EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0416

2007/416/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Ġunju 2007 dwar in-noninklużjoni tal-carbofuran fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2467) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 156, 16.6.2007, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 004 P. 269 - 270

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/416/oj

16.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 156/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Ġunju 2007

dwar in-noninklużjoni tal-carbofuran fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2467)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/416/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipola li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ tnax-il sena min-notifika ta’ dik id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati bil-mod fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan ta’ l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-carbofuran.

(3)

Għall-carbofuran, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew eżaminati skond id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawk ir-regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri li jirrapportaw li għandhom iressqu r-rapporti ta’ analiżi u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Ikel (EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għall-carbofuran, l-Istat Membru li jirrapporta kien il-Belġju u t-tagħrif kollu rilevanti kien ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2004.

(4)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni esperta mill-Istati Membri u l-EFSA fil-Grupp ta’ Ħidma tagħha għall-Evalwazzjoni u kien ippreżentat lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2006 fil-format tal-konklużjoni ta’ l-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva carbofuran (4). Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġie ffinalizzat fl-24 ta’ Novembru 2006 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-carbofuran.

(5)

Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. Il-verifika tar-riskju għall-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ma setgħetx tiġi konkluża, b’mod partikolari minħabba li d-data li ġiet fornuta min-notifikatur fil-limitu ta’ żmien legali ma kinitx tipprovdi biżżejjed informazzjoni dwar in-numru ta’ metaboliti li għandhom profil ta’ periklu. Barra minn hekk il-verifika tar-riskju għall-konsumatur, li qajjem tħassib dwar l-esponiment akut għal gruppi vulnerabbli ta’ konsumaturi, b’mod partikolari tfal, ma setax jiġi finalizzat minħabba nuqqas ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ċerti residwi relevanti. Aktar minn hekk, id-data fornuta min-notifikatur fi ħdan il-limitu ta’ żmien legali ma kinitx biżżejjed biex tippermetti lill-EFSA li tevalwa l-effetti tossikoloġiċi fuq is-sustanza attiva. B’riżultat ta’ dan, jibqa’ tħassib fir-rigward tal-verifika tar-riskju għall-għasafar u l-mammiferi, organiżmi akwatiċi, naħal, artropodi li ma jiġux immirati, dud tal-ħamrija, u organiżmi mhux immirati fil-ħamrija. Konsegwentement, ma kienx possibbli li tintlaħaq konklużjoni fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli li l-carbofuran laħaq il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni esperta u dwar jekk kienx beħsiebu jappoġġja aktar is-sustanza. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa, it-tħassib imsemmi hawn fuq baqa’ mhux solvut, u valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat ta’ esperti ta’ l-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbofuran jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, il-carbofuran m’għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-carbofuran jiġu rtirati fi żmien il-perjodu preskritt u ma jiġġeddux, kif ukoll biex ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida għal dawn il-prodotti.

(9)

Kull perjodu ta’ klemenza permess mill-Istati Membri għar-rimi, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbofuran, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir.

(10)

Din id-deċizjoni ma tippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-carbofuran skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 (2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-carbufuran m’għandux ikun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

awtorizzazzjonijiet għal ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbofuran ikunu irtirati sat-13 ta’ Diċembru 2007;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-carbofuran ma tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ klemenza garantita mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun mill-iqsar possibbli u għandu jiskadi fit-13 ta’ Diċembru 2008 l-aktar tard.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/31/KE (ĠU L 140, 1.6.2007, p. 44).

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

(3)  ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

(4)  Rapport Xjentifiku EFSA (2006) 90, 1-88. Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-carbofuran.


Top