EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1107

Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 204, 26.7.2006, p. 1–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 016 P. 72 - 80
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 016 P. 72 - 80
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 016 P. 17 - 25

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1107/oj

26.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 1107/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Is-suq komuni tas-servizzi ta' l-ajru għandu jibbenefika ċ-ċittadini b'mod ġenerali. Konsegwentement persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk ikkawżata minn diżabbiltà, età jew kwalunkwe fattur ieħor, għandhom ikollhom opportunitajiet għall-ivvjaġġar bl-ajru komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra. Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess dritt bħal kull ċittadin ieħor għal moviment liberu, għal-libertà ta' l-għażla u għan-non-diskriminazzjoni. Dan japplika għall-ivvjaġġar bl-ajru daqs kemm japplika għal oqsma oħra tal-ħajja.

(2)

Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom għalhekk ikunu aċċettati għat-trasport u lilhom m'għandux ikun rifjutat it-trasport minħabba d-diżabbiltà jew in-nuqqas ta' mobbiltà tagħhom, ħlief għal raġunijiet ġustifikati minħabba motivi ta' sigurtà li jkunu stabbiliti bil-liġi. Qabel ma' jiġu aċċettati prenotazzjonijiet minn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi bl-ajru, l-aġenti tagħhom u operaturi turistiċi għandhom jagħmlu kull sforz raġonevoli sabiex jivverifikaw jekk ikunx hemm raġuni ġustifikata ta' sigurtà li żżomm lil dawn il-persuni milli jkunu akkomodati fuq it-titjiriet konċernati.

(3)

Dan ir-Regolament m'għandux jolqot id-drittijiet l-oħra tal-passiġġieri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u b'mod partikolari mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (3) u mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet (4). Fejn l-istess avveniment jagħti lok għall-istess dritt ta' rimbors jew ta' prenotazzjoni mill-ġdid taħt xi wieħed minn dawk l-atti leġiżlattivi kif ukoll taħt dan ir-Regolament, il-persuna hekk intitolata għandha titħalla teżerċita dak id-dritt darba biss, skond id-diskrezzjoni tagħha.

(4)

Sabiex il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għall-ivvjaġġar bl-ajru komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra, għandha tkun provduta assistenza li tissodisfa l-ħtiġijiet partikolari tagħhom fl-ajruporti u kif ukoll abbord l-inġenji ta' l-ajru, permezz tal-persunal u t-tagħmir meħtieġa. Fl-interessi ta' l-inklużjoni soċjali, il-persuni konċernati għandhom jirċievu din l-assistenza mingħajr ħlas addizzjonali.

(5)

L-assistenza li tingħata f'ajruporti li jinsabu fit-territorju ta' xi Stat Membru li għalih japplika t-Trattat għandha, fost affarijiet oħra, tagħmilha possibbli għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex jipproċedu minn post tal-wasla stabbilit f'ajruport sa inġenju ta' l-ajru u mill-inġenju ta' l-ajru għal post tat-tluq stabbilit mill-ajruport, inklużi l-imbarkar u l-iżbarkar. Dawn il-postijiet għandhom ikunu stabbiliti għall-inqas ħdejn id-daħliet ewlenin tal-bini tat-terminals, fi nħawi b'counters taċ-check in, fi stazzjonijiet tal-ferrovija, tal-light rail, tal-metro u tal-karrozzi tal-linja, ħdejn stazzjonijiet tat-taxi u postijiet oħra fejn jitniżżlu l-passiġġieri, u f'zoni ta' parkeġġ ta' karrozzi f'ajruporti. L-assistenza għandha tkun organizzata b'tali mod li jkunu evitati interruzzjonijiet u dewmien, filwaqt li jkunu żgurati standards għoljin u ekwivalenti fil-Komunità kollha filwaqt li jsir l-aħjar użu tar-riżorsi, irrispettivament mill-ajruport involut jew mit-trasportatur bl-ajru involut.

(6)

Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, l-iżgurar ta' kwalità għolja ta' assistenza fl-ajruporti għandha tkun ir-responsabbiltà ta' korp ċentrali. Peress li l-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti għandhom rwol ċentrali fil-provvista tas-servizzi madwar l-ajruporti tagħhom, huma għandhom jingħataw din ir-responsabbiltà ġenerali.

(7)

Il-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti jistgħu jipprovdu huma stess l-assistenza lill-persuni b'diżabbiltà jew lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Inkella, in vista ta' l-irwol pożittiv li kellhom fil-passat ċerti operaturi u trasportaturi bl-ajru, il-korpi ta' tmexxija jistgħu jikkuntrattaw mal-partijiet terzi sabiex jagħtu din l-assistenza, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli relevanti Komunitarji, inklużi dawk dwar l-akkwist pubbliku.

(8)

L-assistenza għandha tkun finanzjata b'mod li l-piż ikun mifrux b'mod ekwu fuq il-passiġġieri kollha li jużaw ajruport u li jevita diżinċentivi għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Jidher li l-aktar metodu effettiv ta' finanzjament ikun ħlas mitlub mingħand kull trasportatur bl-ajru li juża ajruport, proporzjonat għan-numru ta' passiġġieri li jittrasporta lejn u mill-ajruport.

(9)

Bl-iskop li jkun żgurat, b'mod partikolari, li l-ħlas mitlub mingħand trasportatur ta' l-ajru jkun propozjonat ma' l-assistenza provduta lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa, u li dan il-ħlas ma jservix sabiex jiġu finanzjati attivitajiet tal-korp ta' tmexxija diversi minn dawk relatati mal-provvista ta' din it-tip ta' assistenza, il-ħlas mitlub għandu jkun adottat u applikat bi trasparenza sħiħa. Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-Ground Handling fl-ajruporti tal-Komunità (5) u partikolarment id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni tal-kontijiet, għandhom għalhekk japplikaw fejn ma jkunx hemm konflitt ma' dan ir-Regolament.

(10)

Fl-organizzazzjoni ta' l-għoti ta' assistenza lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa, u tat-taħriġ tal-persunal tagħhom, l-ajruporti u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jieħdu kont tad-dokument Nru 30 tal-Konferenza Ewropea ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ECAC), Parti I, Taqsima 5 u ta' l-Annessi assoċjati miegħu b' mod partikolari tal-Kodiċi ta' Kondotta Tajba fil-Ground Handling għal Persuni b'Mobbiltà Mnaqqsa, kif stabbilit fl-Anness J tiegħu fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

(11)

Fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-proġettazzjoni ta' ajruporti u ta' terminals ġodda, u bħala parti minn rinnovamenti maġġuri, il-korpi ta' tmexxija ta' ajruporti għandhom, fejn ikun possibbli, jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa. B'mod simili, it-trasportaturi bl-ajru għandhom, fejn ikun possibbli, jikkunsidraw dawn il-ħtiġijiet fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-proġettazzjoni ta' nġenji ta' l-ajru ġodda jew ta' nġenji ta' l-ajru b'faċilitajiet rinnovati.

(12)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data għandha tiġi strettament infurzata sabiex ikun garantit ir-rispett għall-privatezza ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa, u sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni mitluba sservi biss sabiex tissodisfa l-obbligi ta' assistenza stabbiliti f'dan ir-Regolament u ma tintuzax kontra passiġġieri li jfittxu sabiex jingħataw is-servizz in kwistjoni.

(13)

L-informazzjoni essenzjali kollha provduta lill-passiġġieri ta' l-ajru għandha tkun provduta f'forom alternattivi li jkunu aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa u għandha tkun għall-inqas bl-istess lingwi bħal dawk li bihom titqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta' passiġġieri oħra.

(14)

Fejn jintilfu jew tiġrilhom xi ħsara siġġijiet tar-roti, jew tagħmir ta' mobbiltà jew apparat ta' assistenza oħra waqt l-iskariġġar fl-ajruport jew matul it-trasport abbord l-inġenju ta' l-ajru, il-passiġġier li tiegħu jkun l-apparat għandu jiġi kumpensat skond ir-regoli tal-liġijiet internazzjonali, Komunitarji u nazzjonali.

(15)

L-Istati Membri għandhom jissorveljaw u jiżguraw konformità ma' dan ir-regolament u għandhom jaħtru korp adatt sabiex iwettaq kompiti ta' infurzar. Din is-sorveljanza m'għandhiex tolqot id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b' mobbiltà mnaqqsa li jfittxu rimedju legali mill-qrati skond il-liġi nazzjonali.

(16)

Huwa importanti li persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa li tikkunsidra li sar ksur ta' dan ir-Regolament tkun tista' tressaq il-każ quddiem il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport jew quddiem it-trasportatur bl-ajru konċernat skond il-każ. Jekk il-persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa ma tkunx tista' tingħata sodisfazzjon b'dan il-mod, hija għandha tkun libera li tressaq l-ilment tagħha quddiem il-korp jew korpi maħtura għal dan il-għan mill-Istat Membru konċernat.

(17)

L-ilmenti relatati ma' assistenza mogħtija f'ajruport għandhom ikunu indirizzati lill-korp jew korpi maħtura mill-Istat Membru fejn jinsab l-ajruport għall-infurzar ta' dan ir-Regolament. L-ilmenti relatati ma' assistenza mogħtija minn trasportatur bl-ajru għandhom ikunu indirizzati lill-korp jew korpi nazzjonali maħtura għall-infurzar ta' dan ir-Regolament mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja operattiva lit-trasportatur bl-ajru.

(18)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn il-penali jkunu applikati. Il-penali, li jistgħu jinkludu ordni ta' ħlas ta' kumpens lill-persuna konċernata, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(19)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jkunu żgurati livelli għoljin u ekwivalenti ta' protezzjoni u assistenza fl-Istati Membri kollha u li jkun żgurat li l-aġenti ekonomiċi joperaw taħt kondizzjonijiet armonizzati f'suq wieħed, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(20)

Dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(21)

Ir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit, permezz ta' dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta' l-Affarjiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987 qablu dwar arranġamenti għal koperazzjoni akbar fl-użu ta' l-ajruport ta' Ġibiltà. Dawn l-arranġamenti għadhom iridu li jibdew jitħaddmu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-protezzjoni u l-għoti ta' assistenza lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bl-ajru, kemm sabiex jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll sabiex jiżguraw li jirċievu l-assistenza.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jużaw jew ikollhom il-ħsieb li jużaw servizzi kummerċjali għall-passiġġieri bl-ajru meta jitilqu minn ajruport, jittranżitaw minn ajruport jew jaslu f'ajruport li jkun jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.

3.   L-Artikoli 3, 4 u 10 għandhom japplikaw ukoll għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jkun jinsab f'pajjiż terz lejn ajruport li jkun jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat, jekk it-trasportatur bl-ajru li jkun qiegħed jopera jkun trasportatur bl-ajru Komunitarju.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux jolqot id-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti bid-Direttiva 90/314/KEE u taħt ir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

5.   Sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu f'konflitt mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/67/KE, għandu jipprevalixxi dan ir-Regolament.

6.   L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà hija mifhuma li hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tal-vertenza dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

7.   L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà għandha tkun sospiża sakemm l-arranġamenti inklużi fid-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta' l-Affarjiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 1987 jibdew joperaw. Il-Gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit għandhom jinfurmaw lill-Kunsill bid-data ta' meta jibdew joperaw.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“persuna b'diżabbiltà” jew “persuna b'mobbiltà mnaqqsa” tfisser kull persuna li l-mobbiltà tagħha, meta din tuża t-trasport, tkun imnaqqsa minħabba kwalunkwe diżabbiltà fiżika (sensorja jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intelletwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta' diżabbiltà, jew età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni adegwata u l-adattament għall-ħtiġijiet partikolari tagħha tas-servizz magħmul disponibbli għall-passiġġieri kollha;

(b)

“trasportatur bl-ajru” tfisser impriża ta' trasport bl-ajru b'liċenzja valida sabiex topera;

(ċ)

“trasportatur bl-ajru li jkun qiegħed jopera” tfisser trasportatur bl-ajru li jagħmel, jew bi ħsiebu jagħmel, titjira skond kuntratt ma' passiġġier jew f'isem persuna oħra, ġuridika jew fiżika, li jkollha kuntratt ma' dak il-passiġġier;

(d)

“trasportatur bl-ajru Komunitarju” tfisser trasportatur bl-ajru b'liċenzja valida sabiex jopera, mogħtija minn Stat Membru skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar l-għoti ta' liċenzji lit-trasportaturi bl-ajru (6);

(e)

“operatur turistiku” tfisser, bl-eċċezzjoni ta' trasportatur bl-ajru, organizzatur jew bejjiegħ skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(2) u (3), tad-Direttiva 90/314/KEE;

(f)

“korp ta' tmexxija ta' l-ajruport” jew “korp ta' tmexxija” tfisser korp li b'mod partikolari ikollu bħala l-għan tiegħu skond il-liġi nazzjonali l-amministrazzjoni u t-tmexxija ta' infrastrutturi ta' l-ajruport, u l-koordinament u l-kontroll ta' l-attivitajiet ta' l-operaturi varji preżenti f'ajruport jew f'sistema ta' ajruporti;

(g)

“utent ta' ajruport” tfisser kull persuna naturali jew ġuridika responsabbli għat-trasport bl-ajru ta' passiġġieri mill-ajruport jew lejn l-ajruport konċernat;

(h)

“Kumitat ta' l-Utenti ta' l-Ajruport” tfisser kumitat ta' rappreżentanti ta' l-utenti ta' ajruport jew ta' organizzazzjonijiet li jirrapreżentawhom;

(i)

“prenotazzjoni” tfisser il-fatt li passiġġier ikollu biljett, jew prova oħra, li turi li l-prenotazzjoni kienet aċċettata u reġistrata mit-trasportatur bl-ajru jew mill-operatur turistiku;

(j)

“ajruport” tfisser kwalunkwe medda ta' art li tkun adattata b'mod speċjali għall-inżul, għad-dekoll u għall-manuvri ta' nġenji ta' l-ajru, inklużi installazzjonijiet anċillari li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu minħabba r-rekwiżiti tat-traffiku u tas-servizzi ta' inġenji ta' l-ajru, inklużi installazzjonijiet meħtieġa sabiex jgħinu s-servizzi ta' l-ajru kummerċjali;

(k)

“parkeġġ tal-karrozzi f'ajruport” tfisser parkeġġ fil-konfini ta' ajruport jew taħt il-kontroll dirett tal-korp ta' tmexxija ta' ajruport, li jaqdi direttament lill-passiġġieri li jużaw dak l-ajruport;

(l)

“servizz kummerċjali ta' l-ajru għall-passiġġieri” tfisser servizz ta' trasport bl-ajru ta' passiġġieri operat minn trasportatur bl-ajru permezz ta' titjira skedata jew mhux skedata, offrut lill-pubbliku ġenerali għal korrispettiv ta' valur, kemm jekk dan is-servizz jingħata waħdu kif ukoll jekk jingħata bħala parti minn pakkett.

Artikolu 3

Prevenzjoni ta' rifjut tat-trasport

Trasportatur bl-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku ma għandhomx jirrifjutaw, fuq il-bazi ta' diżabbiltà jew ta' mobbiltà mnaqqsa:

(a)

li jaċċettaw prenotazzjoni għal titjira li titlaq minn jew tasal f'ajruport li għalihom japplika din ir-Regolament;

(b)

li jimbarkaw persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa f'tali ajruport, bil-kondizzjoni li l-persuna konċernata jkollha biljett u prenotazzjoni validi.

Artikolu 4

Derogi, kondizzjonijiet speċjali u informazzjoni

1.   Minkejja d-dispożiżżjonijiet ta' l-Artikolu 3, trasportatur bl-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku jistgħu jirrifjutaw, fuq bażi ta' diżabbiltà jew ta' mobbiltà mnaqqsa, li jaċċettaw prenotazzjoni minn persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa jew li jimbarkaw persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa:

(a)

sabiex jiġu sodisfatti rekwiżiti ta' sigurtà applikabbli stabbiliti mil-liġi internazzjonali, Komunitarja jew nazzjonali jew sabiex jiġu sodisfatti rekwiżiti ta' sigurtà stabbiliti mill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikat ta' operatur ta' l-ajru lit-trasportatur bl-ajru konċernat;

(b)

jekk, minħabba d-daqs ta' l-inġenju ta' l-ajru jew tal-bibien tiegħu, ikun fiżikament impossibbli l-imbark jew it-trasport ta' dik il-persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa.

Fil-każ li jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b) ta' l-ewwel subparagrafu, it-trasportatur bl-ajru, l-aġent tiegħu jew l-operatur turistiku għandhom jagħmlu dak li raġonevolment jistgħu sabiex jipproponu alternattiva aċċettabli lill-persuna konċernata.

Il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa li ma tkunx tħalliet timbarka fuq il-bażi tad-diżabbiltà jew tan-nuqqas ta' mobbiltà tagħha u l-persuna li takkumpanja lil din il-persuna skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu offruti d-dritt għal rimbors jew trasport minn rotta differenti kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Id-dritt ta' l-għażla ta' titjira lura jew l-għoti ta' rotta differenti għandhom ikunu suġġetti għall-kondizzjoni li jkunu sodisfatti r-rekwiżiti kollha ta' sigurtà.

2.   Taħt l-istess kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, punt (a), trasportatur bl-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku jistgħu jeżiġu li persuna b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tagħti l-assistenza meħtieġa minn dik il-persuna.

3.   Trasportatur bl-ajru jew l-aġent tiegħu għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, f'format aċċessibbli u għall-inqas bl-istess lingwi bħal dawk li fihom l-informazzjoni tkun disponibbli għal passiġġiera oħra, ir-regoli ta' sigurtà li huma japplikaw għat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà u b'mobbiltà mnaqqsa, kif ukoll kull restrizzjoni fuq it-trasport tagħhom jew fuq dak ta' tagħmir ta' mobbiltà minħabba d-daqs ta' l–inġenju ta' l-ajru. Operatur turistiku għandu jagħmel tali regoli u restrizzjonijiet ta' sigurtà disponibbli għal titjiriet inklużi fi vjaġġi kollox kompriż, vakanzi kollox kompriż u ġiti (tours) kollox kompriż, li huwa jorganizza, ibigħ jew joffri għall-bejgħ.

4.   Meta trasportatur bl-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku jeżerċitaw deroga taħt il-paragrafi 1 jew 2, huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-persuna b'diżabbiltà jew lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa dwar ir-raġunijiet għal dan. Fuq talba, it-trasportatur bl-ajru, l-aġent tiegħu jew l-operatur turistiku għandhom jikkomunikaw dawn ir-raġunijiet bil-miktub lill-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'mobbiltà mnaqqsa, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta ssir it-talba.

Artikolu 5

Stabbiliment ta' punti ta' wasla u ta' tluq

1.   B'koperazzjoni ma' l-utenti ta' l-ajruport, permezz tal-Kumitat ta' l-Utenti ta' l-Ajruport, fejn ikun jeżisti wieħed, u ma' organizzazzjonijiet relevanti li jirrappreżentaw persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, il-korp ta' tmexxija ta' ajruport għandu, filwaqt li jieħu kont tal-kondizzjonijiet lokali, jistabbilixxi punti ta' wasla u ta' tluq fil-konfini ta' l-ajruport, jew f'punt taħt il-kontroll dirett tal-korp ta' tmexxija, kemm ġewwa kif ukoll barra l-bini tat-terminal, minn fejn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa jistgħu, b' faċilità javżaw il-wasla tagħhom fl-ajruport u jitolbu assistenza.

2.   Il-punti ta' wasla u ta' tluq imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu indikati b' mod ċar u joffru informazzjoni bażika dwar l-ajruport f'format aċċessibbli.

Artikolu 6

Trażmissjoni ta' informazzjoni

1.   It-trasportaturi bl-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirċievu, mill-punti tagħhom kollha ta' bejgħ fit-territorju ta' l-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat, inklużi bejgħ bit-telefon u bejgħ permezz ta' l-internet, notifiki tal-ħtieġa ta' assistenza magħmulin minn persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   Meta trasportatur bl-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku jirċievu notifika li tkun meħtieġa assistenza għall-inqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq pubblikat għat-tijira, dawn għandhom ixandru l-informazzjoni konċernata għall-inqas 36 siegħa qabel il-ħin pubblikat tat-tluq tat-tijira:

(a)

lill-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti tat-tluq, tal-wasla u ta' tranżitu, u

(b)

lit-trasportatur bl-ajru li jkun qiegħed jopera, jekk ma tkunx saret prenotazzjoni ma' dak it-trasportatur, ħlief jekk l-identità tat-trasportatur bl-ajru li jkun qiegħed jopera ma tkunx magħrufa fil-ħin tan-notifika, f'liema każ l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa kemm jista' jkun malajr.

3.   Fil-każijiet l-oħra kollha mhux imsemmija fil-paragrafu 2, it-trasportatur bl-ajru jew l-aġent tiegħu jew l-operatur turistiku għandhom jittrażmettu l-informazzjoni kemm jista' jkun malajr.

4.   Kemm jista' jkun malajr wara t-tluq tat-titjira, it-trasportatur bl-ajru li jkun qiegħed jopera għandu jinforma lill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport ta' destinazzjoni, jekk dan ikun jinsab fit-teritorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat, dwar in-numru ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa li jkunu qegħdin fuq it-titjira u li jkunu jeħtieġu l-assistenza kif speċifikat fl-Anness I, u dwar in-natura ta' dik l-assistenza.

Artikolu 7

Dritt għall-assistenza fl-ajruporti

1.   Meta persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa jaslu f'ajruport sabiex jivvjaġġaw bl-ajru, il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura l-għoti ta' l-assistenza speċifikata fl-Anness I b'mod li l-persuna tkun tista' taqbad it-titjira li għaliha hija jkollha prenotazzjoni, bil-kondizzjoni li n-notifika tal-ħtiġijiet partikolari tal-persuna għal din l-assistenza tkun saret lit-trasportatur bl-ajru jew lill-aġent tiegħu jew lill-operatur turistiku konċernati għall-inqas 48 siegħa qabel il-ħin pubblikat tat-tluq tat-titjira. Din in-notifika għandha tkopri wkoll it-titjira lura, jekk it-titjira 'l barra u t-titjira lura jkunu ġew kuntrattati ma' l-istess trasportatur bl-ajru.

2.   Fejn ikun meħtieġ l-użu ta' kelb ta' assistenza rikonoxxut, din il-ħtieġa għandha tiġi akkomodata bil-kondizzjoni li n-notifika dwarha tiġi magħmula lit-trasportatur bl-ajru jew lill-aġent tiegħu jew lill-operatur turistiku skond ir-regolamenti nazzjonali applikabbli li jkopru t-trasport ta' klieb ta' assistenza abbord l-inġenji ta' l-ajru, fejn tali regoli jkunu jeżistu.

3.   Jekk ma tingħata l-ebda notifika skond il-paragrafu 1, il-korp ta' tmexxija għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha li jista' sabiex jipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness I b'mod li l-persuna konċernata tkun tista' taqbad it-titjira li għaliha hija jkollha prenotazzjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw bil-kondizzjoni li:

(a)

il-persuna tippreżenta ruħha għaċ-check-in:

(i)

fil-ħin stipulat minn qabel u bil-miktub (anke b'mezzi elettroniċi) mit-trasportatur bl-ajru jew mill-aġent tiegħu jew mill-operatur turistiku, jew

(ii)

jekk l-ebda ħin ma jkun stipulat, mhux aktar tard minn siegħa qabel il-ħin pubblikat tat-tluq, jew

(b)

il-persuna tasal f'punt fil-konfini ta' l-ajruport stabbilit skond l-Artikolu 5:

(i)

fil-ħin stipulat minn qabel u bil-miktub (anke b'mezzi elettroniċi) mit-trasportatur bl-ajru jew mill-aġent tiegħu jew mill-operatur turistiku, jew

(ii)

jekk l-ebda ħin ma jkun stipulat, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-ħin pubblikat tat-tluq.

5.   Meta persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tittranżita minn ajruport li għalih japplika dan ir-Regolament, jew tkun trasferita minn trasportatur bl-ajru jew operatur turistiku mit-titjira li għaliha hija jkollha prenotazzjoni għal titjira oħra, il-korp ta' tmexxija għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura l-għoti ta' l-assistenza speċifikata fl-Anness I b'mod li l-persuna tkun tista' taqbad it-titjira li għaliha hija jkollha prenotazzjoni.

6.   Mal-wasla bl-ajru ta' persuna b'diżabbiltà jew ta' persuna b'mobbiltà mnaqqsa f'ajruport li għalih japplika dan ir-Regolament, il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandu jkun responsabbli li jiżgura li tiġi provduta l-assistenza speċifikata fl-Anness I b'mod li dik il-persuna tkun tista' tasal sal-post tat-tluq tagħha mill-ajruport kif imsemmi fl-Artikolu 5.

7.   L-assistenza provduta għandha, sa fejn ikun possibbli, tkun adegwata għall-ħtiġijiet partikolari tal-passiġġier individwali.

Artikolu 8

Responsabbiltà għall-assistenza fl-ajruporti

1.   Il-korp ta' tmexxija ta' ajruport għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura l-għoti ta' l-assistenza speċifikata fl-Anness I mingħajr ħlas addizzjonali għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   Il-korp ta' tmexxija jista' jipprovdi din l-assistenza huwa stess. Inkella, b'mod konformi mar-responsabbiltà tiegħu, u suġġett dejjem għall-konformità ma' l-istandards ta' kwalità msemmija fl-Artikolu 9(1), il-korp ta' tmexxija jista' jikkuntratta ma' parti waħda jew aktar għall-provvista ta' l-assistenza. F'koperazzjoni ma' l-utenti ta' l-ajruport, permezz tal-Kumitat ta' l-Utenti ta' l-Ajruport, fejn dan ikun jeżisti, il-korp ta' tmexxija jista' jidħol f'tali kuntratt jew kuntratti fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba, anke minn trasportatur bl-ajru, u b'kont meħud tas-servizzi eżistenti fl-ajruport konċernat. Fil-każ li jirrifjuta talba bħal din, il-korp ta' tmexxija għandu jipprovdi ġustifikazzjoni bil-miktub.

3.   Il-korp ta' tmexxija ta' ajruport jista', fuq bażi mhux diskriminatorja, jimponi ħlas speċifiku fuq l-utenti ta' l-ajruport bl-għan li tiġi finanzjata din l-assistenza.

4.   Dan il-ħlas speċifiku għandu jkun raġonevoli, relatat ma' l-ispiża, trasparenti u stabbilit mill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport f'koperazzjoni ma' l-utenti ta' l-ajruport, permezz tal-Kumitat ta' l-Utenti ta' l-Ajruport, fejn dan ikun jeżisti, jew ta' kwalunkwe entità oħra adatta. Dan il-ħlas għandu jinqasam fost l-utenti ta' l-ajruport skond il-proporzjon għan-numru totali ta' passiġġieri kollha li kull wieħed minnhom jittrasporta minn u lejn dak l-ajruport.

5.   Il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandu jissepara l-kontijiet ta' l-attivitajiet tiegħu relatati ma' l-assistenza li tingħata lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa mill-kontijiet ta' l-attivitajiet l-oħra tiegħu, skond il-prattika kummerċjali attwali.

6.   Il-korp ta' tmexxija ta' ajruport għandu jagħmel disponibbli għall-utenti ta' l-ajruport, permezz tal-Kumitat ta' l-Utenti ta' l-Ajruport, fejn dan ikun jeżisti, jew ta' kwalunkwe entità oħra adatta, kif ukoll għall -korp jew korpi ta' infurzar imsemmija fl-Artikolu 14, sintesi annwali verifikata tal-ħlasijiet riċevuti u ta' l-ispejjeż magħmula fir-rigward ta' l-assistenza provduta lil persuni b'diżabbiltà u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 9

Standards ta' kwalità għall-assistenza

1.   Bl-eċċezzjoni ta' ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom jkun ta' inqas minn 150 000 moviment kummerċjali ta' passiġġieri, il-korp ta' tmexxija għandu jistabbilixxi standards ta' kwalità għall-assistenza speċifikata fl-Anness I u jiddetermina rekwiżiti ta' riżorsi sabiex jilħaqhom, f'koperazzjoni ma' l-utenti ta' l-ajruport, permezz tal-Kumitat ta' l-Utenti ta' l-Ajruport, fejn dan ikun jeżisti, u organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lil passiġġieri b'diżabbiltà u lil passiġġeri b'mobbiltà mnaqqsa.

2.   Meta jiġu stabbiliti tali standards għandu jittieħed kont sħiħ tal-linji politiċi u tal-kodiċijiet ta' kondotta rikonoxxuti internazzjonalment li jikkonċernaw il-faċilitazzjoni tat-trasport ta' persuni b'diżabbiltà jew persuni b'mobbiltà mnaqqsa, b'mod partikolari l-Kodiċi ta' Kondotta Tajba fil-Ground Handling għal Persuni b'Mobbiltà Mnaqqsa, ta' l-ECAC.

3.   Il-korp ta' tmexxija ta' ajruport għandu jippubblika l-istandards ta' kwalità tiegħu.

4.   Trasportatur bl-ajru u korp ta' tmexxija ta' ajruport jistgħu jiftiehmu sabiex, għall-passiġġieri li dak it-trasportatur bl-ajru jittrasporta minn u lejn l-ajruport, il-korp ta' tmexxija jipprovdi assistenza ta' standard ogħla mill-istandards imsemmija fil-paragrafu 1 jew jipprovdi servizzi addizzjonali għal dawk speċifikati fl-Anness I.

5.   Għall-finijiet tal-finanzjament ta' kwalunkwe wieħed minn dawn, il-korp ta' tmexxija jista' jimponi ħlas mingħand it-trasportatur bl-ajru li jkun addizzjonali għal dak imsemmi fl-Artikolu 8(3), li għandu jkun trasparenti, relatat ma' l-ispiża u stabbilit wara konsultazzjoni mat-trasportatur bl-ajru konċernat.

Artikolu 10

Assistenza mit-trasportaturi bl-ajru

Trasportatur bl-ajru għandu jipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness II, mingħajr ħlas addizzjonali, lil persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa li titlaq minn, tasal fi, jew tittranżita minn ajruport li għalih japplika dan ir-Regolament bil-kondizzjoni l-persuna in kwistjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), (2) u (4).

Artikolu 11

Taħriġ

It-trasportaturi bl-ajru u l-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti għandhom:

(a)

jiżguraw li l-persunal kollu tagħhom, inkluż dak impjegat minn kwalunkwe subkuntrattur, li jipprovdi assistenza diretta lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkollhom il-konoxxenza dwar kif jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' persuni li jkollhom diżabbiltàjiet jew nuqqasijiet ta' mobbiltà varji;

(b)

jipprovdu taħriġ dwar it-trattament ugwali ta' persuni b'diżabbiltà (Disability Equality Training) u dwar l-iżvilupp ta' kuxjenza dwar id-diżabbiltàjiet (Disability Awareness Training) lill-persunal kollu tagħhom li jaħdem fl-ajruport u li jittratta direttament mal-pubbliku li jivvjaġġa;

(ċ)

jiżguraw li, mar-reklutaġġ tagħhom, l-impjegati ġodda kollha jattendu għal taħriġ relatat mad-diżabbiltà u li l-persunal jirċievi korsijiet ta' tiġdid ta' taħriġ meta dan ikun kunsiljabbli.

Artikolu 12

Kumpens għal siġġijiet tar-roti, tagħmir ta' mobbiltà ieħor u apparat ta' assistenza li jintilfu jew li ssirilhom ħsara

Fejn jintlifu jew issirilhom ħsara siġġijiet tar-roti, tagħmir ta' mobbiltà ieħor jew għodod ta' assistenza waqt l-iskariġġar flajruport jew waqt it-trasport tagħhom fuq inġenji ta' l-ajru, il-passiġġier li tiegħu jkun it-tagħmir għandu jiġi kkumpensat skond ir-regoli tal-liġijiet internazzjonali, Komunitarji u nazzjonali.

Artikolu 13

Preklużjoni ta' rinunzja

L-obbligazzjonijiet lejn persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa skond dan ir-Regolament m'għandhomx jiġu limitati jew rinunzjati.

Artikolu 14

Korp ta' Infurzar u l-kompiti tiegħu

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina korp jew korpi responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament fir-rigward taa' titjiriet li jitilqu minn ajruporti jew li jaslu f'ajruporti li jinsabu fit-territorju tiegħu. Fejn ikun il-każ, dan il-korp jew korpi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jkunu rispettati d-drittijiet ta' persuni b' diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa, inkluża l-konformità ma' l-istandardsstandards ta' kwalità msemmija fl-Artikolu 9(1). L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-korp jew korpi li jiġu nominati.

2.   Fejn ikun il-każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-korp jew korpi ta' infurzar nominati taħt il-paragrafu 1 jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni sodisfaċenti ta' l-Artikolu 8, anke fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar ħlasijiet bl-iskop li tiġi evitata l-kompetizzjoni żleali. Jistgħu wkoll jaħtru korp speċifiku għal dak l-iskop.

Artikolu 15

Proċedura ta' tressiq ta' lmenti

1.   Persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa li tikkunsidra li sar ksur ta' dan ir-Regolament tista' tressaq il-każ quddiem il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport jew quddiem il-trasportatur bl-ajru konċernat skond kif ikun il-każ.

2.   Jekk persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa ma tkunx tista' tieħu sodisfazzjoni b'dan il-mod, jistgħu jitressqu lmenti, dwar l-allegat ksur ta' dan ir-Regolament, quddiem kwalunkwe korp jew korpi nominati taħt l-Artikolu 14(1), jew quddiem kwalunkwe korp kompetenti ieħor nominat minn Stat Membru.

3.   Korp fi Stat Membru li jirċievi ilment dwar kwistjoni li taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' korp nominat ta' Stat Membru ieħor għandu jgħaddi l-ilment lill-korp ta' dak l-Istat Membru l-ieħor.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jinfurmaw lil persuni b'diżabbiltàjiet u lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa bid-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament u bil-possibbiltà li jressqu lment quddiem dan il-korp jew dawn il-korpi nominati.

Artikolu 16

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu implimentati. Il-penali provduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom javżawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 17

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2010, dwar il-funzjonament u l-effetti ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposti leġiżlattivi li jimplimentaw f'aktar dettal id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jew li jirriveduh.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika b'effett mis-26 ta’ Lulju 2008, ħlief l-Artikoli 3 u 4, li għandhom japplikaw b'effett mis-26 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar il-15 ta’ Awwissu 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMÄKI


(1)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 12.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2006.

(3)  ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

(4)  ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.


ANNESS I

Assistenza taħt ir-responsabbiltà tal-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti

Assistenza u arranġamenti meħtieġa sabiex jagħmluha possibbli għal persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa li:

jikkomunikaw il-wasla tagħhom f'ajruport u t-talba tagħhom għall-assistenza fil-punti stabbiliti ġewwa u barra l-bini tat-terminal imsemmija fl-Artikolu 5;

jipproċedu minn punt stabbilit sal-bank taċ-check in;

jagħmlu check in u jirreġistraw il-bagalji;

jipproċedu mill-bank taċ-check in sa l-inġenju ta' l-ajru, bit-twettiq tal-proċeduri ta' immigrazzjoni, dwana u sigurtà;

jitilgħu fuq l-inġenju ta' l-ajru permezz ta' lifts, siġġijiet tar-roti jew assistenza oħra meħtieġa, skond il-każ;

jipproċedu mill-bieb ta' l-inġenju ta' l-ajru sal-postijiet tagħhom;

iqiegħdu u jerġgħu jieħdu lura l-bagalji fuq l-inġenju ta' l-ajru;

jipproċedu mill-postijiet tagħhom sal-bieb ta' l-inġenju ta' l-ajru;

jiżbarkaw mill-inġenju ta' l-ajru, permezz ta' lifts, siġġijiet tar-roti jew assistenza oħra meħtieġa, skond il-każ;

jipproċedu mill-inġenju ta' l-ajru sas-sala tal-bagalji u jieħdu lura l-bagalji, bit-twettiq tal-proċeduri ta' immigrazzjoni u dwana;

jipproċedu mis-sala tal-bagalji sal-post stabbilit;

jaslu sat-titjiriet ta' konnessjoni meta jkunu fi tranżitu, b'assistenza min-naħat ta' l-ajru u ta' l-art, fit-terminals u bejniethom, skond kif meħtieġ;

jipproċedu lejn faċilitajiet sanitarji jekk ikun meħtieġ.

Meta persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun assistita minn persuna li takkumpanjaha, din il-persuna għandha, fuq talba, tkun permessa tipprovdi l-assistenza meħtieġa fl-ajruport u waqt l-imbark u l-iżbark.

Ground handling tat-tagħmir kollu meħtieġ li jiffaċilita l-mobbiltà, inkluż tagħmir bħal siġġijiet tar-roti li jaħdmu bl-elettriku suġġett għal pre-avviż ta' 48 siegħa u għal-limitazzjonijiet possibbli ta' spazju abbord l-inġenju ta' l-ajru, u suġġett għall-applikazzjoni tal-liġi relevanti dwar oġġetti perikolużi.

Bdil temporanju ta' tagħmir ta' mobbiltà li tkun ġratlu xi ħsara jew li jkun intilef, għalkemm dan mhux neċessarjament ikun identiku.

Ground handling ta' klieb ta' assistenza rikonoxxuti, meta jkun relevanti.

Komunikazzjoni ta' informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu użati titjiriet f'formati aċċessibbli.


ANNESS II

Assistenza minn trasportaturi bl-ajru

It-trasport fil-kabina ta' klieb ta' assistenza rikonoxxuti, suġġett għar-regolamenti nazzjonali.

Addizzjonalment mat-tagħmir mediku, it-trasport ta' mhux iżjed minn żewġ biċċiet tagħmir ta' mobbiltà għal kull persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa, inklużi siġġijiet tar-roti li jaħdmu bl-elettriku, suġġett għal pre-avviż ta' 48 siegħa u għal-limitazzjonijiet possibbli ta' spazju fuq l-inġenju ta' l-ajru, u suġġett għall-applikazzjoni tal-liġi relevanti dwar oġġetti perikolużi.

Komunikazzjoni ta' informazzjoni essenzjali li tikkonċerna titjira f'formati aċċessibbli.

Kull sforz raġonevoli sabiex isir arranġament ta' postijiet li jissodisfaw, meta ssir talba, il-ħtiġijiet ta' individwi b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa u suġġett għar-rekwiżiti ta' sigurtà u disponibbiltà.

Assistenza fil-moviment lejn faċilitajiet sanitarji jekk ikun meħtieġ.

Fejn persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun assistita minn persuna li takkumpanjaha, it-trasportatur bl-ajru għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli sabiex jagħti lil tali persuna post maġenb il-persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa.


Top