EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0533

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat- 12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II)

OJ L 205, 7.8.2007, p. 63–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 006 P. 85 - 106

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2023; Imħassar b' 32018R1862

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/533/oj

7.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/63


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/533/ĠAI

tat-12 ta’ Ġunju 2007

dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 30(1)(a) u (b), l-Artikoli 31 (1)(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Is-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen stabbilita skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ verifiki fil-fruntieri komuni tagħhom (2), u l-iżvilupp tagħha, SIS 1+, tikkostitwixxi għodda essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif inhu integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea.

(2)

L-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-SIS (3) ġie fdat lill-Kummissjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) (4). Is-SIS II ser tissostitwixxi s-SIS kif maħluqa skond il-Konvenzjoni ta’ Schengen.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-bażi leġislattiva meħtieġa biex is-SIS II tiġi regolata dwar materji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ it-“Trattat ta’ l-UE”). Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-SIS II (5) jikkostitwixxi l-bażi leġislattiva meħtieġa biex is-SIS II tiġi regolata dwar materji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-“Trattat”).

(4)

Il-fatt li l-bażi leġislattiva meħtieġa biex is-SIS II tiġi regolata tikkonsisti minn strumenti separati ma jaffettwax il-prinċipju li s-SIS II tikkostitwixxi sistema waħda unika ta’ informazzjoni li għandha taħdem b’dan il-mod. Ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti għandhom għalhekk ikunu identiċi.

(5)

Is-SIS II għandha tikkostitwixxi miżura kumpensatorja li tikkontribwixxi biex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ta’ l-UE billi tappoġġa l-kooperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji f’materji kriminali.

(6)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-objettivi tas-SIS II, inklużi l-arkitettura teknika u l-iffinanzjar tagħha, u li jiġu stabbiliti regoli dwar it-tħaddim u l-użu u li jiġu definiti r-responsabbiltajiet tagħha, il-kategoriji tad-data li għandhom jiġu mdaħħla fis-sistema, il-finijiet għaliex dawn għandhom jiġu mdaħħla, il-kriterji biex jiġu mdaħħla, l-awtoritajiet awtorizzati li jkollhom aċċess għad-data, ir-rabta reċiproka bejn allerti u aktar regoli dwar l-ipproċessar ta’ data u l-protezzjoni ta’ data personali.

(7)

SIS II għandha tinkludi sistema ċentrali (SIS II Ċentrali) u applikazzjonijiet nazzjonali. In-nefqa involuta fit-tħaddim tas-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni relatata għandha titħallas mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(8)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit manwal li jistipula r-regoli dettaljati għall-iskambju ta’ ċerta informazzjoni supplimentari li tikkonċerna l-azzjoni meħtieġa mill-allerti. L-awtoritajiet nazzjonali f’kull Stat Membru għandhom jiżguraw l-iskambju ta’ din l-informazzjoni.

(9)

Għal perijodu transitorju, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali u ta’ partijiet mill-infrastruttura ta’ komunikazzjoni. Madankollu, sabiex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel lejn is-SIS II, hija tista’ tiddelega r-responsabbiltajiet kollha jew uħud minnhom lil żewġ korpi nazzjonali tas-settur pubbliku. Fil-perijodu ta’ żmien fit-tul, u wara valutazzjoni ta’ l-impatt, li fiha analiżi sostantiva ta’ alternattivi minn perspettiva finanzjarja, operattiva u organizzattiva, u proposti leġislattivi mill-Kummissjoni, għandha tiġi stabbilita awtorità tat-tmexxija li għandha tkun responsabbli minn dawn il-kompiti. Il-perijodu ta’ transizzjoni m’għandux idum għal aktar minn ħames snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Is-SIS II għandu jkun fiha allerti dwar persuni li huma mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja u li huma mfittxija għall-arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni. Minbarra allerti, huwa xieraq li jiġi previst l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari li huwa meħtieġ għall-proċeduri ta’ konsenja u estradizzjoni. B’mod partikolari, id-data msemmija fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (6) għandha tiġi pproċessata fis-SIS II.

(11)

Għandu jkun possibbli li tiżdied mas-SIS II traduzzjoni tad-data addizzjonali mdaħħla għall-fini ta’ konsenja taħt il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u għall-fini ta’ estradizzjoni.

(12)

Is-SIS II għandu jkun fiha allerti dwar persuni nieqsa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom jew il-prevenzjoni ta’ theddid, dwar persuni mfittxija għal proċedura ġudizzjarja, dwar persuni u oġġetti għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi u dwar oġġetti għall-qbid jew għall-użu bħala prova fi proċedimenti kriminali.

(13)

L-allerti ma għandhomx jinżammu fis-SIS II għal aktar żmien minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet li għalihom ikunu ngħataw. Bħala prinċipju ġenerali, allerti dwar persuni għandhom awtomatikament jiġu mħassra mis-SIS II wara perijodu ta’ tliet snin. Allerti dwar oġġetti mdaħħla għal verifiki diskreti jew verifiki speċifiċi għandhom awtomatikament jiġu mħassra mis-SIS II wara perijodu ta’ ħames snin. Allerti dwar oġġetti għall-qbid jew għall-użu bħala evidenza fi proċeduri kriminali għandhom awtomatikament jiġu mħassra mis-SIS II wara perijodu ta’ għaxar snin. Deċiżjonijiet li jinżammu allerti dwar persuni għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni individwali komprensiva. L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-allerti dwar persuni fiż-żmiem il-perijodu definit u jżommu statistiċi dwar in-numru ta’ allerti dwar persuni li l-perjodu taż-żamma tagħhom ġie estiż.

(14)

Is-SIS II għandha tippermetti li tiġi pproċessata data bijometrika sabiex tassisti fl-identifikazzjoni affidabbli ta’ l-individwi kkonċernati. Fl-istess perspettiva, is-SIS II għandha wkoll tippermetti l-ipproċessar ta’ data li tikkonċerna individwi li l-identità tagħhom intużat b’mod żbaljat sabiex jiġu evitati l-inkonvenjenzi kkaġunati mill-identifikazzjoni żbaljata tagħhom, soġġetti għal salvagwardji xierqa, b’mod partikolari l-kunsens ta’ l-individwu kkonċernat u limitazzjoni stretta tal-finijiet li għalihom tali data tista’ tiġi pproċessata skond il-liġi.

(15)

Għandu jkun possibbli għal Stat Membru li jżid indikazzjoni, imsejħa marka, ma’ allert, li tindika li l-azzjoni li għandha tittieħed abbażi ta’ l-allert m’hijiex ser tittieħed fit-territorju tiegħu. Meta jinħarġu allerti għall-arrest għal finijiet ta’ konsenja, xejn f’din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat bħala li qed jidderoga minn jew jipprevjeni l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imniżżlin fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI. Id-deċiżjoni li tiżdied marka ma’ allert għandha tkun ibbażata biss fuq ir-raġunijiet għal rifjut li jinsabu f’dik id-Deċiżjoni Kwadru.

(16)

Meta marka tkun żdiedet u jsir magħruf il-post fejn tinsab il-persuna mfittxija għal arrest għal konsenja, il-post li fih tinsab għandu dejjem jiġi kkomunikat lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li tista’ tiddeċiedi li tittrasmetti Mandat ta’ Arrest Ewropew lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI.

(17)

Għandu jkun possibli għall-Istati Membri biex jistabbilixxu rabtiet bejn allerti fis-SIS II. L-istabbiliment minn Stat Membru ta’ rabtiet bejn żewġ allerti jew aktar m’għandux ikollu impatt fuq l-azzjoni li għandha tittieħed, il-perijodu ta’ żamma jew id-drittijiet għal aċċess għall-allerti.

(18)

Data pproċessata fis-SIS II b’applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni m’għandhiex tiġi trasferita jew titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Interpol bil-promozzjoni ta’ skambju effiċjenti ta’ data tal-passaport. Meta data personali tiġi trasferita mis-SIS II għall-Interpol, din id-data personali għandha tiġi soġġetta għal livell ta’ protezzjoni adegwat, iggarantit bi ftehim, li jipprovdi salvagwardji u kondizzjonijiet stretti.

(19)

L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. Dik il-Konvenzjoni jippermetti eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet għad-drittijiet u l-obbligi li tipprevedi, f’ċerti limiti. Id-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi protetta skond il-prinċipji tal-Konvenzjoni. Il-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni għandhom jiġu supplimentati jew iċċarati f’din id-Deċiżjoni fejn meħtieġ.

(20)

Il-prinċipji li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tal-Kumitat ta’ Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tas-17 ta’ Settembru 1987 li tirregola l-użu ta’ data personali fis-settur tal-pulizija għandhom jitqiesu meta data personali tiġi pproċessata mill-awtoritajiet tal-pulizija fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(21)

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta lill-Kunsill għal Deċiżjoni Kwadru dwar il-protezzjoni tad-data ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, li għandha tiġi approvata sa l-aħħar ta’ l-2006 u applikata għad-data personali li hija pproċessata fil-qafas tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u l-iskambju relatat ta’ informazzjoni supplimentari skond din id-Deċiżjoni;

(22)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta’ tali data  (7) u b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 22 tiegħu fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ l-ipproċessar japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji meta jkunu qed iwettqu r-responsabbilitajiet tagħhom bħala responsabbli mit-tmexxija operattiva tas-SIS II fit-twettiq ta’ l-attivitajiet kollha jew parti minnhom li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Parti mill-ipproċessar ta’ data personali fis-SIS II jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali teħtieġ kjarifika li, meta l-Kummissjoni tkun qed tipproċessa data personali fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 huwa applikabbli għaliha.

(23)

Safejn jikkonċerna l-kunfidenzjalità, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għal uffiċjali jew impjegati oħrajn li jkunu impjegati u qed jaħdmu f’konnessjoni mas-SIS II.

(24)

Huwa xieraq li awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll jimmonitorjaw il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri, filwaqt li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, maħtur skond id-Deċiżjoni 2004/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2003 li taħtar il-korp ta’ kontroll indipendenti previst fl-Artikolu 286 tat-Trattat tal-KE (8), għandu jimmonitorja l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali b’kont meħud tal-kompiti limitati ta’ l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji fir-rigward tad-data nnifisha.

(25)

Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jippreparaw pjan ta’ sigurtà sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ sigurtà u għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sigurtà minn perspettiva komuni.

(26)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (9) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni ta’ l-Europol”) dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw għall-ipproċessar tad-data tas-SIS II mill-Europol, inklużi s-setgħat tal-Korp Konġunt ta’ Kontroll, stabbilit taħt il-Konvenzjoni ta’ l-Europol, biex jimmonitorja l-attivitajiet ta’ l-Europol u r-responsabbiltà għal kwalunkwe pproċessar illegali tad-data personali mill-Europol.

(27)

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-ħsieb li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (10) dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw għall-ipproċessar tad-data tas-SIS II mill-Eurojust, inklużi s-setgħat tal-Korp Konġunt ta’ Kontroll, stabbilit taħt dik id-Deċiżjoni, biex jimmonitorja l-attivitajiet ta’ l-Eurojust u r-responsabbiltà għal kwalunkwe pproċessar illegali tad-data personali mill-Eurojust.

(28)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, kull sentejn għandu jsir rapport mill-Kummissjoni, jew, meta tkun stabbilita, mill-Awtorità ta’ Tmexxija dwar il-funzjonament tekniku tas-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni, inkluża s-sigurtà tagħha, u dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari. Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni ġenerali kull erba’ snin.

(29)

Ċerti aspetti tas-SIS II bħal ma huma regoli tekniċi dwar id-dħul ta’ data, inkluża data meħtieġa għad-dħul ta’ allert, aġġornament, tħassir u tfittix ta’ data, regoli dwar il-kompatibbiltà u l-prijorità ta’ allerti, iż-żieda ta’ marki, rabtiet bejn allerti u skambju ta’ informazzjoni supplementari ma jistgħux jiġu koperti b’mod eżawrjenti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni minħabba n-natura teknika tagħhom, il-livell ta’ dettall u l-ħtieġa għal aġġornament regolari. Setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-aspetti għandhom għalhekk jiġu ddelegati lill-Kummissjoni. Regoli tekniċi dwar allerti ta’ tfittix għandhom jieħdu kont tat-tħaddim bla xkiel ta’ applikazzjonijiet nazzjonali. Soġġett għal valutazzjoni ta’ impatt mill-Kummissjoni, ser jiġi deċiż safejn il-miżuri implimentattivi jistgħu jkunu r-responsabbiltà ta’ l-Awtorità tat-tmexxija, ladarba din tiġi stabbilita.

(30)

Din id-Deċiżjoni għandha tiddefinixxi l-proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha. Il-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri implimentattivi taħt din id-Deċiżjoni u r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 għandhom ikunu l-istess.

(31)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet transitorji fir-rigward ta’ allerti maħruġa fis-SIS 1+ li ser jiġu trasferiti għas-SIS II. Xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen għandhom jibqgħu japplikaw għal perijodu ta’ żmien limitat sakemm l-Istati Membri jkunu eżaminaw il-kompatibbiltà ta’ dawk l-allerti mal-qafas legali l-ġdid. Il-kompatibbiltà ta’ allerti dwar persuni għandha tiġi eżaminata bħala materja ta’ prijorità. Barra minn hekk, kwalunkwe modifika, żieda, korrezzjoni jew aġġornament ta’ allert trasferit mis-SIS 1+ għas-SIS II, kif ukoll kwalunkwe ħjiel ta’ tali allert, għandu jagħti bidu għal eżami immedjat tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(32)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali rigward il-parti tal-baġit maħsub għall-operazzjonijiet tas-SIS li m’humiex parti mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(33)

Peress li l-objettivi ta’ l-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri l-istabbiliment u r-regolamentazzjoni ta’ sistema konġunta ta’ informazzjoni, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE u msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ l-UE. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

(34)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(35)

Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness għat-Trattat ta’ l-UE u għat-Trattat tal-KE, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 rigward it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jieħdu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (11).

(36)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness għat-Trattat ta’ l-UE u għat-Trattat tal-KE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba ta’ l-Irlanda li tieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (12).

(37)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda fl-acquis ta’ Schengen, kif definita fid-Deċiżjoni 2000/365/KE u 2002/192/KE, rispettivament.

(38)

Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja rigward l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (14) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(39)

Għandu jsir arranġament biex jippermetti lil rappreżentanti ta’ l-Islanda u n-Norveġja jkunu assoċjati mal-ħidma ta’ kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tagħha. Tali arranġament ġie kkontemplat fl-Iskambji ta’ Ittri bejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċernaw kumitati li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi (15) tagħha, annessi għall-Ftehima imsemmija hawn fuq.

(40)

Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/849/KE (16) u 2004/860/KE (17).

(41)

Għandu jsir arranġament biex jippermetti rappreżentanti ta’ l-Isvizzera jkunu assoċjati mal-ħidma ta’ kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tagħha. Tali arranġament ġie kkontemplat fl-Iskambju ta’ Ittri bejn il-Komunità u l-Iżvizzera, anness għall-Ftehim imsemmi hawn fuq.

(42)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa relatat miegħu b’xi mod ieħor fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003 u ta' l-Artikolu 4(2) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta' l-2005.

(43)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Iżvizzera f’dati ddeterminati skond il-proċeduri stipulati fl-istrumenti rilevanti rigward l-applikazzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen għal dawk l-Istati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Stabbiliment u għan ġenerali tas-SIS II

1.   Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (“SIS II”) hija stabbilita b’dan.

2.   Il-fini tas-SIS II għandu jkun, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ta’ l-UE inkluża ż-żamma ta’ sigurtà pubblika u ta’ politika pubblika u s-salvagwardja tas-sigurtà fit-territorji ta’ l-Istati Membri, u li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti III tat-Trattat tal-KE) fir-rigward tal-moviment ta’ persuni fit-territorji tagħhom, bl-użu ta’ l-informazzjoni kkomunikata permezz ta’ din is-sistema.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għad-dħul u l-ipproċessar fis-SIS II ta’ allerti dwar persuni u oġġetti u l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari u ta’ data addizzjonali għall-fini ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.

2.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-arkitettura teknika tas-SIS II, ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri u ta’ l-awtorità tat-tmexxija msemmijin fl-Artikolu 15, l-ipproċessar ġenerali tad-data, id-drittijiet tal-persuni kkonċernati u r-responsabbiltà.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“allert” tfisser sett ta’ data mdaħħla fis-SIS II li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw persuna jew oġġett fid-dawl ta’ azzjoni speċifika;

(b)

“informazzjoni supplementari” tfisser l-informazzjoni mhux maħżuna fis-SIS II, iżda konnessa ma’ allerti tas-SIS II, li ser tiġi skambjata:

(i)

sabiex tippermetti lill-Istati Membri jikkonsultaw jew jinfurmaw lil xulxin meta jdaħħlu allert;

(ii)

wara riżultat pożittiv għal tfittxija sabiex tkun tista’ tittieħed l-azzjoni xierqa;

(iii)

meta l-azzjoni meħtieġa ma tkunx tista’ tittieħed;

(iv)

meta tkun qed tiġi trattata l-kwalità tad-data tas-SIS II;

(v)

meta tkun qed tiġi trattata l-kompatibbiltà u l-prijorità ta’ l-allerti;

(vi)

meta jkun qed jiġi trattat id-dritt għal aċċess;

(ċ)

data addizzjonali” tfisser id-data maħżuna fis-SIS II u konnessa ma’ allerti tas-SIS II li se ssir disponibbli minnufih lill-awtoritajiet kompetenti fejn persuna li dwarha tkun iddaħħlet data fis-SIS II (“is-suġġett tad-data”) tinstab bħala riżultat ta’ tfittxijiet li jsiru hemmhekk;

(d)

data personali” għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament

(e)

“proċessar ta’ data personali” (“proċessar”) għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa fuq data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħall-ġbir, ir-reġistrar, l-organizzazzjoni, il-ħażna, l-adattament jew l-alterazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar permezz ta’ trasmissjoni, id-disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, l-imblukkar, it-tħassir jew il-qerda;

2.   Kwalunkwe referenza f’din id-Deċiżjoni għal dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI għandha tinftiehem bħala li tinkludi d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ Ftehim konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi abbażi ta’ l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-UE għall-fini tal-konsenja ta’ persuni abbażi ta’ mandat ta’ arrest li jipprevedu għat-trasmissjoni ta’ tali mandat ta’ arrest permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 4

Arkitettura teknika u modi kif titħaddem is-SIS II

1.   Is-SIS II għandha tkun magħmula minn:

(a)

sistema ċentrali (“is-SIS II Ċentrali”) magħmula minn:

funzjoni ta’ appoġġ tekniku (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “CS-SIS”) li jkun fiha d-database tas-SIS II;

interface nazzjonali uniformi (“NI-SIS”);

(b)

sistema nazzjonali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “N.SIS II”) f’kull wieħed mill-Istati Membri, li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali li jikkomunikaw mas-SIS II Ċentrali. N.SIS II jista’ jkun fiha fajl ta’ data (“kopja nazzjonali”), li jkun fih kopja sħiħa jew parzjali tad-database tas-SIS II;

(ċ)

infrastruttura tal-komunikazzjoni bejn is-CS-SIS u l-NI-SIS (“Infrastruttura tal-Komunikazzjoni”) li tipprovdi netwerk virtwali kripotografiku ddedikat għad-data tas-SIS II u l-iskambju ta’ data bejn l-Uffiċċji SIRENE kif imsemmi fl-Artikolu 7(2).

2.   Id-data tas-SIS II għandha tiddaħħal, tiġi aġġornata, imħassra u mfittxija permezz tas-sistemi varji ta’ l-N.SIS II. Għandha tkun disponibbli kopja nazzjonali bil-fini li jitwettqu tfittxijiet awtomatiċi fit-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li jużaw tali kopja. M’għandux ikun possibbli li jsir tfittix fil-fajls ta’ data ta’ l-N.SIS II ta’ Stati Membri oħrajn.

3.   Is-CS-SIS, li twettaq funzjonijiet ta’ superviżjoni u amministrazzjoni teknika, għandha tinsab fi Strasburgu (Franza) u CS-SIS ta’ riżerva (backup), kapaċi li tiżgura l-funzjonalitajiet kollha tas-CS-SIS prinċipali f’każ ta’ ħsara f’din is-sistema, għandha tinsab f’Sankt Johann f’Pongau (l-Awstrija).

4.   Is-CS-SIS għandha tipprovdi s-servizzi meħtieġa għad-dħul u l-ipproċessar ta’ data tas-SISII, inkluż l-aġġornament ta’, u t-tfittxijiet fid-database tas-SIS II. Għall-Istati Membri li jużaw kopja nazzjonali s-CS-SIS għandha:

(a)

tipprovdi l-aġġornament on-line tal-kopji nazzjonali;

(b)

tipprovdi s-sinkronizzazzjoni u l-koerenza bejn il-kopji nazzjonali u d-database tas-SIS II;

(ċ)

tipprovdi t-tħaddim għall-inizjalizzazzjoni u r-restawrazzjoni tal-kopji nazzjonali.

Artikolu 5

Spejjeż

1.   L-ispejjeż ta’ l-istabbiliment, it-tħaddim u l-manutenzjoni tas-SIS II Ċentrali u l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni għandhom jitħallsu ġenerali mill-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludu l-ħidma magħmula fir-rigward tas-CS-SIS li tiżgura l-forniment tas-servizzi msemmijin fl-Artikolu 4(4).

3.   L-ispejjeż għall-istabbiliment, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ kull N.SIS II għandhom jitħallsu mill-Istat Membru konċernat.

KAPITOLU II

RESPONSABBILTAJIET TA’ L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 6

Sistemi Nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli mill-istabbiliment, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ l-N.SIS II tiegħu u mill-kollegament ta’ l-N.SIS II tiegħu ma’ l-NI-SIS.

Artikolu 7

Uffiċċju N.SIS II u Uffiċċju SIRENE

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità (“Uffiċċju N.SIS II”), li għandu jkollha r-responsabbiltà ċentrali għall-N.SIS II tiegħu.

Dik l-awtorità għandha tkun responsabbli għat-tħaddim bla xkiel ta’ l-N.SIS II, għandha tiżgura l-aċċess ta’ l-awtoritajiet kompetenti għas-SIS II u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Kull Stat Membru għandu jittrasmetti l-allerti tiegħu permezz ta’ l-Uffiċċju N.SIS II tiegħu.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità li għandha tiżgura l-iskambju ta’ l-informazzjoni supplimentari kollha (“l-Uffiċċju SIRENE”) skond id-dispożizzjonijiet tal-Manwal SIRENE, kif imsemmi fl-Artikolu 8.

Dawk l-Uffiċċji għandhom jikkoordinaw ukoll il-verifika tal-kwalità ta’ l-informazzjoni li tiddaħħal fis-SIS II. Għal dawk il-finijiet huwa għandu jkollu aċċess għad-data pproċessata fis-SIS II.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-awtorità tat-tmexxija dwar l-uffiċċju N.SIS II tagħhom u dwar l-Uffiċċju SIRENE tagħhom. L-awtorità ta’ tmexxija għandha tippubblika l-lista tagħhom flimkien mal-lista msemmija fl-Artikolu 46(8).

Artikolu 8

Skambju ta’ informazzjoni supplimentari

1.   Informazzjoni supplimentari għandha tiġi skambjata skond id-dispożizzjonijiet tal-Manwal SIRENE u bl-użu ta’ l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni. F’każ li l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi tekniċi oħrajn protetti b’mod adegwat għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

2.   Informazzjoni supplimentari għandha tintuża biss għall-fini li għalih intbagħtet.

3.   Talbiet għal informazzjoni supplimentari magħmula minn Stati Membri oħrajn għandhom jiġu mwieġba malajr kemm jista’ jkun.

4.   Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari skond il-proċedura definita fl-Artikolu 67 fl-għamla ta’ manwal imsejjaħ il-“Manwal SIRENE”, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument li jistabbilixxi l-awtorità tat-tmexxija msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 9

Konformità teknika

1.   Sabiex tiġi żgurata t-trasmissjoni fil-pront u effettiva ta’ data, kull Stat Membru għandu josserva, meta jkun qed jistabbilixxi l-N.SIS II tiegħu, il-protokolli u l-proċeduri tekniċi stabbiliti sabiex jiżgura l-kompatibbiltà ta’ l-N-SIS II tiegħu mas-CS-SIS. Dawn il-protokolli u l-proċeduri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument li jistabbilixxi l-awtorità tat-tmexxija.

2.   Jekk Stat Membru juża kopja nazzjonali huwa għandu jiżgura, permezz tas-servizzi provduti mis-CS-SIS li d-data maħżuna fil-kopja nazzjonali tkun, permezz ta’ l-aġġornamenti awtomatiċi msemmija fl-Artikolu 4(4), identika għal u konsistenti mad-database tas-SIS II, u li tfittxija fil-kopja nazzjonali tiegħu tipproduċi riżultat ekwivalenti għal dak ta’ tfittxija fid-database tas-SIS II.

Artikolu 10

Sigurtà — L-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta’ l-N.SIS II tiegħu, jadotta l-miżuri meħtieġa, inkluż pjan ta’ sigurtà, sabiex:

(a)

fiżikament jipproteġi d-data inkluż billi jsiru pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika;

(b)

jiċħad l-aċċess lil persuni mhux awtorizzati għal faċilitajiet li jipproċessaw id-data użati għall-ipproċessar ta’ data personali (kontroll ta’ l-aċċess għall-faċilitajiet);

(ċ)

jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati ta’ medja tad-data (kontroll tal-medja tad-data);

(d)

jimpedixxi d-dħul mhux awtorizzat ta’ data u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali maħżuna (kontroll tal-ħażna);

(e)

jimpedixxi l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ data minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll ta’ l-utent);

(f)

jiżgura li persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar ta’ data jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom, permezz ta’ identitajiet ta’ l-utenti individwali u uniċi u modalitajiet ta’ aċċess kunfidenzjali biss (kontroll ta’ l-aċċess għad-data);

(g)

jiżgura li l-awtoritajiet kollha bi dritt għal aċċess għas-SIS II jew tal-faċilitajiet ta’ proċessar ta’ data joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta’ persuni li jkunu awtorizzati li jaċċessaw, idaħħlu, jaġġornaw, iħassru u jfittxu d-data u jagħmlu dawn il-profili disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 60 mingħajr dewmien fuq talba tagħhom (profili tal-persunal);

(h)

jiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tintbagħat id-data personali bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(i)

jiżgura li jkun sussegwentement possibbli li jiġi verifikat u stabbilit liema data personali tkun iddaħħlet f’sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ data, meta, minn min u għal liema fini ddaħħlet id-data (kontroll tad-dħul);

(j)

jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali waqt trasferimenti ta’ data personali jew waqt trasportazzjoni ta’ medja tad-data, b’mod partikolari b’teknika kriptografika adatta (kontroll tat-trasport);

(k)

jimmonitorja l-effettività tal-miżuri tas-sigurtà msemmijin f’dan il-paragrafu u tieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-monitoraġġ intern biex tiżgura l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni (awto-verifika).

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ekwilvalenti għal dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 fir-rigward tas-sigurtà dwar l-iskambju ta’ l-informazzjoni supplimentari.

Artikolu 11

Kunfidenzjalità — L-Istati Membri

Kull Stat Membru għandu japplika r-regoli tiegħu ta’ segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħrajn ta’ kunfidenzjalità lill-persuni u l-korpi kollha li meħtieġa jaħdmu bid-data tas-SIS II u bl-informazzjoni supplimentari, skond il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan l-obbligu għandu jgħodd ukoll wara li dawk il-persuni jħallu l-kariga jew l-impjieg jew wara t-tmiem ta’ l-attivitajiet ta’ dawk il-korpi.

Artikolu 12

Żamma ta’ reġistri f’livell nazzjonali

1.   L-Istati Membri li m’humiex jużaw il-kopji nazzjonali għandhom jiżguraw li kull aċċess għal u kull skambju ta’ data personali mas-CS-SIS jiġu rreġistrati fl-N.SIS II tagħhom għall-finijiet ta’ verifika jekk it-tfittxija tkunx skond il-liġi jew le, għall-fini ta’ monitoraġġ tal-legalità ta’ l-ipproċessar tad-data, awto-monitoraġġ u sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ l-N.SIS II, l-integrità u s-sigurtà tad-data.

2.   L-Istati Membri li jkunu qed jużaw kopji nazzjonali għandhom jiżguraw li kull aċċess għal u kull skambju tad-data tas-SIS II jiġu rreġistrati għall-finijiet speċifikati fil-paragrafu 1. Dan ma japplikax għall-proċessi msemmija fl-Artikolu 4(4).

3.   Ir-reġistri għandhom juru, b’mod partikolari, l-istorja ta’ l-allerti, id-data u l-ħin tat-trażmissjoni tad-data, id-data użata biex issir tfittxija, referenza għad-data mibgħuta u l-isem ta’ l-awtorità kompetenti kif ukoll tal-persuna responsabbli għall-ipproċessar tad-data.

4.   Ir-reġistri jistgħu jintużaw biss għall-fini msemmi fil-paragrafu 1 u 2 u għandhom jitħassru wara mhux qabel minn sena, u mhux iktar tard minn tliet snin, wara li jkunu nħolqu. Ir-reġistri li jinkludu l-istorja ta’ l-allerti għandhom jitħassru wara perijodu ta’ bejn sena u tliet snin wara li jitħassru l-allerti.

5.   Ir-reġistri jistgħu jinżammu għal perijodu itwal jekk ikunu meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli milli jivverifikaw jekk it-tfittxijiet ikunux skond il-liġi jew le, mill-monitoraġġ tal-legalità ta’ l-ipproċessar tad-data, mill-awto-monitoraġġ u milli jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ l-N.SIS II, l-integrità u s-sigurtà tad-data, għandu jkollhom aċċess, fil-limiti tal-kompetenza tagħhom u fuq talba tagħhom, għal dawn ir-reġistri sabiex jiżguraw li huma jwettqu l-kompiti tagħhom.

Artikolu 13

Awto-monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awtorità intitolata għal aċċess għad-data tas-SIS II tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni u tikkoopera, fejn meħtieġ, ma’ l-awtorità nazzjonali ta’ kontroll.

Artikolu 14

Taħriġ tal-persunal

Qabel ma jkun awtorizzat biex jipproċessa data maħżuna fis-SIS II, il-persunal ta’ l-awtoritajiet li jkollu dritt ta’ aċċess għas-SIS II għandu jirċievi taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u għandu jiġi mgħarraf dwar kwalunkwe reat kriminali u penali rilevanti.

KAPITOLU III

RESPONSABBILTAJIET TA’ L-AWTORITÀ TAT-TMEXXIJA

Artikolu 15

Tmexxija operattiva

1.   Wara perjodu transitorju, awtorità tat-tmexxija (“Awtorità tat-tmexxija”), iffinanzjata mill-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea, għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali.

2.   L-Awtorità tat-tmexxija għandha tiżgura, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, li għas-SIS II Ċentrali tintuża dejjem l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġetta għal analiżi ta’ kost-benefiċċju. Hi għandha tkun responsabbli wkoll għall-kompiti li ġejjin relatati ma’ l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni:

(a)

kontroll;

(b)

sigurtà;

(c)

il-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-fornitur.

3.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-kompiti l-oħrajn kollha relatati ma’ l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni, b’mod partikolari:

(a)

kompiti relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-baġit;

(b)

akkwist u tiġdid;

(c)

kwistjonijiet kuntrattwali.

4.   Matul perijodu transitorju qabel ma l-Awtorità tat-tmexxija tibda bil-ħidma tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali. Il-Kummissjoni tista’ ttiddelega dak il-kompitu u l-kompiti relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-baġit, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (18), lil korpi nazzjonali tas-settur pubbliku, f’żewġ pajjiżi differenti.

5.   Kull korp nazzjonali tas-settur pubbliku, kif imsemmi fil-paragrafu 4, għandu jikkonforma b’mod partikolari mal-kriterji ta’ selezzjoni li ġejjin:

(a)

għandu juri li għandu esperjenza twila fit-tħaddim ta’ sistema ta’ informazzjoni fuq skala kbira bil-funzjonalitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(4);

(b)

għandu jkollu kompetenza konsiderabbli fil-ħtiġiet ta’ servizz u ta’ sigurtà ta’ sistema ta’ informazzjoni komparabbli mal-funzjonalitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(4);

(ċ)

għandu jkollu persunal biżżejjed u ta’ esperjenza bil-ħiliet professjonali u lingwistiċi adatti biex jaħdem f’ambjent ta’ kooperazzjoni internazzjonali bħalma hu dak rikjest mis-SIS II;

(d)

għandu jkollu disponibbli infrastruttura ta’ faċilità sigura u mibnija apposta, b’mod partikolari biex tappoġġa u tiggarantixxi l-funzjonament kontinwu ta’ sistemi ta’ l-IT fuq skala kbira; u

(e)

l-ambjent amministrattiv tiegħu għandu jippermettilu jimplimenta l-kompiti tiegħu tajjeb u jevita kwalunkwe konflitt ta’ interessi.

6.   Qabel xi tali delega kif imsemmija fil-paragrafu 4 u wara dan f’intervalli regolari, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-termini tad-delega, il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tagħha, u l-korpi li lilhom jiġu ddelegati l-kompiti.

7.   Fejn il-Kummissjoni tiddelega r-responsabbiltà tagħha waqt il-perijodu transitorju skond il-paragrafu 4 hija għandha tiżgura li din id-delega tirrispetta bis-sħiħ il-limiti stabbiliti mis-sistema istituzzjonali mniżżla fit-Trattat tal-KE. Hija għandha tiżgura, b’mod partikolari, li din id-delega ma taffettwax ħażin kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv taħt il-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea, sew jekk hi mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Qorti ta’ l-Awdituri kif ukoll jekk mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

8.   It-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha meħtieġa biex is-SIS II Ċentrali tinżamm tiffunzjona 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa b’mod konformi ma’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari l-ħidma ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa għat-tħaddim mingħajr xkiel tas-sistema.

Artikolu 16

Sigurtà

1.   L-Awtorità tat-tmexxija għandha, fir-rigward tas-SIS II Ċentrali u l-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni, tadotta l-miżuri meħtieġa, inkluż pjan ta’ sigurtà, sabiex:

(a)

fiżikament tipproteġi d-data inkluż billi jsiru pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika;

(b)

tiċħad l-aċċess lil persuni mhux awtorizzati għal faċilitajiet li jipproċessaw id-data użati għall-ipproċessar ta’ data personali (kontroll ta’ l-aċċess għall-faċilitajiet);

(ċ)

timpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati ta’ medja tad-data (kontroll tal-medja tad-data);

(d)

timpedixxi d-dħul mhux awtorizzat ta’ data u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali maħżuna (kontroll tal-ħażna);

(e)

timpedixxi l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ data minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll ta’ l-utent);

(f)

tiżgura li persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar ta’ data jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom permezz ta’ identitajiet ta’ l-utenti individwali u uniċi u modalitajiet ta’ aċċess kunfidenzjali biss (kontroll ta’ l-aċċess għad-data);

(g)

toħloq profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet għal persuni li huma awtorizzati jaċċedu d-data jew il-faċilitajiet ta’ pproċessar tad-data u tagħmel dawn il-profili disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data msemmi fl-Artikolu 61 mingħajr dewmien fuq talba tiegħu (profili tal-persunal);

(h)

tiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tintbagħat id-data personali bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(i)

tiżgura li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f’sistemi awtomatiċi ta’ pproċessar tad-data, meta u minn min iddaħħlet id-data (kontroll tad-dħul);

(j)

timpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali waqt trasferimenti ta’ data personali jew waqt trasportazzjoni ta’ medja tad-data b’mod partikolari b’tekniki kriptografiċi adatti (kontroll tat-trasport);

(k)

timmonitorja l-effettività tal-miżuri tas-sigurtà msemmijin f’dan il-paragrafu u tieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-monitoraġġ intern biex tiżgura l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni (awto-verifika).

2.   L-Awtorità tat-tmexxija għandha tieħu miżuri ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tas-sigurtà fir-rigward ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari permezz ta’ l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni.

Artikolu 17

Kunfidenzjalità — l-Awtorità tat-tmexxija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Awtorità tat-tmexxija għandha tapplika regoli adatti ta’ segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħrajn ta’ kunfidenzjalità dwar standards komparabbli għal dawk previsti fl-Artikolu 11 ta’ din id-Deċiżjoni lill-persunal kollu tagħha meħtieġ li jaħdem b’data tas-SIS II. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawk il-persuni jħallu l-kariga jew l-impjieg tagħhom jew wara t-tmiem ta’ l-attivitajiet tagħhom.

2.   L-Awtorità tat-tmexxija għandha tieħu miżuri ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari permezz ta’ l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni.

Artikolu 18

Żamma ta’ rekords f’livell ċentrali

1.   L-Awtorità tat-tmexxija għandha tiżgura li kull aċċess għal u l-iskambji kollha ta’ data personali fis-CS-SIS jiġu rreġistrati għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) u (2).

2.   Ir-reġistri għandhom juru, b’mod partikolari, l-istorja ta’ l-allerti, id-data u l-ħin tad-data mibgħuta, id-data użata biex isiru tfittxijiet, ir-referenza għad-data mibgħuta u l-isem ta’ l-awtorità kompetenti responsabbli għall-ipproċessar tad-data.

3.   Ir-reġistri jistgħu jintużaw biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jitħassru wara mhux qabel sena u mhux iktar minn tliet snin wara li jkunu nħolqu. Ir-reġistri li jinkludu l-istorja ta’ l-allerti għandhom jitħassru wara perijodu ta’ bejn sena u tliet snin wara li jitħassru l-allerti.

4.   Ir-reġistri jistgħu jinżammu għal perijodu itwal jekk ikunu meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

5.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli milli jivverifikaw jekk it-tfittxija hix skond il-liġi jew le, il-monitoraġġ tal-legalità ta’ l-ipproċessar tad-data, għall-awto-monitoraġġ, waqt li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-CS-SIS, l-integrità u s-sigurtà tad-data, għandu jkollhom aċċess, fil-limiti tal-kompetenza tagħhom u fuq talba tagħhom, għal dawk ir-reġistri għall-fini li jwettqu l-kompiti tagħhom.

Artikolu 19

Kampanja ta’ Informazzjoni

Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll, u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, imsemmi fl-Artikolu 60, takkumpanja l-bidu tat-tħaddim tas-SIS II b’kampanja ta’ informazzjoni biex tgħarraf lill-pubbliku dwar l-objettivi, id-data maħżuna, l-awtoritajiet b’aċċess u d-drittijiet tal-persuni. Wara l-istabbiliment tagħha, l-Awtorità tat-tmexxija, f’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha tirrepeti regolarment tali kampanji. L-Istati Membri għandhom, f’kooperazzjoni ma’ l-Awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll tagħhom, jiżviluppaw u jimplimentaw il-linji politiċi meħtieġa biex jinformaw liċ-ċittadini tagħhom dwar is-SIS II ġeneralment.

KAPITOLU IV

KATEGORIJI TA’ DATA U MMARKAR

Artikolu 20

Kategoriji ta’ data

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1) jew id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni li jipprevedu għall-ħażna ta’ data addizzjonali, is-SIS II għandu jkun fiha biss dawk il-kategoriji ta’ data li jingħataw minn kull wieħed mill-Istati Membri, kif meħtieġ għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 26, 32, 34, 36 u 38.

2.   Il-kategoriji ta’ data għandhom ikunu kif ġej:

(a)

persuni li fir-rigward tagħhom inħareġ allert;

(b)

oġġetti msemmija fl-Artikoli 36 u 38.

3.   L-informazzjoni dwar il-persuni li fir-rigward tagħhom inħareġ allert m’għandhiex tkun aktar minn dan li ġej:

(a)

kunjom(ijiet) u isem/ismijiet, isem/ismijiet fit-twelid u ismijiet użati qabel u kwalunkwe psewdonimu, li jistgħu jiddaħħlu separatament;

(b)

kwalunkwe karatteristika fiżika speċifika u oġġettiva li ma tinbidilx;

(ċ)

post u data tat-twelid;

(d)

sess;

(e)

ritratti;

(f)

marki tas-swaba’;

(g)

nazzjonalità(ajiet);

(h)

jekk il-persuna kkonċernata hijiex armati, vjolenti jew maħruba;

(i)

raġuni għall-allert;

(j)

l-awtorità li qed toħroġ l-allert;

(k)

referenza għad-deċiżjoni li wasslet għall-allert;

(l)

azzjoni li għandha tittieħed;

(m)

kollegament(i) ma’ allerti oħrajn maħruġin fis-SIS II skond l-Artikolu 52;

(n)

it-tip ta’ reat.

4.   Ir-regoli tekniċi meħtieġa biex tiddaħħal, tiġi aġġornata, titħassar u tiġi mfittxija d-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument li jistabbilixxi l-Awtorità tat-tmexxija.

5.   Ir-regoli tekniċi meħtieġa għat-tfittxija tad-data msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu simili għal tfittxijiet fis-CS-SIS, f’kopji nazzjonali u f’kopji tekniċi, kif imsemmi fl-Artikolu 46(2).

Artikolu 21

Proporzjonalità

Qabel ma joħroġ allert Stat Membru għandu jiddetermina jekk il-każ hux adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed li jistħoqqlu dħul ta’ l-allert fis-SIS II.

Artikolu 22

Regoli speċifiċi għar-ritratti u l-marki tas-swaba’

L-użu u r-ritratti u l-marki tas-swaba’ kif imsemmija fl-Artikolu 20(3)(e) u (f) għandhom jintużaw soġġett għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-ritratti u l-marki tas-swaba’ għandhom jiddaħħlu biss wara verifika speċjali ta’ kwalità biex jiġi żgurat li jintlaħaq standard minimu ta’ kwalità tad-data. L-ispeċifikazzjoni tal-verifika speċjali tal-kwalità għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument li jistabbilixxi l-Awtorità ta’ Tmexxija;

(b)

ir-ritratti u l-marki tas-swaba’ għandhom jintużaw biss biex tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuna li nstabet bħala riżultat ta’ tfittxija alfanumerika magħmula fis-SIS II.

(ċ)

hekk kif ikun teknikament possibbli, il-marki tas-swaba’ jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi identifikata persuna abbażi ta’ l-identifikatur bijometriku tagħha. Qabel ma’ din il-funzjonalità tiġi implimentata fis-SIS II, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar id-disponibbiltà u l-istat ta’ tħejjija tat-teknoloġija meħtieġa, li dwaru għandu jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew.

Artikolu 23

Rekwiżit biex jiddaħħal allert

1.   Allerti dwar persuni ma jistgħux jiddaħħlu mingħajr id-data msemmija fl-Artikoli 20(3)(a), (d), (l), kif ukoll, fejn applikabbli, (k).

2.   Barra minn hekk, meta tkun disponibbli, id-data l-oħra kollha elenkata fl-Artikolu 20(3) għandha wkoll tiddaħħal.

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Immarkar

1.   Fejn Stat Membru jikkonsidra li l-għoti ta’ effett lil allert imdaħħal skond l-Artikoli 26, 32 jew 36 huwa inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu, l-obbligi internazzjonali tiegħu jew interessi nazzjonali essenzjali, dan jista’ sussegwentement jeħtieġ li tiżdied marka ma’ l-allert bir-riżultat li l-azzjoni li għandha tittieħed abbażi ta’ l-allert ma tittiħidx fit-territorju tiegħu. Il-marka għandha tinżdied mill-Uffiċċju SIRENE ta’ l-Istat Membru li daħħal l-allert.

2.   Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu li tinżdied marka ma’ allert maħruġ skond l-Artikolu 26, l-Istati Membri kollha għandhom jiġu nnotifikati awtomatikament dwar kwalunkwe allert ġdid ta’ dik il-kategorija bl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

3.   Jekk f’każijiet partikolarment urġenti u serji, Stat Membru li joħroġ allert jitlob l-esekuzzjoni ta’ l-azzjoni, l-Istat Membru li jesegwixxi allert għandu jeżamina jekk jistax jippermetti li tiġi rtirata l-marka miżjuda fuq talba tiegħu. Jekk l-Istat Membru li jesegwixxi l-azzjoni jista’ jagħmel dan, hu għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-azzjoni li għandha tittieħed tista’ ssir minnufih.

Artikolu 25

Immarkar relatat ma’ allerti għal finijiet ta’ arrest

1.   Fejn tapplika d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, marka li tipprevjeni l-arrest għandha tiżdied biss ma’ allert għal arrest għal finijiet ta’ konsenja fejn l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għall-esekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew tkun irrifjutat l-esekuzzjoni tiegħu abbażi ta’ raġuni għal non-esekuzzjoni u fejn tkun meħtieġa ż-żieda tal-marka.

2.   Madankollu, fuq it-talba ta’ awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi nazzjonali, jew abbażi ta’ istruzzjoni ġenerali jew f’każ speċifiku, jista’ jkun meħtieġ li tiġi miżjuda marka ma’ allert għal arrest għall-finijiet ta’ konsenja jekk ikun ovvju li l-esekuzzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew ser ikollu jiġi rifjutat.

KAPITOLU V

ALLERTI FIR-RIGWARD TA’ PERSUNI MFITTXIJA GĦAL ARREST GĦAL FINIJIET TA’ KONSENJA JEW TA’ ESTRADIZZJONI

Artikolu 26

Objettivi u kondizzjonijiet biex jinħarġu allerti

1.   Data dwar persuni mfittxijin għall-arrest għall-finijiet ta’ konsenja abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew jew imfittxijin għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni għandha tiddaħħal fuq it-talba ta’ l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert.

2.   Data dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja għandha wkoll tiddaħħal abbażi ta’ mandati ta’ arrest maħruġa skond Ftehim konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi abbażi ta’ l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-UE għall-fini tal-konsenja ta’ persuni abbażi ta’ mandat ta’ arrest li jipprevedu t-trasmissjoni ta’ tali mandat ta’ arrest permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 27

Data addizzjonali dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja

1.   Jekk persuna tkun imfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, l-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert għandu jdaħħal fis-SIS II kopja ta’ l-oriġinal tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

2.   L-Istat Membru li qed joħroġ l-allert jista’ jdaħħal kopja ta’ traduzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew f’lingwa uffiċjali waħda oħra jew aktar ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Informazzjoni supplimentari dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja

L-Istat Membru li jkun daħħal l-allert fis-SIS II għal arrest għal finijiet ta’ konsenja għandu jikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI lill-Istati Membri kollha permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

Artikolu 29

Informazzjoni supplimentari dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni

1.   L-Istat Membru li jkun daħħal l-allert fis-SIS II għal finijiet ta’ estradizzjoni għandu jikkomunika d-data li ġejja lill-Istati Membri kollha permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari:

(a)

l-awtorità li ħarġet it-talba għal arrest;

(b)

jekk hemm mandat ta’ arrest jew dokument li għandu l-istess effett legali, jew sentenza inforzabbli;

(ċ)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat;

(d)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi fejn seħħ ir-reat, inklużi l-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna li għaliha nħareġ l-allert;

(e)

sa fejn hu possibbli, il-konsegwenzi tar-reat;

(f)

kwalunkwe informazzjoni utli jew meħtieġa oħra għall-esekuzzjoni ta’ l-allert.

2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi kkomunikata fejn id-data msemmija fl-Artikoli 27 jew 28 A tkun diġà ġiet ipprovduta u hija kkonsidrata bħala suffiċjenti għall-esekuzzjoni ta’ l-allert mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 30

Konverżjoni ta’ allerti dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ konsenja jew ta’ estradizzjoni

Jekk arrest ma jkunx jista’ jsir jew minħabba li Stat Membru li jkun intalab jirrifjuta skond il-proċeduri dwar l-immarkar stipulati fl-Artikoli 24 jew 25, jew minħabba li, fil-każ ta’ allert għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni, ma tkunx tlestiet investigazzjoni, l-Istat Membru li jkun intalab għandu jqis l-allert bħala wieħed għall-finijiet tal-komunikazzjoni ta’ l-inħawi fejn tkun tinsab il-persuna kkonċernata.

Artikolu 31

Esekuzzjoni ta’ azzjoni abbażi ta’ allert dwar persuna mfittxija għal arrest bil-ħsieb ta’ konsenja jew ta’ estradizzjoni

1.   Fejn din id-Deċiżjoni Kwadru tkun tapplika, allert imdaħħal fis-SIS II skond l-Artikolu 26 flimkien mad-data addizzjonali msemmija fl-Artikolu 27, għandu jikkostitwixxi u jkollu l-istess effett bħal Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ skond id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI,

2.   Fejn ma tapplikax id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, allert imdaħħal fis-SIS II skond l-Artikoli 26 u 29 għandu jkollu l-istess forza legali bħal talba għal arrest proviżorju taħt l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 jew l-Artikolu 15 tat-Trattat tal-Benelux rigward Estradizzjoni u Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali tas-27 ta’ Ġunju 1962.

KAPITOLU VI

ALLERTI FUQ PERSUNI NEQSIN

Artikolu 32

Objettivi u kondizzjonijiet biex jinħarġu allerti

1.   Data dwar persuni neqsin li jeħtieġ li jitqiegħdu taħt protezzjoni u/jew li l-inħawi fejn jinsabu jeħtieġ li jkunu aċċertati għandha tiddaħħla fis-SIS II fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membri li joħroġ l-allert.

2.   Il-kategoriji li ġejjin ta’ persuni nieqsa jistgħu jiddaħħlu:

(a)

persuni neqsin li jeħtieġ li jitqiegħdu taħt protezzjoni

(i)

għall-protezzjoni tagħhom stess;

(ii)

għall-prevenzjoni ta’ theddid;

(b)

persuni neqsin li ma jeħtieġx li jitqiegħdu taħt protezzjoni.

3.   Il-paragrafu 2(a) għandu japplika biss għal persuni li għandhom jiġu internati wara deċiżjoni minn awtorità kompetenti.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw b'mod partikolari għal minuri

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data mdaħħla fis-SIS II tindika f’liema mill-kategoriji msemmijin fil-paragrafu 2 il-persuna nieqsa taqa’.

Artikolu 33

Esekuzzjoni ta’ azzjoni bbażata fuq allert

1.   Fejn persuna msemmija fl-Artikolu 32 tinstab, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, soġġett għall-paragrafu 2, jikkomunikaw fejn tkun qiegħda lill-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert. Huma jistgħu, fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 32(2)(a) jċaqalqu l-persuna għal post sigur sabiex iwaqqfuha milli tkompli l-vjaġġ tagħha, jekk ikunu awtorizzati jagħmlu hekk mil-liġi nazzjonali.

2.   Il-komunikazzjoni, minbarra dik bejn l-awtoritajiet kompetenti, ta’ data dwar persuna nieqsa li nstabet u li hi maġġorenni għandha tkun soġġetta għall-kunsens ta’ dik il-persuna. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw il-fatt li l-allert tħassar minħabba li l-persuna nstabet lill-persuna li rrapportat il-persuna nieqsa.

KAPITOLU VII

ALLERTI DWAR PERSUNI MFITTXIJA SABIEX IKUNU JISTGĦU JASSISTU FI PROĊEDURA ĠUDIZZJARJA

Artikolu 34

Objettivi u kondizzjonijiet biex jinħarġu allerti

Għall-finijiet li jikkomunikaw il-post ta’ residenza jew ta’ domiċilju tagħhom l-Istati Membri għandhom, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti, jdaħħlu fis-SIS II data dwar:

(a)

xhieda;

(b)

persuni mħarrka jew persuni mfittxija biex jitħarrku biex jidhru quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji b’konnessjoni ma’ proċedimenti kriminali sabiex jagħtu kont ta’ atti li jkunu qed jiġu akkużati bihom;

(ċ)

persuni li jkunu qed jistennew sentenza kriminali jew dokumenti oħrajn b’konnessjoni ma’ proċedimenti kriminali biex jagħtu kont ta’ atti li jkunu qed jiġu proċessati għalihom;

(d)

persuni li ser jitħarrku biex jidhru sabiex iservu penali li tinvolvi ċaħda tal-libertà.

Artikolu 35

Eżekuzzjoni ta’ l-azzjoni bbażata fuq allert

Informazzjoni mitluba għandha tiġi kkomunikata lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

KAPITOLU VIII

ALLERTI DWAR PERSUNI U OĠĠETTI GĦAL KONTROLLI DISKRETI JEW KONTROLLI SPEĊIFIĊI

Artikolu 36

Objettivi u kondizzjonijiet biex jinħarġu allerti

1.   Data dwar persuni jew vetturi, inġenji tal-baħar u ta’ l-ajru u kontejners għandha tiddaħħal skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li joħroġ l-allert, għall-finijiet ta’ kontrolli diskreti jew kontrolli speċifiċi skond l-Artikolu 37(4).

2.   Tali allert jista’ jinħareġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u għall-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika:

(a)

fejn ikun hemm indikazzjoni ċara li persuna għandha l-intenzjoni li tikkommetti suwiċidju jew li qed twettaq reat kriminali serju, bħar-reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI; jew

(b)

fejn valutazzjoni ġenerali ta’ persuna, b’mod partikolari abbażi ta’ reati kriminali fl-imgħoddi, tagħti raġuni għaliex wieħed jissoponi li dik il-persuna ser twettaq ukoll reati kriminali gravi fil-futur, bħar-reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI.

3.   Barra minn hekk, jista’ jinħareġ allert skond il-liġi nazzjonali, fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà nazzjonali, fejn hemm indikazzjoni konkreta li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) hija meħtieġa sabiex tipprevjeni theddida serja mill-persuna kkonċernata jew theddid ieħor serju għas-sigurtà nazzjonali interna jew esterna. L-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert skond dan il-paragrafu għandu jkun obbligat jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwaru. Kull Stat Membru għandu jiddetermina lil liema awtoritajiet għandha tiġi trasmessa din l-informazzjoni.

4.   Allerti dwar vetturi, inġenji tal-baħar u ta’ l-ajru u kontejners jistgħu jinħarġu fejn hemm indikazzjoni ċara li huma marbuta mar-reati kriminali serji msemmijin fil-paragrafu 2 jew it-theddid serju msemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 37

Eżekuzzjoni ta’ l-azzjoni bbażata fuq allert

1.   Għall-finijiet ta’ kontrolli diskreti jew kontrolli speċifiċi, l-informazzjoni kollha li ġejja jew ftit minnha tista’ tinġabar u tiġi kkomunikata lill-awtorità li tkun qed toħroġ l-allert meta jitwettqu kontrolli fuq il-fruntiera jew kontrolli oħrajn tal-pulizija u doganali fl-Istat Membru:

(a)

il-fatt li nstabet il-persuna jew il-vettura, l-inġenju tal-baħar jew ta’ l-ajru jew il-kontejner li għaliha nħareġ allert;

(b)

il-post, il-ħin jew ir-raġuni għall-kontroll;

(ċ)

ir-rotta u d-destinazzjoni tal-vjaġġ;

(d)

il-persuni li jakkumpanjaw lill-persuni kkonċernati jew l-okkupanti tal-vettura, inġenju tal-baħar jew ta’ l-ajru li jistgħu jiġu mistennija b’mod raġjonevoli li jiġu assoċjati mal-persuni kkonċernati;

(e)

il-vettura, l-inġenju tal-baħar jew ta’ l-ajru jew il-kontejner użat;

(f)

l-oġġetti li nġarru;

(g)

iċ-ċirkostanzi li fihom instabu l-persuna jew il-vettura, l-inġenju tal-baħar jew ta’ l-ajru jew il-kontejner.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata bl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

3.   Għall-ġbir ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex ma jqegħdux fil-periklu n-natura diskreta tal-kontroll.

4.   Matul il-kontrolli speċifiċi, persuni, vetturi, inġenji tal-baħar, inġenji ta’ l-ajru, kontejners u oġġetti li jinġarru jistgħu jiġu mfitxijin skond il-liġi nazzjonali għall-finijiet imsemmijin f’dak l-Artikolu 36. Jekk il-liġi ta’ Stat Membru ma tippermettix kontrolli speċifiċi, dawn għandhom awtomatikament jiġu ssostitwiti, f’dak l-Istat Membru, minn kontrolli diskreti.

KAPITOLU IX

ALLERTI DWAR OĠĠETTI GĦALL-QBID JEW GĦALL-UŻU BĦALA PROVA FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI

Artikolu 38

Objettivi u kondizzjonijiet biex jinħarġu allerti

1.   Id-data dwar oġġetti mfittxijin għall-finijiet ta’ qbid jew ta’ użu bħala prova fi proċedimenti kriminali għandha tiddaħħal fis-SIS II.

2.   Għandhom jiddaħħlu l-kategoriji li ġejjin ta’ oġġetti li jintgħarfu mill-ewwel:

(a)

vetturi bil-mutur b’kapaċità ċilindrika ta’ aktar minn 50cc, inġenji tal-baħar u ta’ l-ajru;

(b)

trejlers li meta vojta ma jiżnux aktar minn 750 kg, karavans, tagħmir industrijali, magni outboard u kontejners;

(ċ)

armi tan-nar;

(d)

formoli vojta ta’ dokumenti uffiċjali li nsterqu, misapproprjati jew mitlufa;

(e)

dokumenti ta’ identità maħruġin bħal passaporti, karti ta’ l-identità, liċenzji tas-sewqan, permessi ta’ residenza u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar li nsterqu, misapproprjati, mitlufa jew invalidati;

(f)

ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u pjanċi tan-numru ta’ vettura li nsterqu, misapproprjati, mitlufa jew invalidati;

(g)

karti tal-flus (karti tal-flus irreġistrati);

(h)

garanziji u mezzi ta’ ħlas bħal ċekkijiet, karti tal-kreditu, titoli, sigurtajiet u azzjonijiet li nsterqu, ġew misapproprjati, mitlufa jew invalidati.

3.   Ir-regoli tekniċi meħtieġa biex tiddaħħal, tiġi aġġornata, titħassar u tiġi mfittxija d-data msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument li jistabbilixxi l-Awtorità tat-tmexxija.

Artikolu 39

Eżekuzzjoni ta’ l-azzjoni bbażata fuq allert

1.   Jekk tfittxija tiżvela allert għal oġġett li nstab, l-awtorità li qabblet iż-żewġ biċċiet ta’ data għandha tikkuntattja lill-awtorità li ħarġet l-allert, sabiex jiftiehmu dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Għal dan il-fini, id-data personali tista’ tiġi kkomunikata wkoll skond din id-Deċiżjoni.

2.   L-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata bl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

3.   L-Istat Membru li jkun sab l-oġġett għandu jieħu miżuri skond il-liġi nazzjonali tiegħu.

KAPITOLU VIII A

DRITT GĦAL AĊĊESS GĦAL U ŻAMMA TA’ ALLERTI

Artikolu 40

Awtoritajiet li għandhom dritt ta’ aċċess għall-allerti

1.   Aċċess għal data mdaħħla fis-SIS II skond din id-Deċiżjoni u d-dritt ta’ tfittxija ta’ tali data direttament jew f’kopja tad-data tas-CS-SIS għandu jkun riżervat esklussivament għall-awtoritajiet responsabbli għal:

(a)

kontroll tal-fruntiera, skond ir-Regolament (KE) 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (19);

(b)

kontrolli oħrajn doganali u mill-pulizija mwettqa fl-Istat Membru kkonċernat, u l-koordinazzjoni ta’ tali kontrolli mill-awtoritajiet maħtura jew id-dħul ta’ data fis-SIS II.

2.   Madankollu, id-dritt ta’ aċċess għad-data mdaħħla fis-SIS II u d-dritt li ssir tfittxija diretta f’din id-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll minn awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, inkluż, minn dawk responsabbli mill-bidu ta’ prosekuzzjonijiet pubbliċi fi proċedimenti kriminali u minn inkjesti ġudizzjarji qabel l-akkuża, fil-qadi ta’ dmirijiethom, kif tipprovdi l-leġislazzjoni nazzjonali, u mill-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni tagħhom.

3.   L-Awtoritajiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandom jiġu inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 46(8).

Artikolu 41

Aċċess għad-data tas-SIS II mill-Europol

1.   L-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew (Europol) għandu jkollu fil-mandat tiegħu d-dritt ta’ aċċess għal, u li jfittex direttament, data mdaħħla fis-SIS II skond l-Artikoli 26, 36 u 38.

2.   Fejn tfittxija mill-Europol tiżvela l-eżistenza ta’ allert fis-SIS II, l-Europol għandha tinforma, permezz tal-mezzi definiti mill-Konvenzjoni ta’ l-Europol, lill-Istat Membru li jkun ħareġ dan l-allert.

3.   L-użu ta’ informazzjoni miksuba minn tfittxija fis-SIS II huwa soġġett għall-kunsens ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Jekk l-Istat Membru jagħti l-permess għall-użu ta’ tali informazzjoni, l-immaniġġar tagħha għandu jkun irregolat mill-Konvenzjoni ta’ l-Europol. L-Europol tista’ tikkomunika biss tali informazzjoni lil terzi pajjiżi u korpi terzi bil-kunsens ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

4.   L-Europol jista’ jitlob aktar informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ l-Europol.

5.   L-Europol:

(a)

għandu jirreġistra kull aċċess u tfittxija magħmula minnu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12;

(b)

bla preġudizzju għall-paragrafi 3 u 4, ma għandux jikkollega partijiet tas-SIS II u lanqas jittrasferixxi d-data li hemm fiha, li għaliha għandu aċċess, fi kwalunkwe sistema oħra ta’ kompjuter għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data mħaddma mill-Europol jew fl-Europol u lanqas jagħmel downloading jew jikkopja kwalunkwe parti tas-SIS II;

(ċ)

għandu jillimita l-aċċess għad-data mdaħħla fis-SIS II għall-impjegati ta’ l-Europol li huma speċifikament awtorizzati;

(d)

għandu jadotta u japplika miżuri previsti fl-Artikoli 10 u 11;

(e)

għandu jagħti l-permess lill-Korp Konġunt ta’ Kontroll, stabbilit skond l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ l-Europol, sabiex jirrevedi l-attivitajiet ta’ l-Europol fit-twettiq tad-dritt ta’ aċċess għal u li jfittex data mdaħħla fis-SIS II.

Artikolu 42

Aċċess għad-data tas-SIS II mill-Eurojust

1.   Il-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust u l-assistenti tagħhom għandhom, fil-limiti tal-mandat tagħhom, ikollhom id-dritt għall-aċċess u li jfittxu d-data mdaħħla skond l-Artikoli 26, 32, 34 u 38 fis-SIS II.

2.   F’każ li tfittxija minn membru nazzjonali ta’ l-Eurojust tiżvela l-eżistenza ta’ allert fis-SIS II, hu jew hi għandu/ha j/tinforma lill-Istat Membru li ħareġ l-allert dwarha. Kwalunkwe komunikazzjoni ta’ informazzjoni miksuba permezz ta’ tali tfittxija tista’ tiġi kkomunikata lil terzi pajjiżi u korpi terzi biss bil-kunsens ta’ l-Istat Membru li jkun ħareġ l-allert.

3.   Xejn f’dan l-artikolu ma għandu jiġi interpretat li jkollu effett fuq id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust dwar il-protezzjoni tad-data u r-responsabbiltà għal kwalunkwe proċessar mhux awtorizzat jew skorrett ta’ tali data min-naħa tal-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust jew l-assistenti tagħhom, jew li jkollu effett fuq is-setgħat tal-Korp Konġunt ta’ Kontroll stabbilit skond l-Artikolu 23 ta’ dik id-Deċiżjoni.

4.   Għandu jinżamm reġistru ta’ kull tfittxija mwettqa minn membru nazzjonali ta’ l-Eurojust jew minn assistent skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 u għandu jinżamm reġistru ta’ kull użu li sar minnhom tad-data li aċċedew għaliha.

5.   Ma għandha ssir ebda konnessjoni bejn parti mis-SIS II u lanqas isir trasferiment tad-data li hemm fiha, li għaliha għandhom aċċess il-membri nazzjonali jew l-assistenti tagħhom, ma’ kwalunkwe sistema oħra ta’ kompjuter għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data mħaddma mill-Eurojust jew fl-Eurojust u lanqas ma għandu jsir downloading ta’ kwalunkwe parti tas-SIS II.

6.   L-aċċess għad-data mdaħħla fis-SIS II għandu jkun limitat għall-membri nazzjonali u l-assistenti tagħhom u ma mq għandux ikun estiż għall-persunal ta’ l-Eurojust.

7.   Għandhom jiġu adottati u applikati miżuri li jiżguraw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità kif previst fl-Artikoli 10 u 11.

Artikolu 43

Ambitu ta’ aċċess

Utenti, inkluża l-Europol, il-membri nazzjonali ta’ l-Eurojust u l-assistenti tagħhom jistgħu jfittxu biss data li jeħtieġu għall-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 44

Perjodu ta’ żamma ta’ allerti dwar persuni

1.   Allerti dwar persuni li jiddaħħlu fis-SIS II skond din id-Deċiżjoni għandhom jinżammu biss għaż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet li għalihom ikunu ddaħħlu.

2.   Stat Membru li joħroġ allert għandu, fi żmien tliet snin minn meta jiddaħħal tali allert fis-SIS II jirrevedi l-ħtieġa li jinżamm. Il-perijodu għandu jkun ta’ sena fil-każ ta’ allerti dwar persuni skond l-Artikolu 36.

3.   Kull Stat Membru għandu, fejn xieraq, jistabbilixxi perijodi iqsar ta’ reviżjoni skond il-liġi tiegħu.

4.   Fil-perjodu ta’ reviżjoni, l-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert jista’, wara valutazzjoni individwali komprensiva li għandha tkun reġistrata, jiddeċiedi li jżomm l-allert għal aktar żmien jekk dan jirriżulta neċessarju għall-finijiet li għalihom ikun inħareġ l-allert. F’dan il-każ il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll għall-estensjoni. Kwalunkwe estensjoni ta’ l-allert għandha tiġi kkomunikata lis-CS-SIS.

5.   L-allerti għandhom jitħassru awtomatikament wara li jiskadi l-perjodu ta’ reviżjoni msemmi fil-paragrafu 2. Dan ma japplikax f’każ li l-Istat Membru li joħroġ l-allert ikkomunika l-estensjoni ta’ l-allert lis-CS-SIS bi qbil mal-paragrafu 4. Is-CS-SIS għandha awtomatikament tinforma lill-Istati Membri dwar tħassir skedat ta’ data mis-sistema erba’ xhur minn qabel.

6.   L-Istati Membri għandhom iżommu statistika dwar in-numru ta’ allerti li l-perijodu ta’ żamma tagħhom kien estiż skond il-paragrafu 4.

Artikolu 45

Perjodu ta’ żamma ta’ allerti dwar oġġetti

1.   Allerti dwar oġġetti li ddaħħlu fis-SIS II skond din id-Deċiżjoni għandhom jinżammu biss għaż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet li għalihom ikunu ddaħħlu.

2.   Allerti dwar oġġetti mdaħħla skond l-Artikolu 36 għandhom jinżammu sa massimu ta’ ħames snin.

3.   Allerti dwar oġġetti mdaħħla skond l-Artikolu 38 għandhom jinżammu sa massimu ta’ għaxar snin.

4.   Il-perjodi ta’ żamma msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jiġu estiżi jekk dan ikun meħtieġ għall-finijiet li għalihom ikun inħareġ l-allert. F’dan il-każ, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-estensjoni.

KAPITOLU XI

REGOLI ĠENERALI GĦALL-IPPROĊESSAR TAD-DATA

Artikolu 46

Proċessar tad-data tas-SIS II

1.   L-Istati Membri jistgħu jipproċessaw id-data msemmija fl-Artikoli 20, 26, 32, 34, 36 u 38 biss għall-finijiet stabbiliti għal kull kategorija ta’ allert imsemmija f’dawk l-Artikoli.

2.   Id-data tista’ tiġi kkupjata biss għal finijiet tekniċi, dejjem jekk tali kkupjar ikun meħtieġ sabiex l-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 40 iwettqu tfittxija diretta. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal dawn il-kopji. L-allerti maħruġa minn Stat Membru wieħed ma jistgħux jiġu kkupjati mill-N.SIS II tiegħu għal fajls tad-data nazzjonali oħrajn.

3.   Kopji tekniċi, kif imsemmi fil-paragrafu 2, li jwasslu għal databases off-line jistgħu jinżammu biss għal perijodu li ma jeċċedix it-48 siegħa. Dak il-perijodu jista’ jiġi estiż f’emerġenza sakemm tintemm is-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

L-Istati Membri għandhom iżommu inventarju aġġornat ta’ tali kopji, jagħmlu dan l-inventarju disponibbli għal dik l-awtorità nazzjonali ta’ kontroll u jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari dawk ta’ l-Artikolu 10, ikunu applikati fir-rigward ta’ dawn il-kopji.

4.   L-aċċess għad-data għandu jkun awtorizzat biss fil-limiti tal-kompetenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 40 u lil persunal debitament awtorizzat.

5.   Fir-rigward ta’ l-allerti stabbiliti fl-Artikoli 26, 32, 34, 36 u 38 ta’ din id-Deċiżjoni, kwalunkwe pproċessar ta’ informazzjoni li tinsab fiha għal finijiet li mhumiex dawk li għalihom iddaħħlet fis-SIS II għandu jkun relatat ma’ każ speċifiku u ġġustifikat mill-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ theddida imminenti gravi għall-politika pubblika u s-sigurtà pubblika, abbażi ta’ raġunijiet gravi ta’ sigurtà nazzjonali jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ reat kriminali gravi. Għandha tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel għal dan il-fini mill-Istat Membru li joħroġ l-allert.

6.   Id-data ma tistax tintuża għal finijiet amministrattivi.

7.   Kwalunkwe użu ta’ data li ma jikkonformax mal-paragrafi 1 sa 6 għandu jitqies bħala użu ħażin skond il-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

8.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Awtorità tat-tmexxija lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħha li huma awtorizzati jagħmlu tiftix direttament fid-data li tinsab fis-SIS II skond din id-Deċiżjoni kif ukoll kwalunkwe tibdil għal-lista. Il-lista għandha tispeċifika, għal kull awtorità, f’liema data tista’ tagħmel tiftix u għal liema finijiet. L-Awtorità tat-tmexxija ghandha tiżgura l-pubblikazzjoni annwali tal-lista fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

9.   Sakemm il-liġi ta’ l-Unjoni ma tistabbilixxix dispożizzjonijiet speċifiċi, għandha tapplika l-liġi ta’ kull Stat Membru għad-data mdaħħla fl-N.SIS II tiegħu.

Artikolu 47

Data tas-SIS II u fajls nazzjonali

1.   L-Artikolu 46(2) m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jżomm fil-fajl nazzjonali tiegħu d-data tas-SIS II li fir-rigward tagħha ttieħdet azzjoni fit-territorju tiegħu. Tali data għandha tinżamm fil-fajls nazzjonali għal perijodu massimu ta’ tliet snin, ħlief jekk xi dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi nazzjonali jipprevedu perijodu ta’ żamma itwal.

2.   L-Artikolu 46(2) m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jżomm fil-fajls nazzjonali tiegħu d-data li tinsab f’allert partikolari maħruġ fis-SIS II minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 48

Informazzjoni f’każ ta’ non-eżekuzzjoni ta’ allert

Jekk l-azzjoni mitluba ma tistax titwettaq, l-Istat Membru mitlub għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert.

Artikolu 49

Kwalità tad-data pproċessata fis-SIS II

1.   Stat Membru li jkun qed joħroġ allert għandu jkun responsabbli li jiżgura li d-data hi eżatta, aġġornata u hi mdaħħla fis-SIS II b’mod legali.

2.   L-Istat Membru li jkun ħareġ allert biss għandu jkun awtorizzat li jimmodifika, iżid ma’, jikkoreġi jew iħassar data li jkun daħħal.

3.   Jekk Stat Membru għajr dak li jkun ħareġ l-allert ikollu provi li jissuġġerixxu li xi punt tad-data huwa fattwalment inkorrett jew inħażen illegalment, hu għandu, permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni supplementari, javża lill-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert dwar dan kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara li jkun sar jaf b’dawn il-provi. L-Istat Membru li jkun ħareġ l-allert għandu jivverifika l-komunikazzjoni u, jekk meħtieġ, jikkoreġi jew iħassar mingħajr dewmien id-data in kwistjoni.

4.   Jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim fi żmien xahrejn, l-Istat Membru li ma jkunx ħareġ l-allert għandu jissottometti l-kwistjoni lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li flimkien ma’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll ikkonċernati għandu jaġixxi ta’ medjatur.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni supplementari jekk persuna tilmenta li mhix il-persuna msemmija fl-allert. Jekk l-eżitu tal-verifika huwa li fil-fatt hemm żewġ persuni differenti l-persuna li tilmentq għandha tiġi mgħarrfa bid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 51.

6.   Fejn persuna tkun diġà s-suġġett ta’ allert fis-SIS II, Stat Membru li jdaħħal allert ulterjuri għandu jilħaq ftehim dwar id-dħul ta’ l-allert ma’ l-Istat Membru li jkun daħħal l-ewwel allert. Il-ftehim għandu jintlaħaq fuq il-bażi ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

Artikolu 50

Distinzjoni bejn persuni b’karatteristiċi simili

Meta, waqt l-introduzzjoni ta’ allert ġdid, jidher li diġà hemm persuna fis-SIS II bl-istess elementi tad-deskrizzjoni ta’ l-identità, għandha tiġi segwita l-proċedura li ġejja:

(a)

l-Uffiċċju SIRENE għandu jikkuntattja lill-awtorità li tkun qed tagħmel it-talba biex tiċċara jekk l-allert hux dwar l-istess persuna jew le;

(b)

jekk il-kontro-verifika tiżvela li s-suġġett ta’ l-allert il-ġdid huwa tabilħaqq l-istess wieħed, l-uffiċċju SIRENE għandu japplika l-proċedura biex jiddaħħlu allerti multipli kif imsemmi fl-Artikolu 49 (6). Jekk l-eżitu tal-verifika huwa li fil-fatt hemm żewġ persuni differenti, l-Uffiċċju SIRENE għandu japprova t-talba biex jiddaħħal allert ieħor billi jżid l-elementi meħtieġa sabiex tiġi evitata kwalunkwe identifikazzjoni żbaljata.

Artikolu 51

Data addizzjonali sabiex jiġu ttrattati l-identitajiet użati ħażin

1.   Fejn tista’ tqum konfużjoni bejn il-persuna li fil-fatt kellha tkun is-suġġett ta’ allert dwarha u persuna li l-identità tagħha ġiet użata ħażin, l-Istat Membru li daħħal l-allert għandu, soġġett għall-kunsens espliċitu ta’ dik il-persuna, iżid data relatata ma’ din ta’ l-aħħar ma’ l-allert sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ identifikazzjonijiet żbaljati.

2.   Id-data relatata ma’ persuna li l-identità tagħha ntużat ħażin għandha tintuża biss għall-finijiet li ġejjin:

(a)

biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiddistingwi bejn il-persuna li l-identità tagħha ntużat ħażin u l-persuna li fil-fatt hija s-suġġett ta’ l-allert;

(b)

biex il-persuna li l-identità tagħha ntużat ħażin tkun tista’ tipprova l-identità tagħha u tistabbilixxi li l-identità tagħha ntużat ħażin.

3.   Għall-fini ta’ dan l-Artikolu ma jista’ jiddaħħal u jiġi proċessat fis-SIS II xejn aktar minn din id-data personali li ġejja:

(a)

kunjom(ijiet) u isem/ismijiet, isem/ismijiet fit-twelid u ismijiet użati qabel u kwalunkwe psewdonimu, jekk jista’ jkun imdaħħal separatament;

(b)

kwalunkwe karatteristika oġġettiva u fiżika speċifika mhux soġġetta għal bidla;

(ċ)

post u data tat-twelid;

(d)

sess;

(e)

ritratti;

(f)

marki tas-swaba’;

(g)

nazzjonalità(jiet);

(h)

in-numru/i tal-karta/i ta’ l-identità u d-data tal-ħruġ.

4.   Ir-regoli tekniċi meħtieġa biex tiddaħħal u tkun ipproċessata iktar id-data msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument li jistabbilixxi l-Awtorità tat-tmexxija.

5.   Id-data msemmija fil-paragrafu 3 għandha titħassar fl-istess ħin ta’ l-allert korrispondenti jew aktar kmieni jekk il-persuna titlob hekk.

6.   L-awtoritajiet li għandhom dritt ta’ aċċess għall-allert korrispondenti biss jista’ jkollhom aċċess għad-data msemmija fil-paragrafu 3. Jistgħu jagħmlu dan għall-fini uniku li jevitaw identifikazzjoni żbaljata.

Artikolu 52

Kollegamenti bejn allerti

1.   Stat Membru jista’ joħloq kollegament bejn l-allerti li joħroġ fis-SIS II. L-effett ta’ tali kollegament għandu jkun li tiġi stabbilita relazzjoni bejn żewġ allerti jew aktar.

2.   Il-ħolqien ta’ kollegament m’għandux jaffettwa l-azzjoni speċifika li għandha tittieħed abbażi ta’ kull allert ikkollegat jew il-perijodu ta’ żamma ta’ kull wieħed mill-allerti kkollegati.

3.   Il-ħolqien ta’ kollegament m’għandux jaffettwa d-drittijiet ta’ l-aċċess previsti f’din id-Deċiżjoni. L-awtoritajiet mingħajr dritt għal aċċess għal ċerti kategoriji ta’ allerti m’għandhomx ikunu jistgħu jaraw il-kollegament ma’ allert li m’għandhomx aċċess għalih.

4.   Stat Membru għandu joħloq kollegament bejn allerti fil-każ biss li tinħoloq ħtieġa operattiva ċara.

5.   Il-kollegamenti jistgħu jinħolqu minn Stat Membru skond il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu dejjem jekk huma rrispettati l-prinċipji deskritti f’dan l-Artikolu.

6.   Meta Stat Membru jqis li l-ħolqien minn Stat Membru ieħor ta’ kollegament bejn allerti huwa inkompatibbli mal-liġi nazzjonali jew ma’ obbligi internazzjonali tiegħu, hu jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li ma jista’ jkun hemm l-ebda aċċess għall-kollegament mit-territorju nazzjonali tiegħu jew mill-awtoritajiet tiegħu li jkunu barra mit-territorju tiegħu.

7.   Ir-regoli tekniċi għall-ikkollegar bejn allerti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ddefinita fl-Artikolu 67, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-istrument li jistabbilixxi l-Awtorità tat-tmexxija.

Artikolu 53

Fini u perijodu ta’ żamma ta’ informazzjoni supplimentari

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu referenza għad-deċiżjonijiet li jwasslu għall-allert fl-Uffiċċju SIRENE biex jappoġġaw l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

2.   Id-data personali miżmuma f’fajls mill-Uffiċċju SIRENE bħala riżultat ta’ informazzjoni skambjata skond dak il-paragrafu, għandha tinżamm biss għal dak iż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ingħatat. Fi kwalunkwe każ, għandha titħassar mhux aktar tard minn sena wara li l-allert relatat jkun tħassar mis-SIS II.

3.   Il-paragrafu 2 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stat Membru li jżomm f’fajls nazzjonali data relatata ma’ allert partikolari li dak l-Istat Membru kien ħareġ jew ma’ allert konness ma’ azzjoni li tkun ittieħdet fuq it-territorju tiegħu. Il-perijodu li għalih tali data tista’ tinżamm f’tali fajls għandu jkun irregolat mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 54

Trasferiment ta’ data personali lil terzi

1. Data pproċessata fis-SIS II bi qbil ma’ din id-Deċiżjoni m’għandhiex tiġi trasferita jew titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 55

Skambju ta’ data dwar passaporti misruqa, misapproprjati, mitlufa jew invalidati ma’ l-Interpol

1.   B’deroga mill-Artikolu 54, in-numru tal-passaport, il-pajjiż tal-ħruġ u t-tip ta’ dokument ta’ passaporti misruqa, misappropjati, mitlufa jew invalidati mdaħħla fis-SIS II jistgħu jiġu skambjati ma’ membri ta’ l-Interpol billi tiġi stabbilita konnessjoni bejn is-SIS II u d-database ta’ l-Interpol dwar dokumenti ta’ l-ivvjaġġar misruqa jew nieqsa, soġġett għall-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Interpol u l-Unjoni Ewropea. Il-Ftehim għandu jipprovdi li t-trasmissjoni ta’ data mdaħħla minn Stat Membru għandha tkun soġġetta għall-kunsens ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Il-Ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprevedi li d-data kondiviża għandha tkun aċċessibbli biss għal membri ta’ l-Interpol minn pajjiżi li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data personali. Qabel ma jikkonkludi dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jfittex l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni ta’ data personali u r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali mill-Interpol u minn pajjiżi li ddelegaw membri lill-Interpol.

3.   Il-Ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jipprevedi wkoll aċċess permezz tas-SIS II għall-Istati Membri għal data mid-database ta’ l-Interpol dwar dokumenti ta’ l-ivvjaġġar misruqa jew neqsin, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din Deċiżjoni li jirregolaw allerti dwar passaporti misruqa, misapproprjati, mitlufa jew invalidati mdaħħla fis-SIS II.

KAPITOLU XII

PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 56

Proċessar ta’ kategoriji sensittivi ta’ data

L-ipproċessar ta’ kategoriji ta’ data elenkati fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward ta’ l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali tat-28 ta’ Jannar 1981, huwa pprojbit.

Artikolu 57

Applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-data

Id-data personali pproċessata skond din id-Deċiżjoni għandha tiġi protetta skond il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatiku tad-data personali u l-emendi sussegwenti għaliha.

Artikolu 58

Dritt għal aċċess, korrezzjoni ta’ data mhix eżatta u t-tħassir ta’ data maħżuna illegalment

1.   Id-dritt ta’ persuni biex ikollhom aċċess għal data li tirrigwardahom imdaħħla fis-SIS II skond din id-Deċiżjoni għandu jiġi eżerċitat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li mingħandu jinvokaw dak id-dritt.

2.   Jekk il-liġi nazzjonali tipprevedi hekk, l-awtorità nazzjonali ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 53(1) għandha tiddeċiedi jekk l-informazzjoni għandhiex tiġi kkomunikata u b’liema proċeduri.

3.   Stat Membru li ma jkunx ħareġ l-allert jista’ jikkomunika informazzjoni dwar tali data biss jekk ikun ta minn qabel, lill-Istat Membru li jkun ħareġ l-allert opportunità biex jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu. Dan għandu jsir bl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

4.   Informazzjoni ma għandhiex tkun ikkomunikata lis-suġġett tad-data jekk dan ikun indispensabbli għat-twettiq ta’ kompitu legali b’konnessjoni ma’ allert jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi.

5.   Kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tiġi korretta data dwarha li fattwalment ma tkunx eżatta jew li tiġi mħassra data dwarha li tkun inħażnet illegalment.

6.   L-individwu kkonċernat għandu jiġi informat kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 60 jum mid-data li fiha japplika għal aċċess jew aktar kmieni jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi hekk.

7.   L-individwu għandu jkun informat dwar is-segwitu mogħti lill-eżerċizzju ta’ drittijiet tiegħu ta’ korrezzjoni jew tħassir kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 3 xhur mid-data li fiha huwa japplika għal korrezzjoni jew tħassir jew aktar kmieni jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi hekk.

Artikolu 59

Rimedji

1.   Kwalunkwe persuna tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qrati jew l-awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali ta’ kawlunkwe Stat Membru biex taċċedi għal, tikkoreġi, tħassar jew tikseb informazzjoni jew biex tikseb kumpens b’konnessjoni ma’ allert li jkun jirrigwardaha.

2.   L-Istati Membri jimpenjaw ruħhom reċiprokament li jinfurzaw deċiżjonijiet finali meħuda mill-qrati jew l-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 64.

3.   Sat-23 ta’ Awwissu 2009 r-regoli dwar rimedji previsti f’dan l-Artikolu għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni.

Artikolu 60

Kontroll ta’ l-N.SIS II

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li awtorità indipendenti (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll”) timmonitorja b’mod indipendenti l-leġittimità ta’ l-ipproċessar tad-data personali tas-SIS II fit-territorju tiegħu, u t-trażmissjoni tagħha mit-territorju tagħhom, u l-iskambju u l-ipproċessar ulterjuri ta’ informazzjoni supplimentari.

2.   L-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll għandha tiżgura li mill-inqas kull erba’ snin issir verifika ta’ l-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data fl-N.SIS II skond standards ta’ verifika internazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll tagħhom ikollha riżorsi suffiċjenti biex twettaq l-kompiti fdati lilha minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 61

Kontroll ta’ l-Awtorità tat-tmexxija

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jikkontrollaw li l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali ta’ l-Awtorità tat-tmexxija huma magħmula bi qbil ma’ din id-Dieċiżjoni. Id-dmirijiet u l-poteri msemmijin fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li mill-inqas kull erba’ snin issir verifika ta’ l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali ta’ l-Awtorità tat-tmexxija skond standards ta’ verifika internazzjonali. Ir-rapport tal-verifika għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Awtorità tat-tmexxija, lill-Kummissjoni u lill-Awtoritajiet ta’ Kontroll Nazzjonali. L-Awtorità tat-tmexxija għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta qabel ma r-rapport jiġi adottat.

Artikolu 62

Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Kontroll u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Awtoritajiet ta’ Kontroll Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kull wieħed jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jikkooperaw b’mod attiv fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom u għandhom jiżguraw kontroll ikkoordinat tas-SIS II.

2.   Huma għandhom, kull wieħed jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, jagħmlu skambju ta’ informazzjoni rilevanti, jassistu lil xulxin fit-twettiq ta’ verifiki u spezzjonijiet, jeżaminaw diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jistudjaw problemi fl-eżerċizzju ta’ kontroll indipendenti jew fl-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti għal kwalunkwe problema u jippromwovu kuxjenza dwar id-drittijiet ta’ protezzjoni tad-data, skond il-ħtieġa.

3.   L-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Kontroll u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jiltaqgħu għal dak il-fini mill-inqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż u s-servizzi ta’ appoġġ ta’ dawn il-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Għandhom jiġu adottati regoli ta’ proċedura fl-ewwel laqgħa. Għandhom jiġu żviluppati metodi ta’ ħidma ulterjuri b’mod konġunt skond il-ħtieġa. Kull sentejn għandu jintbagħat rapport konġunt ta’ l-attivitajiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità tat-tmexxija.

Artikolu 63

Protezzjoni tad-data matul il-perijodu transitorju

Fejn il-Kummissjoni tiddelega r-responsabbiltajiet tagħha matul il-perijodu transitorju lil korp jew korpi oħrajn, skond l-Artikolu 15(4), hija għandha tiżgura li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu d-dritt u huwa kapaċi jeżerċita bis-sħiħ il-kompiti tiegħu inkluża l-possibbiltà li jwettaq kontrolli fuq il-post jew li jeżerċita kwalunkwe setgħa oħra mogħtija lilu mill-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

KAPITOLU XIII

RESPONSABBILTÀ U PENALI

Artikolu 64

Responsabbiltà

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli skond il-liġi nazzjonali tiegħu għal kwalunkwe dannu kkawżat lil persuna minħabba l-użu ta’ l-N.SIS II. Dan għandu japplika wkoll għad-dannu kkawżat mill-Istat Membru li jkun ħareġ l-allert, fejn dan ta’ l-aħħar ikun daħħal data fattwalment mhux eżatta jew ikun ħażen data illegalment.

2.   Jekk l-Istat Membru li ssir azzjoni kontrih mhuwiex l-Istat Membru li jkun qed joħroġ l-allert, dan ta’ l-aħħar għandu jintalab jirrimborża, fuq talba, is-somom imħallsa bħala kumpens dment li l-użu tad-data ma tkunx intużat bi ksur ta’ din id-Deċiżjoni mill-Istat Membru li għamel it-talba għar-rimborż.

3.   Jekk nuqqas minn Stat Membru li jikkonforma ma’ l-obbligi tiegħu skond din id-Deċiżjoni jikkawża dannu lis-SIS II, dak l-Istat Membru għandu jinżamm responsabbli għal tali dannu, ħlief jekk u sa fejn l-Awtorità tat-tmexxija jew l-Istati Membri l-oħrajn li qed jieħdu sehem fis-SIS II ikunu naqsu milli jieħdu passi raġonevoli biex jipprevjenu li jseħħ id-dannu jew li jimminimizzaw l-impatt tiegħu.

Artikolu 65

Penali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe użu ħażin tad-data mdaħħla fis-SIS II jew kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni supplimentari kontrarju għal din id-Deċiżjoni jkun soġġett għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi skond il-liġi nazzjonali.

KAPITOLU XIV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 66

Monitoraġġ u statistika

1.   L-Awtorità tat-tmexxija għandha tiżgura li huma attwati proċeduri li jimmonitorjaw il-funzjonament tas-SIS II skond l-objettivi, f’termini ta’ riżultati, kost-effettività, sigurtà u l-kwalità tas-servizz.

2.   Għall-finijiet tal-manutenzjoni teknika, ir-rapportar u l-istatistika, l-Awtorità tat-tmexxija għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa relatata ma’ l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa fis-SIS II Ċentrali.

3.   Kull sena l-Awtorità tat-tmexxija għandha tippubblika statistika li turi n-numru ta’ rekords għal kull kategorija ta’ allert, in-numru ta’ riżultati pożittivi għal kull kategorija ta’ allert u d-drabi li kien hemm aċċess fis-SIS II, bħala total u għal kull Stat Membru.

4.   Sentejn wara li tibda taħdem is-SIS II u kull sentejn wara dan, l-Awtorità tat-tmexxija għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-funzjonamnet tekniku tas-SIS II Ċentrali u l-Infrastruttura ta’ komunikazzjoni, inkluż is-sigurtà tiegħu, dwar l-iskambju bilaterali u multilaterali ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri.

5.   Tliet snin wara li tibda taħdem is-SIS u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tipproduċi evalwazzjoni ġenerali tas-SIS II Ċentrali u l-iskambju bilaterali u multilaterali ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni ġenerali għandha tinkludi l-eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla ma’ l-objettivi, l-valutazzjoni tal-validità kontinwa tar-razzjonal sottostanti, l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fir-rigward tas-SIS II Ċentrali, is-sigurtà tas-SIS II Ċentrali u kwalunkwe implikazzjoni ta’ operazzjonijiet futuri. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti r-rapporti dwar l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Awtorità tat-tmexxija u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-abbozzar tar-rapporti msemmijin fil-paragrafi 3, 4 u 5.

7.   L-Awtorità tat-tmexxija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tipproduċi l-evalwazzjonijiet ġenerali msemmijin fil-paragrafu 5.

Artikolu 67

Kumitat Regolatorju

1.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat regolatorju kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat KE fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill għandu jadotta dwar proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stipulat f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

2.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta magħmula mill-President abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat. Jekk il-miżuri maħsubin mhumiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma ngħatat l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tippreżenta lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

4.   Il-Kunsill jista jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq il-proposta, fi żmien xahrejn mid-data tar-riferiment lill-Kunsill. Jekk f’dak il-perijodu l-Kunsill ikun indika b’maġġoranza kwalifikata li jopponi l-proposta, il-Kummissjoni għandha teżaminaha mill-ġdid. Din tista’ tissottometti proposta emendata lill-Kunsill, terġa’ tissottometti l-proposta tagħha jew tippreżenta proposta leġislattiva. Jekk fid-data ta’ skadenza ta’ dak il-perijodu l-Kunsill ma jkunx għadu adotta la l-att ta’ implimentazzjoni propost u lanqas ma jkun indika l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta għall-miżuri ta’ implimentazzjoni, l-att ta’ implimentazzjoni propost għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni.

5.   Il-Kumitat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jeżerċita l-funzjoni tiegħu mit-23 ta’ Awwissu 2007.

Artikolu 68

Emenda għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen

1.   Għall-finijiet ta’ materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat UE, din id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi fid-data msemmija fl-Artikolu 71(2) id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 64 u 92 sa 119 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 102 A tagħha.

2.   Għall-finijiet ta’ materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat UE, din id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi wkoll, fid-data msemmija fl-Artikolu 71(1a), id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ l-acquis ta’ Schengen li jimplimentaw dawk l-artikoli (20):

(a)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ l-14 ta’ Diċembru 1993 dwar ir-Regolament Finanzjarju dwar l-ispejjeż ta’ l-installazzjoni u tat-tħaddim tas-sistema ta’ l-informazzjoni ta’ Schengen (C.SIS) (SCH/Com-ex (93) 16);

(b)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta’ Ottubru 1997 dwar l-iżvilupp tas-SIS (SCH/Com-ex (97) 24);

(ċ)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-15 ta’ Diċembru 1997 li temenda r-Regolament Finanzjarju dwar is-C.SIS (SCH/Com-ex (97) 35);

(d)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-21 ta’ April 1998 dwar is-C.SIS b’konnessjonijiet 15/18 (SCH/Com-ex (98) 11);

(e)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-25 ta’ April 1997 dwar l-għoti tal-kuntratt għall-Istudju Preliminari tas-SIS II (SCH/Com-ex (97) 2 rev. 2);

(f)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta’ April 1999 dwar in-nefqa ta’ l-installazzjoni tas-C.SIS (SCH/Com-ex (99) 4);

(g)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta’ April 1999 dwar l-aġġornament tal-Manwal SIRENE (SCH/Com-ex (99) 5);

(h)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-18 ta’ April 1996 li tiddefinixxi l-kunċett ta’ barrani (SCH/Com-ex (96) dik. 5);

(i)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta’ April 1999 dwar l-istruttura tas-SIS (SCH/Com-ex (99) dik. 2 rev.);

(j)

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta’ Ottubru 1997 dwar kontribuzzjonijiet min-Norveġja u l-Islanda għall-ispejjeż ta’ l-installazzjoni u tat-tħaddim tas-C.SIS (SCH/Com-ex (97) 18).

3.   Għall-finijiet ta’ materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat UE, ir-referenzi għall-artikoli sostitwiti tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-acquis ta’ Schengen li jimplimentaw dawk l-artikoli għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 69

Revoka

Id-Deċiżjoni 2004/201/ĠAI, id-Deċiżjoni 2005/211/ĠAI, id-Deċiżjoni 2005/719/ĠAI, id-Deċiżjoni 2005/727/ĠAI, id-Deċiżjoni 2006/228/ĠAI, id-Deċiżjoni 2006/229/ĠAI, u d-Deċiżjoni 2006/631/ĠAI huma rrevokati fid-data msemmija fl-Artikolu 71(2).

Artikolu 70

Perijodu transitorju u baġit

1.   L-allerti għandhom jiġu trasferiti mis-SIS 1+ lis-SIS II. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, billi jagħtu prijorità lill-allerti dwar persuni, li l-kontenuti ta’ l-allerti li jkunu trasferiti mis-SIS 1+ għas-SIS II jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u u mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 71(2). Matul dan il-perijodu transitorju, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 94, 95, 97 u 100 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għall-kontenuti ta’ l-allerti li jkunu trasferiti mis-SIS 1+ għas-SIS II soġġetti għar-regoli li ġejjin:

(a)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-każ ta’ modifika ta’, żieda għal jew korrezzjoni jew aġġornament tal-kontenut ta’ allert trasferit mis-SIS 1+ għas-SIS II, li l-allert jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni sa miż-żmien ta’ dik il-modifika, addizzjoni, korrezzjoni jew aġġornament;

(b)

l-Istati Membri għandhom jeżaminaw, fil-każ ta’ segwitu għal riżultat ta’ allert trasferit mis-SIS 1+ għas-SIS II, il-kompatibbiltà ta’ dak l-allert mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni minnufih iżda mingħajr ma jdewem u l-azzjoni li għandha tittieħed fuq il-bażi ta’ dak l-allert.

2.   Il-bqija tal-baġit fid-data stabbilita skond l-Artikolu 71(2), li ġie approvat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 119 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, għandu jitħallas lura lill-Istati Membri. L-ammonti li għandhom jitħallsu lura għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ l-14 ta’ Diċembru 1993 dwar ir-regolament finanzjarju dwar l-ispejjeż ta’ l-installazzjoni u tat-tħaddim tas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen.

3.   Matul il-perijodu transitorju msemmi fl-Artikolu 15(4), referenzi f’din id-Deċiżjoni għall-Awtorità tat-tmexxija għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Kummissjoni.

Artikolu 71

Dħul fis-seħħ, applikabbiltà u migrazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Għandha tapplika għall-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+ minn dati li jridu jiġu ffissati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri tiegħu li jirrappreżentaw lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+.

3.   Id-dati msemmijin fil-paragrafu 1a għandhom jiġu ffissati wara li:

(a)

jiġu adottati l-miżuri implimentattivi meħtieġa;

(b)

l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-SIS 1+ ikunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma jkunu għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessaw data tas-SIS II u jiskambjaw informazzjoni supplimentari;

(ċ)

il-Kummissjoni tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tas-SIS II, li għandu jitmexxa mill-Kummissjoni flimkien ma’ l-Istati Membri, u l-korpi ta’ tħejjija tal-Kunsill ikunu vvalidaw ir-riżultat propost tat-test u kkonfermaw li l-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwa ta’ l-inqas ekwivalenti għal dak miksub mis-SIS 1+;

(d)

il-Kummissjoni tkun għamlet l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex tippermetti lis-SIS II Ċentrali tkun ikkollegata ma’ l-N.SIS II ta’ l-Istati Membri kkonċernati;

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tat-testijiet imwettqa skond il-paragrafu 3(ċ).

5.   Kwalunkwe Deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skond il-paragrafu 2 għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 12 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill,

Il–President

W. SCHÄUBLE


(1)  Opinjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Il-Konvenzjoni kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 18).

(3)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4.

(4)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(6)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  ĠU L 12, 17.1.2004, p. 47.

(9)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 2.

(10)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(11)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(12)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(13)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(14)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(15)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 53.

(16)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta’ xi dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita’ Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26).

(17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunita’ Ewropea, fl-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schenger (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78).

(18)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(19)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(20)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 439.


Top