EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0512

Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

OJ L 200, 22.7.2006, p. 11–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 76M, 16.3.2007, p. 100–102 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 01 Volume 006 P. 163 - 165
Special edition in Romanian: Chapter 01 Volume 006 P. 163 - 165
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 017 P. 91 - 93

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2011; Impliċitament imħassar minn 32011R0182

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/512/oj

16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

100


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Lulju 2006

li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

(2006/512/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 202(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (2). Din id-Deċiżjoni pprevediet numru limitat ta' tipi ta' proċeduri għal dan l-eżerċizzju.

(2)

Huwa kunsiljabbli li din id-Deċiżjoni tiġi emendata bil-ħsieb li jiġi introdott tip ġdid ta' proċedura għall- eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi, il-proċedura regolatorja bi skrutinju, li tippermetti lill-leġislatur jopponi l-adozzjoni ta' abbozz ta' miżuri meta jindika li dan jeċċedi s-setgħat implimentattivi previsti fl-istrument bażiku jew li l-abbozz mhuwiex kompatibbli ma' l-għan jew mal-kontenut ta' l-istrument bażiku jew ma jirrispettax il-prinċipji ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità.

(3)

Il-proċedura regolatorja ġdida bi skrutinju għandha tkun segwita fir-rigward ta' miżuri ta' ambitu ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi supplementat biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali.

(4)

F'dan l-istess kuntest, għandha titjieb l-informazzjoni mogħtija lill-Parlament Ewropew dwar il-ħidma tal-kumitati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

Fit-tmiem tal-premessa 5 għandhom jiżdiedu dawn il-kliem:

“bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju”.

2)

Wara l-premessa 7, għandha tiżdied il-premessa li ġejja:

“(7a)

il-proċedura regolatorja bi skrutinju għandha tiġi segwita fir-rigward ta' miżuri b'kamp ta' applikazzjoni ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew jew billi l-istrument jiġi supplementat biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali; din il-proċedura għandha tippermetti liż-żewġ fergħat ta' l-awtorità leġislattiva jiflu bir-reqqa tali miżuri qabel l-adozzjoni tagħhom. L-elementi essenzjali ta' att leġislattiv ma jistgħux jiġu emendati ħlief mil-leġislatur abbażi tat-Trattat.”.

3)

Il-premessa 10 għandha tiġi sostitwita mit-test li ġej:

“(10)

it-tielet skop ta' din id-Deċiżjoni huwa li titjieb l-informazzjoni mogħtija lill-Parlament Ewropew billi jsiru provvedimenti sabiex il-Kummissjoni tinformah regolarment bil-ħidma tal-kumitati, li l-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament Ewropew dokumenti relatati mal-ħidma tal-kumitati u li tinfurmah meta hija tippreżenta lill-Kunsill miżuri jew proposti għal miżuri sabiex jittieħdu; tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward ta' l-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew dwar il-ħidma tal-kumitati fil-qafas tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew ikun jista' jieħu deċiżjoni fil-limitu ta' żmien previst.”.

4)

Fl-Artikolu 1,

għandu jiżdied “5a” bejn “5” u “6” fl-aħħar linja.

5)

Fl-Artikolu 2:

a)

il-kliem “1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2” għandhom jiżdiedu fil-bidu ta' l-ewwel paragrafu.

b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Meta strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri ta' ambitu ġenerali maħsuba sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dak l-istrument, inter alia billi jiġu mħassra x'uħud minn dawk l-elementi, jew billi l-istrument jiġi supplementat biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju.”

6)

Fl-Artikoli 4(2) u 5(2), wara “fl-Artikolu 205(2)” għandhom jiżdiedu l-kliem “u (4)”.

7)

Wara l-Artikolu 5, għandu jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5bis

Proċedura regolatorja bi skrutinju

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat ta' proċedura regolatorja bi skrutinju kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumittat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) u (4) tat-Trattat f'każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

3.   Jekk il-miżuri previsti mill-Kummissjoni ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

a)

Il-Kummissjoni għandha tressaq bla dewmien l-abbozz ta' miżuri quddiem il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għal skrutinju.

b)

Il-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri li jiffurmawh, jew il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jistgħu jopponi l-adozzjoni ta' l-abbozz mill-Kummissjoni, minħabba li l-abbozz tal-miżuri propost mill-Kummissjoni jeċċedi s-setgħat implimentattivi previsti fl-istrument bażiku jew li l-abbozz ma jkunx kompatibbli ma' l-għan jew mal-kontenut ta' l-istrument bażiku jew ma jirrispettax il-prinċipji ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità.

ċ)

Jekk, fi żmien tliet xhur mid-data meta tressaq l-abbozz quddiemhom, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu l-abbozz ta' miżuri, dawn ta' l-aħħar m'għandhomx jiġu adottati mill-Kummissjoni. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tista' tressaq quddiem il-Kumitat abbozz emendat tal-miżuri jew tippreżenta proposta leġislattiva abbażi tat-Trattat.

d)

Jekk, meta jiskadi dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu opponew l-abbozz ta' miżuri, dan ta' l-aħħar għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni.

4.   Jekk il-miżuri previsti mill-Kummissjoni ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

a)

Il-Kummissjoni għandha tressaq bla dewmien proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu lill-Kunsill u tittrasmettiha lill-Parlament Ewropew fl-istess waqt.

b)

Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq il-proposta b'maġġoranza kwalifikata fi żmien xahrejn mid-data ta' meta din tkun tressqet quddiemu.

ċ)

Jekk, f'dan il-perjodu, il-Kunsill jopponi l-miżuri proposti b'maġġoranza kwalifikata, il-miżuri m'għandhomx jiġu adottati. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' tressaq lill-Kunsill proposta emendata jew tressaq proposta leġislattiva abbażi tat-Trattat.

d)

Jekk il-Kunsill jipprevedi li jadotta l-miżuri proposti, huwa għandu jressaqhom bla dewmien quddiem il-Parlament Ewropew. Jekk il-Kunsill ma jaġixxix fil-perjodu ta' xahrejn msemmi qabel, il-Kummissjoni għandha tressaq bla dewmien il-miżuri quddiem il-Parlament Ewropew.

e)

Il-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri li jiffurmawh, jista' fi żmien erba' xhur mit-trasmissjoni tal-proposta skond il-punt (a), jopponi l-adozzjoni tal-miżuri konċernati, minħabba li l-miżuri proposti jkunu jeċċedu s-setgħat implimentattivi previsti fl-istrument bażiku jew ma jkunux kompatibbli ma' l-għan jew mal-kontenut ta' l-istrument bażiku jew ma jkunux jirrispettaw il-prinċipji ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità.

f)

Jekk, f'dan iż-żmien, il-Parlament Ewropew jopponi dawn il-mizuri proposti, dawn ta' l-aħħar m'għandhomx jiġu adottati. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tista' tressaq quddiem il-Kumitat abbozz emendat tal-miżuri jew tippreżenta proposta leġislattiva abbażi tat-Trattat.

g)

Jekk, meta jiskadi l-limitu ta' żmien imsemmi, il-Parlament Ewropew ma jkunx oppona l-miżuri proposti, dawn ta' l-aħħar għandhom jiġu adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, skond il-każ.

5.   B'deroga mill-paragrafi 3 u 4, strument bażiku jista' f'każijiet eċċezzjonali debitament sostanzjati jipprevedi:

a)

li l-limiti ta' żmien previsti fil-paragrafi 3(ċ), 4(b) u 4(e) jiġu estiżi b'xahar addizzjonali jekk il-komplessità tal-miżuri tiġġustifika dan;

jew

b)

li l-limiti ta' żmien previsti fil-paragrafi 3(ċ), 4(b) u 4(e) jitqassru jekk dan ikun ġustifikat minn raġunijiet ta' effikaċja.

6.   Strument bażiku jista' jipprevedi li, fil-każ fejn, għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-limiti ta' żmien għall-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ma jistgħux jiġu rispettati, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

a)

Jekk il-miżuri previsti mill-Kummissjoni ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tadotta dawn il-miżuri, li għandhom jiġu implimentati minnufih. Il-Kummissjoni għandha tikkomunikahom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien.

b)

F'limitu ta' żmien ta' xahar wara l-komunikazzjoni msemmija, il-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri li jiffurmawh, jew il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jistgħu jopponu l-miżuri adottati mill-Kummissjoni, minħabba li l-miżuri jkunu jeċċedu s-setgħat implimentattivi previsti fl-istrument bażiku jew li l-miżuri ma jkunux kompatibbli ma' l-għan jew mal-kontenut ta' l-istrument bażiku jew ma jkunux jirrispettaw il-prinċipji ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità.

ċ)

F'każ ta' oppożizzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-miżuri. Madankollu, hija tista' żżomm fis-seħħ, b'mod provviżorju, il-miżuri jekk ġustifikati minħabba raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa, tas-sigurtà jew ta' l-ambjent. F'dak il-każ, hija għandha tressaq mingħajr dewmien quddiem il-Kumitat abbozz emendat tal-miżuri jew proposta leġislattiva abbażi tat-Trattat. Il-miżuri provviżorji għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm dawn jiġu sostitwiti minn strument definittiv.”

8)

Fl-Artikolu 7(3), wara l-aħħar ta' l-ewwel sentenza tal-paragrafu, għandhom jiżdiedu l-kliem li ġejjin:

“skond arranġamenti li jiżguraw it-trasparenza tas-sistema ta' trasmissjoni u identifikazzjoni ta' l-informazzjoni trasmessa u ta' l-istadji differenti tal-proċedura”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)  Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Top