-għanijiet usa' tat-Trattat.

2.   Ir-rapport msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat b'mod partikolari fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (**), tiddetermina lista ta' data ta' statistika meħtieġa għar-rapport, eskluż data relatata ma' persuni fiżiċi individwali jew entitajiet legali. Minbarra d-data li hija diġà disponibbli għall-Istati Membri, il-lista għandha tinkludi biss data li l-ġbir u t-tlaqqigħ tagħha ma jkunx jinvolvi piż amministrattiv sproporzjonat min-naħa tal-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni m'għandhiex tippubblika jew tikxef din id-data b'xi mod ieħor fejn dan ikun jista' jwassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali.

(*)  ĠU L 291, 6.12.1995, p. 40."

(**)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.”."

Artikolu 2

Id-Direttiva 92/80/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(1), huma miżjuda s-subparagrafi li ġejjin:

“Mill-1 ta’ Jannar 2011, id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT) fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta’ sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 40 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta' sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 40 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2013, id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT) fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta’ sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 43 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta' sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 47 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2015, id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT) fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta’ sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 46 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta' sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 54 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2018, id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT) fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta’ sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 48 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta' sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 60 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Jannar 2020, id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT) fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta’ sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 50 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk tat-tipjip imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta' sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 60 għal kull kilogramm.

Il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun ikkalkulat b'referenza għall-valur totali tat-tabakk imqatta' fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti kollha rilaxxati għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, diviż bil-kwantità totali tat-tabakk imqatta' fin intenzjonat għall-brim ta' sigaretti rilaxxat għall-konsum. Dan għandu jiġi ddeterminat mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu ta' kull sena abbażi ta' data relatata mar-rilaxx għall-konsum kollu li jkun sar fis-sena kalendarja preċedenti.

Mill-1 ta’ Jannar 2011, id-dazju tas-sisa globali espress bħala perċentwal, bħala ammont għal kull kilogramm jew għal għadd iffissat ta’ oġġetti għandu jkun tal-anqas ekwivalenti għal li ġej:

(a)

fil-każ ta’ sigarri u sigarri żgħar, 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha jew EUR 12 għal kull 1 000 oġġett jew għal kull kilogramm;

(b)

fil-każ tat-tabakk tat-tipjip, li mhuwiex tabakk tat-tipjip mqatta’ fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti, 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, jew EUR 22 għal kull kilogramm.”

(2)

L-Artikolu 3(4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   B'deroga mill-paragrafu 1, Franza tista' tkompli tapplika għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2015, rata mnaqssa ta' dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat li mhux sigaretti rilaxxat għall-konsum fid-dipartimenti ta' Korsika Ir-rata mnaqqsa għandha tkun:

(a)

għal sigarri u sigarillos:

mill-inqas 10 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha;

(b)

għal tabakk tat-tipjip maqtugħ fin intenzjonat għall-brim ta' sigarretti:

sal-31 ta' Diċembru 2012, mill-inqas 27 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha,

mill-1 ta' Jannar 2013, mill-inqas 30 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha,

mill-1 ta' Jannar 2015, mill-inqas 35 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha,

(c)

għal tabakk ieħor għat-tipjip:

mill-inqas 22 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha.”

(3)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport u, fejn adatt, proposta dwar ir-rati u l-istruttura tad-dazju tas-sisa stabbiliti f’din id-Direttiva.

Ir-rapport mill-Kummissjoni għandu jqis it-tħaddim sew tas-suq intern, il-valur veru tar-rati tad-dazji tas-sisa u l-għanijiet usa' tat-Trattat.

2.   Ir-rapport msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat b'mod partikolari fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (***), tiddetermina lista ta' data ta' statistika meħtieġa għar-rapport, eskluż data relatata ma' persuni fiżiċi individwali jew entitajiet legali. Minbarra d-data li hija diġà disponibbli għall-Istati Membri, il-lista għandha tinkludi biss data li l-ġbir u l-muntaġġ tagħha ma jkunx jinvolvi piż amministrattiv sproporzjonat min-naħa tal-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni m'għandhiex tippubblika jew tikxef dik id-data b'xi mod ieħor fejn dan ikun jista' jwassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali.

(***)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.”."

(4)

L-Artikolu 5(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika darba fis-sena l-valur tal-euro fil-muniti nazzjonali li għandu jiġi applikat għall-ammonti tad-dazju tas-sisa globali.

Ir-rati tal-kambju li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk miksuba fl-ewwel jum ta' xogħol ta' Ottubru u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja ta’ wara.”

Artikolu 3

Id-Direttiva 95/59/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li huma sigarri jew sigarri żgħar jekk jistgħu ikunu u, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u l-aspettattivi normali tal-konsumatur, huma intenzjonati esklussivament għat-tipjip għaliex huma:

(a)

rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta' tabakk naturali;

(b)

rombli tat-tabakk b’mili ta’ taħlita mfarrka u għandhom kisja fuq barra ta’ kulur normali ta' sigarru, ta’ tabakk rikostitwit, li jgħatti l-prodott kollu, inkluż fejn adatt il-filter iżda mhux, fil-każ ta’ sigarri ‘tipped’, il-ponta, fejn il-piż ta’ unità, mhux inkluż il-filter jew il-parti tal-ħalq, mhuwiex anqas minn 2,3 g u mhux aktar minn 10 g, u ċ-ċirkonferenza fuq tal-anqas terz tat-tul mhix anqas minn 34 mm.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-Ġermanja u l-Ungerija jistgħu jkomplu japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2014 l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/59/KE kif emendata bid-Direttiva 2002/10/KE.”

(2)

L-Artikolu 4(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Romblu tat-tabakk imsemmi fil-paragrafu 1 għandu, għal għanijiet tad-dazju tas-sisa, jiġi kkunsidrat bħala żewġ sigaretti fejn, meta teskludi l-filter jew il-bokkin, huwa itwal minn 8 ċm iżda mhux itwal minn 11-il ċm, jew tliet sigarretti fejn, meta teskludi l-filter jew il-bokkin, huwa itwal minn 11-il ċm iżda mhux itwal minn 14-il ċm, u l-kumplament.”

(3)

Fl-Artikolu 5, il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(2)

fdal tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut li ma jaqax taħt l-Artikoli 3 u 4 u li jista’ jiġi mpejjep. Għall-fini ta' dan l-Artikolu, ‘fdal tat-tabakk’ għandu jiġi kkunsidrat bħala skart mill-weraq tat-tabakk u prodotti sekondarji miksuba mill-ipproċessar tat-tabakk jew mill-manifattura ta' prodotti tat-tabakk.”

(4)

L-Artikolu 6 huwa emendat b'dan li ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu l-kliem “1 millimetru” għandu jiġi ssostitwit bil-kliem “1,5 millimetru”;

(b)

fit-tieni paragrafu l-kliem “aktar minn 1 millimetru” għandu jiġi ssostitwit bil-kliem “1,5 millimetru jew aktar”;

(5)

L-Artikolu 7(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Prodotti li jikkonsistu parzjalment f’sustanzi li mhumiex tabakk iżda li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 għandhom ikunu meqjusa bħala sigarri u sigarri żgħar.”

(6)

L-Artikolu 8(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn meħtieġ, id-dazju tas-sisa fuq sigaretti jista' jinkludi komponent minimu tat-taxxa, dment li jkunu rispettati strettament l-istruttura mħallta ta' tassazzjoni u l-faxxa tal-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa kif stipulata fl-Artikolu 16.”

(7)

L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

1.   Il-persentaġġ tal-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa fl-ammont tal-piż tat-taxxa totali fuq is-sigaretti għandu jiġi stabbilit b'referenza għall-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

2.   Il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun ikkalkulat b'referenza għall-valur totali tas-sigaretti kollha rilaxxati għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, diviż bil-kwantità totali ta' sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dan għandu jiġi ddeterminat mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu ta' kull sena abbażi ta' data relatata mar-rilaxx għall-konsum kollu li jkun sar fis-sena kalendarja preċedenti.

3.   Sal-31 ta' Diċembru 2013 il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa ma jistax ikun inqas minn 5 % u aktar minn 76,5 % tal-ammont tal-piż tat-taxxa totali li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta' li ġej:

(a)

dazju tas-sisa speċifiku;

(b)

id-dazju tas-sisa proporzjonali u t-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

4.   Mill-1 ta' Jannar 2014, il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti ma jistax ikun inqas minn 7,5 % u mhux aktar minn 76,5 % tal-ammont tal-piż tat-taxxa totali li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta' li ġej:

(a)

dazju tas-sisa speċifiku;

(b)

id-dazju tas-sisa proporzjonali u t-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.

5.   B'deroga mill-paragrafi 3 u 4, fejn bidla fil-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut isseħħ fi Stat Membru, u b’hekk iġġib il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa, espress bħala perċentwal tal-piż tat-taxxa totali, taħt il-perċentwal ta' 5 % jew 7,5 %, skont liema jkun applikabbli, jew 'il fuq mill-perċentwal ta’ 76,5% tal-piż tat-taxxa totali, l-Istat Membru kkonċernat jista’ ma jaġġustax l-ammont tad-dazju speċifiku tas-sisa sal-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha sseħħ il-bidla.

6.   Minkejja l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri jistgħu jeskludu d-dazji tad-dwana mill-bażi għall-kalkolu tat-taxxa tas-sisa proporzjonali fuq is-sigaretti.

7.   Soġġett għall-paragrafi 3, 4, 5 u 6, l-Istati Membri jistgħu jimponu dazju tas-sisa minimu fuq is-sigaretti.”

(8)

L-Artikolu 17 huwa mħassar.

Artikolu 4

Id-Direttiva 2008/118/KE hija b’dan emendata kif ġej:

Fl-Artikolu 46, jiżdied dan il-paragrafu:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32, l-Istati Membri mhux imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/79/KEE, jistgħu, fir-rigward tas-sigaretti li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju tagħhom mingħajr aktar ħlas ta' dazji tas-sisa, japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014 limitu kwantitattiv ta' mhux inqas minn 300 oġġett fir-rigward ta' sigaretti mdaħħlin minn Stat Membru li japplika, f'konformità mat-tielet subparagrafu mal-Artikolu 2(2) ta' dik id-Direttiva, dazji tas-sisa aktar baxxi minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha.

L-Istati Membri msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2), tad-Direttiva 92/79/KEE li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-anqas EUR 77 għal kull 1 000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, jistgħu, mill-1 ta' Jannar 2014, japplikaw limitu kwantitattiv ta' mhux inqas minn 300 oġġett fir-rigward ta' sigaretti mdaħħlin fit-territorju tagħhom minn Stat Membru li japplika dazju tas-sisa aktar baxx f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta' dik id-Direttiva.

L-Istati Membri li japplikaw limitu kwantitattiv f'konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. Huma jistgħu jwettqu l-kontrolli meħtieġa dment li dawn il-kontrolli ma jaffettwawx il-funzjonament korrett tas-suq intern.”

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b’effett mill-1 ta' Jannar 2011 ħlief jekk previst mod ieħor f'din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  Opinjoni tal-24 ta' Marzu 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 130.

(3)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 8.

(4)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 10.

(5)  ĠU L 291, 6.12.1995, p. 40.

(6)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.


Top