EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0345

2010/345/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Ġunju 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2007/589/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni tal-linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-qbid, mill-ġarr u mill-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (notifikata bid-dokument numru C(2010) 3310) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

OJ L 155, 22.6.2010, p. 34–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012; Impliċitament imħassar minn 32012R0601

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/345/oj

22.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Ġunju 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2007/589/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni tal-linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-qbid, mill-ġarr u mill-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3310)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/345/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 14(1) u 24(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett tas-serra ġewwa l-Komunità (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-iskema Komunitarja”). Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u testendi l-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett tas-serra (2) temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-qbid, il-ġarr u l-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “CO2”) fi ħdan l-iskema Komunitarja mill-2013 ‘il quddiem.

(2)

Il-Kummissjoni għandha tadotta linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra minn attivitajiet koperti mill-iskema Komunitarja skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(3)

Qabel l-2013, l-Istati Membri jistgħu jinkludu fl-iskema Komunitarja, b’mod unilaterali, l-attivitajiet tal-qbid, tal-ġarr u tal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(4)

L-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jipprovdi lill-Kummissjoni bil-bażi legali biex tadotta linji ta’ gwida għal attivitajiet li jkun għadhom mhumiex koperti bl-Anness I għad-Direttiva.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tadotta linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra li ġejjin mill-attivitajiet tal-qbid, tal-ġarr u tal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 bil-ħsieb li dawn l-attivitajiet jiddaħħlu fl-iskema Komunitarja mill-2013 ‘il quddiem u li possibbilment jiddaħħlu b’mod unilaterali fl-iskema Komunitarja qabel l-2013.

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/589/K (3) għandha tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima msemmi fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/87/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/589/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Il-linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, u tal-attivitajiet inklużi skont l-Artikolu 24(1) ta’ dik id-Direttiva, huma mniżżlin fl-Annessi I sa XIV u XVI sa XVIII għal din id-Deċiżjoni. Il-linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-dejta dwar it-tunnellati għal kull kilometru mill-attivitajiet tal-avjazzjoni għall-għan ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE skont l-Artikoli 3e jew 3f huma mniżżlin fl-Anness XV.

Dawk il-linji ta’ gwida huma msejsa fuq il-prinċipji mniżżlin fl-Anness IV għal dik id-Direttiva.”

(2)

It-Tabella tal-Annessi għandha tiġi emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għall-Anness XII għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Anness XII:

Linji ta’ gwida biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet jew l-ammont ta’ trasferiment ta’ gassijiet b’effett tas-serra permezz ta’ sistemi ta’ kejl kontinwu”.

(b)

għandhom jiżdiedu t-titli li ġejjin tal-Annessi l-ġodda XVI, XVII u XVIII.

“Anness XVI:

Linji ta’ gwida speċifiċi għal attività partikulari biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-attivitajiet tal-qbid tas-CO2 bil-għan li jinġarr u jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

Anness XVII:

Linji ta’ gwida speċifiċi għal attività partikulari biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-ġarr tas-CO2 permezz ta’ pajpijiet biex jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE.

Anness XVIII:

Linji ta’ gwida speċifiċi għal attività partikulari biex is-CO2 jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE.

(*)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.”"

(3)

L-Anness I għandu jkun emendat kif imniżżel fil-Parti A tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(4)

L-Anness XII għandu jinbidel bit-test imniżżel fil-Parti B tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(5)

L-Anness XVI għandu jiżdied kif imniżżel fil-Parti C tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(6)

L-Anness XVII għandu jiżdied kif imniżżel fil-Parti D tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(7)

L-Anness XVIII għandu jiżdied kif imniżżel fil-Parti E tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.

(3)  ĠU L 229, 31.8.2007, p. 1.


ANNESS

A.

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

1.

Fit-Taqsima 1, il-kliem “L-Annessi II sa XI u XIII sa XV” għandhom jinbidlu bil-kliem “L-Annessi II sa XI u l-Annessi XIII sa XVIII”.

2.

It-Taqsima 2 għandha tkun emendata kif ġej:

(a)

Fil-parti tal-introduzzjoni, il-kliem “L-Annessi II sa XV” għandhom jinbidlu bil-kliem “L-Annessi II sa XVIII”.

(b)

Fil-paragrafu 3, għandu jiżdied il-punt (j) li ġej:

“(j)

‘il-punt tal-kejl’ ifisser is-sors tal-emissjoni li għalih jintużaw is-sistemi ta’ kejl kontinwu tal-emissjonijiet (is-“CEMS”) għall-kejl tal-emissjonijiet, jew il-profil trasversali (‘cross-section’) ta’ sistema tal-pajpijiet li għaliha l-fluss tas-CO2 jitkejjel permezz ta’ sistemi ta’ kejl kontinwu.”

(c)

Għandu jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.

Għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin f’dak li għandu x’jaqsam mal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra li ġejjin mill-attivitajiet tal-qbid, tal-ġarr u tal-ħżin ġeoloġiku tal-gassijiet b’effett tas-serra.

(a)

‘il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2’ tfisser ‘il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2’ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/31/KE;

(b)

‘sit tal-ħżin’ tfisser ‘sit tal-ħżin’ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/31/KE;

(c)

‘kumpless tal-ħżin’ tfisser ‘kumpless tal-ħżin’ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/31/KE;

(d)

‘il-ġarr tas-CO2’ tfisser il-ġarr tas-CO2 permezz tal-pajpijiet biex jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;

(e)

‘netwerk tat-trasport’ tfisser ‘netwerk tat-trasport’ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(22) tad-Direttiva 2009/31/KE;

(f)

‘il-qbid tas-CO2’ tfisser l-attività tal-qbid tas-CO2 min-nixxiegħat tal-gass, CO2 li mill-bqija jintrema fl-arja, bil-għan li jinġarr u jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;

(g)

‘stallazzjoni tal-qbid’ tfisser stallazzjoni li fiha jinqabad is-CO2;

(h)

‘emissjonijiet li jaħarbu’ tfisser emissjonijiet mhux regolari jew ta’ bla ħsieb minn sorsi li mhumiex lokalizzati jew li jvarjaw wisq jew li huma żgħar wisq biex jiġu mmonitorjati b’mod individwali, bħall-emissjonijiet minn siġilli li mill-bqija jkunu intatti, minn valvijiet, stazzjonijiet tal-kumpressuri intermedjarji u faċilitajiet tal-ħżin intermedjarji;

(i)

‘emissjonijiet irrilaxxati apposta’ (‘vented’) tfisser emissjonijiet irrilaxxati apposta mill-istallazzjoni permezz ta’ punt speċifiku tal-emissjoni;

(j)

‘kolonna tal-ilma’ tfisser ‘kolonna tal-ilma’ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/31/KE;

(k)

‘l-irkupru mtejjeb tal-idrokarbonju’ tfisser l-irkupru tal-idrokarboni minbarra dawk estratti bl-injezzjoni tal-ilma jew b’mezzi oħrajn;

(l)

‘tnixxija’ fil-kuntest tal-ħżin ġeoloġiku tfisser ‘tnixxija’ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/31/KE.”

3.

It-Taqsima 4 għandha tkun emendata kif ġej:

(a)

fit-Taqsima 4.1 għandu jiżdied il-paragrafu l-ġdid li ġej wara t-tieni paragrafu:

“F’każ fejn ikunu identifikati tnixxijiet minn kumpless tal-ħżin skont id-Direttiva 2009/31/KE u f’każ li dawn iwasslu għal emissjonijiet jew għal rilaxxi tas-CO2 għal ġol-kolonna tal-ilma, dawn għandhom ikunu inklużi bħala sorsi tal-emissjonijiet għall-istallazzjoni rispettiva u għandhom ikunu mmonitorjati kif xieraq hekk kif meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness XVIII. It-tnixxija tista’ tkun eskluża milli titqies bħala sors ta’ emissjoni suġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti meta jkunu ttieħdu miżuri korrettivi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/31/KE u l-emissjonijiet jew ir-rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma minn dik it-tnixxija ma jibqgħux jinsabu iktar.”

(b)

fit-Taqsima 4.3 għandhom jiżdiedu s-sottoparagrafi li ġejjin wara r-raba’ paragrafu:

“(o)

fejn ikun applikabbli, il-post fejn ikun it-tagħmir għall-kejl tat-temperatura u tal-pressjoni f’netwerk tat-trasport;

(p)

fejn ikun applikabbli, il-proċeduri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-avvenimenti tat-tnixxija min-netwerks tat-trasport;

(q)

fil-każ tan-netwerks tat-trasport, proċeduri li jiżguraw b’mod effettiv li s-CO2 ikun ittrasferit biss għal ġo stallazzjonijiet li għandhom permess validu għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra, jew fejn kwalunkwe CO2 li joħroġ ikun immonitorjat u meqjus b’mod effettiv skont it-Taqsima 5.7 ta’ dan l-Anness;

(r)

meta s-CO2 ikun ittrasferit skont it-Taqsima 5.7 ta’ dan l-Anness, identifikazzjoni tal-istallazzjonijiet li jkunu qed jirċevuh u ta’ dawk minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit. Għal stallazzjonijiet li għandhom permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra, din hija l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-istallazzjoni kif iddefinit bir-Regolament skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE;

(s)

fejn ikun applikabbli, deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kejl kontinwu użati fil-punti tat-trasferiment tas-CO2 bejn stallazzjonijiet li jkunu qed jittrsferixxu s-CO2 skont it-Taqsima 5.7 ta’ dan l-Anness;

(t)

fejn ikun applikabbli, approċċi għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet jew tar-rilaxxi tas-CO2 mit-tnixxijiet potenzjali għal ġol-kolonna tal-ilma kif ukoll l-approċċi għall-kwantifikazzjoni applikati u possibbilment adattati għall-emissjonijiet reali jew għar-rilaxxi reali tas-CO2 mit-tnixxijiet għal ġol-kolonna tal-ilma, kif speċifikat fl-Anness XVIII.”

(c)

fit-Taqsima 4.3, is-sitt paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Bidla sostanzjali fil-metodoloġija tal-monitoraġġ bħala parti mill-pjan tal-monitoraġġ għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti jekk din ikollha x’taqsam ma’:

bidla fil-klassifikazzjoni tal-istallazzjoni kif imniżżel fit-Tabella 1;

bidla bejn il-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu u dik ibbażata fuq il-kejl li tintuża biex ikunu kkalkulati l-emissjonijiet;

żieda fl-inċertezza tad-dejta dwar l-attività jew ta’ parametri oħra (fejn ikun applikabbli) li timplika saff differenti;

l-applikazzjoni jew l-adattament tal-approċċ għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet mit-tnixxijiet fis-siti tal-ħżin.”

4.

It-Taqsima 5 għandha tkun emendata kif ġej:

(a)

fit-Taqsima 5.1, taħt it-titolu “emissjonijiet mill-proċessi”, fl-aħħar paragrafu l-kliem “l-Annessi II sa XI” għandhom jinbidlu bil-kliem “l-Annessi II sa XI u XVI, XVII u XVIII” fil-paragrafu kollu;

(b)

fl-ewwel sentenza tat-Taqsima 5.2, il-kliem “l-Annessi II sa XI u l-Annessi XIV u XV” għandhom jinbidlu bil-kliem “l-Annessi II sa XI u XIV sa XVIII”.

5.

It-Taqsima 5.7 għandha tinbidel b’dan li ġej:

“5.7.   CO2 TTRASFERIT

Suġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, l-operatur jista’ jnaqqas mil-livelli kkalkulati tal-emissjonijiet tal-istallazzjoni kwalunkwe CO2 li ma joħroġx mill-istallazzjoni, iżda li jkun ittrasferit mill-istallazzjoni ‘l barra:

bħala sustanza pura, jew sustanza użata u integrata b’mod dirett fi prodotti jew bħala materja prima, jew

lejn stallazzjoni oħra li għandha permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra, sakemm ma japplikawx rekwiżiti oħrajn kif imniżżel fl-Annessi XVII jew XVIII,

dejjem jekk dan it-tnaqqis ikun rifless fi tnaqqis rispettiv tal-attività u tal-istallazzjoni, li jkun irrappurtat mill-Istat Membru rispettiv fit-tressiq tal-inventarju nazzjonali tiegħu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. L-ammonti rispettivi tas-CO2 għandhom ikunu rrappurtati għal kull stallazzjoni li lejha jkun ġie ttrasferit is-CO2 jew li minnha jkun irċevut, bħala nota fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet tal-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit kif ukoll f’dak tal-istallazzjoni li tkun qed tirċevih.

Fil-każ ta’ trasferiment lejn stallazzjoni oħra, l-istallazzjoni li tkun qed tirċevih trid tgħodd is-CO2 li tkun irċeviet mal-livell ikkalkulat ta’ emissjonijiet tagħha, sakemm ma jkunux japplikaw rekwiżiti oħrajn kif imniżżel fl-Annessi XVII jew XVIII.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-istallazzjonijiet rispettivi minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit is-CO2 kif ukoll b’dawk li jkunu qed jirċevuh skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/87/KE. Fil-każ ta’ trasferiment lejn stallazzjoni li taqa’ fi ħdan dik id-Direttiva, l-istallazzjoni li minnha jkun qed jiġi ttrasferit is-CO2 għandha tidentifika l-istallazzjoni li tkun qed tirċevih fir-rapport annwali tagħha dwar l-emissjonijiet billi tagħti l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-istallazzjoni tal-istallazzjoni li tkun qed tirċevih kif iddefinit bir-Regolament skont l-Artikolu 19 ta’ dik id-Direttiva. L-istallazzjoni li tkun qed tirċevih għandha tidentifika l-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit bl-istess mod.

Il-każijiet potenzjali ta’ CO2 ttrasferit ‘il barra minn stallazzjoni jinkludu, fost l-oħrajn:

CO2 pur użat għall-karbonizzazzjoni tax-xorb;

CO2 pur użat bħala silġ niexef għall-finijiet tat-tkessiħ;

CO2 pur użat bħala aġent tat-tifi tan-nar, bħala refriġerant jew bħala gass tal-laboratorju;

CO2 pur użat fid-diżinfestazzjoni tal-qmuħ;

CO2 pur użat bħala solvent fl-industrija tal-ikel jew tal-kimika;

CO2 użat u integrat fi prodotti jew bħala materja prima fl-industrija tal-kimika u tal-kartolerija (“pulp industry”) (per eż. għall-urea jew għall-karbonati ssolidifikati minn soluzzjoni);

karbonati integrati b’mod dirett fi prodott ta’ assorbiment li jitnixxef bi sprej (“spray-dried absorption product”) (SDAP) mit-tindif b’mod nofsu niexef tal-gassijiet li joħorġu mit-trombi taċ-ċmieni (“flue gases”);

CO2 ttrasferit lejn stallazzjonijiet tal-qbid;

CO2 mill-istallazzjonijiet tal-qbid ittrasferit lejn in-netwerks tat-trasport;

CO2 min-netwerks tat-trasport ittrasferit lejn is-siti tal-ħżin.

Sakemm ma jkunux japplikaw rekwiżiti oħrajn fl-Annessi speċifiċi għal attività partikulari, il-massa ta’ CO2 jew ta’ karbonat ittrasferit kull sena għandha tkun ikkalkulata b’inċertezza massima ta’ inqas minn 1.5 % jew direttament billi jintużaw miters li jkejlu l-fluss tal-volum jew tal-massa, billi jiżnu, jew indirettament mill-massa tal-prodott rispettiv (per eż. l-karbonati jew l-urea) fejn ikun rilevanti u jekk ikun xieraq.

F’każ li l-ammonti tas-CO2 ttrasferit jitkejlu kemm fl-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit kif ukoll fl-istallazzjoni li tkun qed tirċevih, l-ammonti rispettivi tas-CO2 ttrasferit u li jkun irċevut għandhom ikunu ndaqs. Jekk id-differenza bejn il-valuri mkejla tkun f’firxa li tista’ tiġi spjegata bl-inċertezza tas-sistemi tal-kejl, il-medja aritmetika taż-żewġ valuri mkejla għandha tintuża kemm fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit is-CO2 kif ukoll f’dak tal-istallazzjoni li tkun qed tirċevih. Ir-rapport dwar l-emissjonijiet għandu jinkludi dikjarazzjoni li dan il-valur ġie allinjat mal-valur tal-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit is-CO2 u ta’ dik li tkun qed tirċevih rispettivament. Il-valur imkejjel għandu jiddaħħal bħala nota.

F’każ li d-differenza bejn il-valuri mkejla ma tistax tiġi spjegata mill-firxa tal-inċertezza tas-sistemi tal-kejl, l-operaturi tal-istallazzjonijiet ikkonċernati għandhom jallinjaw il-valuri mkejla billi japplikaw aġġustamenti konservattivi (jiġifieri billi jevitaw stima baxxa żżejjed tal-emissjonijiet). Dan l-allinjament għandu jkun ivverifikat mill-verifikaturi tal-istallazzjonijiet minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit is-CO2 u ta’ dawk li jkunu qed jirċevuh, u għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti.

F’każijiet fejn parti mis-CO2 ttrasferit kien iġġenerat mill-bijomassa, jew kull meta stallazzjoni tkun koperta mid-Direttiva 2003/87/KE b’mod parzjali biss, l-operatur għandu jnaqqas biss il-frazzjoni rispettiva tal-massa tas-CO2 ttrasferit li joriġina mill-fjuwils u mill-materjali fossili f’attivitajiet li huma koperti mid-Direttiva. Il-metodi rispettivi ta’ attribuzzjoni għandhom ikunu konservattivi u huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti.

Fil-każ li jkun applikat approċċ tal-kejl fl-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit is-CO2, l-ammont totali ta’ CO2 ttrasferit jew li jkun irċevut li jirriżulta mill-użu tal-bijomassa għandu jkun irrappurtat bħala nota kemm mill-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit kif ukoll mill-istallazzjoni li tkun qed tirċevih. L-istallazzjoni li tkun qed tirċevih ma għandhiex tkun meħtieġa twettaq il-kejl tagħha stess għal dan il-għan, iżda għandha tirrapporta l-ammont ta’ CO2 tal-bijomassa kif miksub mingħand l-istallazzjoni minn fejn ikun qed jiġi ttrasferit.”

6.

Fil-paragrafu 3 tat-Taqsima 6.3(c), il-kliem “l-Annessi II sa XI” għandhom jinbidlu bil-kliem “l-Annessi II sa XI u XVI, XVII u XVIII”.

7.

Fil-paragrafu 5 tat-Taqsima 7.1, il-kliem “l-Annessi II sa XI u l-Annessi XIV u XV” għandhom jinbidlu bil-kliem “l-Annessi II sa XI u XIV sa XVIII”.

8.

It-Taqsima 8 għandha tkun emendata kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 5(6), il-kliem “l-Annessi I sa XI” għandhom jinbidlu bil-kliem “l-Annessi I sa XI u XVI, XVII u XVIII”;

(b)

Fi tmiem il-paragrafu 5, għandu jiżdied sottoparagrafu ġdid:

“(10)

fejn ikun applikabbli, l-ammonti ta’ CO2 ttrasferit lejn stallazzjonijiet oħra jew li jkun irċevut mingħandhom, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-istallazzjoni kif iddefinit bir-Regolament skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE.”;

(c)

għandu jiżdied il-paragrafu 6 l-ġdid li ġej:

“L-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operaturi tas-siti tal-ħżin tas-CO2 li, wara li jingħalqu, iressqu rapporti ssimplifikati dwar l-emissjonijiet li jkun fihom tal-anqas l-elementi mniżżlin fis-sottoparagrafi (1) u (9), jekk il-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra ma jkun jinkludi l-ebda sors tal-emissjonijiet.”

9.

Fi tmiem it-Taqsima 9 għandu jiżdied il-paragrafu l-ġdid li ġej:

“Għall-attivitajiet tal-qbid, tal-ġarr u tal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 għandu jinżamm it-tagħrif addizzjonali li ġej:

fejn ikun applikabbli, dokumentazzjoni dwar l-ammont ta’ CO2 mitfugħ fil-kumpless tal-ħżin mill-istallazzjonijiet li jkunu qed jaħżnu s-CO2 b’mod ġeoloġiku;

fejn ikun applikabbli, dejta miġbura b’mod rappreżentattiv dwar il-pressjoni u t-temperatura minn netwerk tat-trasport;

fejn ikun applikabbli, kopja tal-permess tal-ħżin, inkluż il-pjan approvat tal-monitoraġġ, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/31/KE;

fejn ikun applikabbli, ir-rapporti mressqin skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/31/KE;

fejn ikun applikabbli, ir-rapporti dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqin skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/31/KE;

fejn ikun applikabbli, id-dokumentazzjoni dwar il-miżuri korrettivi li jkunu ttieħdu skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/31/KE.”

B.

L-Anness XII għandu jinbidel b’dan li ġej:

“ANNESS XII

Linji ta’ gwida biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet jew l-ammont ta’ trasferiment ta’ gassijiet b’effett tas-serra permezz ta’ sistemi ta’ kejl kontinwu

1.   IL-LIMITI U L-KOMPLETEZZA

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness japplikaw għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-attivitajiet kollha koperti mid-Direttiva 2003/87/KE. F’istallazzjoni, l-emissjonijiet jistgħu jseħħu f’diversi sorsi tal-emissjonijiet.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness japplikaw għas-sistemi ta’ kejl kontinwu użati biex jiġu kkalkulati l-flussi tas-CO2 fil-pajpijiet, b’mod partikulari meta dawn jintużaw għat-trasferiment tas-CO2 bejn l-istallazzjonijiet bħal meta dan iseħħ biex is-CO2 jinqabad, jinġarr jew jinħażen b’mod ġeoloġiku. Għal dan il-għan, ir-referenzi għall-emissjonijiet fit-Taqsimiet 6 u 7.2 tal-Anness I għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-ammont ta’ CO2 ttrasferit f’konformità mat-Taqsima 5.7 tal-Anness I.

2.   IL-KALKOLU TAL-EMISSJONIJIET TAL-GASSIJIET B’EFFETT TAS-SERRA

Is-saff nru 1:

Għal kull punt tal-kejl, matul il-perjodu ta’ rrappurtar għandha tintlaħaq inċertezza totali tal-emissjonijiet ġenerali jew tal-fluss tas-CO2 ta’ inqas minn ± 10 %.

Is-saff nru 2:

Għal kull punt tal-kejl, matul il-perjodu ta’ rrappurtar għandha tintlaħaq inċertezza totali tal-emissjonijiet ġenerali jew tal-fluss tas-CO2 ta’ inqas minn ± 7,5 %.

Is-saff nru 3:

Għal kull punt tal-kejl, matul il-perjodu ta’ rrappurtar għandha tintlaħaq inċertezza totali tal-emissjonijiet ġenerali jew tal-fluss tas-CO2 ta’ inqas minn ± 5 %.

Is-saff nru 4:

Għal kull punt tal-kejl, matul il-perjodu ta’ rrappurtar għandha tintlaħaq inċertezza totali tal-emissjonijiet ġenerali jew tal-fluss tas-CO2 ta’ inqas minn ± 2,5 %.

L-approċċ ġenerali:

L-emissjonijiet totali tal-gass b’effett tas-serra (il-GHG) minn sors ta’ emissjoni jew l-ammont tas-CO2 li jgħaddi mill-punt tal-kejl matul il-perjodu ta’ rrappurtar għandhom ikunu kkalkulati billi tintuża l-formola ta’ hawn taħt. F’każ li jkun hemm diversi sorsi tal-emissjonijiet fi stallazzjoni waħda u f’każ li dawn ma jkunux jistgħu jitkejlu bħala sors wieħed, l-emissjonijiet minn dawn is-sorsi tal-emissjonijiet għandhom jitkejlu b’mod separat u għandhom jingħaddu flimkien mal-emissjonijiet totali tal-gass speċifiku matul il-perjodu ta’ rrappurtar fl-istallazzjoni kollha.

Formula

Il-parametri tal-konċentrazzjoni tal-GHGs u tal-fluss tal-gass li joħroġ mit-trombi taċ-ċmieni għandhom jiġu kkalkulati skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 6 tal-Anness I. Għall-kejl tas-CO2 ttrasferit fil-pajpijiet, it-Taqsima 6 tal-Anness I għandha tapplika daqslikieku l-punt tal-kejl kien sors tal-emissjonijiet, kif xieraq. Għat-tali punti tal-kejl ma għandu jkun meħtieġ l-ebda kalkolu li jikkorroborah skont it-Taqsima 6.3(c).

Il-konċentrazzjoni tal-GHGs

Il-konċentrazzjoni tal-GHGs fil-gass li joħroġ mit-trombi taċ-ċmieni tiġi kkalkulata permezz tal-kejl kontinwu f’punt rappreżentattiv. Il-konċentrazzjoni tal-GHGs tista’ titkejjel b’żewġ modi:

IL-METODU A

Il-konċentrazzjoni tal-GHGs titkejjel b’mod dirett.

IL-METODU B

Fil-każ ta’ konċentrazzjonijiet għoljin ferm tal-GHGs, bħal fil-każ tan-netwerks tat-trasport, il-konċentrazzjoni tal-GHGs tista’ tiġi kkalkulata billi jintuża bilanċ tal-massa, filwaqt li jitqiesu l-valuri mkejla tal-konċentrazzjoni tal-komponenti l-oħrajn kollha tan-nixxiegħa tal-gass kif imniżżel fil-pjan tal-monitoraġġ tal-istallazzjoni:

Formula

Il-fluss tal-gass li joħroġ mit-trombi taċ-ċmieni

Il-fluss tal-gass niexef li joħroġ mit-trombi taċ-ċmieni jista’ jkun ikkalkulat billi jintuża wieħed mill-metodi li ġejjin.

IL-METODU A

Il-fluss tal-gass li joħroġ mit-trombi taċ-ċmieni Qe jiġi kkalkulat permezz ta’ metodu tal-bilanċ tal-massa, li jqis il-parametri sinifikanti kollha bħall-piżijiet tal-materjal tad-dħul, il-fluss tal-arja tad-dħul, l-effiċjenza tal-proċess, u, fuq in-naħa tal-produzzjoni, il-produzzjoni tal-prodott, il-konċentrazzjoni tal-O2, u l-konċentrazzjonijiet tas-SO2 u tan-NOx.

Il-metodu speċifiku tal-kalkolu għandu jkun approvat mill-awtorità kompetenti bħala parti mill-evalwazzjoni tal-pjan tal-monitoraġġ u tal-metodoloġija tal-monitoraġġ inkluża fih.

IL-METODU B:

Il-fluss tal-gass li joħroġ mit-trombi taċ-ċmieni Qe jiġi kkalkulat permezz tal-kejl kontinwu tal-fluss f’punt rappreżentattiv.”

C.

Għandu jiżdied l-Anness XVI li ġej:

“ANNESS XVI

Linji ta’ gwida speċifiċi għal attività partikulari biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-attivitajiet tal-qbid tas-CO2 bil-għan li jinġarr u jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1.   IL-LIMITI U L-KOMPLETEZZA

Il-linji ta’ gwida speċifiċi għal attività partikulari inklużi f’dan l-Anness japplikaw għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-qbid tas-CO2.

Il-qbid tas-CO2 jista’ jsir kemm minn stallazzjonijiet apposta li jkunu qed jirċievu s-CO2 permezz ta’ trasferiment minn stallazzjonijiet oħra, jew minn stallazzjonijiet li jkunu qed iwettqu attivitajiet li joħorġu s-CO2 li għandu jinqabad taħt l-istess permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra. Il-partijiet kollha tal-istallazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-għan tal-qbid, il-ħżin intermedjarju, u t-trasferiment tas-CO2 lejn netwerk tat-trasport tas-CO2 jew lejn sit tal-ħżin ġeoloġiku tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra tas-CO2 għandhom ikunu inklużi fil-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra. F’każ li l-istallazzjoni twettaq attivitajiet oħra koperti mid-Direttiva 2003/87/KE, l-emissjonijiet ta’ dawk l-attivitajiet għandhom ikunu mmonitorjati skont l-Annessi rispettivi ta’ dawn il-Linji ta’ gwida.

2.   L-EMISSJONIJIET MILL-ATTIVITAJIET TAL-QBID TAS-CO2

Fil-ħidmiet tal-qbid tas-CO2, is-sorsi potenzjali ta’ emissjonijiet tas-CO2 jinkludu:

is-CO2 ttrasferit lejn l-istallazzjoni tal-qbid;

l-attivitajiet tal-kombustjoni u attivitajiet oħrajn relatati magħhom fl-istallazzjoni (li għandhom x’jaqsmu mal-qbid), jiġifieri l-użu tal-fjuwil u tal-materjal tad-dħul.

3.   IL-KWANTIFIKAZZJONI TAL-AMMONTI TAS-CO2 TTRASFERIT U MAĦRUĠ

3.1.   IL-KWANTIFIKAZZJONI FIL-LIVELL TAL-ISTALLAZZJONI

L-emissjonijiet jiġu kkalkulati billi jintuża bilanċ sħiħ tal-massa, li jqis l-emissjonijiet potenzjali tas-CO2 mill-proċessi rilevanti kollha tal-emissjonijiet fl-istallazzjoni kif ukoll l-ammont ta’ CO2 li jkun inqabad u ġie ttrasferit lejn in-netwerk tat-trasport.

L-emissjonijiet tal-istallazzjoni għandhom jiġu kkalkulati billi tintuża l-formola li ġejja:

Etal-istallazzjoni tal-qbid  = Ttad-dħul  + Emingħajr il-qbid  – Tgħall-ħżin

Fejn:

Etal-istallazzjoni tal-qbid

=

L-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b’effett tas-serra tal-istallazzjoni tal-qbid

Ttad-dħul

=

L-ammont ta’ CO2 ttrasferit lejn l-istallazzjoni tal-qbid, ikkalkulat skont l-Anness XII u t-Taqsima 5.7 tal-Anness I; Jekk l-operatur jista’ juri, b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti, li l-emissjonijiet kollha tas-CO2 tal-istallazzjoni minn fejn ikunu qed joħorġu jkunu qed jiġu ttrasferiti lejn l-istallazzjoni tal-qbid, l-awtorità kompetenti tista’ tħalli lill-operatur juża l-emissjonijiet tal-istallazzjoni minn fejn ikunu qed joħorġu, li jkunu kkalkulati skont l-Annessi I sa XII, minflok ma juża s-CEMS.

Emingħajr il-qbid

=

L-emissjonijiet tal-istallazzjoni li kieku s-CO2 ma jinqabadx, jiġifieri l-għadd totali tal-emissjonijiet mill-attivitajiet l-oħra kollha tal-istallazzjoni, mmonitorjati skont l-Annessi rispettivi;

Tgħall-ħżin

=

L-ammont ta’ CO2 ttrasferit lejn netwerk tat-trasport jew lejn sit tal-ħżin, ikkalkulat skont l-Anness XII u t-Taqsima 5.7 tal-Anness I.

F’każijiet fejn il-qbid tas-CO2 jsir mill-istess stallazzjoni li minnha joriġina s-CO2 li jinqabad, il-valur tat-Ttad-dħul ikun ta’ żero.

Fil-każ ta’ stallazzjonijiet tal-qbid indipendenti, l-Emingħajr il-qbid tirrappreżenta l-ammont ta’ emissjonijiet li jseħħu minn sorsi oħrajn apparti s-CO2 ttrasferit lejn l-istallazzjoni għall-qbid, bħall-emissjonijiet mill-kombustjoni mit-turbini, l-kompressuri u l-ħiters. Dawn l-emissjonijiet jistgħu jiġu kkalkulati b’kalkolu jew b’kejl skont l-Anness xieraq speċifiku għall-attività partikulari.

Fil-każ ta’ stallazzjonijiet tal-qbid indipendenti, l-istallazzjoni li minnha jkun qed jiġi ttrasferit is-CO2 lejn l-istallazzjoni tal-qbid għandha tnaqqas l-ammont tat-Ttad-dħul mill-emissjonijiet tagħha stess.

3.2.   IL-KALKOLU TAS-CO2 TTRASFERIT

L-ammont tas-CO2 ttrasferit mill-istallazzjoni tal-qbid u lejha għandu jkun ikkalkulat skont it-Taqsima 5.7 tal-Anness I permezz ta’ CEMS imwettqa skont l-Anness XII. Bħala minimu, għandu jkun applikat is-saff nru 4 kif iddefinit fl-Anness XII. Huwa biss jekk jintwera, b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti, li dan l-approċċ tas-saff mhuwiex vijabbli b’mod tekniku, li jista’ jintuża s-saff aktar baxx li jmiss għas-sors tal-emissjoni rilevanti.”

D.

Għandu jiżdied l-Anness XVII li ġej:

“ANNESS XVII

Linji ta’ gwida speċifiċi għal attività partikulari biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-ġarr tas-CO2 permezz ta’ pajpijiet biex jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

1.   IL-LIMITI U L-KOMPLETEZZA

Il-limiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet mill-ġarr tas-CO2 permezz tal-pajpijiet huma mniżżlin fil-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra tan-netwerk tat-trasport, inklużi l-istallazzjonijiet kollha mqabbdin b’mod funzjonali man-netwerk tat-trasport, inklużi l-istazzjonijiet bûster (‘booster’) u l-ħiters. Kull netwerk tat-trasport għandu tal-anqas punt tal-bidu u punt tal-aħħar, li kull wieħed minnhom hu mqabbad ma’ stallazzjonijiet oħrajn li jkunu qed iwettqu attività waħda jew iktar mill-qbid, il-ġarr u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2. Il-punti tal-bidu u tal-aħħar jistgħu jinkludu punti fejn in-netwerk tat-trasport jinqasam fi tnejn kif ukoll fruntieri nazzjonali. Il-punti tal-bidu u tal-aħħar, kif ukoll l-istallazzjonijiet li huma mqabbdin magħhom, għandhom jitniżżlu fil-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra.

2.   IL-KWANTIFIKAZZJONI TAL-EMISSJONIJIET TAS-CO2

Waqt il-ġarr tas-CO2 permezz tal-pajpijiet, is-sorsi potenzjali ta’ emissjonijiet tas-CO2 jinkludu:

il-kombustjoni u l-proċessi l-oħrajn fl-istallazzjonijiet imqabbdin b’mod funzjonali man-netwerk tat-trasport, per eż. l-istazzjonijiet bûster;

l-emissjonijiet li jaħarbu min-netwerk tat-trasport;

l-emissjonijiet irrilaxxati apposta min-netwerk tat-trasport;

l-emissjonijiet minn inċidenti ta’ tnixxija fin-netwerk tat-trasport.

Netwerk tat-trasport li jkun qed juża l-Metodu B ta’ hawn taħt ma għandux iżid is-CO2 li jkun irċieva minn stallazzjoni oħra tal-ETS mal-livell ikkalkulat tal-emissjonijiet tiegħu, u ma għandux inaqqas mil-livell ikkalkulat tal-emissjonijiet tiegħu kwalunkwe CO2 li jkun ittrasferit lejn stallazzjoni oħra tal-ETS.

2.1.   L-APPROĊĊI GĦALL-KWANTIFIKAZZJONI

L-operaturi tan-netwerks tat-trasport jistgħu jagħżlu wieħed mill-approċċi li ġejjin:

IL-METODU A:

L-emissjonijiet min-netwerk tat-trasport jiġu kkalkulati billi jintuża bilanċ tal-massa skont il-formola li ġejja:

Formula

Fejn:

L-emissjonijiet

=

L-emissjonijiet kollha tas-CO2 tan-netwerk tat-trasport [t tas-CO2];

Emill-attività tagħha stess

=

L-emissjonijiet mill-attività tan-netwerk tat-trasport stess (jiġifieri mhux li jkunu ġejjin mis-CO2 li jkun inġarr), bħal dawk mill-użu tal-fjuwil fl-istazzjonijiet bûster, immonitorjati skont l-Annessi rispettivi ta’ dawn il-Linji ta’ gwida;

TTAD-DĦUL,i

=

L-ammont ta’ CO2 ttrasferit lejn in-netwerk tat-trasport fil-punt tad-dħul i, ikkalkulat skont l-Anness XII u t-Taqsima 5.7 tal-Anness I;

TTAL-ĦRUĠ,j

=

L-ammont ta’ CO2 ttrasferit ‘il barra min-netwerk tat-trasport fil-punt tal-ħruġ j, ikkalkulat skont l-Anness XII u t-Taqsima 5.7 tal-Anness I.

IL-METODU B:

L-emissjonijiet għandhom jiġu kkalkulati billi jitqiesu l-emissjonijiet potenzjali tas-CO2 mill-proċessi rilevanti kollha tal-emissjonijiet fl-istallazzjoni kif ukoll l-ammont ta’ CO2 li jkun inqabad u ġie ttrasferit lejn il-faċilità tat-trasport, billi tintuża l-formola li ġejja:

L-emissjonijiet [t tas-CO2]= CO2 maħrub + CO2 irrilaxxat apposta + CO2 mill-avvenimenti tat-tnixxija + CO2 mill-istallazzjonijiet

Fejn:

L-emissjonijiet

=

L-emissjonijiet kollha tas-CO2 tan-netwerk tat-trasport [t tas-CO2];

CO2 maħrub

=

L-ammont ta’ emissjonijiet li jaħarbu [t tas-CO2] mis-CO2 li jkun inġarr lejn in-netwerk tat-trasport, inklużi mis-siġilli, mill-valvijiet, mill-istazzjonijiet tal-kumpressuri intermedjarji u mill-faċilitajiet tal-ħżin intermedjarji;

CO2 irrilaxxat apposta

=

L-ammont ta’ emissjonijiet irrilaxxati apposta [t tas-CO2] mis-CO2 li jkun inġarr lejn in-netwerk tat-trasport;

CO2 mill-avvenimenti tat-tnixxija

=

L-ammont ta’ CO2 [t tas-CO2] li jkun inġarr lejn in-netwerk tat-trasport, u li jkun maħruġ minħabba li komponent wieħed jew iktar tan-netwerk tat-trasport ma jibqax jaħdem sew;

CO2 mill-istallazzjonijiet

=

L-ammont ta’ CO2 [t tas-CO2] li jkun qed jinħareġ mill-kombustjoni jew mill-proċessi l-oħrajn imqabbdin b’mod funzjonali mal-ġarr permezz tal-pajpijiet fin-netwerk tat-trasport, immonitorjat skont l-Annessi rispettivi ta’ dawn il-Linji ta’ gwida.

2.2.   IR-REKWIŻITI TAL-KWANTIFIKAZZJONI

Huwa u jagħżel liema wieħed mill-Metodi A u B sejjer jintuża, l-operatur għandu juri lill-awtorità kompetenti li l-metodoloġija magħżula sejra twassal għal riżultati li huma iktar ta’ min joqgħod fuqhom u b’inqas inċertezza dwar l-emissjonijiet ġenerali, u bl-użu tal-aqwa teknoloġija u għarfien disponibbli meta jressaq l-applikazzjoni għall-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra, mingħajr ma jwassal għal spejjeż mhux raġonevoli. Jekk jintgħażel il-Metodu B, l-operatur għandu juri, b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompententi, li l-inċertezza ġenerali tal-livell annwali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra tan-netwerk tat-trasport tiegħu mhix se taqbeż is-7,5 %.

2.2.1   IR-REKWIŻITI SPEĊJALI GĦALL-METODU A

L-ammont tas-CO2 ttrasferit min-netwerk tat-trasport u lejh għandu jkun ikkalkulat skont it-Taqsima 5.7 tal-Anness I permezz ta’ CEMS imwettqa skont l-Anness XII. Bħala minimu, għandu jkun applikat is-saff nru 4 kif iddefinit fl-Anness XII. Huwa biss jekk jintwera, b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti, li dan l-approċċ tas-saff mhuwiex vijabbli b’mod tekniku, li jista’ jintuża s-saff aktar baxx li jmiss għas-sors tal-emissjoni rilevanti.

2.2.2   IR-REKWIŻITI SPEĊJALI GĦALL-METODU B:

2.2.2.1   L-emissjonijiet mill-kombustjoni

L-emissjonijiet potenzjali mill-kombustjoni mill-użu tal-fjuwil għandhom ikunu mmonitorjati skont l-Anness II.

2.2.2.2   L-emissjonijiet li jaħarbu min-netwerk tat-trasport

L-emissjonijiet li jaħarbu jinkludu l-emissjonijiet mit-tipi ta’ tagħmir li ġejjin:

is-siġilli;

l-apparati tal-kejl;

il-valvijiet;

l-istazzjonijiet tal-kumpressuri intermedjarji;

il-faċilitajiet tal-ħżin intermedjarji.

Meta tinbeda l-ħidma, u sa mhux aktar tard minn tmiem l-ewwel sena ta’ rrappurtar li fiha n-netwerk tat-trasport ikun qed jitħaddem, l-operatur għandu jiddeċiedi dwar il-fatturi medji tal-emissjonijiet, FE, (espressi fi gr. tas-CO2 għal kull unità tal-ħin) għal kull biċċa tagħmir jew kull avveniment li jista’ jagħti lok għall-ħrib tal-emissjonijiet. L-operatur għandu jirrevedi dawn il-fatturi tal-anqas kull ħames snin fid-dawl tal-aqwa tekniki disponibbli f’dan il-qasam.

L-emissjonijiet totali għandhom jiġu kkalkulati billi l-għadd ta’ bċejjeċ ta’ tagħmir f’kull kategorija jkun immultiplikat bil-fattur tal-emissjoni u billi r-riżultati tal-kategoriji separati jingħaddu flimkien kif muri fil-formola ta’ hawn taħt:

Formula

L-għadd ta’ avvenimenti huwa l-għadd tal-bċejjeċ tat-tagħmir partikulari għal kull kategorija, immultiplikat bl-għadd ta’ unitajiet tal-ħin fis-sena.

2.2.2.3   L-emissjonijiet mill-avvenimenti tat-tnixxija

L-operatur tan-netwerk tat-trasport għandu jipprovdi evidenza dwar l-integrità tan-netwerk billi juża dejta rappreżentattiva dwar il-pressjoni u t-temperatura (li tkun relatata maż-żmien u mal-post). Jekk id-dejta tkun turi li seħħet tnixxija, l-operatur għandu jikkalkula l-ammont ta’ CO2 mnixxi billi juża metodoloġija xierqa ddokumentata fil-pjan tal-monitoraġġ, ibbażata fuq il-linji ta’ gwida tal-industrija għall-aqwa prassi, per eżempju billi juża d-differenzi fid-dejta dwar it-temperatura u l-pressjoni meta mqabbla mal-valuri medji għall-pressjoni u għat-temperatura relatati mal-integrità tas-sistema.

2.2.2.4   L-emissjonijiet irrilaxxati apposta

Fil-pjan tal-monitoraġġ, l-operatur għandu jipprovdu analiżi ta’ sitwazzjonijiet potenzjali fejn ikun hemm ir-rilaxx apposta tal-emissjonijiet, inkluż għal raġunijiet ta’ manutenzjoni u ta’ emerġenzi, u għandu jipprovdi metodoloġija xierqa ddokumentata, ibbażata fuq il-linji ta’ gwida tal-industrija għall-aqwa prassi, sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ CO2 li jkun ġie rrilaxxat apposta.

2.2.2.5   Validazzjoni tar-riżultat tal-kalkolu tal-emissjonijiet li jaħarbu u tal-emissjonijiet imnixxija

Minħabba li l-monitoraġġ tas-CO2 ttrasferit lejn in-netwerk tat-trasport u ‘l barra minnu se jitwettaq fi kwalunkwe każ għal raġunijiet kummerċjali, l-operatur tan-netwerk tat-trasport għandu juża l-Metodu A tal-anqas darba fis-sena sabiex jivvalida r-riżultati tal-Metodu B. F’dan ir-rigward, għall-kejl tas-CO2 ttrasferit jistgħu jintużaw is-saffi iktar baxxi ddefiniti fl-Anness XII.”

E.

Għandu jiżdied l-Anness XVIII li ġej:

“L-ANNESS XVIII

Linji ta’ gwida speċifiċi għal attività partikulari biex is-CO2 jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

1.   IL-LIMITI

Il-limiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet mill-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 għandhom ikunu speċifiċi għas-sit u għandhom ikunu bbażati fuq id-delimitazzjoni tas-sit tal-ħżin u tal-kumpless tal-ħżin kif speċifikata fil-permess skont id-Direttiva 2009/31/KE. Is-sorsi kollha tal-emissjonijiet mill-faċilità tal-injezzjoni tas-CO2 għandhom ikunu inklużi fil-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra. Meta jkunu identifikati tnixxijiet mill-kumpless tal-ħżin u dawn iwasslu għal emissjonijiet jew għal rilaxxi tas-CO2 għal ġol-kolonna tal-ilma, dawn għandhom ikunu inklużi bħala sorsi tal-emissjonijiet għall-istallazzjoni rispettiva sakemm ikunu ttieħdu miżuri korrettivi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/31/KE u l-emissjonijiet jew ir-rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma minn dik it-tnixxija ma jibqgħux jinsabu iktar.

2.   IL-KALKOLU TAL-EMISSJONIJIET TAS-CO2

Is-sorsi potenzjali tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 jinkludu:

l-użu tal-fjuwil fl-istazzjonijiet bûster u f’attivitajiet oħrajn tal-kombustjoni bħal fl-impjanti tal-enerġija fuq il-post;

ir-rilaxx apposta fil-ħidmiet tal-injezzjoni jew tal-irkupru mtejjeb tal-idrokarbonju;

l-emissjonijiet li jaħarbu waqt l-injezzjoni;

is-CO2 li joħroġ mill-ħidmiet tal-irkupru mtejjeb tal-idrokarbonju;

it-tnixxijiet.

Sit tal-ħżin ma għandux iżid is-CO2 li jkun irċieva minn stallazzjoni oħra mal-livell ikkalkulat tal-emissjonijiet tiegħu, u ma għandux inaqqas mil-livell ikkalkulat tal-emissjonijiet tiegħu kwalunkwe CO2 li jkun ittrasferit lejn stallazzjoni oħra jew li jkun inħażen b’mod ġeoloġiku fis-sit tal-ħżin.

2.1   L-EMISSJONIJIET MILL-UŻU TAL-FJUWIL

L-emissjonijiet mill-kombustjoni minn attivitajiet li jseħħu ‘l fuq mill-art għandhom ikunu kkalkulati skont l-Anness II.

2.2   L-EMISSJONIJIET IRRILAXXATI APPOSTA U L-EMISSJONIJIET LI JAĦARBU MILL-PROĊESS TAL-INJEZZJONI

L-emissjonijiet mir-rilaxx apposta u l-emissjonijiet li jaħarbu għandhom ikunu kkalkulati kif ġej:

CO2 maħruġ [t tas-CO2] = V CO2 [t tas-CO2] + F CO2 [t tas-CO2]

Fejn:

V CO2 = l-ammont ta’ CO2 rrilaxxat apposta

F CO2 = l-ammont ta’ CO2 mill-emissjonijiet li jaħarbu

Il-V CO2 għandu jkun ikkalkulat billi tintuża CEMS skont l-Anness XII ta’ dawn il-Linji ta’ gwida. Jekk l-applikazzjoni tas-CEMS twassal għal spejjeż mhux raġonevoli, l-operatur jista’ jinkludi metodoloġija xierqa fil-pjan tal-monitoraġġ ibbażata fuq l-aqwa prassi tal-industrija, u suġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti.

L-F CO2 għandu jitqies bħala sors wieħed. Dan ifisser li r-rekwiżiti tal-inċertezza tal-Anness XII u tat-Taqsima 6.2 tal-Anness I japplikaw għall-valur totali u mhux għall-punti individwali tal-emissjonijiet. Fil-pjan tal-monitoraġġ, l-operatur għandu jipprovdi analiżi tas-sorsi potenzjali tal-emissjonijiet li jaħarbu, u għandu jipprovdi metodoloġija xierqa ddokumentata, ibbażata fuq il-linji ta’ gwida tal-industrija għall-aqwa prassi, sabiex jiġi kkalkulat jew imkejjel l-ammont tal-F CO2. Sabiex jiġi kkalkulat l-F CO2, tista’ tintuża d-dejta dwar il-faċilità tal-injezzjoni miġbura skont l-Artikolu 13 u skont il-paragrafu 1.1(e) sa (h) tal-Anness II tad-Direttiva 2009/31/KE, f’każ li din tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn il-Linji ta’ gwida.

2.3.   L-EMISSJONIJIET IRRILAXXATI APPOSTA U L-EMISSJONIJIET LI JAĦARBU MILL-ĦIDMIET TAL-IRKUPRU MTEJJEB TAL-IDROKARBONJU

Wisq probabbli, l-użu tal-irkupru mtejjeb tal-idrokarbonju (EHR) flimkien mal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, jipprovdi sors ieħor tal-emissjonijiet, jiġifieri l-ħruġ tas-CO2 mal-idrokarboni prodotti. Is-sorsi addizzjonali tal-emissjonijiet mill-ħidmiet tal-EHR jinkludu:

l-unitajiet għas-separazzjoni taż-żejt u tal-gass u l-impjant tar-riċiklaġġ tal-gass, li fihom jista’ jkun hemm emissjonijiet li jaħarbu;

iċ-ċumnija t-twila fejn jitqabbad il-gass, fejn jistgħu jseħħu emissjonijiet minħabba li jiġu applikati sistemi ta’ tindif pożittiv kontinwu u waqt li tkun qed titnaqqas il-pressjoni atmosferika tal-istallazzjoni tal-produzzjoni tal-idrokarboni;

is-sistema ta’ tindif tas-CO2, sabiex jiġi evitat li konċentrazzjonijiet għoljin tas-CO2 jitfu n-nar.

Kwalunkwe emissjoni li taħrab li sseħħ, normalment terġa’ tiddawwar lejn sistema taż-żamma tal-gass, lejn in-nar jew lejn sistema tat-tindif tas-CO2. Kwalunkwe tali emissjonijiet jew CO2 rrilaxxat apposta, per eżempju mis-sistema tat-tindif tas-CO2, għandu jiġi kkalkulat skont it-Taqsima 2.2 ta’ dan l-Anness.

L-emissjonijiet miċ-ċumnija t-twila fejn jitqabbad il-gass għandhom jiġu kkalkulati skont l-Anness II, filwaqt li jitqies is-CO2 potenzjali inerenti fil-gass taċ-ċumnija.

3.   IT-TNIXXIJA MILL-KUMPLESS TAL-ĦŻIN

Għandu jinbeda l-monitoraġġ f’każ li kwalunkwe tnixxija twassal għal emissjonijiet jew għal rilaxxi għal ġol-kolonna tal-ilma. L-emissjonijiet li ġejjin minn rilaxx tas-CO2 għal ġol-kolonna tal-ilma għandhom jitqiesu li huma daqs l-ammont irrilaxxat għal ġol-kolonna tal-ilma.

Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet jew tar-rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma minn tnixxija għandu jitkompla sakemm jittieħdu miżuri korrettivi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/31/KE u sakemm l-emissjonijiet jew ir-rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma ma jibqgħux jinsabu iktar.

L-emissjonijiet u r-rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma għandhom ikunu kkwantifikati kif ġej:

Formula

Fejn:

L CO2

=

il-massa tas-CO2 maħruġ jew irrilaxxat kull jum kalendarju minħabba t-tnixxija. Għal kull jum kalendarju li għalih tkun immonitorjata t-tnixxija, din għandha tiġi kkalkulata bħala l-medja tal-massa mnixxija fis-siegħa [t tas-CO2 fis-siegħa] immultiplikata b’24. Il-massa mnixxija fis-siegħa għandha tiġi kkalkulata skont id-dispożizzjonijiet tal-pjan approvat tal-monitoraġġ għas-sit tal-ħżin u għat-tnixxija. Għal kull jum kalendarju qabel ma jinbeda l-monitoraġġ, il-massa mnixxija kull jum għandha titqies li hi daqs il-massa mnixxija kull jum imkejla fl-ewwel jum tal-monitoraġġ.

Ttal-bidu

=

l-iktar data riċenti minn fost dawn li ġejjin:

(a)

l-aħħar data meta ma kienet irrappurtata l-ebda emissjoni jew rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma mis-sors ikkonċernat;

(b)

id-data meta nbdiet l-injezzjoni tas-CO2;

(c)

data oħra, li l-awtorità kompetenti għandha evidenza li tissodisfaha li qabilha ma setgħetx tkun bdiet l-emissjoni jew ir-rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma.

Ttat-tmiem

=

id-data sa meta jkunu ttieħdu miżuri korrettivi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/31/KE u sa meta ma jkunux jibqgħu jinsabu iktar emissjonijiet jew rilaxxi għal ġol-kolonna tal-ilma.

Jistgħu jiġu applikati metodi oħrajn għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet jew tar-rilaxx għal ġol-kolonna tal-ilma mit-tnixxijiet jekk dawn ikunu approvati mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi li huma iktar preċiżi mill-metodu ta’ hawn fuq.

L-ammont tal-emissjonijiet imnixxija mill-kumpless tal-ħżin għandu jkun ikkwantifikat għal kull avveniment tat-tnixxija li jkollu inċertezza massima ġenerali matul il-perjodu ta’ rrapurtar ta’ ± 7,5 %. F’każ li l-inċertezza ġenerali tal-approċċ tal-kwantifikazzjoni applikat tkun ta’ iktar minn ± 7,5 %, għandu jkun applikat aġġustament, kif ġej:

CO2,Irrappurtat [t tas-CO2] = CO2,Ikkwantifikat [t tas-CO2] × (1 + (L-inċertezzaTas-sistema [%]/100) – 0,075)

Fejn:

CO2,Irrappurtat

:

L-ammont tas-CO2 li għandu jkun inkluż fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnixxija kkonċernata;

CO2,Ikkwantifikat

:

L-ammont tas-CO2 kkalkulat permezz tal-metodu tal-kwantifikazzjoni użat għat-tnixxija kkonċernata;

L-inċertezzaTas-sistema

:

Il-livell ta’ inċertezza li huwa marbut mal-metodu tal-kwantifikazzjoni użat għat-tnixxija kkonċernata, ikkalkulat skont it-Taqsima 7 tal-Anness I ta’ dawn il-linji ta’ gwida.”


Top