EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0066

Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 266, 26.9.2006, p. 1–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 053 P. 215 - 228
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 053 P. 215 - 228
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 056 P. 88 - 101

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/07/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/66/oj

26.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DIRETTIVA 2006/66/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Settembru 2006

dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu, u l-Artikolu 95(1) tiegħu fir-rigward ta' l-Artikoli 4, 6 u 21 ta' din id-Direttiva,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (4), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-22 ta' Ġunju 2006,

Billi:

(1)

Hu mixtieq li jiġu armonizzati l-miżuri nazzjonali dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi. L-għan primarju ta' din id-Direttiva hu li jiġi minimizzat l-impatt negattiv ta' batteriji u ta' akkumulaturi u l-iskart ta' batteriji u ta' akkumulaturi fuq l-ambjent, u b'hekk isir kontribut għall-protezzjoni, għall-preservazzjoni u għat-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent. Il-bażi legali hu għalhekk l-Artikolu 175(1) tat-Trattat. Madankollu, hu wkoll xieraq li jittieħdu miżuri f'livell Komunitarju fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95(1) tat-Trattat sabiex jiġu armonizzati r-rekwiżiti dwar il-kontenut ta' metalli ta' densità għolja u l-ittikkettjar ta' batteriji u ta' akkumulaturi u b'hekk jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 1996 dwar ir-Reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja għall-Immaniġġar ta' l-Iskart stabbiliet linji gwida għall-politika Komunitarja futura dwar l-iskart. Dik il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-kwantitajiet ta' sustanzi perikolużi fl-iskart u tiġbed l-attenzjoni għall-benefiċċji potenzjali ta' regoli għall-Komunità kollha li jillimitaw il-preżenza ta' sustanzi bħal dawn fi prodotti u fi proċessi ta' produzzjoni. Tgħid ukoll li, fejn il-ħolqien ta' skart ma jistax jiġi evitat, dak l-iskart għandu jiġu użat mill-ġdid jew irkuprat għall-materjal jew għall-enerġija tiegħu.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1988 dwar il-programm ta' azzjoni Komunitarju kontra t-tniġġis ambjentali mill-kadmju (5), seħqet fuq il-limitazzjoni ta' l-użi tal-kadmju f'każijiet fejn ma jeżistux alternattivi xierqa u l-ġbir u r-riċiklaġġ ta' batteriji li jkun fihom l-kadmju bħala wieħed mill-elementi prinċipali ta' l-istrateġija għall-kontroll tal-kadmju fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/157/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 dwar batteriji u akkumulaturi li fihom ċerti sustanzi perikolużi (6) wasslet għal approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam. Madankollu, l-għanijiet ta' dik id-Direttiva ma ntlaħqux kompletament. Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent tal-Komunità (7) u d-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar l-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (8) enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li d-Direttiva 91/157/KEE tiġi riveduta. Għalhekk id-Direttiva 91/157/KEE għandha tiġi riveduta u sostitwita fl-interess taċ-ċarezza.

(5)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali tagħha, din id-Direttiva tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' ċerti batteriji u akkumulaturi li jkun fihom il-merkurju jew il-kadmju. Tippromwovi wkoll livell għoli ta' ġbir u riċiklaġġ ta' l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi u l-prestazzjoni ambjentali mtejba ta' l-operaturi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' batteriji u akkumulaturi, eż. produtturi, distributuri u utenti aħħarin u, b'mod partikolari, dawk l-operaturi involuti direttament fit-trattament u r-riċiklaġġ ta' l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi. Ir-regoli speċifiċi meħtieġa biex jagħmlu dan huma supplimentari għall-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti dwar l-iskart, partikolarment id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-iskart (9), id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar l-irdim ta' skart (10) u d-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħruq ta' skart (11).

(6)

Sabiex jiġi impedut li skart ta' batteriji u akkumulaturi jintrema b'mod li jniġġes l-ambjent, u sabiex tiġi evitata konfużjoni mill-utent aħħari dwar ir-rekwiżiti differenti għall-immaniġġar ta' l-iskart għal batteriji u akkumulaturi differenti, din id-Direttiva għandha tapplika għall-batteriji u akkumulaturi kollha mqiegħda fis-suq fi ħdan il-Komunità. Firxa wiesgħa bħal din għandha wkoll tiżgura ekonomiji fil-kobor fil-ġbir u riċiklaġġ, kif ukoll l-aħjar preservazzjoni ta' riżorsi.

(7)

Batteriji u akkumulaturi affidabbli huma fundamentali għas-sigurtà ta' ħafna prodotti, appliances u servizzi, u fis-soċjetà tagħna huma sors ta' enerġija essenzjali.

(8)

Hu xieraq li ssir distinzjoni bejn batteriji u akkumulaturi portabbli min-naħa waħda u batteriji u akkumulaturi industrijali u awtomotivi mill-oħra. Ir-rimi ta' batteriji u akkumulaturi industrijali u awtomotivi f'siti ta' irdim jew li jinqerdu permezz ta' ħruq għandu jiġi pprojbit.

(9)

Eżempji ta' batteriji u akkumulaturi industrijali jinkludu batteriji u akkumulaturi użati għall-provvista ta' enerġija ta' emerġenza jew ta' riżerva fi sptarijiet, ajruporti jew uffiċini, batteriji u akkumulaturi użati f'ferroviji jew inġenji ta' l-ajru u batteriji u akkumulaturi użati f'riggijiet taż-żejt 'il bogħod mix-xtut jew f'fanali tal-port. Eżempji jinkludu wkoll batteriji u akkumulaturi ddisinjati esklużivament għal terminals ta' ħlas li jinżammu fl-idejn fi ħwienet u ristoranti, bar code readers fil-ħwienet, tagħmir professjonali ta' vidjo għall-kanali tat-TV u studios professjonali, lampi tal-minaturi u lampi ta' l-għaddasa mqabbdin ma' l-elmu ta' minaturi u ta' għaddasa professjonisti; batteriji u akkumulaturi ta' riżerva għal bibien li jinfetħu bl-elettriku sabiex ma jibblukkawx jew jgħaffġu n-nies, batteriji u akkumulaturi użati fi strumentazzjoni jew f'tipi varji ta' tagħmir ta' kejl u ta' strumentazzjoni u batteriji u akkumulaturi użati f'konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' enerġija rinnovabbli bħal panelli solari, dik fotovoltajka u oħrajn. Il-batteriji u l-akkumulaturi industrijali jinkludu wkoll batteriji u akkumulaturi użati f'vetturi elettriċi, bħal karozzi elettriċi, siġġijiet bir-roti, roti, vetturi ta' l-ajruport u vetturi tat-trasport awtomatiċi. Barra minn din il-lista mhix eżawrjenti ta' eżempji, kwalunkwe batterija jew akkumulatur li ma jkunux issiġillati u mhux awtomotivi għandhom jiġu kkunsidrati li huma industrijali.

(10)

Eżempji ta' batteriji u akkumulaturi portabbli, li huma l-batteriji u l-akkumulaturi siġillati kollha li persuna medja tista' ġġorr b'idejha mingħajr diffikultà u li la huma batteriji jew akkumulaturi awtomotivi u lanqas batteriji jew akkumulaturi industrijali, jinkludu batteriji uniċellulari (bħal batteriji AA u AAA) u batteriji u akkumulaturi użati mill-kosumaturi jew mill-professjonisti f'telefonijiet ċellulari, kompjuters portabbli, għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija, ġugarelli u appliances tad-dar bħal xkupilji tas-snien elettriċi, magni tal-leħja u vacuum cleaners ta' l-idejn (inkluż tagħmir simili użat fi skejjel, ħwienet, ristoranti, ajruporti, uffiċini jew sptarijiet) u kwalunkwe batterija jew akkumulatur li l-konsumatur jista' juża għal applikazzjonijiet normali fid-dar.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-ħtieġa għall-addattament ta' din id-Direttiva, filwaqt li tieħu kont ta' l-evidenza teknika u xjentifika disponibbli. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni ta' l-eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-kadmju għal batteriji u akkumulaturi portabbli intiżi għall-użu f'għodod mingħajr fil imħaddma bl-enerġija. Eżempji ta' għodod mingħajr fil imħaddma bl-enerġija huma għodod użati mill-konsumaturi jew minn professjonisti għall-inturnjar, l-issingjar, l-ixkatlar, il-molatura, l-isserrar, il-qtugħ, il-ġeżż, it-titqib bit-trapan, il-perforar, il-punching, l-immartellar, l-irbattitura, l-invitar, il-lustratura jew ipproċessar simili ta' l-injam, metalli u materjali oħrajn, kif ukoll għall-ħsad, qtugħ u attivitajiet oħrajn fil-ġnien.

(12)

Il-Kummissjoni għandha wkoll tissorvelja, u l-Istati Membri għandhom iħeġġu, żviluppi teknoloġiċi li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali ta' batteriji u akkumulaturi matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fi skema Komunitarja għall-immaniġġar ta' l-ambjent u verifika (EMAS).

(13)

Sabiex l-ambjent jiġi protett, l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi għandu jinġabar. Għal batteriji u akkumulaturi portabbli, għandhom jiġu stabbiliti skemi ta' ġbir li jilħqu rata għolja ta' ġbir. Dan ifisser li għandhom jiġu stabbiliti skemi ta' ġbir sabiex l-utenti aħħarin jistgħu jeħilsu mill-iskart kollu ta' batteriji u akkumulaturi portabbli b'mod konvenjenti u bla ħlas. Skemi differenti ta' ġbir u ta' arranġamenti finanzjarji huma xierqa għat-tipi differenti ta' batteriji u akkumulaturi.

(14)

Hu mixtieq li l-Istati Membri jilħqu rati għoljin ta' ġbir u ta' riċiklaġġ għall-iskart ta' batteriji u akkumulaturi sabiex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u rkupru ta' materjal fil-Komunità kollha. Din id-Direttiva għandha għalhekk tistabbilixxi miri minimi ta' ġbir u ta' riċiklaġġ għall-Istati Membri. Hu xieraq li r-rata tal-ġbir tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-bejgħ annwali medju matul fis-snin ta' qabel, sabiex ikun hemm miri komparabbli għall-Istati Membri kollha li huma proporzjonati għal-livell nazzjonali ta' konsum ta' batteriji u akkumulaturi.

(15)

Rekwiżiti speċifiċi ta' riċiklaġġ għandhom jiġu stabbiliti għal batteriji u akkumulaturi tal-kadmju u taċ-ċomb sabiex jintlaħaq livell għoli ta' rkupru tal-materjal fil-Komunità kollha u sabiex jiġu evitati disparitajiet bejn l-Istati Membri.

(16)

Il-partijiet kollha interessati għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fi skemi ta' ġbir, ta' trattament u ta' riċiklaġġ. Dawk l-iskemi għandhom ikunu mfassla sabiex jiġu evitati diskriminazzjoni fir-rigward ta' batteriji u akkumulaturi importati, ostakoli għall-kummerċ jew distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(17)

L-iskemi ta' ġbir u ta' riċiklaġġ għandhom jiġu ottimizzati, partikolarment sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż u l-impatt ambjentali negattiv tat-trasport. L-iskemi ta' trattament u ta' riċiklaġġ għandhom jużaw l-aqwa tekniki disponibbli, skond id-definizzjoni fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (12). Id-definizzjoni tar-riċiklaġġ għandha teskludi l-irkupru ta' enerġija. Il-kunċett ta' rkupru ta' enerġija huwa definit fi strumenti Komunitarji oħra.

(18)

Batteriji u akkumulaturi jistgħu jinġabru individwalment, permezz ta' skemi ta' ġbir ta' batteriji nazzjonali jew flimkien ma' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku, permezz ta' skemi ta' ġbir nazzjonali stabbiliti skond id-Direttiva 2002/96/KE. Fil-każ ta' dan ta' l-aħħar, bħala rekwiżit minimu ta' trattament, batteriji u akkumulaturi għandhom jitneħħew mill-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku miġbur. Wara t-tneħħija tagħhom mill-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku, il-batteriji u akkumulaturi jkunu suġġetti għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, huma jgħoddu b'mod partikolari biex tintlaħaq il-mira ta' ġbir u huma suġġetti għar-rekwiżiti ta' riċiklaġġ.

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti f'livell Komunitarju prinċipji bażiċi għall-finanzjament ta' l-immaniġġar ta' l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi. Skemi ta' finanzjament għandhom jgħinu sabiex jintlaħqu rati għolja ta' ġbir u ta' riċiklaġġ u sabiex jingħata effett lill-prinċipju ta' responsabbiltà tal-produttur. Il-produtturi kollha kif definiti f'din id-Direttiva għandhom ikunu reġistrati. Il-produtturi għandhom jiffinanzjaw l-ispejjeż ta' ġbir, ta' trattament u ta' riċiklaġġ tal-batteriji u akkumulaturi kollha miġbura filwaqt li jnaqqsu l-profitt li jsir mill-bejgħ tal-materjal irkuprat. Madankollu, f'ċerti ċirkostanzi tista' tkun ġustifikata l-applikazzjoni tar-regoli de minimis għall-produtturi żgħar.

(20)

Sabiex il-ġbir ikun ta' suċċess jeħtieġ li l-utenti aħħarin jkunu infurmati dwar l-utilità ta' ġbir separat, dwar l-iskemi ta' ġbir disponibbli u dwar ir-rwol ta' l-utenti aħħarin fl-immaniġġar ta' l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi. Għandhom isiru arranġamenti dettaljati għal skema ta' tikkettjar li tkun tipprovdi lill-utenti aħħarin b'informazzjoni trasparenti, affidabbli u ċara dwar batteriji u akkumulaturi u kwalunkwe metalli ta' densità għolja li jikkontjenu.

(21)

Jekk, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' din id-Direttiva, u partikolarment, sabiex jintlaħqu rati għoljin ta' ġbir separat u ta' riċiklaġġ, l-Istati Membri jużaw strumenti ekonomiċi, bħal rati ta' taxxa differenzjati, għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

(22)

Data affidabbli u komparabbli dwar il-kwantitajiet ta' batteriji u akkumulaturi li jkunu tqiegħdu fis-suq, inġabru u ġew riċiklati hija meħtieġa għall-monitoraġġ dwar jekk l-għanijiet ta' din id-Direttiva jkunux intlaħqu.

(23)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

(24)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil tal-liġi aħjar (13), l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(25)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni (14).

(26)

Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi protett l-ambjent u li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba d-daqs u l-effetti ta' l-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(27)

Din id-Direttiva tapplika bla ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar ir-rekwiżiti ta' sigurtà, kwalità u saħħa u għal-leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika dwar l-immaniġġar ta' l-iskart, b'mod partikolari d-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (15) u d-Direttiva 2002/96/KE.

(28)

Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-produttur, il-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi u l-produtturi ta' prodotti oħrajn li jinkorporaw batterija jew akkumulatur huma responsabbli għall-immaniġġar ta' l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi li jqiegħdu fis-suq. Approċċ flessibbli hu xieraq sabiex l-iskemi ta' finanzjament ikunu jistgħu jirriflettu ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti u sabiex jittieħed kont ta' l-iskemi eżistenti, partikolarment dawk stabbiliti biex jikkonformaw mad-Direttivi 2000/53/KE u 2002/96/KE, filwaqt li jiġi evitat ħlas doppju.

(29)

Id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni fuq l-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi f'tagħmir elettriku u elettroniku (16) ma tapplikax għal batteriji u akkumulaturi użati f'tagħmir elettriku u elettroniku.

(30)

Batteriji u akkumulaturi awtomotivi u industrijali użati f'vetturi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/53/KE, b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha. Għalhekk, jeħtieġ li l-użu tal-kadmju f'batteriji u akkumulaturi industrijali għal vetturi elettriċi jkun projbit, ħlief jekk dawk il-batteriji u akkumulaturi jkunu koperti minn eżenzjoni fuq il-bażi ta' l-Anness II għal dik id-Direttiva.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi:

1)

regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi u b'mod partikolari, projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi li jkun fihom sustanzi perikolużi; u

2)

regoli speċifiċi għall-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ u r-rimi ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi biex jissupplimentaw leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti dwar l-iskart u sabiex jippromwovu livell għoli ta' ġbir u riċiklaġġ ta' skart ta' batteriji u akkumulaturi.

Din id-Direttiva tfittex li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta' batteriji u akkumulaturi kif ukoll ta' l-attivitajiet ta' l-operaturi ekonomiċi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' batteriji u akkumulaturi, per eżempju produtturi, distributuri u utenti aħħarin u b'mod partikolari dawk l-operaturi involuti direttament fit-trattament u r-riċiklaġġ ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull tip ta' batterija u akkumulatur, irrispettivament mill-forma, volum, piż, kompożizzjoni materjali jew użu tagħhom. Hi għandha tapplika bla ħsara għad-Direttivi 2000/53/KE u 2002/96/KE.

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal batteriji u akkumulaturi użati:

(a)

f'tagħmir konness mal-protezzjoni ta' l-interessi ta' sigurtà essenzjali ta' l-Istati Membri, armi, munizzjon u materjal tal-gwerra, bl-eċċezzjoni ta' prodotti li mhumiex intiżi għal għanijiet speċifikament militari;

(b)

f'tagħmir maħsub biex jintbagħat fl-ispazju.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“batterija” jew “akkumulatur” tfisser kwalunkwe sors ta' enerġija elettrika ġġenerata permezz tal-konversjoni diretta ta' enerġija kimika u li jikkonsisti f'ċellula primarja ta' batterija (mhux rikarikabbli) waħda jew aktar jew li jikkonsisti f'ċellula sekondarja ta' batterija (rikarikabbli) waħda jew aktar;

2)

“pakkett ta' batteriji” tfisser kwalunkwe sett ta' batteriji jew akkumulaturi li huma konnessi flimkien u/jew magħluqin f'qoxra minn barra sabiex jifformaw unità kompleta li l-utent aħħari mhux intiż li jifred jew li jiftaħ;

3)

“batterija jew akkumulatur portabbli” tfisser kwalunkwe batterija, ċelluli buttuna, pakkett tal-batteriji jew akkumulatur li:

(a)

huma ssiġillati; u

(b)

jistgħu jinġarru fl-idejn; u

(ċ)

la huma batterija jew akkumulatur industrijali u lanqas batterija jew akkumulatur awtomotiv;

4)

“ċellula buttuna” tfisser kull batterija jew akkumulatur tond, żgħir, portabbli li d-dijametru tiegħu huwa akbar mill-għoli tiegħu u li huwa użat għal għanijiet speċjali bħalma huma apparat tas-smigħ, arloġġi, tagħmir portabbli żgħir u enerġija ta' riżerva;

5)

“batterija jew akkumulatur awtomotiv” tfisser kwalunkwe batterija jew akkumulatur użat għall-enerġija ta' l-istartjar, dawl jew ignition awtomotiv;

6)

“batterija jew akkumulatur industrijali” tfisser kwalunkwe batterija jew akkumulatur maħsuba għal użu esklussivament industrijali jew professjonali jew użati fi kwalunkwe tip ta' vettura elettrika;

7)

“skart ta' batterija jew ta' akkumulatur” tfisser kwalunkwe batterija jew akkumulatur li hu skart skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12/KE;

8)

“riċiklaġġ” tfisser l-ipproċessar mill-ġdid fi proċess ta' produzzjoni ta' materjal ta' l-iskart għall-għan oriġinali tiegħu jew għal għanijiet oħra, iżda li jeskludi l-irkupru ta' l-enerġija;

9)

“rimi” tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet applikabbli previsti fl-Anness IIA għad-Direttiva 2006/12/KE;

10)

“trattament” tfisser kwalunkwe attività mwettqa fuq skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi wara li jkunu ġew mgħoddija lil xi faċilità sabiex jintgħażlu, jiġu ppreparati għar-riċiklaġġ jew ippreparati għar-rimi;

11)

“appliance” tfisser kwalunkwe tagħmir ta' l-elettriku jew elettroniku, kif definit mid-Direttiva 2002/96/KE, li huwa mħaddem kompletament jew parzjalment minn batteriji jew akkumulaturi jew jista' jkun hekk imħaddem;

12)

“produttur” tfisser kwalunkwe persuna fi Stat Membru li, irrespettivament mit-teknika ta' bejgħ użata, inkluż permezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod, kif definiti fid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod (17), tqiegħed batteriji jew akkumulaturi, inklużi dawk inkorporati f'appliances jew vetturi, fis-suq għall-ewwel darba fit-territorju ta' dak l-Istat Membru fuq bażi professjonali;

13)

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna li tipprovdi batteriji u akkumulaturi fuq bażi professjonali lil utent aħħari;

14)

“tqegħid fis-suq” tfisser il-forniment jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni, kemm jekk bi ħlas jew mingħajr ħlas, lil terza persuna fil-Komunità u tinkludi l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità;

15)

“operaturi ekonomiċi” tfisser kull produttur, distributur, kollettur, riċiklatur jew operaturi oħra ta' trattament;

16)

“għodda mingħajr fil mħaddma bl-enerġija” tfisser kwalunkwe appliance miżmum fl-idejn u mħaddem b'batterija jew b'akkumulatur u intiż għal attivitajiet ta' manutenzjoni, kostruzzjoni jew ġardinaġġ;

17)

“ir-rata ta' ġbir” tfisser, għal Stat Membru partikolari f'sena kalendarja partikolari, il-persentaġġ miksub mid-diviżjoni tal-piż ta' l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi portabbli miġbura skond l-Artikolu 8(1) ta' din id-Direttiva jew skond id-Direttiva 2002/96/KE f'dik is-sena kalendarja bil-piż medju ta' batteriji u akkumulaturi portabbli li l-produtturi jew ibigħu direttament lill-utent aħħari jew iqassmu lill-terzi sabiex jinbigħu lill-utent aħħari f'dak l-Istat Membru matul dik is-sena kalendarja u s-sentejn kalendarji ta' qabel.

Artikolu 4

Projbizzjonijiet

1.   Bla ħsara għad-Direttiva 2000/53/KE, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta':

(a)

il-batteriji u l-akkumulaturi kollha, kemm jekk inkorporati f'appliances jew le, li jkun fihom aktar minn 0,0005 % ta' merkurju fil-piż; u

(b)

batteriji jew akkumulaturi portabbli, inklużi dawk inkorporati f'appliances, li jkun fihom aktar minn 0,002 % ta' kadmju fil-piż.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a) m'għandhiex tapplika għal ċelluli buttuna b'kontenut ta' merkurju ta' mhux aktar minn 2 % fil-piż.

3.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b) m'għandhiex tapplika għal batteriji u akkumulaturi portabbli intiżi għall-użu:

(a)

f'sistemi ta' emerġenza u ta' allarm, inkluż dawl ta' emerġenza;

(b)

f'tagħmir mediku; jew

(ċ)

f'għodda mingħajr fil mħaddma bl-enerġija.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 3(ċ) u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-26 ta' Settembru 2010, flimkien ma', jekk ikun xieraq, proposti rilevanti, bil-ħsieb li l-kadmju f'batteriji u f'akkumulaturi jiġi pprojbit.

Artikolu 5

Prestazzjoni ambjentali mtejba

L-Istati Membri li għandhom manifatturi stabbiliti fit-territorju tagħhom għandhom iħeġġu r-riċerka u jinkoraġġixxu titjib fil-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-batteriji u l-akkumulaturi matul iċ-ċiklu tal-ħajja totali tagħhom kif ukoll l-iżvilupp u l-marketing ta' batteriji u akkumulaturi li jkollhom kwantitajiet iżgħar ta' sustanzi perikolużi jew li jkollhom inqas sustanzi li jniġġsu, b'mod partikolari bħala sostituti għall-merkurju, il-kadmju u ċ-ċomb.

Artikolu 6

Tqegħid fis-suq

1.   L-Istati Membri m'għandhomx, għal raġunijiet trattati f'din id-Direttiva, jimpedixxu, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq fit-territorju tagħhom ta' batteriji u akkumulaturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li batteriji jew akkumulaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva ma jitqiegħdux fis-suq jew jiġu rtirati minnu.

Artikolu 7

Għan ġenerali

L-Istati Membri għandhom, b'kunsiderazzjoni ta' l-impatt ambjentali tat-trasport, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jimmassimizzaw il-ġbir separat ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u sabiex jimminimizzaw ir-rimi ta' batteriji u akkumulaturi bħala skart muniċipali mhux magħżul sabiex jintlaħaq livell għoli ta' riċiklaġġ għall-iskart kollu ta' batteriji u akkumulaturi.

Artikolu 8

Skemi ta' ġbir

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu jeżistu skemi ta' ġbir xierqa għal skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi portabbli. Dawn l-iskemi:

(a)

għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin li jarmu skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi portabbli f'punt tal-ġbir fil-viċinanza tagħhom, b'kont meħud tad-densità tal-popolazzjoni;

(b)

għandhom jeħtieġu li d-distributuri jieħdu lura skart ta' batteriji jew akkumulaturi portabbli mingħajr ħlas meta jfornu batteriji u akkumulaturi portabbli, sakemm ma jkunx hemm valutazzjoni li turi li skemi alternattivi huma għall-inqas ugwalment effettivi sabiex jintlaħqu l-miri ambjentali ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn il-valutazzjonijiet pubbliċi;

(ċ)

m'għandhomx jgħabbu b'xi ħlas lill-utenti aħħarin meta jarmu skart ta' batteriji jew akkumulaturi portabbli, u lanqas b'xi obbligu li jixtru batterija jew akkumulatur ġdid;

(d)

jistgħu jitmexxew flimkien ma' l-iskemi msemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/96/KE.

Punti ta' ġbir stabbiliti biex jikkonformaw mal-punt (a) ta' dan il-paragrafu m' għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni jew permess tad-Direttiva 2006/12/KE jew tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar skart perikoluż (18).

2.   Kemm-il darba li l-iskemi jissodisfaw il-kriterji elenkati fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jesiġu li l-produtturi jistabbilixxu tali skemi;

(b)

jesiġu li operaturi ekonomiċi oħra jipparteċipaw f'tali skemi;

(ċ)

iżommu fis-seħħ skemi eżistenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi industrijali, jew terzi persuni jaġixxu f'isimhom, m'għandhomx jirrifjutaw li jieħdu lura skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi industrijali mingħand utenti aħħarin, irrispettivament mill-kompożizzjoni kimika u l-oriġini. Terzi persuni indipendenti jistgħu wkoll jiġbru batteriji u akkumulaturi industrijali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-produtturi ta' batteriji u akkumulaturi awtomotivi, jew terzi persuni, jistabbilixxu skemi għall-ġbir ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi awtomotivi mingħand utenti aħħarin jew minn punt ta' ġbir aċċessibbli fil-viċinanza tagħhom, fejn il-ġbir ma jsirx taħt l-iskemi msemmijin fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/53/KE. Fil-każ ta' batteriji u akkumulaturi awtomotivi minn vetturi privati u mhux kummerċjali, tali skemi m'għandhom jgħabbu b'ebda ħlas lill-utenti aħħarin meta jarmu skart ta' batteriji jew ta' akkumulaturi, u lanqas b'xi obbligu li jixtru batterija jew akkumulatur ġdid.

Artikolu 9

Strumenti ekonomiċi

L-Istati Membri jistgħu jużaw strumenti ekonomiċi biex jippromwovu l-ġbir ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi jew biex jippromwovu l-użu ta' batteriji u akkumulaturi li jkun fihom inqas sustanzi li jniġġsu, per eżempju billi jadottaw rati ta' taxxi differenzjati. Jekk jagħmlu dan, huma għandhom jinnotifikaw il-miżuri relatati ma' l-implimentazzjoni ta' dawk l-istrumenti lill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Miri ta' ġbir

1.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw ir-rata ta' ġbir għall-ewwel darba fir-rigward tal-ħames sena kalendarja sħiħa wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/96/KE, iċ-ċifri ta' ġbir u ta' bejgħ annwali għandhom jinkludu batteriji u akkumulaturi inkorporati f'appliances.

2.   L-Istati Membri għandhom jiksbu r-rati minimi ta' ġbir li ġejjin:

(a)

25 % sas-26 ta' Settembru 2012;

(b)

45 % sas-26 ta' Settembru 2016.

3.   L-Istati Membri għandhom jissorveljaw ir-rati ta' ġbir fuq bażi annwali skond l-iskema stabbilita fl-Anness I. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2002 dwar l-istatistiċi dwar l-iskart (19), l-Istati Membri għandhom jittrasmettu rapporti lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena kalendarja konċernata. Ir-rapporti għandhom jindikaw kif inkisbet d-data neċessarja biex tiġi kkalkulata r-rata ta' ġbir.

4.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2):

(a)

arranġamenti transitorji jistgħu jiġu stabbiliti biex jiġu trattati diffikultajiet li jiltaqa' magħhom Stat Membru fit-twettiq tar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 minħabba xi ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi;

(b)

għandha tiġi stabbilita metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta' batteriji u akkumulaturi portabbli lill-utenti aħħarin sas-26 ta' Settembru 2007.

Artikolu 11

Tneħħija ta' skart ta' batteriji u akkumulaturi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi jfasslu l-appliances b' mod li l-iskart ta' batteriji u akkumulaturi jkun jista' jitneħħa faċilment. L-appliances li jkollhom batteriji u akkumulaturi inkorporati għandhom jiġu akkumpanjati minn istruzzjonijiet li juru kif jistgħu jitneħħew mingħajr periklu u, fejn hu xieraq, jinfurmaw lill-utent aħħari bit-tip ta' batterija jew akkumulatur inkorporat. Dawn id-dispożizzjonijiet m' għandhomx japplikaw fejn, għal raġunijiet ta' sigurta, ta' prestazzjoni, ta' integrita medika jew tad-data, tkun meħtieġa l-kontinwita tal-provvista ta' l-enerġija u tkun tirrikjedi konnessjoni permanenti bejn l-appliance u l-batterija jew l-akkumulatur.

Artikolu 12

Trattament u riċiklaġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mis-26 ta' Settembru 2009:

(a)

produtturi jew terzi persuni jistabbilixxu skemi bl-użu ta' l-aħjar tekniki disponibbli, rigward il-protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent, biex jipprovdu għat-trattament u r-riċiklaġġ ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi; u

(b)

il-batteriji u l-akkumulaturi kollha identifikabbli miġbura skond l-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva jew skond id-Direttiva 2002/96/KE jiġu trattati u riċiklati permezz ta' skemi li għall-inqas jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, b'mod partikolari rigward is-saħħa, is-sigurta' u l-immaniġġar ta' l-iskart.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, skond it-Trattat, jarmu batteriji u akkumulaturi portabbli miġbura li jkun fihom il-kadmju, il-merkurju jew iċ-ċomb f' miżbliet jew f'ħażniet taħt l-art meta ma jkun disponibbli l-ebda suq aħħari vijabbli. L-Istati Membri jistgħu wkoll, skond it-Trattat, jarmu batteriji u akkumulaturi portabbli miġbura li jkun fihom il-kadmju, il-merkurju, jew iċ-ċomb f'miżbliet jew f'ħażniet taħt l-art bħala parti minn strateġija sabiex jinqatgħu gradwalment metalli tqal li, fuq il-bażi ta' valutazzjoni dettaljata ta' l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali, turi li din l-għażla ta' rimi għandha tkun preferuta fuq ir-riċiklaġġ.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu din il-valutazzjoni pubblika u jinnotifikaw abbozzi ta' miżuri lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u ta' regoli dwar servizzi tas-Soċjeta' ta' l-Informazzjoni (20).

2.   It-trattament għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness III, Parti A.

3.   Fejn batteriji jew akkumulaturi jkun miġbura flimkien ma' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku fuq il-bażi tad-Direttiva 2002/96/KE, il-batteriji jew l-akkumulaturi għandhom jitneħħew mill-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku miġbur.

4.   Il-proċessi ta' riċiklaġġ għandhom, sa mhux aktar tard mis-26 ta' Settembru 2010 jissodisfaw l-effiċjenzi ta' riċiklaġġ u d-dispożizzjonijiet assoċjati li hemm stabbiliti fl-Anness III, Parti B.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar il-livelli ta' riċiklaġġ miksuba f'kull sena tal-kalendarju kkonċernata u dwar jekk l-effiċjenzi msemmija fl-Anness III, Parti B inkisbux. Għandhom jissottomettu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-aħħar tas-sena kalendarja konċernata.

6.   L-Anness III jista' jiġi addattat jew supplimentat biex jieħu kont tal-progress tekniku jew xjentifiku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2). B'mod partikolari:

(a)

regoli dettaljati dwar il-kalkolu ta' l-effiċjenzi ta' riċiklaġġ għandhom jiġu miżjuda mhux aktar tard mis-26 ta' Marzu 2010 u

(b)

l-effiċjenzi minimi ta' riċiklaġġ għandhom jiġu valutati regolarment u addattati għall-aħjar tekniki disponibbli u fid-dawl ta' l-iżviluppi msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu.

7.   Qabel ma tipproponi kwalunkwe emenda għall-Anness III il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati rilevanti, b'mod partikolari l-produtturi, il-kolletturi, ir-riċiklaturi, l-operaturi tat-trattamenti, l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet ta' l-impjegati. Hi għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 24(1) bir-riżultat ta' din il-konsultazzjoni.

Artikolu 13

Teknoloġiji ġodda għar-riċiklaġġ

1.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għar-riċiklaġġ u t-trattament, u jippromovu r-riċerka f'metodi ta' riċiklaġġ li jkunu favur l-ambjent u li jkunu ekonomikament vijabli għal kull tip ta' batteriji u akkumulaturi.

2.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-faċilitajiet għat-trattament biex jintroduċu skemi ċċertifikati għall-immaniġjar ta' l-ambjent skond ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja għall-immaniġġar ta' l-ambjent u l-verifika (EMAS) (21).

Artikolu 14

Rimi

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu r-rimi f'miżbliet jew bil-ħruq ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi industrijali u awtomotivi. Madankollu, ir-residwi ta' kwalunkwe batterija u akkumulatur li jkun sarilhom sew trattament u sew riċiklaġġ skond l-Artikolu 12(1) jistgħu jintremew f'miżbliet jew jinħarqu.

Artikolu 15

Esportazzjonijiet

1.   It-trattament u r-riċiklaġġ jistgħu jsiru barra mill-Istat Membru kkonċernat jew barra mill-Komunità, basta li l-vjeġġi ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi jkun konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (22).

2.   Skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi esportati barra mill-Komunità skond ir-Regolament (KEE) Nru 259/93, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/1999 tad-29 ta' April 1999 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni li għandhom japplikaw għal vjeġġi ta' ċerti tipi ta' skart lejn ċertu pajjiżi mhux ta' l-OECD (23) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1547/1999 tat-12 ta' Lulju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri ta' kontroll skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 li għandhom japplikaw għal vjeġġi ta' ċertu tipi ta' skart lejn ċerti pajjiżi li għalihom ma tapplikax id-Deċiżjoni finali tal-OECD C(92)39 (24) għandhom jgħoddu fir-rigward tat-twettiq ta' l-obbligi u l-effiċjenzi stabbiliti fl-Anness III ta' din id-Direttiva biss jekk ikun hemm evidenza soda li l-operazzjoni ta' riċiklaġġ tkun saret taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

3.   Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 16

Finanzjament

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi, jew terzi persuni li jaġixxu f'isimhom, jiffinanzjaw kwalunkwe spejjeż netti li jirriżultaw:

(a)

mill-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ ta' l-iskart kollu ta' batteriji u l-akkumulaturi portabbli miġbur skond l-Artikolu 8(1) u (2); u

(b)

mill-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ ta' l-iskart kollu ta' batteriji u ta' akkumulaturi industrijali u awtomotivi miġbur skond l-Artikoli 8(3) u (4).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ma tirriżultax fi kwalunkwe ħlas doppju mill-produtturi fil-każ ta' batteriji jew akkumulaturi miġbura taħt skemi stabbiliti skond id-Direttiva 2000/53/KE jew id-Direttiva 2002/96/KE.

3.   L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-produtturi jew terzi persuni milli jaġixxu f'isimhom, sabiex jiffinanzjaw kwalunkwe spejjeż netti li jinqalgħu minn kampanji pubbliċi għall-informazzjoni dwar il-ġbir, it-trattament, u r-riċiklaġġ ta' l-iskart kollu tal-batteriji u l-akkumulaturi portabbli.

4.   L-ispejjez tal-ġbir, tat-trattamet u tar-riċiklaġġ m'għandhomx jintwerew separatament lill-utenti aħħarin fil-mument tal-bejgħ ta' batteriji u akkumulaturi portabbli ġodda.

5.   Il-produtturi u l-utenti ta' batteriji u akkumulaturi industrijali u awtomotivi jistgħu jikkonkludu ftehim li jistipulaw arranġamenti għall-finanzjament ta' xort'oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

6.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-iskart ta' batteriji u akkumulaturi kollha, irrispettivament mid-data tat-tqegħid tagħhom fis-suq.

Artikolu 17

Reġistrazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull produttur ikun reġistrat. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti proċedurali f' kull Stat Membru. Tali rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 18

Produtturi żgħar

1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-produtturi li, relattivament mal-qies tas-suq nazzjonali, iqiegħdu fis-suq nazzjonali kwantitajiet żgħar ħafna ta' batteriji jew akkumulaturi, mir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 16(1), bil-kondizzjoni li dan ma jwaqqafx il-funzjonament adegwat ta' l-iskemi tal-ġbir u r-riċiklaġġ stabbiliti skond l-Artikoli 8 u 12.

2.   L-Istati Membri għandhom jippublikaw tali abbozzi ta' miżuri u r-raġunijiet li għalihom dawn ikunu proposti u għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni u l-Istati Membri oħra permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 24(1).

3.   Fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tiċħad l-abbozzi tal-miżuri wara li tkun ivverifikat li huma konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u li ma jikkostitwixxux mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni f'dan il-perjodu mill-Kummissjoni, l-abbozzi tal-miżuri għandhom jitqiesu li ġew approvati.

Artikolu 19

Parteċipazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-operaturi ekonomiċi kollha u l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti kollha jistgħu jipparteċipaw fl-iskemi ta' ġbir, trattament u riċiklaġġ imsemmija fl-Artikoli 8 u 12.

2.   Dawn l-iskemi għandhom japplikaw ukoll għal batteriji u akkumulaturi importati minn pajjiżi terzi taħt kondizzjonijiet mhux diskriminatorji u għandhom ikunu mfassla b'mod li jevitaw ostakoli għall-kummerċ jew distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

Artikolu 20

Informazzjoni għal utenti aħħarin

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' informazzjoni, illi l-utenti aħħarin ikunu infurmati b'mod sħiħ dwar:

(a)

l-effetti potenzjali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem tas-sustanzi użati f'batteriji u akkumulaturi;

(b)

kemm ikun aħjar li l-iskart ta' batteriji u ta' akkumulaturi ma jintremiex bħala skart muniċipali mhux magħżul u li jipparteċipaw fil-ġbir separat ta' dan l-iskart sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament u r-riċiklaġġ;

(ċ)

l-iskemi ta' ġbir u riċiklaġġ disponibbli għalihom;

(d)

ir-rwol tagħhom sabiex jikkontribwixxu għar-riċiklaġġ ta' skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi;

(e)

it-tifsira tas-simbolu tal-barmil ta' l-iskart bir-roti maqtugħ b'salib muri fl-Anness II u s-simboli kimiċi Hg, Cd u Pb.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-operaturi ekonomiċi li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 kollha jew parti minnha.

3.   Fejn l-Istati Membri jeżiġu li d-distributuri jieħdu lura skart ta' batteriji jew akkumulaturi portabbli skond l-Artikolu 8, huma għandhom jiżguraw li dawn id-distributuri javżaw lill-utenti aħħarin dwar il-possibilità li l-iskart ta' batteriji jew akkumulaturi portabbli jintremew fil-postijiet tal-bejgħ.

Artikolu 21

Ittikkettjar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-batteriji, l-akkumulaturi u l-pakketti ta' batteriji kollha jkunu mmarkati kif jixraq bis-simbolu muri fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità tal-batteriji u akkumulaturi portabbli u awtomotivi kollha tkun indikata fuqhom b'mod viżibbli, ċar u permanenti, sas-26 ta' Settembru 2009. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan ir-rekwiżit, inklużi metodi armonizzati li permezz tagħhom tkun stabbilita l-kapaċità u l-użu xieraq, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 (2) sa mhux aktar tard mis-26 ta' Marzu 2009.

3.   Batteriji, akkumulaturi u ċelluli buttuna li jkun fihom aktar minn 0,0005 % merkurju, aktar minn 0,002 % kadmju jew aktar minn 0,004 % ċomb, għandhom ikunu mmarkati bis-simbolu kimiku għall-metall ikkonċernat: Hg, Cd jew Pb. Is-simbolu li jindika l-kontenut tal-metall ta' densità għolja għandu jkun stampat taħt is-simbolu muri fl-Anness II u għandu jgħatti spazju ta' mill-anqas kwart tad-daqs ta' dak is-simbolu.

4.   Is-simbolu muri fl-Anness II għandu jgħatti mill-anqas 3 % ta' l-ispazju ta' l-akbar naħa tal-batterija, akkumulatur jew pakkett ta' batteriji, sa daqs massimu ta' 5 × 5 ċm. Fil-każ ta' ċelluli ċilindriċi, is-simbolu għandu jgħatti mill-anqas 1,5 % taż-żona tal-wiċċ tal-batterija jew l-akkumulatur u għandu jkollu daqs massimu ta' 5 × 5 ċm.

5.   Meta d-daqs tal-batterija, akkumulatur jew pakkett ta' batteriji jkun tali li s-simbolu jkun iżgħar minn 0,5 × 0,5 ċm, il-batterija, akkumulatur jew pakkett ta' batteriji m'għandhomx għalfejn jiġu mmarkati iżda simbolu ta' daqs ta' mill-anqas 1 × 1 ċm għandu jkun stampat fuq l-imballaġġ.

6.   Is-simboli għandhom ikunu stampati b'mod li jidher, li jinqara u li ma jitħassarx.

7.   Eżenzjonijiet mir-rewkiżiti ta' l-ittikkettjar ta' dan l-Artikolu jistgħu jingħataw skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 22

Rapporti ta' implimentazzjoni nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kull tliet snin. Madankollu, l-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu sas-26 ta' Settembru 2012.

2.   Ir-rapporti għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta' kwestjonarju jew deskrizzjoni stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2). Il-kwestjonarju jew id-deskrizzjoni għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel il-bidu ta' l-ewwel perjodu li r-rapport għandu jkopri.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar kwalunkwe miżura li huma jieħdu sabiex iħeġġu żviluppi li jaffettwaw l-impatt tal-batteriji u l-akkumulaturi fuq l-ambjent, b'mod partikolari:

(a)

żviluppi, inklużi passi volontarji meħuda mill-produtturi, li jnaqqsu l-kwantitajiet ta' metalli ta' densità għolja u sustanzi perikolużi oħra li jkun hemm f'batteriji u akkumulaturi;

(b)

tekniki ġodda ta' riċiklaġġ u ta' trattament;

(ċ)

il-parteċipazzjoni ta' operaturi ekonomiċi fi skemi ta' mmaniġġar ambjentali;

(d)

riċerka f'dawk l-oqsma; u

(e)

miżuri meħuda biex jippromwovu l-prevenzjoni ta' l-iskart.

4.   Ir-rapporti għandhom isiru disponibbli lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn disa' xhur wara t-tmiem tal-perjodu konċernat ta' tliet snin jew, fil-każ ta' l-ewwel rapport, mhux aktar tard mis-26 ta' Ġunju 2013.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u dwar l-impatt ta' din id-Direttiva fuq l-ambjent u fuq il-funzjonament tas-suq intern mhux aktar tard minn disa' xhur wara li tirċievi r-rapporti mingħand l-Istati Membri skond il-paragrafu 4.

Artikolu 23

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt ta' din id-Direttiva fuq l-ambjent u l-funzjonament tas-suq intern wara li tirċievi rapporti mingħand l-Istati Membri skond l-Artikolu 22(4) għat-tieni darba.

2.   It-tieni rapport li l-Kummissjoni tippubblika skond l-Artikolu 22(5) għandu jinkludi valutazzjoni ta' l-aspetti li ġejjin ta' din id-Direttiva:

(a)

jekk ikunx xieraq li jittieħdu aktar miżuri ta' mmaniġġar tar-riskju għal batteriji u akkumulaturi li fihom metalli ta' densità għolja;

(b)

jekk il-miri ta' ġbir minimi għall-batteriji u l-akkumulaturi portabbli kollha stabbiliti fl-Artikolu 10(2) humiex xierqa, u l-possibiltà li jiġu introdotti miri oħra għas-snin ta' wara, b'kont meħud tal-progress tekniku u l-esperjenza prattika miksuba fl-Istati Membri;

(ċ)

jekk ir-rekwiżiti minimi ta' riċiklaġġ stabbiliti fl-Anness III, Parti B, humiex xierqa, b'kont meħud ta' l-informazzjoni li jipprovdu l-Istati Membri, il-progress tekniku u l-esperjenza prattika miksuba fl-Istati Membri.

3.   Jekk ikun meħtieġ, proposti għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ta' din id-Direttiva għandhom ikunu mar-rapport.

Artikolu 24

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 25

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-26 ta' Settembru 2008 u għandhom jinfurmawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti lilhom.

Artikolu 26

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-26 ta' Settembru 2008.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta' tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill–Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti kollha adottati fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 27

Ftehim volontarji

1.   Bil-kondizzjoni li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jittrasponu d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8, 15 u 20 permezz ta' ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi konċernati. Tali ftehim għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandhom ikunu inforzabbli;

(b)

għandhom jispeċifikaw l-għanijiet bl-iskadenzi korrispondenti;

(ċ)

għandhom jiġu ppubblikati fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali jew f'dokument uffiċjali li huwa daqstant aċċessibbli mill-pubbliku u trasmessi lill-Kummissjoni.

2.   Ir-riżultati miksuba għandhom jiġu sorveljati regolarment, u rrapportati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni, u magħmula disponibbli lill-pubbliku taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-progress magħmul taħt dawn il-ftehim jiġi eżaminat.

4.   F'każijiet fejn ma jkunx hemm konformità mal-ftehim, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva b'miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi.

Artikolu 28

Tħassir

Id-Direttiva 91/157/KEE hija mħassra b'effett mis-26 ta' Settembru 2008.

Referenzi għad-Direttiva 91/157/KEE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-6 ta' Settembru 2006.

Għall-Parlament

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Ewropew Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMÄKI


(1)  ĠU C 96, 21.4.2004, p. 29.

(2)  ĠU C 117, 30.4.2004, p. 5.

(3)  ĠU C 121, 30.4.2004, p. 35.

(4)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004 (ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 354), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2005 (ĠU C 264 E, 25.10.2005, p. 1), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2006.

(5)  ĠU C 30, 4.2.1988, p. 1.

(6)  ĠU L 78, 26.3.1991, p. 38. Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/101/KE (ĠU L 1, 5.1.1999, p. 1).

(7)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 106).

(9)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

(10)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(11)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91.

(12)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(13)  Kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(14)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(15)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/673/KE (ĠU L 254, 30.9.2005, p. 69).

(16)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/310/KE (ĠU L 115, 28.4.2006, p. 38).

(17)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/29/KE (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(18)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006.

(19)  ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 783/2005 (ĠU L 131, 25.5.2005, p. 38).

(20)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni 2003.

(21)  ĠU L 114, 24.4.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 196/2006 (ĠU L 32, 4.2.2006, p. 4).

(22)  ĠU L 30, 6.2.1993, p. 1 . Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001 (ĠU L 349, 31.12.2001, p. 1).

(23)  ĠU L 166, 1.7.1999, p. 6. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2005 (ĠU L 20, 22.1.2005, p. 9).

(24)  ĠU L 185, 17.7.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 105/2005.


ANNESS I

SORVELJANZA TAL-KONFORMITÀ MAL-MIRI TA' ĠBIR TA' L-ARTIKOLU 10

Sena

Ġbir ta' data

Kalkolu

Rekwiżit ta' rapportar

X (*)+1

Bejgħ fis-sena 1 (S1)

 

 

 

X+2

Bejgħ fis-sena 2 (S2)

 

X+3

Bejgħ fis-sena 3 (S3)

Ġbir fis-sena 3 (C3)

Rata ta' ġbir (CR3) = 3*C3/(S1+S2+S3)

 

X+4

Bejgħ fis-sena 4 (S4)

Ġbir fis-sena 4 (C4)

Rata ta' ġbir (CR4) = 3*C4/(S2+S3+S4)

(Mira ffissata għal 25 %.)

 

X+5

Bejgħ fis-sena 5 (S5)

Ġbir fis-sena 5 (C5)

Rata ta' ġbir (CR5) = 3*C5/(S3+S4+S5)

CR4

X+6

Bejgħ fis-sena 6 (S6)

Ġbir fis-sena 6 (C6)

Rata ta' ġbir (CR6) = 3*C6/(S4+S5+S6)

CR5

X+7

Bejgħ fis-sena 7 (S7)

Ġbir fis-sena 7 (C7)

Rata ta' ġbir (CR7) = 3*C7/(S5+S6+S7)

CR6

X+8

Bejgħ fis-sena 8 (S8)

Ġbir fis-sena 8 (C8)

Rata ta' ġbir (CR8) = 3*C8/(S6+S7+S8)

(Mira ffissata għal 45 %.)

CR7

X+9

Bejgħ fis-sena 9 (S9)

Ġbir fis-sena 9 (C9)

Rata ta' ġbir (CR9) = 3*C9/(S7+S8+S9)

CR8

X+10

Bejgħ fis- sena 10 (S10)

Ġbir fis-sena 10 (C10)

Rata ta' ġbir (CR10) = 3*C10/(S8+S9+S10)

CR9

X+11

Eċċ.

Eċċ.

Eċċ.

CR10

Eċċ.

 

 

 

 


(*)  Is-sena X hija s-sena li tinkludi d-data msemmija fl-Artikolu 26.


ANNESS II

SIMBOLI GĦAL BATTERIJI, AKKUMULATURI U PAKKETTI TA' BATTERIJI GĦAL ĠBIR SEPARAT

Is-simbolu li jindika “ġbir separat” għall-batteriji u l-akkumulaturi kollha għandu jkun il-barmil ta' l-iskart bir-roti maqtugħa b'salib murija hawn taħt:

Image

ANNESS III

REKWIŻITI DETTALJATI TA' TRATTAMENT U RIĊIKLAĠĠ

PARTI A: TRATTAMENT

1.

It-trattament għandu, bħala minimu, jinkludi t-tneħħija tal-fluwidi u l-aċidi kollha.

2.

It-trattament u kwalunkwe ħżin, inkluż ħżin temporanju, f'faċilitajiet ta' trattament għandu jsir f'postijiet b'uċuħ impermeabbli u b'għata addatt li jilqa' mit-temp jew f'kontenituri xierqa.

PARTI B: RIĊIKLAĠĠ

3.

Il-proċessi ta' riċiklaġġ għandhom jilħqu l-effiċjenzi ta' riċiklaġġ minimi li ġejjin:

(a)

riċiklaġġ ta' 65 % fil-piż medju ta' batteriji u akkumulaturi taċ-ċomb u l-aċidu, inkluż ir-riċiklaġġ tal-kontenut taċ-ċomb sa l-ogħla grad li teknikament jista' jsir filwaqt li jkunu evitati spejjeż eċċessivi;

(b)

riċiklaġġ ta' 75 % fil-piż medju ta' batteriji u akkumulaturi tan-nikel u l-kadmju, inkluż ir-riċiklaġġ tal-kontenut tal-kadmju sa l-ogħla livell li teknikament jista' jsir filwaqt li jkunu evitati spejjeż eċċessivi; u

(ċ)

riċiklaġġ ta' 50 % fil-piż medju ta' skart ieħor ta' batteriji u ta' akkumulaturi.


Top