EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0381

2008/381/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni

OJ L 131, 21.5.2008, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 009 P. 275 - 280

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/381/oj

21.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 131/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Mejju 2008

li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni

(2008/381/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fl-2003 l-Kummissjoni waqqfet azzjoni preparatorja ta’ tlett snin għall-istabbiliment ta’ Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (“EMN”), bil-għan li jipprovdi lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha data dwar il-migrazzjoni li tkun oġġettiva, affidabbli u aġġornata.

(2)

Fil-laqgħa tiegħu f’Tessaloniki f’Ġunju 2003, il-Kunsill Ewropew, b’kunsiderazzjoni ta’ l-importanza tal-monitoraġġ u l-analiżi tal-fenomenu tal-migrazzjoni multidimensjonali, laqa’ fil-Konklużjonijiet tiegħu l-istabbiliment ta’ l-EMN u ddikjara li kien ser jeżamina l-possibbiltà li titwaqqaf struttura permanenti fil-futur.

(3)

Fl-4 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill Ewropew endorsja programm pluriennali għat-tisħiħ taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, magħruf bħala l-Programm ta’ l-Aja, li jappella għall-iżvilupp tat-tieni fażi ta’ politika komuni fil-qasam ta’ l-asil, il-migrazzjoni, il-viżi u l-fruntieri, mill-1 ta’ Mejju 2004, ibbażat, inter alia, fuq kooperazzjoni prattika iktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u skambju ta’ informazzjoni mtejjeb. Il-Programm ta’ l-Aja jirrikonoxxi li “L-iżvilupp li għaddej tal-politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq analiżi komuni tal-fenomeni migratorji fl-aspetti kollha tagħhom. It-tisħiħ tal-ġbir, il-provvediment, l-iskambju u l-użu effiċjenti ta’ informazzjoni u data aġġornata dwar l-iżviluppi migratorji rilevanti kollha hija ta’ importanza ċentrali.”

(4)

Sabiex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati rilevanti dwar il-futur ta’ l-EMN, il-Kummissjoni adottat fit-28 ta’ Novembru 2005“Green Paper dwar il-futur tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni” li, b’żieda mal-valutazzjoni tal-funzjonament ta’ l-EMN matul l-ewwel snin tal-perijodu preparatorju, ittrattat ukoll kwistjonijiet bħall-mandat u l-istruttura futura ta’ l-EMN.

(5)

Il-konsultazzjoni pubblika wriet li ħafna mill-partijiet interessati huma favur il-kontinwazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN u li jinżamm l-objettiv inizjali ta’ l-EMN, li huwa, il-forniment ta’ informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u kumparabbli dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u asil. Deher ukoll li l-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati xtaqu li l-EMN jinżamm marbut mal-Kummissjoni.

(6)

L-EMN għandu jevita li jiddupplika x-xogħol ta’ strumenti jew strutturi eżistenti tal-Komunità li għandhom l-għan li jiġbru u jiskambjaw informazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil u għandu jipprovdi valur miżjud meta mqabbel magħhom, b’mod partikolari permezz tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-kompiti tiegħu, attenzjoni qawwija fuq l-analiżi, rabtiet mal-komunità akkademika u d-disponibbiltà pubblika ta’ l-eżiti tiegħu.

(7)

Fost strumenti u strutturi attwali oħrajn, ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (2) jikkostitwixxi qafas importanti ta’ referenza għall-funzjonament tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni. Għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-ħidma siewja mwettqa miċ-Ċentru ta’ Informazzjoni, Diskussjoni u Skambju dwar il-Qsim ta’ Fruntieri u l-Immigrazzjoni (CIREFI) u lid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2005/267/KE tas-16 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi Netwerk sigur ibbażat fuq il-web dwar l-Informazzjoni u l-Koordinazzjoni għas-Servizzi ta’ Amministrazzjoni tal-Migrazzjoni ta’ l-Istati Membri (3).

(8)

Biex jilħaq l-objettivi tiegħu, l-EMN għandu jkun appoġġat minn “Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali” f’kull Stat Membru. L-attivitajiet tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom ikunu kkoordinati f’livell Komunitarju mill-Kummissjoni, assistita minn fornitur tas-servizz b’kompetenza esperta suffiċjenti biex jorganizza x-xogħol ta’ rutina ta’ l-EMN, inkluża s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tiegħu.

(9)

Sabiex ikun żgurat li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkollhom il-kompetenza esperta meħtieġa biex jittrattaw l-aspetti multipli tal-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u asil, għandhom ikunu ffurmati minn ta’ l-inqas tliet esperti li, individwalment jew flimkien, għandhom kompetenzi fit-tfassil ta’ politika, il-liġi, ir-riċerka u l-istatistika. Dawn l-esperti jistgħu jkunu mill-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri jew minn kwalunkwe organizzazzjoni oħra. Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jkollu wkoll b’mod kollettiv kompetenza esperta adegwata fit-Teknoloġija ta’ l-Informatika, fit-twaqqif ta’ skemi ta’ kollaborazzjoni u ta’ netwerking ma’ organizzazzjonijiet u entitajiet nazzjonali oħrajn, u li jikkollabora f’ambjent multilingwistiku f’livell Ewropew.

(10)

Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jwaqqaf netwerk ta’ migrazzjoni nazzjonali, magħmul minn organizzazzjonijiet u individwi attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil, u li jinkludi, per eżempju, universitajiet, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u riċerkaturi, organizzazzjonijiet governattivi u non-governattivi u organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex jinstemgħu l-partijiet interessati kollha.

(11)

“Bord ta’ Tmexxija” għandu jipprovdi gwida politika lill-EMN, inkluż il-kontribut għat-tħejjija u l-approvazzjoni tal-programm annwali ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN.

(12)

Sabiex tkun żgurata d-disseminazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli ta’ l-informazzjoni prodotta mill-EMN fil-forma ta’ studji u rapporti, tali informazzjoni għandha tkun disponibbli permezz tal-mezzi teknoloġiċi l-iktar avvanzati, inkluż websajt apposta.

(13)

Fejn meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, l-EMN għandu jkun jista’ jistabbilixxi relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ entitajiet oħrajn attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil. Meta jkunu stabbiliti tali relazzjonijiet, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat grad tajjeb ta’ kooperazzjoni ma’ entitajiet fid-Danimarka, l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera, fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, fil-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u fir-Russja.

(14)

L-EMN għandu jkun ikkofinanzjat permezz ta’ għotjiet mill-Kummissjoni, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002; ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(15)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6) għandha titqies fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni ta’ l-EMN.

(16)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit nnotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-addozzjoni u applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

(17)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, l-Irlanda mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(18)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Qiegħed b’dan jiġi stabbilit netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (“EMN”).

2.   L-objettiv ta’ l-EMN għandu jkun li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-migrazzjoni u l-asil, billi jipprovdi informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u kumparabbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, bil-għan li jappoġġa t-tfassil ta’ politika fl-Unjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.

3.   L-EMN għandu jservi wkoll biex jipprovdi informazzjoni dwar dawn is-suġġetti lill-pubbliku in ġenerali.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1, l-EMN għandu:

(a)

jiġbor u jiskambja data u informazzjoni aġġornata u affidabbli minn firxa wiesgħa ta’ sorsi;

(b)

janalizza d-data u l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u jipprovdiha f’format faċilment aċċessibbli;

(ċ)

f’kollaborazzjoni ma’ korpi rilevanti oħrajn ta’ l-UE, jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ indikaturi u kriterji li ser itejbu l-konsistenza ta’ l-informazzjoni u jgħinu fl-iżvilupp ta’ attivitajiet Komunitarji relatati ma’ l-istatistika migratorja;

(d)

jipproduċi u jippubblika rapporti perjodiċi dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fil-Komunità u l-Istati Membri;

(e)

joħloq u jmexxi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet li tipprovdi aċċess għad-dokumenti u pubblikazzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil;

(f)

iżid l-għarfien dwar l-EMN, billi jipprovdi aċċess għall-informazzjoni li jiġbor u jiddissemina l-ħidma ta’ l-EMN, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx ta’ natura kunfidenzjali;

(g)

jikoordina l-informazzjoni u jikkoopera ma’ korpi Ewropej u internazzjonali oħra rilevanti.

2.   L-EMN għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu huma konsistenti u kkoordinati ma’ l-istrumenti u l-istrutturi Komunitarji rilevanti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

L-EMN għandu jkun magħmul minn:

“Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali” magħżula mill-Istati Membri;

Il-Kummissjoni.

Artikolu 4

Bord ta’ Tmexxija

1.   L-EMN għandu jkun immexxi minn Bord ta’ Tmexxija magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentat wieħed tal-Kummissjoni assistit minn żewġ esperti xjentifiċi.

2.   Ir-rappreżentat tal-Kummissjoni għandu jagħmilha ta’ President tal-Bord ta’ Tmexxija.

3.   Kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu vot wieħed, inkluż il-President. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħin.

4.   Rappreżentant tal-Parlament Ewropew jista’ jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu b’mod partikolari:

(a)

jikkontribwixxi għat-tħejjija u l-approvazzjoni tal-programm annwali ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN, inkluż ammont indikattiv tal-baġit minimu u massimu għal kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali, li jiżgura li l-ispejjeż bażiċi li joħorġu mill-funzjonament xieraq tan-Netwerk, f’konformità ma’ l-Artikolu 5, huma koperti, abbażi ta’ abbozz mill-Presidenza;

(b)

jirrevedi l-progress li jkun sar mill-EMN, filwaqt li jirrakkomanda azzjonijiet meħtieġa fejn jingħata l-każ;

(ċ)

jipprovdi rapport ta’ status konċiż lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-attivitajiet għaddejjin ta’ l-EMN u r-riżultati ewlenin ta’ l-istudji tiegħu, ta’ l-inqas darba fis-sena;

(d)

jidentifika r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni strateġika l-aktar xierqa ma’ entitajiet oħrajn kompetenti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u japprova, fejn meħtieġ, l-arranġamenti amministrativi għal tali kooperazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10;

(e)

jagħti pariri lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar kif jistgħu jtejbu l-operazzjonijiet tagħhom, u jgħinhom biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa, meta jiġu identifikati nuqqasijiet persistenti fil-ħidma ta’ Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali li jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-ħidma ta’ l-EMN.

6.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess u jiltaqa’, meta msejjaħ mill-President tiegħu, mill-inqas darbtejn fis-sena.

Artikolu 5

Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jagħżel entità waħda li taġixxi bħala Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħu. Sabiex titħaffef il-ħidma ta’ l-EMN u tkun żgurata l-kisba ta’ l-objettivi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont, fejn meħtieġ, tal-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn ir-rappreżentant tal-Bord ta’ Tmexxija u l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tagħhom.

2.   Il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jikkonsisti minn ta’ l-inqas tliet esperti. Wieħed minn dawn l-esperti, li għandu jagħmilha ta’ koordinatur nazzjonali, għandu jkun uffiċjal jew impjegat ta’ l-entità hekk magħżula. L-esperti l-oħra jistgħu jiġu minn din l-entità stess jew minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati nazzjonali u internazzjonali oħra ibbażati fl-Istat Membru.

3.   L-esperti ta’ kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom kollettivament ikollhom kompetenza esperta fil-qasam ta’ l-asil u l-migrazzjoni, li tkopri l-aspetti ta’ tfassil ta’ politika, liġi, riċerka u statistika.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, dwar liema esperti jiffurmaw parti mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali, filwaqt li jispeċifikaw kif dawn ta’ l-aħħar iwieġbu għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3.

5.   Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom iwettqu l-kompiti ta’ l-EMN f’livell nazzjonali u b’mod partikolari:

(a)

jipprovdu rapporti nazzjonali, inklużi r-rapporti msemmijin fl-Artikolu 9;

(b)

jikkontribwixxu permezz ta’ informazzjoni nazzjonali għas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(ċ)

jiżviluppaw il-kapaċità li joħorġu rikjesti ad hoc u li jwieġbu malajr tali rikjesti minn Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali oħrajn;

(d)

jistabbilixxu netwerk ta’ migrazzjoni nazzjonali, magħmul minn firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet u individwi attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil u li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha. Membri tan-netwerk nazzjonali ta’ migrazzjoni jistgħu jiġu mitluba jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta’ l-EMN, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 8 u 9.

6.   L-esperti ta’ kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu x-xogħol tiegħu, inkluż, kif xieraq, mal-membri rispettivi tan-netwerks nazzjonali għall-migrazzjoni tiegħu msemmi fil-paragrafu 5(d), u biex isir skambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet attwali u futuri.

Artikolu 6

Koordinazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-ħidma ta’ l-EMN, f’konformità wkoll ma’ l-Artikolu 2 (2), u għandha tiżgura li din tirrifletti b’mod xieraq il-prijoritajiet politiċi tal-Komunità fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

2.   Għall-organizzazzjoni tal-ħidma ta’ l-EMN, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn fornitur tas-servizz selezzjonat abbażi ta’ proċedura ta’ akkwist. Il-fornitur tas-servizz għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3), u kull rekwiżit rilevanti ieħor definit mill-Kummissjoni.

3.   Taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, il-fornitur tas-servizz għandu, inter alia:

(a)

jorganizza l-ħidma ta’ kuljum ta’ l-EMN;

(b)

jistabbilixxi u jmexxi s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(ċ)

jikkordina l-kontributi mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali;

(d)

jħejji l-laqgħat imsemmijin fl-Artikolu 7;

(e)

jħejji l-kumpilazzjonijiet u s-sinteżi tar-rapporti u l-istudji msemmijin fl-Artikolu 9.

4.   Wara konsultazzjoni mal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta’ l-objettiv ġenerali u l-kompiti definiti fl-Artikoli 1 u 2, tadotta l-programm annwali ta’ attivitajiet ta’ l-EMN. Il-programm għandu jispeċifika l-objettivi u l-prijoritajiet tematiċi. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-programm annwali ta’ attivitajiet u tirrapporta regolarment dwar l-eżekuzzjoni tiegħu u l-iżvilupp ta’ l-EMN lill-Bord ta’ Tmexxija.

5.   B’segwitu tal-parir mogħti mill-Bord ta’ Tmexxija msemmi fl-Artikolu 4 (5) (e), il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa abbażi tal-ftehim ta’ għotjiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-programm annwali ta’ attivitajiet ta’ l-EMN, tiddetermina l-ammonti indikattivi disponibbli għal għotjiet u kuntratti fil-qafas ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament skond l-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħti għotjiet ta’ ħidma lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali li jissodisfaw ir-rekwiżiti mniżżlin fl-Artikolu 5 (2) u (3) abbażi ta’ l-applikazzjonijiet individwali ta’ għotjiet ppreżentati mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali. Il-kofinanzjament Komunitarju massimu huwa stabbilit għal 80 % tat-total ta’ l-ispiża eliġibbli.

8.   L-għotjiet, f’konformità ma’ l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Nru 1605/2002 (KE, Euratom) ma għandhomx ikunu soġġetti għall-prinċipju ta’ tnaqqis gradwali meta jiġġeddu.

Artikolu 7

Laqgħat

1.   Normalment, l-EMN għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet f’sena.

2.   Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jkunu rrappreżentat fil-laqgħat ta’ l-EMN mill-inqas minn espert wieħed tagħhom. Mhux iktar minn tliet esperti minn kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jattendu l-laqgħat.

3.   Il-laqgħat ta’ l-EMN għandhom jissejħu u jiġu ppresjeduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

4.   L-għan tal-laqgħat perjodiċi ta’ l-EMN għandu jkun:

(a)

li jippermettu lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jiskambjaw tagħrif u esperjenza, b’mod partikolari rigward it-tħaddim ta’ l-EMN;

(b)

li jirrevedu l-progress fil-ħidma ta’ l-EMN, u b’mod partikolari fit-tħejjija tar-rapporti u studji msemmija fl-Artikolu 9;

(ċ)

jiskambjaw informazzjoni u fehmiet, b’mod partikolari dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni, il-kontenut ta’ u l-aċċess għall-informazzjoni disponibbli msemmija fl-Artikolu 8;

(d)

li jipprovdu bażi soda għad-diskussjoni ta’ problemi prattiċi u legali li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-qasam tal-migrazzjoi u l-asil, b’mod partikolari d-diskussjoni tar-rikjesti ad hoc imsemmija fl-Artikolu 5(5)(ċ);

(e)

li jikkonsultaw il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali rigward l-iżvilupp tal-programm annwali ta’ attivitajiet ta’ l-EMN imsemmi fl-Artikolu 6(4).

5.   Esperti u entitajiet li mhumiex membri ta’ l-EMN jistgħu jkunu mistiedna għal-laqgħat tiegħu jekk il-preżenza tagħhom tkun ikkunsidrata li hija mixtieqa. Jistgħu jiġu organizzati wkoll laqgħat konġunti ma’ netwerks jew organizzazzjonijiet oħrajn.

6.   L-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 5, jekk ma jkunux ippjanati fil-programm annwali ta’ l-attivitajiet ta’ l-EMN, għandhom ikunu kkomunikati lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali fi żmien debitu.

Artikolu 8

Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni

1.   Għandha tiġi stabbilita f’konformità ma’ dan l-Artikolu sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażata fuq l-Internet, li tkun aċċessibbli permezz ta’ websajt apposta.

2.   Il-kontenut ta’ din is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għandu jkun normalment pubbliku.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (7), l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali għandu jkun ristrett għall-membri ta’ l-EMN biss.

3.   Is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għandha tikkonsisti ta’ l-inqas mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-aċċess għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali, il-ġurisprudenza u l-iżviluppi ta’ politika fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil;

(b)

funzjonalità għal rikjesti ad hoc, kif imsemmi fl-Artikolu 5(5)(ċ);

(ċ)

Glossarju u teżawru tal-migrazzjoni u l-asil;

(d)

aċċess dirett għall-pubblikazzjonijiet kollha ta’ l-EMN, inklużi r-rapporti u l-istudji msemmijin fl-Artikolu 9, kif ukoll ċirkolari regolari;

(e)

direttorju ta’ riċerkaturi u istituzzjonijiet ta’ riċerka fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

4.   Għal raġunijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni imsemmi fil-paragrafu 3, l-EMN jista’, fejn meħtieġ, iżid il-kollegamenti għal siti oħra fejn tkun tinsab l-informazzjoni oriġinali.

5.   Il-websajt apposta għandu jiffaċilita l-aċċess għal inizjattivi kumparabbli ta’ informazzjoni pubblika fi kwistjonijiet relatati u għal siti li fihom informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi.

Artikolu 9

Rapporti u studji

1.   Kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu ta’ kull sena joħroġ rapport li jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u l-asil fl-Istat Membru, li għandu jinkludi żviluppi dwar linji politiċi u data dwar statistika.

2.   Il-programm annwali ta’ attivitajiet għandu jinkludi t-tħejjija minn kull Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ studji oħrajn, skond speċifikazzjonijiet komuni, li jkopru kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-migrazzjoni u l-asil meħtieġa għall-appoġġ tat-tfassil ta’ politika.

Artikolu 10

Kooperazzjoni ma’ entitajiet oħrajn

1.   L-EMN għandu jikkoopera ma’ l-entitajiet fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi terzi, inklużi aġenziji ta’ l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali, kompetenti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil.

2.   L-arranġamenti amministrattivi għall-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li jistgħu ikunu jinkludu fejn meħtieġ il-konklużjoni mill-Kummissjoni ta’ ftehim f’isem il-Komunità, għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 11

Riżorsi Baġitarji

Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-azzjonijiet previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 12

Implimentazzjoni tal-baġit

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju Komunitarju skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 13

Reviżjoni

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport, ibbażat fuq evalwazzjoni esterna u indipendenti, dwar l-iżvilupp ta’ l-EMN. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti għal emendi.

Artikolu 14

Pubblikazzjoni u Data ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  Opinjoni ta’ l-10 ta’ April 2008, għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

(3)  ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolment (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


Top