EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R2273

Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003 tat-22 ta' Diċembru 2003 li jimplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eżenzjonijiet għall-programmi tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni ta' l-istrumenti finanzjarjiTest b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 336, 23.12.2003, p. 33–38 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Estonian: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Latvian: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Lithuanian: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Hungarian Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Maltese: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Polish: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Slovak: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Slovene: Chapter 06 Volume 006 P. 342 - 347
Special edition in Bulgarian: Chapter 06 Volume 005 P. 237 - 242
Special edition in Romanian: Chapter 06 Volume 005 P. 237 - 242
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 006 P. 11 - 16

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/07/2016; Imħassar b' 32014R0596

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/2273/oj

32003R2273



Official Journal L 336 , 23/12/2003 P. 0033 - 0038


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2273/2003

tat-22 ta' Diċembru 2003

li jimplimenta d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eżenzjonijiet għall-programmi tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni ta' l-istrumenti finanzjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar in-negozju minn ġewwa u l-manipulazzjoni tas-swieq (l-abbuż tas-swieq) [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR) [2] għal parir tekniku,

Billi:

(1) L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/6/KE jipprovdi illi l-projbizzjonijiet ipprovduti fiha ma għandhomx japplikaw għall-kummerċ fl-ishma proprji fil-programmi tax-"xiri lura" jew għall-istabbilizzazzjoni ta' strument finanzjarju, sakemm dan il-kummerċ jitwettaq skond il-miżuri ta' implimentazzjoni adottati b'dan l-efett.

(2) L-attivitajiet tal-kummerċ fl-ishma proprji fil-programmi tax-"xiri lura" u ta' l-istabbilizzazzjoni ta' strument finanzjarju li ma jibbenefikawx mill-eżenjoni tal-projbizzjonijiet tad-Direttiva 2003/6/KE kif ipprovvdut bl-Artikolu 8 tagħha, ma għandhomx fihom infushom jitqiesu li jikkostitwixxu abbuż tas-suq.

(3) Mill-banda l-oħra, l-eżenzjonijiet maħluqa b'dan ir-Regolament ikopru biss l-imġiba li jkollha x'taqsam direttament ma' l-għan ta' l-attivitajiet tax-xiri lura u ta' l-istabbilizzazzjoni. L-imġiba li ma jkollhiex x'taqsam direttament ma' l-għan ta' l-attivitajiet tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħal kull azzjoni oħra koperta bid-Direttiva 2003/6/KE u tista' tkun l-oġġett ta' miżuri amministrattivi jew sanzjonijiet, jekk l-awtorità kompetenti tistabbilixxi illi l-azzjoni fil-kwistjoni tikkostitwixxi abbuż tas-suq.

(4) Rigward il-kummerċ fl-ishma proprji fil-programmi tax-"xiri lura", ir-regoli pprovvduti b'dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE dwar il-kordinament tas-salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-membri u ta' oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri tal-kumpaniji fit-tifsija tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, rigward il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' lijabbiltà limitata u ż-żamma jew il-bidla tal-kapital tagħhom, bil-ħsieb li jagħmlu ekwivalenti lil dawn is-salvagwardji [3].

(5) L-attivitajiet permissibbli tax-"xiri lura" sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-projbizzjonijiet tad-Direttiva 2003/6/KE jinkludu lil min joħroġ l-ishma li jkunu jeħtieġu l-possibbiltà li jnaqqsu l-kapital tagħhom, sabiex jissodisfaw l-obbligi li jinħolqu mill-istrumenti finanzjarji tad-dejn li jkunu jistgħu jinbidlu fi strumenti ta' ekwità, u sabiex jissodisfaw l-obbligi li joħorġu mill-allokazzjonijiet ta' l-ishma mill-impjegati.

(6) It-trasparenza hija ħtieġa bil-quddiem għall-prevenzjoni ta' l-abbuż tas-suq. Għal dan il-fini, l-Istati Membri jistgħu jaħtru uffiċjalment il-mekkaniżmi li jridu jiġu użati għall-iżvelar pubbliku tat-tagħrif meħtieġ li jiġi żvelat pubblikament skond dan ir-Regolament.

(7) Dawk li joħorġu l-ishma wara li jkunu adottaw il-programmi tax-"xiri lura" għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti u, kull meta meħtieġ, lill-pubbliku

(8) Il-kummerċ fl-ishma proprji fi programmi ta' "xiri lura" jista' jitwettaq permezz ta' strumenti finanzjarji derivattivi.

(9) Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż tas-suq, għandu jkun limitat il-volum tal-kummerċ fl-ishma proprji fi progranmi ta' "xiri lura". Madankollu, hija meħtieġa flessibbiltà sabiex twieġeb għall-kondizzjonijiet mogħtija tas-suq bħal-livell baxx tat-transazzjonijiet.

(10) Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-bejgħ ta' l-ishma proprji matul il-ħajja ta' programm ta' "xiri lura", għall-eżistenza possibbli ta' perjodi magħluqa taż-żmien fi ħdan min joħroġ l-ishma li matulhom ikunu pprojbiti t-transazzjonijiet u għall-fatt li min joħroġ l-ishma jista' jkollu raġunijiet leġittimi li jdewwem l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa.

(11) It-transazzjonijiet ta' l-istabbilizzazzjoni fil-biċċa l-kbira jkollhom l-effett li jipprovdu sostenn għall-prezz ta' offerta tat-titoli rilevanti matul perjodu limitat taż-żmien jekk jinġiebu taħt pressjoni tal-bejgħ, b'hekk itaffu l-pressjoni tal-bejgħ iġġenerat mill-investituri fuq skond qasir u jżommu suq bl-ordni fit-titoli rilevanti. Dan huwa fl-interess ta' dawk l-investituri li jkunu ssottoskrivew jew xtraw dawn it-titoli rilevanti fil-kuntest ta' distribuzzjoni sinifikanti, u ta' min joħroġhom. B'dan il-mod, l-istabbilizzazzjoni tikkontribwixxi għal iktar fiduċja fl-investituri u min joħroġ it-titoli fis-swieq finanzjarji.

(12) L-attività ta' l-istabbilizzazzjoni tista' titwettaq jew f'suq irregolat jew barra minnu u jista' jitwettaq l-użu ta' strumenti finanzjarji oħra għajr dawk ammessi jew li jridu jiġu ammessi fis-suq irregolat li jistgħu jinfluwenzaw il-prezz ta' l-istrument ammess jew li jrid jiġi ammess għall-kummerċ f'suq irregolat.

(13) It-titoli rilevanti għandhom jinkludu l-istrumenti finanzjarji li jsiru funġibbli wara perjodu inizjali taż-żmien minħabba li jkunu sostanzjalment l-istess, għalkemm ikollhom id-drittijiet differenti għall-ħlas tad-dividendi jew l-imgħax tal-bidu.

(14) F'relazzjoni ma' l-istabbilizzazzjoni, il-kummerċ fi blokki ma għandux jiżi kkunsidrat bħala distribuzzjoni sinifikanti tat-titoli rilevanti billi dawn huma strettament transazzjonijiet privati.

(15) Meta l-Istati Membri jippermettu, fil-kuntest ta' offerta pubblika inizjali, il-kummerċ qabel il-bidu tal-kummerċ uffiċjali f'suq irregolat, il-permess ikopri t-transazzjonijiet qabel il-ħruġ ("when issued trading").

(16) L-integrità tas-suq teħtieġ l-iżvelar pubbliku adegwat ta' l-attività ta' l-istabbilizzazzjoni minn min joħroġ it-titoli jew mill-entitajiet li jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni, huma u jaġixxu jew le f'isem dawk il-persuni li joħorġu t-titoli. Il-metodi użati għall-iżvelar pubbliku adegwat ta' dan it-tagħrif għandhom ikunu effiċjenti u jistgħu jqisu l-prattika tas-suq aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti.

(17) Għandu jkun hemm fil-post kordinament adegwat bejn id-ditti kollha ta' l-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu li jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni. Matul l-istabbilizzazzjoni, ditta ta' l-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu għandhom jaġixxu bħala punt ċentrali ta' l-investigazzjoni għal kull intervent regolatorju mill-awtorità kompetenti ta' kull wieħed mill-Istati Membri interessati.

(18) Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni tal-parteċipanti fis-suq, l-attività ta' l-istabbizzazzjoni għandha titwettaq billi jitqiesu l-kondizzjonijiet tas-suq u l-prezz ta' l-offerti tat-titolu rilevanti u għandhom jiġu midħula għalihom transazzjonijiet rilevanti sabiex jillikwidaw il-posizzjonijiet stabbiliti b'riżultat ta' l-attività ta' l-istabbilizzazzjoni hekk li jimminimizzaw l-impatt tas-suq filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet prevalenti tas-suq.

(19) Il-faċilitajiet tat-tqassim iżżejjed u ta' l-għażliet ta' kopertura korrispondenti ("greenshoe option") għandhom x'jaqsmu mill-qrib ma' l-istabbilizzazzjoni, permezz tar-riżorsi u tal-kopertura għall-attività ta' l-istabbilizzazzjoni.

(20) Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-eżerċizzju ta' faċilità tat-tqassim iżżejjed minn ditta ta' l-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu bil-għan ta' l-istabbilizzazzjoni meta tirriżulta f'posizzjoni mhux koperta bil-għażla ta' kopertura korrispondenti ("greenshoe option").

(21) Il-miżuri pprovvduti f'dan ir-Rgolament huma skond l-opinoni tal-Kumitat tat-Titoli Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ID-DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Il-materja tas-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti bil-programmi tax-xiri lura u l-istabbilizzazzjoni ta' l-istrumenti finanzjarji sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovvduta fl-Artkolu 8 tad-Direttiva 2003/6/KE.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin b'żieda ma' dawk stabbiliti fid-Direttiva 2003/6/KEE:

1. "ditta ta' l-investiment" tfisser kull persuna legali kif iddefinita fil-punt (2) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/22/KEE [4];

2. "istituzzjoni tak-kreditu" tfisser persuna legali kif iddefinita fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament u tal-Kunsill [5];

3. "programmi tax-xiri lura" tfisser il-kummerċ fl-ishma proprji skond l-Artikoli minn 19 sa 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE;

4. "programm tax-" xiri lura "skedat biż-żmien" ifisser programm tax-"xiri lura" meta d-dati u l-kwantitajiet tat-titoli li jridu jiġu kkummerċjati matul il-perjodu taż-żmien tal-programm jiġu ddikjarati fiż-żmien ta' l-iżvelar pubbliku tal-programm tax-"xiri lura";

5. "żvelar pubbliku adegwat" ifisser l-iżvelar magħmul skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 102(1) u 103 tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [6];

6. "titoli rilevanti" tfisser it-titoli trasferibbli kif iddefiniti fid-Direttiva 93/12/KEE, li jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq irregolat jew li għalihom tkun intgħamlet talba għall-ammissjoni għall-kummerċ f'suq minn dan, u li huma l-oġġett ta' distribuzzoni sinifikanti;

7. "stabbilizzazzjoni" tfisser kul xiri jew offerta għax-xiri tat-titoli rilevanti, jew kull transazzjoni fi strumenti assoċjati ekwivalenti għalihom, minn ditti ta' l-investiment jew istituzzjonijiet tal-kreditu għall-perjodu taż-żmien stabbilit bil-quddiem, minħabba l-pressjoni tal-bejgħ f'dawn it-titoli;

8. "strumenti assoċjati" tfisser l-istrumentri finanzjarji li ġejjin (inklużi dawk li ma jkunux ammessi għall-kummerċ f'suq irregolat, jew li għalihom ma tkunx intgħamlet talba għall-ammissjoni għall-kummerċ f'dan is-suq, sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu ftieħmu għal standards tat-trasparenzi għat-transazzjonijiet f'dawn l-istrumenti finanzjarji):

(a) il-kuntratti jew id-drittijiet għas-sottoskrizzjoni għall-kisba jew id-disponiment mit-titoli rilevanti;

(b) id-derivattivi finanzjarji fuq it-titoli rilevanti;

(ċ) meta t-titoli rilevanti jkunu strumenti tad-dejn konvertibbli jew li jistgħu jiġu skambjati, it-titoli li fihom jistgħu jiġu kkonvertiti jew skambjati dawn l-istrumenti tad-dejn konvertibbli jew li jistgħu jiġu skambjati;

(d) l-istrumenti li jinħarġu jew li jiġu ggarantiti minn min joħroġ it-titoli rilevanti jew il-garanti tagħhom u li l-prezz tas-suq tagħhom x'aktarx li jinfluwenza materjalment il-prezz tat-titoli rilevanti, jew bil-maqlub;

(e) meta t-titoli rilevanti jkunu titoli ekwivaenti għall-ishma, l-ishma rrappreżentati minn dawn it-titoli (u kull titolu ieħor ekwivalenti għal dawn l-ishma).

9. "distribuzzjoni sinifikanti" tfisser offerta tal-bidu jew sekondarja tat-titoli rilevanti, imħabbra pubblikament u distinta mill-kummerċ ordinarju kemm f'termini ta' l-ammont fil-valur tat-titoli offruti u kemm fil-metodi użati tal-bejgħ;

10. "min joffri" ifisser il-pussessuri ta' qabel, jew l-entità tal-ħruġ, tat-titoli rilevanti;

11. "tqassim" tfisser il-proċess jew il-proċessi li bihom jiġi stabbilit in-numru ta' titoli rilevanti li jridu jiġu rċevuti minn investituri li jkunu ssottoskrivew u applikaw għalihom qabel.

12. "stabbilizzazzjoni anċillarja" tfisser l-eżerċizzju tal-faċilità tat-tqassim iżżejjed jew ta' għażla ta' kopertura korrispondenti mid-ditti ta' l-investment jew l-istituzzjonijiet tal-kreditu, fil-kuntest ta' distribuzzjoni sinifikanti tat-titoli rilevanti, esklussivament sabiex tiffaċilita l-attivita ta' l-istabbilizzazzjoni;

13. "faċilita ta' tqassim iżżejjed" tfisser klawsola fil-ftehim tas-sottoskrizzjoni jew il-ftehim tal-ġestjoni prinċipali li tippermetti l-aċċettazzjoni tas-sottoskrizzjonijiet jew l-offerti għax-xiri ta' numru iktar ta' titoli rilevanti milli offruti oriġinarjament;

14. għażla ta' kopertura korrispondenti ("greenshoe option") tfisser għażla konċessa minn min joffri t-titoli favur ditta/i ta' l-investiment jew istituzzjoni/jiet tal-kreditu involuti fl-offerta bil-għan li tkopri t-tqassim iżżejjed kollu, li skond it-termini tagħha din/dawn id-ditta/i jew istituzzjoni/jiet jistgħu jixtru sa ċertu ammont tat-titoli rilevanti bil-prezz ta' l-offerta għal ċertu perjodu taż-żmien wara l-offerta tat-titoli rilevanti.

KAPITOLU II

IL-PROGRAMMI TA' "XIRI LURA"

Artikolu 3

Il-għanijiet tal-programmi tax-xiri lura

Sabiex jibbenfika mill-eżenzjoni pprovvduta fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/6/KE, programm tax-xiri lura jrid jikkonforma ma' l-Artikoli 4, 5 u 6 ta' dan ir-Regolament u l-ġħan waħdieni ta' dan il-programm ta' xiri lura jrid ikun li jnaqqas il-kapital ta' min joħroġ it-titoli (fil-valur jew fin-numru ta' l-ishma) jew li jissodisfa l-obbliġi li joħorġu minn waħda minn dawn li ġejjin:

(a) l-istrumenti finanzjarji tad-dejn li jistgħu jiġu skambjati fi strumenti ta' ekwità;

(b) il-programmi ta' l-għażla ta' l-ishma mill-impjegati jew allokazzjonijiet oħra ta' l-ishma lill-impjegati ta' min joħroġ it-titoli jew ta' kumpannija asoċjata.

Artikolu 4

Il-kondizzjonijiet tal-programmi tax-"xiri lura" u l-iżvelar

1. Il-programm tax-"xiri lura" jrid jikkonforma mal-kondizzjoniiet stabbiliti bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 77/91/KEE.

2. Qabel ma jibda l-kummerċ, għandhom jiġu żvelati b'mod adegwat id-dettalji sħaħ tal-programm approvat skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 77/91/KEE lill-pubbliku fl-Istati Membri li fihom min joħroġ l-ishma jkun talab l-ammissjoni ta' l-ishma tiegħu għall-kummerċ f'suq irregolat.

Dawn id-dettalji jridu jinkludu l-għan tal-programm kif riferit fl-Artikolu 3, il-kondizzjoni massima, in-numru massimu ta' l-ishma li jridu jinkisbu u t-tul tal-perjodu taż-żmien li għalih tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni tal-programm.

Il-bidliet sossegwenti għall-programm għandhom ikunu bla ħsara għall-iżvelar pubbliku adegwat fl-Istati Membri.

3. Min joħroġ l-ishma jrid ikollu f'posthom il-mekkaniżmi li jiżguraw illi jwettaq l-obbligi tar-rappurtaġġ tal-kummerċ lill-awtorità kompetenti tas-suq irregolat li għalih ikunu ġew ammessi l-ishma. Dawn il-mekkaniżmi jridu jirreġistraw kull waħda mit-transazzjonijiet li jkollha x'taqsam mal-programmi tax-"xiri lura", inkluż it-tagħrif speċifikat fl-Artkolu 20(1) tad-Direttiva 93/22/KEE.

4. Min joħroġ l-ishma jrid jiżvela pubblikament id-dettalji tat-transazzjonijiet kollha kif riferit fil-paragrafu 3 mhux iktar tard mit-tmiem tas-seba' sessjoni ta' kuljum tas-suq wara d-data tat-twettiq ta' din it-transazzjoni.

Artikolu 5

Il-kondizzjonijiet għall-kummerċ

1. Safejn u sakemm jirrigwarda l-prezzijiet, meta jkun qiegħed iwettaq kummerċ skond programm ta' "xiri lura", min joħroġ l-ishma ma jridx jixtri l-ishma bi prezz ogħla mill-prezz iktar għoli ta' l-aħħar kummerċ indipendenti u l-ogħla offerta indipendenti korrenti fil-postijiet tal-kummerċ meta jitwettaq ix-xiri.

Jekk post tal-kummerċ ma jkunx suq irregolat, il-prezz ta' l-aħħar kummerċ indipendenti jew ta' l-ogħla offerta indipendenti korrenti meħudin b'riferiment għandhom ikunu dak tas-suq irregolat ta' l-Istat Membru li fih jitwettaq ix-xiri.

Meta min joħroġ l-ishma jwettaq ix-xiri ta' l-ishma proprji permezz ta' l-istrumenti derivattivi, il-prezz ta' l-eżerċizzju ta' dawn l-istrumenti derivattivi ma għandux ikun ogħla mill-prezz ta' l-aħħar kummerċ indipendenti u l-ogħla offerta indipendenti korrenti.

2. Safejn u sakemm jirrigwarda l-volum interessat, min joħroġ l-ishma ma jridx jixtri iktar minn 25 % tal-volum medju ta' kuljum ta' l-ishma f'jum wieħed fis-suq irregolat li fih jitwettaq ix-xiri.

Iċ-ċifra tal-volum medju ta' kuljum trid tkun imsejsa fuq il-volum medju ta' kuljum ikkummerċjat fix-xahar ta' qabel ix-xahar ta' l-iżvelar pubbliku ta' dan il-programm u ffissata fuq il-bażi għall-perjodu taż-żmien ta' l-awtorizzazzjoni tal-programm.

Meta l-programm ma jagħmel l-ebda riferiment għal dan il-volum, iċ-ċifra tal-volum medju ta' kuljum trid tkun imsejsa fuq il-volum medju ta' kuljum ikkummerċjat fl-20 jum tal-kummerċ ta' qabel id-data tax-xiri.

3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, fil-każijiet ta' likwidità baxxa estrema fis-suq irregolat, min joħroġ l-ishma jista' jaqbeż il-limitu tal-25 %, sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) min joħroġ l-ishma jgħarraf bil-quddiem lill-awtorità kompetenti tas-suq rilevanti dwar l-intenzjoni tiegħu li jiddevja mil-limitu ta' 25 %;

(b) min joħroġ l-ishma jiżvela lill-pubbliku b'mod adegwat illi jista' jiddevja mil-limitu tal-25 %;

(ċ) min joħroġ l-ishma ma jaqbiżx il-50 % tal-volum medju ta' kuljum.

Artikolu 6

Ir-Restrizzjonijiet

1. Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni pprovvduta bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/6/KE, min joħroġ l-ishma ma jridx jaħdem fil-kummerċ li ġej matul il-parteċipazzjoni tiegħu fi programm ta' xiri lura:

(a) ibigħ l-ishma proprji matul il-ħajja tal-programm;

(b) jikkummerċja matul perjodu taż-żmien li, skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru li fih isir il-kummerċ, ikun perjodu taż-żmien magħluq;

(ċ) jikkummerċja meta min joħroġ l-ishma jkun iddeċieda li jdewwem l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/6/KE.

2. Il-paragrafu 1(a) ma għandux japplika jekk min joħroġ l-ishma jkun ditta ta' l-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu u jkun stabbilixxa ostakoli effettivi tat-tagħrif (Swar Ċiniżi) bla ħsara għas-sorveljanza mill-awtorità kompetenti, bejn dawk responsabbli milli jittrattaw it-tagħrif minn ġewwa li jkollu x'jaqsam b'mod dirett jew indirett ma' min joħroġ l-ishma u dawk responsabbli minn kull deċiżjoni li jkollha x'taqsam mal-kummerċ fl-ishma proprji (inkluż il-kummerċ fl-ishma proprji f'isem il-klijenti) meta jikkummerċja l-ishma proprji fuq il-bażi ta' kull deċiżjoni minn din.

Il-paragrafi 1(b) u (ċ) ma għandhomx japplikaw jekk min joħroġ l-ishma jkun ditta ta' l-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu u jkun stabbilixxa ostakoli effettivi tat-tagħrif (Swar Ċiniżi) bla ħsara għas-sorveljanza mill-awtorità kompetenti, bejn dawk responsabbli milli jittrattaw it-tagħrif minn ġewwa li jkollu x'jaqsam b'mod dirett jew indirett ma' min joħroġ l-ishma (inklużi d-deċiżjonijiet skond il-programm tax-"xiri lura") u dawk responsabbli mill-kummerċ fl-ishma proprji f'isem dawn il-klijenti.

3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk:

(a) min joħroġ l-ishma jkollu f'postu programm tax-"xiri lura" skedat biż-żmien, jew

(b) il-programm tax-"xiri lura" jkun ġestit minn quddiem minn ditta ta' l-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu li jagħmlu d-deċiżjonijiet tal-kummerċ tiegħu f'relazzjoni ma' l-ishma ta' min joħroġhom b'mod indipendenti minn min joħroġhom u mingħajr l-influwenza tiegħu rigward il-għoti taż-żmien tax-xiri.

KAPITOLU III

L-ISTABBILIZZAZZJONI TA' L-ISTRUMENT FINANZJARJU

Artikolu 7

Il-kondizzjonijiet għall-istabbilizzazzjoni

Sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni pprovvduta fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/6/KE, l-istabbilizzazzjoni ta' strument finanzjarju trid titwettaq skond l-Artikoli 8, 9 u 10 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Il-kondizzjonijiet relatati maż-żmien għall-istabbilizzazzjoni

1. L-istabbilizzazzjoni għandha titwettaq għal perjodu limitat taż-żmien biss.

2. Rigward l-ishma u t-titoli l-oħra ekwivalenti għall-ishma, il-perjodu taż-żmien riferit fil-paragrafu 1 għandu jibda, fil-każ ta' offerta tal-bidu mħabbra pubblikament, fid-data tal-bidu tal-kummerċ tat-titoli rilevanti fis-suq irregolat u għandha ttemm mhux iktar tard minn 30 jum kalendarju wara dan.

Meta l-offerta tal-bidu mħabbra pubblikament issir fi Stat Membru li jippermetti l-kummerċ qabel il-bidu tal-kummerċ f'suq irregolat, il-perjodu taż-żmien riferit fil-paragrafu 1 għandu jibda fid-data ta' l-iżvelar pubbliku adegwat tal-prezz finali tat-titoli rilevanti u għandu jtemm mhux iktar tard minn 30 jum kalendarju wara dan, sakemm kull kummerċ minn dan jitwettaq skond ir-regoli, jekk ikun hemm minnhom, tas-suq irregolat li fih it-titoli rilevanti jridu jiġu ammessi għall-kummerċ, inkluża kull regola li tirrigwarda l-iżvelar pubbliku u r-rappurtaġġ tal-kummerċ.

3. Rigward l-ishma u t-titoli l-oħra ekwivalenti għall-ishma, il-perjodu taż-żmien riferit fil-paragrafu 1 għandu jibda, fil-każ ta' offerta sekondarja, fid-data ta' l-iżvelar pubbliku adegwat tal-prezz finali tat-titoli rilevanti u għandha ttemm mhux iktar tard minn 30 jum kalendarji wara d-data tat-tqassim.

4. Rigward il-bonds u għamliet oħra ta' dejn issekuritizzat (li ma jkunux konvertibbli jew li jistgħu jiġu skambjati f'ishma jew f'titoli ekwivalenti għall-ishma), il-perjodu taż-żmien riferit fil-paragrafu 1 għandu jibda mid-data ta' l-iżvelar pubbliku adegwat tat-termini ta' l-offerta tat-titoli rilevanti (jiġifieri li jinkludi l-firxa tal-benchmark, jekk ikun hemm minnhom, ġaladarba jkun ġie ffissat) u għandu jtemm, jew mhux iktar tard minn 30 jum kalendarju wara d-data li fiha min joħroġ l-istrumenti jkun irċieva l-introjtu tal-ħruġ, jew mhux iktar tard minn 60 jum kalendarju wara d-data tat-tqassim tat-titoli rilevanti, liema minnhom tkun l-iktar bikrija.

5. Rigward id-dejn issekuritizzat konvertibbli jew li jista' jiġi skambjat f'ishma jew f'titoli ekwivalenti għall-ishma, il-perjodu taż-żmien riferit fil-paragrafu 1 għandu jibda mid-data ta' l-iżvelar pubbliku adegwat tat-termini finali ta' l-offerta tat-titoli rilevanti u għandu jtemm jew mhux iktar tard minn 30 jum kalendarju wara d-data li fiha min joħroġ l-istrumenti jkun irċieva l-introjtu mill-ħruġ, jew mhux iktar tard minn 60 jum kalendarju wara d-data tat-tqassim tat-titoli rilevanti, liema minnhom tkun l-iktar bikrija.

Artikolu 9

L-iżvelar u r-rappurtaġġ tal-kondizzjonijiet għall-istabbilizzazzjoni

1. It-tagħrif li ġej għandu jkun żvelat pubblikament b'mod adegwat minn dawk li joħorġu l-ishma, jew mill-entitajiet li jindaħlu għall-istabbizzazzjoni sewwa jekk jaġixxu, u sewwa jekk le, f'isem dawn il-persuni, qabel il-ftuħ tal-perjodu taż-żmien ta' l-offerta tat-titoli rilevanti:

(a) il-fatt illi l-istabbilizzazzjoni tista' tiġi midħula għaliha, li ma jkun hemm l-ebda assigurazzjoni li tiġi midħula għaliha u li tista' tinżamm f'kull ħin;

(b) il-fatt illi t-transazzjonijiiet ta' l-istabbilizzazzjoni jkunu mmirati sabiex jappoġġjaw il-prezz tas-suq tat-titoli rilevanti;

(ċ) il-bidu u t-tmiem tal-perjodu taż-żmien li matulu tista' tiġri l-istabbilizzazzjoni;

(d) l-identità tal-manager ta' l-istabbilizzazzjoni, għajr jekk ikun magħruf f'kull żmien tal-pubblikazzjoni f'liema każ għandu jiġi żvelat pubblikament qabel ma tibda kull attività ta' l-istabbilizzazzjoni;

(e) l-eżistenza u d-daqs massimu ta' kull faċilità ta' tqassim iżżejjed jew ta' għażla ta' kopertura korrispondenti, il-perjodu taż-żmien għall-eżerċizzju ta' din l-għażla u kull kondizzjoni għar-rikors għal din il-faċilità jew l-eżerċizzju ta' din l-għażla.

L-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu sospiżi għall-offerti skond il-kamp ta' l-applikazzjoni tal-miżuri li jimplimentaw id-Direttiva 2004/…/KE (id-Direttiva dwar il-prospett), mid-data ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artkolu 12(1) tad-Direttiva 2003/6/KE, id-dettalji tat-transazzjonijiet kollha ta' stabbilizzazzjoni jridu jiġu nnotifikati minn min joħroġ l-ishma, min joffrihom, jew l-entitajiet li jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni sewwa jekk ikunu jaġixxu u sewwa jekk le f'isem dawn il-persuni, lill-awtorità kompetenti tas-suq rilevanti mhux iktar tard mis-seba' sessjoni ta' kuljum tas-suq wara d-data tat-twettiq ta' dawn it-transazzjonijiet.

3. Fi żmien ġimgħa mit-tmiem tal-perjodu taż-żmien ta' l-istabbiliment, it-tagħrif li ġej għandu jiżi żvelat lill-pubbliku b'mod adegwat minn min joħroġ l-ishma, minn min joffrihom jew mill-entitajiet li jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni sewwa jekk ikunu jaġixxu u sewwa jekk le f'isem dawn il-persuni:

(a) jekk l-istabbilizzazzjoni kinitx midħula għalija jew le;

(b) id-data li fiha tkun bdiet l-istabbilizzazzjoni;

(ċ) id-data li fiha tkun grat l-aħħar l-istabbilizzazzjoni;

(d) il-firxa tal-prezzijiet li fihom tkun twettqet l-istabbilizzazzjoni, għal kull waħda mid-dati li matulhom twettqu t-transaazzjonijiet ta' l-istabbilizzazzjoni.

4. Min joħroġ l-ishma, minn joffrihom jew l-entitajiet li jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni, sewwa jekk jaġixxu, u sewwa lekk le, f'isem dawn il-persuni, għandhom jirreġistraw kull ordni jew transazzjoni ta' stabbilizzazzjoni bi, bħala minimu, it-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 93/22/KEE estiż għal strumenti finanzjarji oħra għajr dawk ammessi jew li jkunu sejrin jiġu ammessi fis-suq irregolat.

5. Meta numru ta' ditti ta' l-investiment jew istituzzjonijiet tal-kreditu jindaħlu għall-istabbilizzazzjoni sewwa jekk jaġixxu u sewwa jekk le f'isem min joħroġ it-titoli jew min joffrihom, wieħed mill-persuni għandu jaġixxi bħala punt ċentrali ta' l-investigazzjoni għal kull talba mill-awtorità kompetenti tas-suq irregolat li fih ikunu ġew ammessi għall-kummerċ it-titoli rilevanti.

Artikolu 10

Il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-prezzijiet

1. Fil-każ ta' offerta ta' ishma jew ta' titoli oħra ekwivaenti għall-ishma, l-istabbilizzazzjoni tat-titoli rilevanti ma għandha fl-ebda ċirkostanza titwettaq ogħla mill-prezz ta' l-offerta.

2. Fil-każ ta' offerta ta' dejn issekuritizzat ikkonvertit jew li jista' jiġi skambjat fi strumenti kif riferit fil-paragrafu 1, l-istabbilizzazzjoni ta' dawn l-istrumenti ma għandhom fl-ebda ċirkustanza ma jitwettqu ogħla mill-prezz tas-suq ta' dawn l-istrumenti fiż-żmien ta' l-iżvelar pubbliku tal-kondizzjonijiet finali ta' din l-offerta ġdida.

Artikolu 11

Il-kondizzjonijiet għall-istabbilizzazzjoni anċillarja

Sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni pprovvduta fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/6/KE, l-istabbilizzazzjoni anċillarja trid tiġi midħula għaliha skond l-Artkolu 9 ta' dan ir-Regolament, u b'dan li ġej:

(a) it-titoli rilevanti jistgħu jitqassmu żżejjed biss matul il-perjodu taż-żmien tas-sottoskrizzjoni bil-prezz ta' l-offerta;

(b) posizzjoni li tirriżulta mill-eżerċizzju ta faċilita ta' tqassim iżżejjed minn ditta ta' l-investiment jew istituzzjoni tal-kreditu li ma jkunux koperti bl-għażla ta' kopertura korrispondenti ma tistax taqbeż il-5 % ta' l-offerta oriġinali;

(ċ) l-għażla ta' kopertura korrispondenti tista' tiġi eżerċitata mill-benefiċjarji ta' din il-għażla biss meta jkunu mqassma żżejjed it-titoli rilevanti;

(d) l-għażla ta' kopertura korrispondenti ma tistax tammonta għal iktar minn 15 % ta' l-offerta oriġinali;

(e) il-perjodu taż-żmien ta' l-eżerċizzju ta' l-għażla ta' kopertura korrispondenti għandu jkun l-istess bħall-perjodu taż-żmien ta' l-istabbilizzazzjoni meħtieġ skond l-Artikolu 8;

(f) l-eżerċizzju ta' l-għażla ta' kopertura korrispondenti għandu jiġi żvelat lill-pubbliku fil-pront, flimkien mad-dettalji kollha approprjati, inklużi b'mod partkolari d-data ta' l-eżerċizzju u n-numru u n-natura tat-titoli rilevanti involuti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2003.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 96, tat-12.4.2003, pġ. 16.

[2] Is-CESR kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE (ĠU L 191, tat-13.7.2001, pġ. 43).

[3] ĠU L 26, tal-31.1.1977, pġ. 1.

[4] ĠU L 141, tal-11.6.1993, pġ. 27.

[5] ĠU L 126, tas-26.5.2000, pġ. 1.

[6] ĠU L 184, tas-6.7.2001, pġ. 1.

--------------------------------------------------

Top