EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0494

2009/494/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2009 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fil-Kroazja u l-Iżvizzera (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4977) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 166, 27.6.2009, p. 74–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 060 P. 112 - 114

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/11/2013; Imħassar b' 32013D0657

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/494/oj

27.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/74


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fil-Kroazja u l-Iżvizzera

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4977)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/494/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistipula l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 22(1) u (6) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (3) jipprevedi kundizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjonijiet lejn u fi tranżitu fil-Komunità ta’ tjur ta’ ċerti prodotti tat-tjur. Għaċ-ċarezza u l-konsistenza tar-regoli Komunitarji, huwa xieraq li d-definizzjonijiet ta’ tjur u bajd li jfaqqsu f’dak ir-Regolament jitqiesu għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007 tat-23 ta’ Marzu 2007 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom (4) jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet ta’ ċerti għasafar fil-Komunità minn pajjiżi terzi u partijiet minnhom. F’ġieħ iċ-ċarezza u l-konsistenza tar-regoli Komunitarji, huwa xieraq li titqies id-definizzjoni ta’ għasafar f’dak ir-Regolament għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/265/KE tal-31 ta’ Marzu 2006 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien li għandhom x’jaqsmu ma’ suspett ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fl-Iżvizzera (5) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/533/KE tat-28 ta’ Lulju 2006 li tirrigwarda ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja fil-Kroazja (6) ġew adottati wara sejbiet pożittivi għal influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 f’għasafar selvaġġi f’dawk iż-żewġ pajjiżi terzi. Dawk id-Deċiżjonijiet stipulaw li l-Istati Membri jridu jissospendu l-importazzjonijiet minn ċerti partijiet tal-Kroazja u l-Iżvizzera ta’ tjur ħaj, ratiti, tjur tal-priża tal-irziezet jew selvaġġi u ċerti għasafar ħajjin oħra inklużi għasafar bħala annimali domestiċi u bajd għat-tfaqqis ta’ dawk l-ispeċi, kif ukoll ta’ ċerti prodotti ta’ għasafar. Id-Deċiżjonijiet 2006/265/KE u 2006/533/KE ġew ikkonsolidati f’att wieħed u l-miżuri baqgħu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2009 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/555/KE tas-26 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fil-Kroazja u l-Iżvizzera (7).

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità (8) tistipula ċerti miżuri ta’ bijosikurezza u restrizzjoni biex dik il-marda ma titħalliex tinxtered, fosthom permezz tat-twaqqif ta’ żoni A u B wara tifqigħa suspettata jew konfermata tal-marda fit-tjur.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Decision 2006/563/KE tal-11 ta’ Awwissu 2006 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien b’rabta mal-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna tas-sottotip H5N1 fi tjur selvaġġ fil-Komunità (9) tistipula ċerti miżuri ta’ protezzjoni biex dik il-marda ma titħalliex tinxtered minn għasafar selvaġġi għal tjur inklużi, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, it-twaqqif ta’ żoni ta’ kontroll u monitoraġġ filwaqt li jitqiesu l-fatturi epidemjoloġiċi, ġeografiċi u ekoloġiċi wara sejba pożittiva ssuspettata jew ikkonfermata għal dik il-marda fl-għasafar selvaġġi.

(6)

Il-Kroazja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz qed japplikaw miżuri ta’ ħarsien li huma ekwivalenti għal dawk applikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif stipulat mid-Deċiżjoni 2006/563/KE, meta tkun issuspettata jew ikkonfermata influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 f’għasafar selvaġġi u li se tinnotifika mill-ewwel lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidliet futuri fl-istat tas-saħħa tal-annimali tagħha, inkluż b’mod speċifiku kwalunkwe sejbiet pożittivi ta’ dik il-marda f’għasafar selvaġġi.

(7)

L-Iżvizzera nnotifikat lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz qed japplikaw miżuri ta’ ħarsien li huma ekwivalenti għal dawk applikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif stipulat mid-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2006/563/KE, meta tkun issuspettata jew ikkonfermata influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fi tjur jew għasafar selvaġġi u li se tinnotifika mill-ewwel lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidliet futuri fl-istat tas-saħħa tal-annimali tagħha, inkluż b’mod speċifiku kwalunkwe tifqigħat jew sejbiet pożittivi ta’ dik il-marda fi tjur jew għasafar selvaġġi. Għandu jitqies ukoll il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli (10).

(8)

Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Istati Membri u tgħaddilhom kwalunkwe tagħrif bħal dan li jkun waslilha mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja u l-Iżvizzera.

(9)

Fid-dawl tal-qagħda epidemjoloġika ta’ bħalissa fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fil-Komunità u f’pajjiżi terzi, u fid-dawl tal-garanziji li tat il-Kroazja, huwa xieraq li f’każ ta’ sejba pożittiva ta’ dik il-marda f’għasfur selvaġġ fit-territorju tal-Kroazja, il-miżuri ta’ protezzjoni tal-Komunità li jikkonċernaw dak il-pajjiż jiġu applikati biss f’dawk il-partijiet tal-Kroazja fejn l-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż tapplika miżuri ta’ protezzjoni ekwivalenti kif stipulat fid-Deċiżjoni 2006/563/KE.

(10)

Fid-dawl tal-garanziji li tat l-Iżvizzera, huwa xieraq li f’każ ta’ sejba pożittiva ta’ influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 f’għasfur selvaġġ jew tifqigħa ta’ dik il-marda fi tjur fit-territorju tal-Iżvizzera, il-miżuri ta’ protezzjoni li jikkonċernaw dak il-pajjiż jiġu applikati biss f’dawk il-partijiet tal-Iżvizzera fejn l-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż tapplika miżuri ta’ protezzjoni ekwivalenti kif stipulat fid-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2006/563/KE.

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi (11), tistipula lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati, u tistabbilixxi reġimi ta’ trattament li huma meqjusa effettivi fid-diżattivazzjoni tal-patoġeni rispettivi. Bħala prevenzjoni tar-riskju tat-teħid tal-mard permezz ta’ prodotti bħal dawn, jeħtieġ li jiġi applikat trattament adegwat skont l-istat ta’ saħħa tal-pajjiż tal-oriġini u l-ispeċi li minnha jinkisbu l-prodotti. Għalhekk huwa xieraq li għandha tingħata deroga mid-dispożizzjoni li tissospendi l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-laħam ta’ tajr tal-priża selvaġġ li joriġinaw mill-Kroazja u l-Iżvizzera, sakemm il-prodotti jkunu ġew ittrattati f’temperatura ta’ mill-inqas 70 °C għall-prodotti kollha.

(12)

Id-Deċiżjoni 2008/555/KE hija applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2009. Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li għaddejja, huwa xieraq li l-miżuri stipulati fiha jiġu estiżi sat-30 ta’ Diċembru 2010.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjonijiet jew l-introduzzjoni fil-Komunità minn dik il-parti tat-territorju tal-Kroazja msemmija fil-paragrafu 2(a) u minn dik il-parti tat-territorju tal-Iżvizzera msemmija fil-paragrafu 2(b) tal-prodotti li ġejjin:

(a)

tajr, kif imfisser fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 798/2008;

(b)

bajd tat-tifqis, kif imfisser fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 798/2008;

(c)

għasafar, kif imfisser fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 u l-bajd tat-tifqis tagħhom;

(d)

laħam, kapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam separat mekkanikament ta’ tajr tal-priża selvaġġ;

(e)

prodotti tal-laħam magħmulin minn, jew li fihom laħam tat-tajr tal-priża selvaġġ;

(f)

ikel nej għall-annimali domestiċi u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti minn tajr tal-priża selvaġġ;

(g)

trofej tal-kaċċa minn kwalunkwe għasfur, li mhumiex trattati.

2.   Is-sospensjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tapplika għall-importazzjonijiet jew l-introduzzjoni fil-Komunità minn:

(a)

fir-rigward tal-Kroazja, iż-żoni kollha tat-territorju tal-Kroazja li għalihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja japplikaw formalment miżuri ta’ protezzjoni li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Deċiżjoni 2006/563/KE;

(b)

fir-rigward tal-Iżvizzera, iż-żoni kollha tat-territorju tal-Iżvizzera li għalihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera japplikaw formalment miżuri ta’ protezzjoni li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2006/563/KE.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1(e), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni u l-introduzzjoni fil-Komunità tal-prodotti tal-laħam li huma magħmula minn, jew li fihom laħam tat-tjur selvaġġ tal-priża bil-kundizzjoni li l-laħam ta’ dawn l-ispeċi jkun għadda minn tal-inqas wieħed mit-trattamenti speċifiċi msemmija fil-punti B, C jew D fil-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri mill-ewwel. Dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(2)  ĠU L 24, 31.1.1998, p. 9.

(3)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 165.

(5)  ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 557.

(6)  ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1023

(7)  ĠU L 179, 8.7.2008, p. 14.

(8)  ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 894.

(9)  ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1087.

(10)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(11)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49.


Top