Help Print this page 

Document 32006L0024

Title and reference
Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE
  • No longer in force
OJ L 105, 13.4.2006, p. 54–63 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 053 P. 51 - 57
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 053 P. 51 - 57
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 050 P. 30 - 36

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/24/oj
Multilingual display
Dates
  • Date of document: 15/03/2006
  • Date of effect: 03/05/2006; Dħul fis-seħħ Data tal-pubblikazzjoni + 20 Ara Art. 16
  • Date of effect: 03/05/2006; Dħul fis-seħħ Data tal-pubblikazzjoni + 20 Ara Art. 16
  • Date of transposition: 15/09/2007; L-aktar tard
  • Date of transposition: 15/09/2007; L-aktar tard
  • Date of end of validity: 08/04/2014; Ara 62012CJ0293
  • Date of end of validity: 08/04/2014; Ara 62012CJ0293
Miscellaneous information
  • Author: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Form: Direttiva
  • Addressee: Stati Membri tal-Komunità
Relationship between documents
Text

13.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

54


DIRETTIVA 2006/24/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Marzu 2006

dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (3) tirrikjedi li l-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali, u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, sabiex jiġi żgurat il-fluss liberu ta' data personali fil-Komunità.

(2)

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-kommunikazzjoni elettronika) (4) tittraduċi l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE f'regoli speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

(3)

L-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-ipproċessar, mill-fornituri ta' networks u ta' servizzi, ta' data dwar it-traffiku u data dwar il-lok ġenerati bl-użu ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. Tali data għandha titħassar jew issir anonima ladarba ma tibqax meħtieġa għal skopijiet ta' trażmissjoni ta' komunikazzjoni, ħlief meta d-data tkun meħtieġa għall-kontijiet jew għall-ħlas ta' l-interkonnessjoni. Jekk jingħata l-kunsens, ċerta data tista' wkoll tiġi proċessata għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u għall-forniment ta' servizzi b'valur miżjud.

(4)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-ambitu tad-drittijiet u ta' l-obbligi msemmija fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6, fl-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u fl-Artikolu 9 ta' dik id-Direttiva. Kwalunkwe restrizzjoni bħal din trid tkun meħtieġa, xierqa u proporzjonata fi ħdan soċjetà demokratika għal skopijiet speċifiċi ta' ordni pubbliku, jiġifieri sabiex tiġi salvagwardata d-difiża tas-sigurtà nazzjonali (i.e. tas-sigurtà ta' l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew ta' użu mhux awtorizzat ta' sistemi ta' komunikazzjoni elettronika.

(5)

Diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li taħseb għaż-żamma ta' data mill-fornituri tas-servizzi għal raġunijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jvarjaw b'mod konsiderevoli.

(6)

Id-differenzi legali u tekniċi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward iż-żamma ta' data għal skopijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jippreżentaw ostakli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba li l-fornituri tas-servizzi jkollhom ikunu konformi ma' rekwiżiti differenti rigward it-tipi ta' data dwar it-traffiku u dwar il-lok li jkollha tinżamm kif ukoll rigward il-kondizzjonijiet u l-perjodi taż-żamma.

(7)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-19 ta' Diċembru 2002 jissottolinjaw li, minħabba t-tkabbir sostanzjali fil-possibbiltajiet offruti permezz tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, id-data relatata ma' l-użu ta' kommunikazzjonijiet elettroniċi hija partikolarment importanti u għalhekk hija għodda siewja għall-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali, b'mod partikolari ta' kriminalita' organizzata.

(8)

Id-Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu adottata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Marzu 2004 sejħet lill-Kunsill sabiex jeżamina miżuri sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar iż-żamma, mill-fornituri tas-servizzi, ta' data dwar it-traffiku fil-komunikazzjonijiet.

(9)

Taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), kulħadd għandu l-jedd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-korrispondenza tiegħu. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jindaħlu fl-eżerċizzju ta' dak id-dritt biss b'konformità mal-liġi u fejn ikun neċessarju f'soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, għall-prevenzjoni tad-diżordni jew tal-kriminalità, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tat-terzi. Minħabba li ż-żamma tad-data wriet li hija għodda ta' investigazzjoni tant neċessarja u effettiva għall-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri, u b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet serji bħal dawk ta' kriminalità organizzata u ta' terroriżmu, huwa neċessarju li tkun żgurata għal ċertu perjodu ta' żmien id-disponibbiltà tad-data miżmuma għall-infurzar tal-liġi skond il-kondizzjonijiet disposti f'din id-Direttiva. L-adozzjoni ta' strument dwar iż-żamma tad-data li jikkonforma mar-rekwiziti ta' l-Artikolu 8 ta' l-ECHR hija għalhekk miżura neċessarja.

(10)

Fit-13 ta' Lulju 2005, il-Kunsill afferma mill-ġdid, fid-dikjarazzjoni ta' kundanna kontra l-attakki terroristiċi f'Londra, il-ħtieġa li tiġi adottata malajr kemm jista' jkun miżuri komuni dwar iż-żamma ta' data tat-telekomunikazzjonijiet.

(11)

Minħabba l-importanza tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lok għall-investigazzjoni, għall-iskoperta u għall-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, kif muri mir-riċerka u mill-esperjenza prattika ta' diversi Stati Membri, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat fil-livell Ewropew li d-data li tkun ġenerata jew proċessata, fil-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni, mill-fornituri ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' network pubbliku ta' komunikazzjoni, tinżamm għal ċertu perjodu ta' żmien skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

(12)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE ikompli japplika fir-rigward ta' data, inkluża data relatata ma' tentattivi ta' telefonati li ma jirnexxux, li ż-żamma tagħha mhijiex speċifikament meħtieġa taħt din id-Direttiva u li għalhekk hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u taż-żamma għal skopijiet, inklużi skopijiet ġudizzjarji, diversi minn dawk koperti minn din id-Direttiva.

(13)

Din id-Direttiva tirrigwarda biss data ġenerata jew proċessata bħala riżultat ta' komunikazzjoni jew ta' servizz ta' komunikazzjoni u ma tirrigwardax data li hija l-kontenut ta' l-informazzjoni komunikata. Id-data għandha tinżamm b'tali mod li jkun evitat li din tinżamm aktar minn darba. Id-data ġenerata jew proċessata, fl-għoti tas-servizzi ta' komunikazzjonijiet konċernati, tfisser data li tkun aċċessibbli. B'mod partikolari, fir-rigward taż-żamma ta' data relatata ma' l-email fuq l-Internet u mat-telefonija bl-Internet, l-obbligu taż-żamma ta' data jista' japplika biss fir-rigward ta' data li tiġi mis-servizzi proprji tal-fornituri jew tal-fornituri tan-network.

(14)

It-teknoloġiji relatati mal-komunikazzjonijiet elettroniċi qegħdin jinbidlu malajr u r-rekwiżiti leġittimi ta' l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jevolvu. Sabiex tingħata konsulenza u tinkoraġġixxi l-iskambju ta' l-esperjenza ta' l-aqwa prattika f'dawn l-oqsma, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tistabbilixxi grupp magħmul minn awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri, minn assoċjazzjonijiet ta' l-industrija tal-komunikazzjoni elettronika, minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u minn awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data, inkluż il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(15)

Id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE huma applikabbli bis-sħiħ għad-data miżmuma skond din id-Direttiva. L-Artikolu 30(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE teħtieġ konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar ta' Data Personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 ta' dik id-Direttiva.

(16)

L-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizz li jikkonċernaw miżuri sabiex jiżguraw il-kwalità tad-data li huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE, kif ukoll l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' miżuri sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 ta' dik id-Direttiva, japplikaw bis-sħiħ għad-data li tinżamm fis-sens ta' din id-Direttiva.

(17)

Huwa essenzjali li l-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jiżguraw li data miżmuma taħt din id-Direttiva tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss skond il-liġi nazzjonali b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni konċernati.

(18)

F'dan il-kuntest, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46/KE jimponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu sanzjonijiet għall-ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond dik id-Direttiva. L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58/KE jimponi l-istess rekwiżit fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 2002/58/KE. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni (5) tipprovdi li l-aċċess miksub illegalment, bi ħsieb, f'sistemi ta' informazzjoni, inkluż aċċess għad-data miżmuma fihom, għandu jsir punibbli bħala reat kriminali.

(19)

Id-dritt ta' kwalunkwe persuna li tkun sofriet ħsara b'riżultat ta' xi operazzjoni illegali ta' proċessar jew ta' kwalunkwe att mhux konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 95/46/KE li tirċievi kumpens, stipulat fl-Artikolu 23 ta' dik id-Direttiva, japplika wkoll fir-rigward ta' l-ipproċessar illegali ta' kwalunkwe data personali taħt din id-Direttiva.

(20)

Il-Konvenzjoni ta' l-2001 tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar is-“Cybercrime” kif ukoll il-Konvenzjoni ta' l-1981 tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-Rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali ikopru wkoll data miżmuma fis-sens ta' din id-Direttiva.

(21)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni ta' l-obbligi imposti fuq il-fornituri sabiex iżommu ċerta data u sabiex jiżguraw li dik id-data tkun disponibbli għal skopijiet ta' investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati serji kif definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(22)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva, flimkien mad-Direttiva 2002/58/KE, tfittex li tiżgura konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-komunikazzjonijiet taċ-ċittadini u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, kif affermati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

(23)

Fid-dawl tal-ħtieġa li l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu proporzjonati, din id-Direttiva tesiġi li huma jżommu biss tali data li tkun ġenerata jew proċessata fil-proċess tal-fornitura tas-servizzi tagħhom ta' komunikazzjonijiet. Sa fejn tali data ma tkunx ġenerata jew proċessata minn dawk il-fornituri, m'hemm l-ebda obbligu li din tinżamm. Din id-Direttiva mhijiex maħsuba sabiex tarmonizza t-teknoloġija għaż-żamma ta' data, li l-għażla tagħha tkun kwistjoni li jkollha tiġi riżolta fil-livell nazzjonali.

(24)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehima interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li jillustraw, sa fejn ikun possibbli, l-korrelazzjoni bejn din id-Direttivi u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u sabiex jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.

(25)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri leġiżlattivi dwar id-dritt ta' aċċess għal, u ta' użu ta', data ta' l-awtoritajiet nazzjonali, kif nominati minnhom. Il-kwistjonijiet ta' aċċess għal data miżmuma skond din id-Direttiva mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għal tali attivitajiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE ma jaqawx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Madanakollu, huma jistgħu jkunu suġġetti għal-liġi nazzjonali, jew għall-azzjoni skond it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Tali liġijiet jew azzjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri u kif garantiti mill-ECHR. Taħt l-Artikolu 8 ta' l-ECHR, skond kif interpretat mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-indħil mill-awtoritajiet pubbliċi fid-drittijiet ta' privatezza għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità u għalhekk għandu jservi skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u jkun eżerċitat b'mod li jkun adattat, pertinenti u mhux eċċessiv fir-rigward ta' l-iskop ta' l-indħil,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks ta' komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta' ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta' investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal data dwar it-traffiku u data dwar il-lok kemm dwar entitajiet ġuridiċi kif ukoll dwar persuni fiżiċi u għad-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent reġistrat. Ma għandhiex tapplika għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluża informazzjoni konsultata bl-użu ta' network ta' komunikazzjoni elettronika.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (7), kif ukoll fid-Direttiva 2002/58/KE.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

data” tfisser data dwar it-traffiku u data dwar il-lok u d-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent;

(b)

“utent” tfisser kull entità ġuridika jew persuna fiżika li tuża servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku, għal skopijiet privati jew ta' negozju, mingħajr il-ħtieġa li tkun abbonata għal dak is-servizz;

(ċ)

“servizz tat-telefon” tfisser telefonati (inklużi dawk orali, bil-voicemail, tat-tip “konferenza” jew ta' data), servizzi supplementari (inklużi il-call forwarding u l-call transfer), servizzi ta' messaging u servizzi multimedjali (inklużi short message services, enhanced media services u servizzi multimedjali);

(d)

“user ID” tfisser identifikatur uniku allokat lil persuni meta dawn jabbonaw jew jirreġistraw f'servizz ta' aċċess ta' l-Internet jew f'servizz ta' komunikazzjoni ta' l-Internet;

(e)

“cell ID” tfisser l-identità taċ-ċellula li minnha toriġina jew li fiha tintemm telefonata bil-mobile;

(f)

“tentattiv ta' telefonata mingħajr suċċess” tfisser komunikazzjoni fejn telefonata tkun konnessa b'suċċess iżda ma tiġix imwieġba jew fejn ikun seħħ intervent mill-amministrazzjoni tan-network.

Artikolu 3

L-obbligu li tinżamm id-data

1.   B'deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta' komunikazzjoni konċernati.

2.   L-obbligu taż-żamma ta' data previst fil-paragrafu 1 għandu jinkludi iż-żamma tad-data speċifikata fl-Artikolu 5 relatata ma' tentattivi ta' telefonati mingħajr suċċess fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata, u maħżuna (fir-rigward ta' data dwar telefonati) jew reġistrata (fir-rigward ta' data ta' l-Internet) minn fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għal pubbliku jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni ta' l-Istat Membru konċernat fil-proċess tal-provvista tas-servizzi ta' komunikazzjoni konċernati. Din id-Direttiva ma tesiġix iż-żamma ta' data fir-rigward ta' telefonati mhux konnessi.

Artikolu 4

Aċċess għad-data

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f'każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta' neċessità u ta' proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta' l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b'mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 5

Kategoriji ta' data li għandha tinżamm

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta' data li ġejjin jinżammu skond din id-Direttiva:

(a)

data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward it-telefonija fuq network fiss u telefonija bil-mobile:

(i)

in-numru tat-telefon li minnu tkun qiegħda ssir it-telefonata;

(ii)

l-isem u l-indirizz ta' l-abbonat jew l-utent reġistrat;

(2)

rigward l-aċċess għall-Internet, email u telefonija bl-Internet:

(i)

il-user ID jew user IDs allokati;

(ii)

il-user ID u n-numru tat-telefon allokati lil kwalunkwe komunikazzjoni li tidħol fin-network tat-telefon pubbliku;

(iii)

l-isem u l-indirizz ta' l-abbonat jew ta' l-utent reġistrat li lilu kien allokat indirizz ta' l-Internet Protocol (IP), User ID jew numru tat-telefon meta twettqet il-komunikazzjoni;

(b)

data meħtieġa sabiex tiġi identifikata d-destinazzjoni ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward telefonija fuq network fiss u telefonija bil-mobile:

(i)

in-numru jew numri ddaljat(i) (in-numru jew numri tat-telefon li minnhom tkun saret it-telefonata), u, f'każijiet li jinvolvu servizzi supplementari bħall-call forwarding jew call transfer, in-numru jew numri li għalihom hija trasferita t-telefonata;

(ii)

l-isem jew l-ismijiet u l-indirizz(i) ta' l-abbonat(i) jew l-utent(i) reġistrat(i);

(2)

rigward l-email bl-internet u t-telefonija bl-Internet:

(i)

il-user ID jew in-numru tat-telefon tar-reċipjent jew reċipjenti intizi ta' telefonata bit-telefonija bl-Internet;

(ii)

l-isem jew l-ismijiet u l-indirizz(i) ta' l-abbonat(i) jew l-utent(i) reġistrat(i) u l-user ID tar-reċipjent intiż tal-komunikazzjoni;

(ċ)

data meħtieġa sabiex jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward telefonija fuq network fiss u telefonija bil-mobile, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni;

(2)

rigward l-aċċess għall-Internet, għall-email bl-Internet u t-telefonija bl-Internet:

(i)

id-data u l-ħin tal-log-in u l-log-off tas-servizz ta' aċċess għall-Internet ibbażat fuq ċerta żona orarja, flimkien ma' l-indirizz ta' l-IP, kemm jekk dinamiku kif ukoll jekk statiku, allokati mill-fornitur tas-servizz ta' aċċess għall-Internet għal komunikazzjoni, u l-user ID ta' l-abbonat jew ta' l-utent reġistrat;

(ii)

id-data u l-ħin tal-log-in u l-log-off tas-servizz ta' l-Internet bl-email jew tas-servizz ta' telefonija bl-Internet, ibbażati fuq ċerta żona orarja;

(d)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tip ta' komunikazzjoni:

(1)

rigward it-telefonija fuq network fiss u t-telefonija bil-mobile, is-servizz tat-telefon użat;

(2)

rigward l-email bl-Internet u t-telefonija bl-Internet: is-servizz ta' l-Internet użat;

(e)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta' komunikazzjoni ta' l-utenti jew dak li jkun maħsub bħala t-tagħmir tagħhom:

(1)

rigward it-telefonija fuq network fiss, in-numri tat-telefon li minnhom tkun saret it-telefonata u n-numri tat-telefon li rċevew it-telefonata;

(2)

rigward it-telefonija bil-mobile:

(i)

in-numri tat-telefon li minnhom tkun saret it-telefonata u n-numri tat-telefon li rċevew it-telefonata;

(ii)

l-Identità Internazzjonali ta' l-Abbonat tal-Mobile (IMSI) tal-parti li tagħmel it-telefonata;

(iii)

l-Identità Internazzjonali tat-Tagħmir tal-Mobile (IMEI) tal-parti li twettaq it-telefonata;

(iv)

l-IMSI tal-parti li rċeviet it-telefonata;

(v)

l-IMEI tal-parti li rċeviet it-telefonata;

(vi)

fil-każ ta' servizzi anonimi mħallsa minn qabel, id-data u l-ħin ta' l-attivazzjoni inizjali tas-servizz u l-marka tal-lok (cell ID) li minnha ġie attivat is-servizz;

(3)

rigward l-aċċess għall-Internet, email bl-Internet u telefonija bl-Internet:

(i)

in-numru tat-telefon għall-aċċess bid-dial-up;

(ii)

il-linja diġitali ta' l-abbonat (DSL) jew punt ieħor ta' l-inizjatur tal-komunikazzjoni;

(f)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-lok fejn ikun jinsab it-tagħmir ta' komunikazzjoni mobbli:

(1)

il-marka tal-lok (Cell ID) fil-bidu tal-komunikazzjoni;

(2)

id-data li tidentifika l-lok ġeografiku taċ-ċelluli b'referenza għall-marki tal-lok tagħhom (Cell ID) waqt il-perjodu li fih tinżamm id-data tal-komunikazzjonijiet.

2.   L-ebda data li tiżvela l-kontenut tal-komunikazzjoni ma tista', taħt din id-Direttiva, tinżamm.

Artikolu 6

Perjodi ta' żamma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta' data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta' mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal-komunikazzjoni.

Artikolu 7

Protezzjoni ta' data u sigurtà ta' data

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati skond id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' network għall-komunikazzjonijiet pubbliċi jirrispettaw, bħala minimu, il-prinċipji, li ġejjin, ta' sigurtà tad-data fir-rigward ta' data miżmuma skond din id-Direttiva:

(a)

id-data miżmuma għandha tkun ta' l-istess kwalità u tkun suġġetta għall-istess sigurtà u protezzjoni bħal dik id-data fuq in-network;

(b)

id-data għandha tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex id-data tiġi protetta kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, jew it-telf aċċidentali jew l-alterazzjoni, il-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzat jew illegali;

(ċ)

id-data għandha tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jiġi żgurat li tkun aċċessibli biss mill-persunal b'awtorizzazzjoni speċjali;

u

(d)

id-data, minbarra dik li tkun ġiet aċċessa u preżervata, għandha tiġi meqruda fit-tmiem tal-perjodu taż-żamma.

Artikolu 8

Rekwiżiti dwar il-ħażna tad-data miżmuma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tinżamm skond din id-Direttiva b'tali mod li d-data miżmuma u kull informazzjoni oħra neċessarja relatata ma' dik id-data jkunu jistgħu jiġu trażmessi, meta mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 9

Awtorità ta' sorveljanza

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità pubblika waħda jew iżjed sabiex ikunu responsabbli għas-sorveljanza ta' l-applikazzjoni fit-territorju tagħhom tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 7 rigward is-sigurtà tad-data miżmuma. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jkunu l-istess awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE.

2.   L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jaġixxu b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tas-sorveljanza msemmija f'dak il-paragrafu.

Artikolu 10

Statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni statistika dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika. Din l-istatistika għandha tinkludi:

il-każijiet fejn l-informazzjoni ngħatat lill-awtoritajiet kompetenti skond il-liġi nazzjonali applikabbli;

iż-żmien li jkun għadda bejn id-data li fiha nżammet id-data u d-data li fiha l-awtorità kompetenti talbet it-trażmissjoni tad-data;

il-każijiet fejn it-talbiet għad-data ma setgħux ikunu sodisfatti.

2.   Tali statistika ma għandhiex tinkludi data personali.

Artikolu 11

Emenda tad-Direttiva 2002/58/KE

Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE:

“1a.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika (*). sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 12

Miżuri futuri

1.   Stat Membru li jkun suġġett għal ċirkostanzi partikolari li jesiġu estensjoni għal perjodu limitat tal-perjodu massimu ta' żamma msemmi fl-Artikolu 6 jista' jieħu l-miżuri neċessarji. L-Istat Membru għandu javża minnufih lill-Kummissjoni u jinforma l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu u għandu jiddikjara r-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tapprova jew tirrifjuta l-miżuri nazzjonali konċernati wara li jiġi eżaminat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija ta' kummerċ bejn l-Istati Membri u jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Fl-assenza ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni f'dak il-perjodu, il-miżuri nazzjonali għandhom jitqiesu bħala approvati.

3.   Fejn jiġu approvati, skond il-paragrafu 2, il-miżuri nazzjonali ta' Stat Membru li jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra jekk għandhiex tipproponi l-emendament ta' din id-Direttiva.

Artikolu 13

Rimedji, responsabbiltà u pieni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-miżuri nazzjonali li jimplementaw il-Kapitlu III tad-Direttiva 95/46/KE li tipprovdi għal rimedji, responsabbiltà u sanzjonijiet ġudizzjarji jkunu implementati bis-sħiħ fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data taħt din id-Direttiva.

2.   Kull Stat Membru għandu, b'mod partikolari, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li kwalunkwe att, bi ħsieb, ta' aċċess għal jew trasferiment ta' data miżmuma skond din id-Direttiva li ma jkunx permess taħt il-liġi nazzjonali adottata skond din id-Direttiva ikun punibbli b'pieni inklużi pieni amministrattivi jew kriminali, li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Valutazzjoni

1.   Mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u ta' l-impatt tagħha fuq l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi, b'kont meħud ta' żviluppi ulterjuri fit-teknoloġija tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-istatistiċi mogħtija lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 10 bl-iskop li jiġi determinat jekk ikunx meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-lista tad-data fl-Artikolu 5, u l-perjodi taż-żamma msemmija fl-Artikolu 6. Ir-riżultati tal-valutazzjoni għandhom jiġu pubblikati.

2.   Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha teżamina l-osservazzjonijiet kollha komunikati lilha mill-Istati Membri jew mill-Grupp ta' Ħidma stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 15

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2007. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Sal-15 ta’ Marzu 2009, kull Stat Membru jista' jipproroga l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għaż-żamma ta' komunikazzjonijiet ta' data relatata ma' l-aċċess ta' l-Internet, tat-telefonija bl-Internet u ta' l-email bl-Internet. Kwalunkwe Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jagħmel użu minn dan il-paragrafu għandu, ma' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, javża lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal dan l-iskop permezz ta' dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidhol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, il-15 ta’ Marzu 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  Opinjoni mogħtija fit-19 ta' Jannar 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2006.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(5)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.

(6)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.


Dikjarazzjoni mill-Olanda

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Fir-rigward tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data pproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, l-Olanda ser tkun qed tagħmel użu mill-possibbiltà li tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu li ma jaqbiżx it-18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.


Dikjarazzjoni mill-Awstrija

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

L-Awstrija tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1).


Dikjarazzjoni mill-Estonja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

B'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, l-Estonja b'dan tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tagħmel użu minn dak il-paragrafu u li tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 36 xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tad-Direttiva.


Dikjarazzjoni mir-Renju Unit

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Ir-Renju Unit jiddikjara b'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE li ser jipposponi l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika ta' Ċipru

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Ir-Repubblika ta' Ċipru tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sad-data ffissata fl-Artikolu 15(3).


Dikjarazzjoni mir-Repubblika Ellenika

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Greċja tiddikjara li, skond l-Artikolu 15(3), ser tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 18-il xahar wara l-iskadenza tal-perijodu previst fl-Artikolu 15(1).


Dikjarazzjoni mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jiddikjara li bi ħsiebu jagħmel użu mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva sabiex ikollu l-possibbiltà li jipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mis-Slovenja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Is-Slovenja qed tingħaqad mal-grupp ta' Stati Membri li għamlu dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 15(3) tad-“Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjoni”, għall-posponiment bi 18-il xahar ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mill-Iżvezja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3), l-Iżvezja tixtieq li jkollha l-possibbiltà li tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Litwanja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3) ta' l-abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (minn hawn 'l quddiem id-“Direttiva”), ir-Repubblika tal-Litwanja tiddikjara li ladarba d-Direttiva tiġi adottata hi ser tipposponi l-applikazzjoni tagħha fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet għall-perijodu previst fl-Artikolu 15(3).


Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Latvja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Latvja tiddikjara b'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE li ser tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sal-15 ta’ Marzu l-2009.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika Ċeka

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Skond l-Artikolu 15(3), ir-Repubblika Ċeka b'dan tiddikjara li qed tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 36 xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tagħha.


Dikjarazzjoni mill-Belġju

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Belġju jiddikjara li, filwaqt li jagħmel użu mill-possibbiltà disponibbli taħt l-Artikolu 15(3), hu ser jipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għal perijodu ta' 36 xahar wara l-adozzjoni tagħha, fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Polonja b'dan tiddikjara li bi ħsiebha tagħmel użu mill-possibbiltà prevista taħt l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data pproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE u tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva għaż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1).


Dikjarazzjoni mill-Finlandja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

F'konformità ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubbliċi u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, il-Finlandja tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.


Dikjarazzjoni mill-Ġermanja

skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE

Il-Ġermanja żżomm id-dritt, li tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1), l-ewwel sentenza.


Top