EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0006

Id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq)

OJ L 96, 12.4.2003, p. 16–25 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Estonian: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Latvian: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Lithuanian: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Hungarian Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Maltese: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Polish: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Slovak: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Slovene: Chapter 06 Volume 004 P. 367 - 376
Special edition in Bulgarian: Chapter 06 Volume 005 P. 210 - 219
Special edition in Romanian: Chapter 06 Volume 005 P. 210 - 219
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 003 P. 74 - 83

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/07/2016; Imħassar b' 32014R0596

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/6/oj

32003L0006



Official Journal L 096 , 12/04/2003 P. 0016 - 0025


Id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-28 ta' Jannar 2003

dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 [4],

Billi:

(1) Suq waħdieni ġenwin għal servizzi finanzjarji huwa kruċjali għal tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjieg fil-Komunità.

(2) Suq finanzjarju integrat u effiċjenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel ta' swieq ta' titoli u kunfidenza pubblika fi swieq huma prerekwiżiti għal tkabbir u ġidekonomiku. L-abbuż tas-suq jaffettwa ħażin l-integrità ta' swieq finanzjarji u kunfidenza pubblika f'titoli u derivattivi.

(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Mejju 1999 intitolata "L-Implimentazzjoni ta' kwadru għall-pjan ta' azzjoni ta' swieq finanzjarji": jiddentifika serje ta' azzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiġi kompletat is-suq singolu għal servizzi finanzjarji. Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona ta' April 2000 sejjaħ għall-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni sa l-2005. Il-pjan ta' azzjoni jagħmel enfasi fuq il-bżonn li titfassal Direttiva kontra l-manipulazzjoni tas-suq.

(4) Fil-laqgħa tiegħu fis-17 ta' Lulju 2000, il-Kunsill stabbilixxa Kumitat ta' l-Għorrief dwar ir-Regolament ta' Swieq Ewropej ta' Titoli. Fir-rapport finali tiegħu, il-Kumitat ta' l-Għorrief ippropona l-introduzzjoni ta' tekniċi leġislattivi ġodda bbażati fuq approċ tar-raba' livell, jiġifieri prinċipji kwadru, miżuri ta' implimentazzjoni, kooperazzjoni u applikazzjoni. Livell 1, id-Direttiva, għandha tkun limitata għal prinċipji "kwadru" wiesgħa ġenerali waqt li l-Livell 2 għandu jkollu miżuri tekniċi ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni bl-assistenza ta' kumitat.

(5) Ir-Riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma ta' Marzu 2001 iffirmat ir-rapport finali tal-Kumitat ta' l-Għorrief u pproponiet l-approċ tar-raba' livell sabiex il-proċess regolatorju għal leġislazzjoni Komunitarja f'titoli tkun iktar effiċjenti u trasparenti.

(6) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ta' servizzi finanzjarji wkoll iffirmat ir-rapport tal-Kumitat ta' l-Għorrief, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni solenni magħmula quddiem il-Parlament fl-istess jum mill-Kummissjoni u l-ittra tat-2 ta' Ottubru 2001 indirizzata mill-Kummissarju tas-Suq Intern lill-President tal-Kumitat dwar Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament fir-rigward tas-salvagwardji għar-rwol tal-Parlament Ewropew f'dan il-proċess.

(7) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimetazzjoni ikkonferiti lill-Kummissjoni [5],

(8) Skond il-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma, miżuri ta' implimentazzjoni tal-Livell 2 għandhom jintużaw iktar frekwentement, sabiex jiġi assigurat li dispożizzjonijiet tekniċi jinżammu aġġornati ma' żviluppi tas-suq u ta' sorveljanza, u għandhom jiġu stabbiliti limiti perentorji għall-istadji kollha tax-xogħol tal-Livell 2.

(9) Il-Parlament Ewropew għandu jingħata perjodu ta' tliet xhur mill-ewwel trasmissjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni ta' abbozz sabiex ikun jista' jeżaminahom u jagħti l-opinjoni tiegħu. Madankollu, f'każijiet urġenti u ġustifikati kif dovut, dan il-perjodu jista' jitqassar. Jekk, f'dak il-perjodu, tgħaddi riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid il-miżuri ta' abbozz.

(10) Żviluppi finanzjarji u tekniċi ġodda jsaħħu l-inċentivi, l-mezzi u l-opportunitajiet għal abbuż tas-suq: permezz ta' prodotti ġodda, teknoloġiji ġodda, attivitajiet trans-fruntieri dejjem jiżdiedu u l-Internet.

(11) Il-kwadru legali eżistenti Komunitarju għall-protezzjoni ta' l-integrità tas-suq huma inkomplet. Ħtiġiet legali jvarjaw minn Stat Membru wieħed għall-ieħor, u atturi ekonomiċi ħafna drabi jitħallew inċerti dwar kunċetti, definizzjonijiet u applikazzjoni. F'xi Stati Membri ma hemm ebda leġislazzjoni li tindirizza l-kwistjonijiet ta' manipulazzjoni ta' prezz u t-tixrid ta' informazzjoni li tqarraq.

(12) L-abbuż tas-suq jikkonsisti f'insider dealing u manipulazzjoni tas-suq. Il-mira ta' leġislazzjoni kontra l-insider dealing hija l-istess bħal dik ta' leġislazzjoni kontra manipulazzjoni tas-suq: li tiġi assigurata l-integrità ta' swieq finanzjarji Komunitarji u tissaħħaħ il-kunfidenza ta' investituri f'dawk is-swieq. Huwa għalhekk tajjeb li jiġu adottati regoli kkumbinati sabiex jiġġieldu kontra kemm l-insider dealing u manipulazzjoni tas-suq. Direttiva waħda tassigura fil-Komunità kollha l-istess kwadru għall-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet, applikazzjoni u kooperazzjoni.

(13) Mogħtija l-bidliet fi swieq finanzjarji u f'leġislazzjoni Komunitarja mill-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/592/KEE tat-13 ta' Novembru 1989 li tikkoordina regolamenti dwar l-insider dealing [6], dik id-Direttiva għandha issa tiġi sostitwita, sabiex tiġi assigurata konsistenza mal-leġislazzjoni kontra manipulazzjoni tas-suq. Hemm bżonn ukoll ta' Direttiva ġdida sabiex jiġu evitati trappoli fil-leġislazzjoni Komunitarja li jistgħu jintużaw għal tmexxija ħażina u li jistgħu jaħdmu kontra kunfidenza pubblika u għalhekk jippreġudikaw il-funzjonament bla xkiel tas-swieq.

(14) Din id-Direttiva tissodisfa l-ħsibijiet espressi mill-Istati Membri wara l-attakki terroristiċi fil-11 ta' Settembru 2001 fir-rigward tal-ġlieda kontra l-iffinanzjar ta' attivitajiet terroristiċi.

(15) L-insider dealing u manipulazzjoni tas-suq jipprevjenu trasparenza sħiħa u proprja tas-suq, li hija prerekwiżit għal kummerċ għall-atturi ekonomiċi kollha fi swieq finanzjarji integrati.

(16) Informazzjoni minn ġewwa hija kwalunkwe informazzjoni ta' natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, għal wieħed jew iktar responsabbli mill-ħruġ ta' strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar. Informazzjoni li jista' jkollha effett sinifikanti fuq l-evoluzzjoni u l-iffurmar tal-prezzijiet ta' suq regolat infatti tista' tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni li tirrelata indirettament għal wieħed jew iktar li joħorġu strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar derivattiv relatat.

(17) Fir-rigward ta' insider dealing, għandu jittieħed kont ta' każijiet meta informazzjoni minn ġewwa ma toriġinax minn professjoni jew funzjoni imma minn attivitajiet kriminali, li l-preparazzjoni jew l-eżekuzzjoni tagħhom jista' jkollhom effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta' strument finanzjarju wieħed jew iktar jew fuq formazzjoni ta' prezz fis-suq regolat.

(18) L-użu ta' informazzjoni minn ġewwa jista' jikkonsisti fl-akkwist jew id-disponiment ta' strumenti finanzjarji minn persuna li taf, jew suppost kienet taf, li l-informazzjoni li kellha kienet informazzjoni minn ġewwa. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw dak li persuna normali u raġjonevoli kienet tkun taf jew suppost kellha tkun taf fiċ-ċirkostanzi. Barra minn hekk, il-fatt li dawk li jagħmlu s-suq, korpi awtorizzati biex jaġixxu bħala kontropartijiet, jew persuni awtorizzati biex jeżegwixxu ordinijiet għan-nom ta' partijiet terzi b'informazzjoni minn ġewwa jillimitaw irwieħhom, fl-ewwel żewġ każijiet, biex isegwu n-negozju leġittimu tagħhom ta' xiri u bejgħ ta' strumenti finanzjarji jew, fil-każ ta' l-aħħar, biex iwettqu ordni bi dmir, m'għandux bħala fatt fih inniffsu jitqies li jikkostitwixxi l-użu ta' din l-informazzjoni minn ġewwa.

(19) L-Istati Membri għandhom jittrattaw il-prattika magħrufa bħala "front running", li tinkludi "front running" f'derivattivi ta' komoditajiet, meta dan jikkostitwixxi abbuż tas-suq taħt id-definizzjonijiet li jinstabu f'din id-Direttiva.

(20) Persuna li tidħol f'operazzjonijiet jew toħroġ ordnijiet għal kummerċ li jikkostitwixxu manipulazzjoni tas-suq tista' tistabbilixxi li r-raġunijiet tagħha biex tidħol f'dawn l-operazzjonijiet jew toħroġ l-ordnijiet għal kummerċ kienu leġittimi u li l-operazzjonijiet u l-ordnijiet għal kummerċ kienu in konformità ma' prattika aċċettata fis-suq regolat ikkonċernat. Xorta tista' tiġi imposta sanzjoni jekk l-awtorità kompetenti stabbiliet li kien hemm raġuni, illeġittima oħra wara dawn l-operazzjonijiet jew ordnijiet għal kummerċ.

(21) L-awtorità kompetenti tista' toħroġ gwida dwar kwistjonijiet koperti b'din id-Direttiva, eż. definizzjoni ta' informazzjoni minn ġewwa fir-rigward ta' derivattivi dwar komoditajiet jew implimentazzjoni tad-definizzjoni ta' prattiki tas-suq aċċettati fir-rigward tad-definizzjoni ta' manipulazzjoni tas-suq. Din il-gwida għandha tkun in konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skond il-proċedura ta' komitoloġija

(22) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-iktar mod approprjat sabiex jiġu regolati persuni li jipproduċu jew ixerrdu riċerka li tikkonċerna strumenti finanzjarji jew dawk li joħorġu strumenti finanzjarji jew persuni li jipproduċu jew ixerrdu informazzjoni oħra li tirrakkomanda jew tissuġġerixxi strateġija ta' investiment, inklużi mekkaniżmi approprjati għal regolament proprju, li għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni.

(23) It-tqegħid ta' informazzjoni minn ġewwa minn dawk li joħorġuha fuq is-siti tagħhom ta' l-internet għandha tkun skond ir-regoli dwar it-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi kif stabbilit f'din id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ta' din id-data [7].

(24) L-iżvelar malajr u ġust ta' informazzjoni lill-pubbliku jtejjeb l-integrità tas-suq, filwaqt li żvelar selettiv minn dawk li joħorġuha jista' jwassal għal telf tal-kunfidenza ta' l-investitur fl-integrità ta' swieq finanzjarji. Atturi ekonomiċi professjonali għandhom jikkontribwixxu għall-integrità tas-suq b'mezzi varji. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, per eżempju, il-ħolqien ta' "grey lists", l-applikazzjoni ta' "window trading" għal kategoriji sensittivi ta' persunal, l-applikazzjoni tal-kodiċi interni ta' kondotta u l-istabbiliment ta' "Chinese walls". Dawn il-miżuri preventivi jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi kkumbattut l-abbuż tas-suq biss jekk jiġu applikati b'determinazzjoni u jiġu kontrollati kif dovut. Kontroll adegwat ta' informazzjoni jimplika per eżempju n-nomina ta' uffiċjali ta' konformità fil-korpi konċernati u kontrolli perjodiċi kondotti mill-awdituri indipendenti

(25) Metodi moderni ta' komunikazzjoni jagħmluha possibbli għal professjonistsi tas-swieq finanzjarji u investituri privati li jkollhom aċċess iktar ugwali għal informazzjoni finanzjarja, imma wkoll żieda fir-riskju tat-tixrid ta' informazzjoni falza jew li tqarraq.

(26) Trasparenza akbar ta' operazzjonijiet kondotti minn persuni li jiskarikaw responsabbiltajiet amministrattivi lil dawk li joħorġu informazzjoni u, meta applikabbli, lil persuni assoċjati mill-qrib magħhom, tikkostitwixxi miżura preventiva kontra l-abbuż tas-suq. Il-pubblikazzjoni ta' dawk l-operazzjonijiet fuq mill-inqas bażi individwali tista' wkoll tkun fonti ta' valur għoli ta' informazzjoni għall-investituri.

(27) Operaturi tas-suq għandhom jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta' l-abbuż tas-suq u jadottaw dispożizzjonijiet strutturali mmirati lejn il-prevenzjoni u l-kxif ta' prattiki ta' manipulazzjoni tas-suq. Dawn id-dispsoizzjonijiet jistgħu jinkludu ħtiġiet li jikkonċernaw it-trasparenza ta' operazzjonijiet konklużi, l-iżvelar totali ta' ftehim ta' regolarizzazzjoni tal-prezz, sistema ġusta ta' tqabbil ta' pari ta' ordnijiet, l-introduzzjoni ta' skema effettiva ta' kxif ta' ordni atipika, skemi robusti biżżejjed ta' ffissar ta' prezzijiet ta' strument finanzjarju u kjarezza ta' regoli dwar is-sospensjoni ta' operazzjonijiet.

(28) Din id-Direttiva għandha tiġi interpretata, u implimentata minn Stati Membri, b'mod konsistenti mal-ħtiġiet għal regolament effettiv sabiex ikun hemm protezzjoni kontra l-interessi ta' titolari ta' titoli trasferibbli li għandhom drittijiet ta' vot f'kumpannija (jew li jista' jkollhom dawn id-drittijiet bħala konsegwenza ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet jew il-konverżjoni) meta l-kumpannija hija soġġetta għal offerta pubblika take-over jew bidla oħra proposta ta' kontroll. B'mod partikolari, din id-Direttiva ma tipprevjeni b'ebda mod lil Stat Membru milli jqiegħed jew li jkollu dawn il-miżuri kif jara ġusti għal dawn l-iskopijiet.

(29) L-aċċess għal informazzjoni minn ġewwa li tirrelata għal kumpannija oħra u l-użu tagħha fil-kuntest ta' offerta pubblika ta' take-over għall-iskop li jkun hemm kontroll ta' dik il-kumpannija jew li jkun hemm proposta ta' għaqda ma' dik il-kumpannija m'għandux fih innifsu jitqies li jikkostitwixxi insider dealing.

(30) Ladarba l-akkwist jew id-disponiment ta' strumenti finanzjarji jinvolvi neċessarjament deċiżjoni minn qabel għall-akkwist jew id-disponiment li titieħed mill-persuna li tieħu fuqha operazzjoni waħda jew oħra minn dawn, it-twettiq ta' dan l-akkwist jew dan id-disponiment m'għandux jitqies fih innifsu li jikkostitwixxi l-użu ta' informazzjoni minn ġewwa.

(31) Riċerka u estimi żviluppati minn data disponibbli pubblikament m'għandhomx jitqiesu bħala informazzjoni minn ġewwa u, għalhekk, kull operazzjoni mwettqa abbażi ta' din ir-riċerka jew dawn l-estimi m'għandhiex titqies fiha nnifisha li tikkostitwixxi insider dealing fis-sens ta' din id-Direttiva.

(32) L-Istati Membri u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, banek ċentrali nazzjonali jew kull korp ieħor uffiċjalment nominat, jew kull persuna li taġixxi għan-nom tagħhom, m'għandhomx ikunu ristretti fit-twettiq ta' politika monetarja, ta' rata tal-kambju jew ta' amministrazzjoni ta' debitu pubbliku.

(33) L-Istabilizzazzjoni ta' strumenti finanzjarji jew kummerċ f'ishma proprji fi programmi buy back tista' tkun leġittima, f'ċerti ċirkostamzi, għal raġunijiet ekonomiċi u m'għandhiex, għalhekk, fiha nnifisha titqies bħala abbuż tas-suq. Standards komuni għandhom jiġu żviluppati sabiex tiġi provduta gwida prattika.

(34) Biex jitwessa' l-qasam ta' applikazzjoni ta' swieq finanzjarji, il-bidla rapida u l-firxa ta' prodotti u żviluppi ġodda hemm il-ħtieġa ta' applikazzjoni wiesgħa ta' din id-Direttiva għal strumenti u tekniċi finanzjarji involuti, sabiex tiġi garantita l-integrità ta' swieq finanzjarji Komunitarji.

(35) Biex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ugwali ta' operazzjoni fi swieq finanzjarji Komunitarji hemm il-ħtieġa ta' applikazzjoni ġeografika wiesgħa koperta b'din id-Direttiva. Fir-rigward ta' strumenti derivattivi mhux ammessi għal negozju imma li jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, kull Stat Membru għandu jkun kompetenti biex jagħti sanzjonijiet fuq azzjonijiet imwettqa fit-territorju tiegħu jew barra minnu li jikkonċernaw strumenti finanzjarji bażi ammessi għal kummerċ f'suq regolat li jinstab jew li jopera fit-territorju tiegħu jew li għalih saret talba għal ammissjoni għal kummerċ f'dan is-suq regolat. Kull Stat Membru għandu wkoll ikun kompetenti biex jagħti sanzjoni fuq azzjonijiet imwettqa fit-territorju tiegħu li jikkonċernaw strumenti finanzjarji bażi ammessi għal kummerċ f'suq regolat fi Stat Membru jew li għalihom saret talba għal ammissjoni għal kummerċ f'dan is-suq.

(36) Varjetà ta' awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri, li jkollhom responsabbiltajiet differenti, tista' tikkrea konfużjoni fost atturi ekonomiċi. Awtorità kompetenti singola għandha tiġi nominata f'kull Stat Membru sabiex tassumi mill-inqas responsabbiltà finali għas-sorveljanza ta' konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, kif ukoll kollaborazzjoni internazzjonali. Din l-awtorità għandha tkun ta' natura amministrattiva li tiggarantixxi l-indipendenza tagħha minn atturi ekonomiċi u li tevita kunflitti ta' interess. Skond il-liġi nazzjonali, Stati Membri għandhom jassiguraw finanzjar approprjat ta' l-awtorità kompetenti. Dik l-awtorità għandu jkollha arranġamenti adegwati għal konsultazzjoni li tikkonċerna bidliet possibbli fil-leġislazzjoni nazzjonali bħal kumitat konsultattiv kompost minn rappreżentanti ta' dawk li joħorġu informazzjoni, provvedituri u konsumaturi ta' servizzi finanzjarji, sabiex tkun kompletament infurmata bl-opinjonijiet u bil-ħsibijiet tagħhom.

(37) Sett minimu komuni ta' għodda u setgħat effettivi għall-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru jiggarantixxi effettività ta' sorveljanza. Impriżi tas-suq u l-atturi ekonomiċi kollha għandhom ukoll jikkontribwixxu fil-livell tagħhom għall-integrità tas-suq. F'dan is-sens, in-nomina ta' awtorità singola kompetenti għal abbuż tas-suq ma teskludix rabtiet ta' kollaborazzjoni jew delegazzjoni taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorità kompetenti, bejn dik l-awtorità u intrapriżi tas-suq bl-iskop li tiġi garantita sorveljanza effiċjenti ta' konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva.

(38) Sabiex jiġi assigurat li kwadru Komunitarju kontra abbuż tas-suq huwa suffiċjenti, kull ksur tal-projbizzjonijiet jew tal-ħtiġiet stabbiliti skond din id-Direttiva jkollhom jiġu ntraċċati u mogħtija sanzjoni. Għal dan l-iskop, sanzjonijiet għandhom ikunu dissważivi biżżejjed u proporzjonati għall-gravità tal-ksur u għall-gwadanni realizzati u għandhom ikunu applikati b'mod konsistenti.

(39) L-Istati Membri għandhom jibqgħu attenti, fid-determinazzjoni tal-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet, għall-bżonn li jiġi assigurat grad ta' uniformità ta' regolament minn Stat Membru għall-ieħor.

(40) Attivitajiet trans-fruntieri dejjem jiżdiedu jeħtieġu kooperazzjoni msaħħa u sett komprensiv ta' dispożizzjonijiet għall-iskambju ta' informazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-organizzazzjoni ta' sorveljanza u ta' poteri investigatorji f'kull Stat Membru m'għandhiex tfixkel il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(41) Ladarba l-mira ta' l-azzjoni proposta, l-iktar għall-prevenzjoni ta' abbuż tas-suq fil-forma ta' insider dealing u manipulazzjoni tas-suq, ma tistax tintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u tista' għalhekk, għar-raġuni ta' l-iskala u l-effetti tal-miżuri, tintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex tintlaħaq dik il-mira.

(42) Gwida teknika u miżuri ta' implimentazzjoni għar-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva jistgħu minn żmien għal żmien ikunu neċessarji sabiex jittieħed kont ta' żviluppi ġodda fi swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni għandu mbagħad ikollha s-setgħa tadotta miżuri ta' implimentazzjoni, sakemm dawn ma jimmodifikawx l-elementi essenzjali ta' din id-Direttiva u ta' l-atti tal-Kummissjoni skond il-prinċipji stabbiliti f'din id-Direttiva, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE [8].

(43) Fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha ta' implimentazzjoni skond din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji li ġejjin:

- il-bżonn li tiġi assigurata kunfidenza fi swieq finanzjarji fost investituri billi jiġu promossi standards għoljin ta' trasparenza fi swieq finanzjarji,

- il-bżonn li investituri jiġu provduti b'firxa wiesgħa ta' investimenti ta' kompetizzjoni u livell ta' żvelar u protezzjoni adattat għaċ-ċirkostanzi tagħhom,

- il-bżonn li jiġi assigurat li awtoritajiet regolatorji indipendenti japplikaw ir-regoli b'mod konsistenti, speċjalment fir-rigward tal-ġlieda kontra kriminalità ekonomika,

- il-bżonn għal livelli għolja ta' trasparenza u konsultazzjoni mal-parteċipanti kollha tas-suq u mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill,

- il-bżonn li tiġi nkoraġġita innovazzjoni fi swieq finanzjarji jekk għandhom ikunu dinamiċi u effiċjenti,

- il-bżonn li tiġi assigurata integrità tas-suq b'monitoraġġ mill-qrib u reattiv ta' innovazzjoni finanzjarja,

- l-importanza tat-tnaqqis ta' l-ispiża ta', u ż-żieda ta' aċċess għall-, kapital,

- il-bilanċ ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-parteċipanti tas-suq fuq bażi għal żmien twil (inklużi negozji żgħar u ta' daqs medju u investituri żgħar) fi kwalunkwe miżuri ta' implimentazzjoni,

- il-bżonn li tinżamm il-kompetittività internazzjonali ta' swieq finanzjarji ta' l-UE mingħajr preġudizzju għal estensjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali meħtieġa ħafna,

- il-bżonn li jintlaħqu kondizzjonijiet ugwali ta' operazzjoni għall-parteċipanti kollha tas-suq billi jiġu stabbiliti regolamenti ġenerali ta' l-UE kull darba li hu approprjat,

- il-bżonn li jiġu rispettati differenzi fi swieq nazzjonali meta dawn ma jħallux effett mhux dovut fuq il-koerenza tas-suq waħdieni,

- il-bżonn li tiġi assigurata koerenza ma' leġislazzjoni Komunitarja oħra f'dan il-qasam, peress li żbilanċi fl-informazzjoni u nuqqas ta' trasparenza jistgħu jipperikolaw l-operazzjoni tas-swieq u fuq kollox jagħmlu ħsara lill-konsumaturi u lill-investituri żgħar.

(44) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari mill-Artikolu 11 tagħha u mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Drittijiet Umani. F'dan ir-rigward, din id-Direttiva ma tipprevjeni b'ebda mod lil Stati Membri milli japplikaw ir-regoli kostituzzjonali tagħhom li jirrelataw għal-libertà ta' pubblikazzjoni u l-libertà ta' espressjoni fil-medja,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

1. "Informazzjoni minn ġewwa" għandha tfisser informazzjoni ta' natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, għal wieħed jew iktar li joħorġu strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar u li, li kieku saret pubblika, x'aktarx kien ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta' dawk l-istrumenti finanzjarji jew fuq il-prezz ta' strumenti finanzjarji derivattivi relatati.

Fir-rigward ta' derivattivi dwar komoditajiet "informazzjoni minn ġewwa" għandha tfisser informazzjoni ta' natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, għal wieħed jew iktar minn dawn id-derivattivi u li utenti tas-swieq li fihom huma kkumerċjati dawn id-derivattivi kienu jistennew li jirċievu skond prattiki aċċettati tas-suq f'dawk is-swieq.

Għal persuni inkarigati bl-eżekuzzjoni ta' ordnijiet li jikkonċernaw strumenti finanzjarji, "informazzjoni minn ġewwa" għandha wkoll tfisser informazzjoni mibgħuta minn klijent u relatata għall-ordnijiet pendenti tal-klijent, li hi ta' natura preċiża, li tirrelata direttament jew indirettament għal wieħed jew iktar li joħorġu strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar, u li, li kieku saret pubblika kien x'aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta' dawk l-istrumenti finanzjarji jew fuq il-prezz ta' strumenti finanzjarji derivattivi relatati.

2. "manipulazzjoni tas-suq" għandha tfisser:

(a) operazzjonijiet jew ordnijiet għal kummerċ:

- li jagħtu, jew x'aktarx jagħtu, sinjali foloz jew li jqarrqu dwar il-provvista ta', id-domanda għal jew il-prezz ta' strumenti finanzjarji, jew

- li jassiguraw, permezz ta' persuna, jew persuni li jaġixxu f'kollaborazzjoni, il-prezz ta' strument finanzjarju wieħed jew iktar fuq livell anormali jew artifiċjali,

sakemm il-persuna li daħlet fl-operazzjonijiet jew ħarġet l-ordnijiet għal kummerċ ma tistabbilixxix li r-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan huma leġittimi u li dawn l-operazzjonijiet jew l-ordnijiet għal kummerċ ma jikkonformawx ma' prattiki aċċettati tas-suq dwar is-suq regolat ikkonċernat;

(b) operazzjonijiet jew ordnijiet għal kummerċ li jinvolvu proċeduri fittizji jew kull forma oħra ta' qerq jew kontravenzjoni;

(ċ) tixrid ta' informazzjoni permezz tal-medja, inkluż l-Internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, li tagħti, jew x'aktarx tagħti, sinjali foloz jew li jqarrqu dwar strumenti finanzjarji, inkluż it-tixrid ta' għijdud u informazzjoni falza jew li tqarraq, meta l-persuna li xerrditha kienet taf, jew suppost kienet taf, li l-informazzjoni kienet falza jew tqarraq. Fir-rigward ta' ġurnalisti meta jaġixxu fil-kapaċità professjonali tagħhom dan it-tixrid ta' informazzjoni għandu jiġi stmat, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, b'kont meħud tar-regoli li jirregolaw il-professjoni tagħhom, sakemm dawk il persuni ma jieħdux, direttament jew indirettament, vantaġġ fuq profitti mit-tixrid ta' l-informazzjoni inkwistjoni.

B'mod partikolari, l-istanzi li ġejjin joħorġu mid-definizzjoni prinċipali mogħtija fil-punti (a), (b) u (ċ) fuq:

- kondotta minn persuna, jew persuni li jaġixxu inkollaborazzjoni, sabiex jassiguraw pożizzjoni dominanti fuq il-provvista ta' jew id-domanda għal strument finanzjarju li għandu l-effett li jiffissa, direttament jew indirettament, prezzijiet ta' xiri jew bejgħ jew li joħloq kondizzjonijiet inġusti ta' kummerċ

- ix-xiri jew il-bejgħ ta' strumenti finanzjarji fl-għeluq tas-suq bl-effett ta' investituri li jqarrqu li jaġixxu abbażi ta' prezzijiet magħluqa

- li jittieħed vantaġġ minn aċċess okkażjonali jew regolari għall-medja tradizzjonali jew elettronika billi tiġi espressa opinjoni dwar strument finanzjarju (jew indirettament dwar min joħorġu) waqt li qabel ikunu ttieħdu pożizzjonijiet dwar dak l-istrument finanzjarju jkun hemm profitt sussegwentement mill-impatt ta' l-opinjonijiet espressi dwar il-prezz ta' dak l-istrument, mingħajr ma qabel jiġi żvelat simultanjment il-konflitt ta' l-interess għall-pubbliku b'mod ġust u effettiv.

Id-definizzjonijiet ta' manipulazzjoni tas-suq għandhom jiġu adattati sabiex jiġu assigurati mudelli ġodda ta' attività li fi-prattika jikkostitwixxu manipulazzjoni tas-suq jistgħu jiġu inklużi.

3. "Strument finanzjarju" għandu jfisser:

- titoli trasferibbli kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ta' l-10 ta' Mejju 1003 dwar servizzi ta' investiment fil-qasam tat-titoli [9],

- unitajiet f'intrapriżi ta' investiment kollettiv,

- strumenti tas-suq tal-flus,

- kuntratti ta' futuri finanzjarji, inklużi strumenti ekwivalenti riżoluti bil-flus

- ftehim bil-quddiem b'rati ta' imgħax,

- skambju ta' rata ta' imgħax, munita u ekwità,

- għażliet għall-akkwist jew id-disponiment ta' kull strument li jaqa' f'dawn il-kategoriji, inklużi strumenti ekwivalenti riżoluti bil-flus,

- derivattivi fuq komoditajiet,

- kull strument ieħor ammess għall-kummerċ f'suq regolat fi Stat Membru jew li għalih saret talba ta' ammissjoni għall-kummerċ f'dan is-suq.

4. "Suq regolat" għandu jfisser suq kif definit bl-Artikolu 1(13) tad-Direttiva 93/22/KEE.

5. "Prattiki aċċettati tas-suq" għandhom ifissru prattiki li huma raġjonevolment mistennija f'suq finanzjarju wieħed jew iktar u huma aċċettati mill-awtorità kompetenti skond il-linji gwida adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu17(2).

6. "Persuna" għandha tifsser kull persuna fiżika jew ġuridika.

7. "Awtorità kompetenti" għandha tfisser l-awtorità kompetenti nnominata skond l-Artikolu 11.

Sabiex jitqiesu l-iżvilupp fis-swieq finanzjarji u sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi ta' dinid-Direttiva fil-Komunità, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2), għandha tadotta miżuri ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw il-punti 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit-tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn, jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn, għall-kont proprju jew għall-kont ta' parti terza, jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l-informazzjoni.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi dik l-informazzjoni:

(a) permezz tas-sħubija tiegħu tal-korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew ta' sorveljanza ta' min joħroġha; jew

(b) permezz ta' l-assi finanzjarji fil-kapital ta' min joħroġha; jew

(ċ) billi jkollha aċċess għall-informazzjoni permezz ta' l-eżerċizzju ta' l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha; jew

(d) permezz ta' l-attivitajiet kriminali tagħha.

2. Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1 hija persuna ġuridika, il-projbizzjoni stabbilita f'dak il-paragrafu għandha wkoll tapplika għall-persuni fiżiċi li jieħdu parti fid-deċiżjoni li jwettqu l-operazzjoni għall-kont tal-persuna kkonċernata.

3. Dan l-Artikolu għandu japplika għal operazzjonijiet kondotti fl-iskarika ta' obbligu li sar dovut għall-akkwidt jew id-disponiment ta' strumenti finanzjarji meta dak l-obbligu jirriżulta min ftehim konkluż qabel ma l-persuna kkonċernata kellha informazzjoni minn ġewwa.

L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna soġġetta għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 milli:

(a) tiżvela informazzjoni minn ġewwa lil xi persuna oħra sakemm dan l-iżvelar ma jsirx fl-eżerċizzju normali ta' l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha;

(b) tirrakkomanda jew tinduċi persuna oħra, abbażi ta' informazzjoni minn ġewwa, sabiex takkwista jew tiddisponi minn strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom dik l-informazzjoni.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-Artikoli 2 u 3 japplikaw ukoll għal kull persuna, ta' xort' oħra mill-persuni msemmija f'dawk l-Artikoli, li tippossjedi informazzjoni minn ġewwa waqt li dik il-persuna taf, jew suppost kienet taf, li hi informazzjoni minn ġewwa.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jipprojbixu lil kull persuna milli tinvolvi ruħha f'manipulazzjoni tas-suq.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawk li joħorġu strumenti finanzjarji jinfurmaw lill-pubbliku malli possibbli b'informazzjoni minn ġewwa li tikkonċerna direttament lil dawk li joħorġuhom, imsemmija.

Mingħajr preġudizzju għal kull miżura meħuda sabiex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu, Stati Membri għandhom jassiguraw li dawk li joħorġuhom, għal perjodu approprjat, iqiegħdu fuq is-siti tagħhom ta' l-Internet l-informazzjon ta' ġewwa kollha li huma meħiteġa jiżvelaw b'mod pubbliku.

2. Min joħroġ l-informazzjoni jista' taħt ir-responsabbiltà proprja jittardja l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni minn ġewwa, kif imsemmi fil-paragrafu 1, sabiex ma jippreġudikax l-interessi leġittimi sakemm din l-ommissjoni ma tiżvijax x'aktarx lill-pubbliku u sakemm dak li joħroġ l-informazzjoni jkun jista jassigura l-konfidenzjalità ta' dik l-informazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li min joħroġ l-informazzjoni għandu mingħajr dewmien jinforma lill-awtorità kompetenti bid-deċizżjoni li jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni minn ġewwa.

3. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, kull meta min joħroġ l-informazzjoni, jew persuna li taġixxi għan-nom tiegħu jew għall-kont tiegħu, jiżvelaw xi informazzjoni minn ġewwa lil xi parti terza fl-eżerċizzju normali ta' l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tiegġu, kif imsemmi fl-Artikolu 3(a), għandu jagħmel żvelar pubbliku komplet u effettiv ta' dik l-informazzjoni, simultanjament fil-każ ta' żvelae intenzjonali u mill-ewwel fil-każ ta' żvelar mhux intenzjonali.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw jekk il-persuna li tirċievi l-informazzjoni għandha obbligu ta' dmir ta' kunfidenzjalità, kemm jekk dan id-dmir hu bbażat fuq liġi, fuq regolamenti, fuq artikoli ta' assoċjazzjoni jew fuq kuntratt.

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li min joħroġ l-informazzjoni, jew persuni li jaġixxu għan-nom tagħhom jew għall-kont tagħhom, ifasslu lista' ta' dawk il-persuni li jaħdmu għalihom, taħt kuntratt ta' impjieg jew xort'oħra, li għandhom aċċess għal informazzjoni minn ġewwa. Min joħroġ l-informazzjoni u persuni li jaġixxu għan-nom tagħhom għandhom regolarment jaġġornaw din il-lista u jittrasmettuha lill-awtorità kompetenti kull meta din ta' l-aħħar titlobha.

4. Persuni li jiskarikaw responsabbiltajiet amministrattvi lil min joħroġ strumenti finanzjarji u, meta applikabbli, persuni assoċjati miegħu mill-qrib, għandhom, għall-inqas, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti bl-eżistenza ta' operazzjonijiet immexxija għall-kont proprju li jirrelataw għal ishma ta' dak li jorħoġ l-istrumenti finanzjarji msemmi, jew għal derivattivi jew strumenti finanzjarji oħra marbuta magħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li aċċess pubbliku ta' informazzjoni li tikkonċerna dawn l-operazzjonijiet, fuq għall-inqas bażi individwali, huwa disponibbli malajr kemm jista' jkun.

5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li hemm regolament approprjat fis-seħħ sabiex jiġi assigurat li persuni li jipproduċu jew ixerrdu r-riċerka li tikkonċerna strumenti finanzjarji jew dawk li joħorġu strumenti finanzjarji u persuni li jipproduċu jew ixerrdu informazzjoni oħra li tirrakkomanda jew tissuġġerixxi strateġija ta' investiment, intiża għal kanali ta' distribuzzjoni jew għall-pubblikum joqogħdu attenti biex jassiguraw li din l-informazzjoni hija ppreżentata b'mod ġust u jiżvelaw l-interessi tagħhom jew jindikaw kunflitti ta' interess li jikkonċernaw l-istrumenti finanzjarji li tirrelata għalihom dikl-informazzjoni. Dettalji ta' dan ir-regolament għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

6. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li operaturi tas-suq jadottaw dispożizzjonijiet strutturali mmirati lejn il-prevenzjoni u l-kxif ta' prattiki ta' manipulazzjoni tas-suq.

7. Bl-iskop li tiġi assigurata konformità mal-paragrafi 1 sa 5, l-awtorità kompetenti tista' tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi assigurat li l-pubbliku huwa infurmat kif suppost.

8. Istituzzjonijiet pubbliċi li jxerrdu statistiki li x'aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq swieq finanzjarji għandhom ixerrduhom b'mod ġust u trasparenti.

9. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li kull persuna li tirranġa operazzjonijiet professjonalment fi strumenti finanzjarji li tissuspetta b'mod raġjonevoli li operazzjoni tista' tikkostitwixxi insider dealing jew manipulazzjoni tas-suq għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien.

10. Sabiex jittieħed kont ta' żviluppi tekniċi fi swieq finanzjarji u sabiex tiġi assigurata applikazzjoni unifromi ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2), miżuri ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw:

- il-modalitajiet tekniċi għal żvelar pubbliku approprjat ta' informazzjoni minn ġewwa kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 3,

- il-modalitajiet tekniċi biex jiġi ttardjat l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni minn ġewwa kif imsemmi fil-paragrafu 2,

- il-modalitajiet tekniċi maħsuba biex jiffavorixxu approċċ komun fl-implimentazzjoni tat-tieni sentenza tal-paragrafu 2,

- il-kondizzjonijiet li taħthom dawn li joħorġu l-informazzjoni, jew entitajiet li jaġixxu għan-nom tagħhom, għandhom ifasslu lista ta' dawk il-persuni li jaħdmu għalihom li għandhom aċċess għal informazzjoni minn ġewwa, kif imsemmi fil-paragrafu 3,

- il-kategoriji ta' persuni li huma s-suġġett ta' dmir ta' żvelar kif imsemmi fil-paragrafu 4 u l-karatterisitiċi ta' operazzjoni, inkluża d-daqs tagħha, li jinstigaw dak id-dmir, u l-arranġamenti tekniċi għall-iżvelar lill-awtorità kompetenti,

- arranġamenti tekniċi, għall-kategoriji varji ta' persuni msemmija fil-paragrafu 5, għal preżentazzjoni ġusta ta' riċerka u informazzjoni oħra li tirrakkomanda starteġija ta' investiment u għall-iżvelar ta' interessi partikolari jew kunflitti ta' interess kif imsemmi fil-paragrafu 5. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu kont tar-regoli, inkluż ir-regolament proprju, li jirregolaw il-professjoni ta' ġurnalist,

- arranġamenti tekniċi li jirregolaw in-notifika lill-awtorità kompetenti mill-persuni msemmija fil-paragrafu 9.

L-Artikolu 7

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal operazzjonijiet imwettqa fit-twettiq ta' politika monetarja, ta' rata tal-kambju jew ta'amministrazzjoni pubblika ta' debitu minn Stat Membru, mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, minn bank ċentrali nazzjonali jew minn kwalunkwe korp uffiċjalment nominat, jew minn kull persuna li taġixxi għan-nom tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jestendu din l-eżenzjoni għall-Istati federati tagħhom jew awtoritajiet simili lokali fir-rigward ta' l-amministrazzjoni tad-debitu pubbliku tagħhom.

L-Artikolu 8

Il-projbizzjonijiet previsti f din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għal kummerċ f'ishma proprji fi programmi "buy back" jew għall-istabilizzazzjoni ta' strument finanzjarju sakemm dan il-kummerċ hu mwettaq skond miżuri ta' implimentazzjoni adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2).

L-Artikolu 9

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull strument finanzjarju ammess għal kummerċ f'suq regolat f'mill-inqas Stat Membru wieħed, jew li għalih saret talba għal ammissjoni f'dan is-suq, irrispettivament minn jekk l-operazzjoni proprja attwalment saret f'dak is-suq.

L-Artikoli 2, 3 u 4 għandhom ukoll japplikaw għal kull strument finanzjarju mhux ammess għal kummerċ f'suq regolat fi Stat Membru, imma li l-valur tiegħu jiddependi fuq strument finanzjarju kif imsemmi fil-paragrafu 1

L-Artikolu 6(1) sa (3) m'għandux japplika għal dawk li joħorġu informazzjoni li ma talbux jew ma approvawx ammissjoni ta' l-istrumenti finanzjarji tagħhom għal kummerċ f'suq regolat fi Stat Membru.

L-Artikolu 10

Kull Stat Membru għandu japplika l-projbizzjonijiet u l-ħtiġiet previsti f'din id-Direttiva:

(a) azzjonijiet imwettqa fit-territorju tiegħu jew barra minnu li jikkonċernaw strumenti finanzjarji li huma ammessi għal kummerċ f'suq regolat li jinstab jew li jopera fit-territorju tiegħu jew li għalih saret talba għal kummerċ f'dan is-suq;

(b) azzjonijiet imwettqa fit-territorju tiegħu li jikkonċernaw strumenti finanzjarji li huma ammessi għal kummerċ f'suq regolat fi Stat Membru jew li għalihom saret talba għal ammissjoni għal kummerċ f'dan is-suq.

L-Artikolu 11

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità singola amministrattiva kompetensi biex tassigura li d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva huma applikati.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti u proċeduri effettivi konsultattivi ma' parteċipanti tas-suq li jikkonċernaw bidliet possibbli fil-leġislazzjoni nazzjonali. Dawn l-arranġamenti jistgħu jinkludu kumitati konsultattivi f'kull awtorità kompetenti, li s-sħubija tagħhom għandha tirrifletti sa fejn possibbli d-diversità ta' parteċipanti fis-suq, sew jekk joħorġu informazzjoni, provvedituri ta' servizzi finanzjarji jew konsumaturi.

L-Artikolu 12

1. L-awtorità kompetenti għandha tingġata l-poteri ta' sorveljanza u ta' investigazzjoni kollha li huma neċesarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha

(a) direttament; jew

(b) f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħra jew ma' l-intrapriżi tas-suq; jew

(ċ) taħt ir-responsabbiltà tagħha b'delegazzjoni lil dawn l-awtoritajiet jew lill-intrapriżi tas-suq

(d) permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarja kompetenti.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(7), il-poteri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu eżerċitati in konformità mal-liġi nazzjonali u għandhom jinkludu mill-inqas id-dritt:

(a) għal aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu kopja tiegħu;

(b) li jiddomandaw informazzjoni minn kwalunkwe persuna, inklużi dawk li huma involuti suċċessivament fit-trasmissjoni ta' ordnijiet jew fil-kondotta ta' l-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk neċessarju, li jsejħu u jisimgħu lil kwalunkwe tali persuna;

(ċ) li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post;

(d) li jeħtieġu reġistri tat-telefon u tat-traffikar tad-data eżistenti;

(e) li jeħtieġu li tieqaf kull prattika li hi kuntrarja għad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

(f) li jiġi sospiż kummerċ ta' l-istrumenti finanzjarji konċernati;

(g) li jitolbu l-iffriżar u/jew is-sekwestru ta' assi;

(h) li jitolbu projbizzjoni temporanja ta' attività professjonali.

3. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali dwar is-segretezza professjonali.

L-Artikolu 13

L-obbligu ta' segretezza professjonali għandu japplika għal persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtorità kompetenti jew għal kwalunkwe awtorità jew intrapriża tas-suq li lilha l-awtorità komeptenti ddelegat il-poteri, inklużi awdituri u esperti mogħtija istruzzjonijiet mill-awtorità kompetenti. Informazzjoni koperta b'segretezza professjonali ma tistax tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità oħra ħlief permezz tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

L-Artikolu 14

1. Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha, għall-informazzjoni, tfassal lista tal-miżuri u s-sanzjonijiet amminsitrattivi msemmija fil-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati għal nuqqas ta' kooperazzjoni f'investigazzjoni koperta bl-Artikolu 12.

4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità kompetenti tista' tiżvela lill-pubbliku kull miżura jew sanzjoni li tiġi imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, sakemm dan l-iżvelar ma jipperikolax b'mod serju s-swieq finanzjarji jew jikkawża ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti.

L-Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li appell miġjub quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti.

L-Artikolu 16

1. Awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin kull meta neċessarju għall-iskop li jitwettqu d-dmirijiet tagħhom, u jsir użu mill-poteri tagħhom kemm jekk stabbiliti f'din id-Direttiva kemm jekk fil-liġi nazzjonali Awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lil awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra. B'mod partikolari, għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw f'attivitajiet ta' investigazzjoni.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba, jfornu immedjatament kull informazzjoni meħtieġa għall-iskop imsemmi fil-paragrafu 1. Meta neċessarju, l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu din it-talba għandhom immedjatament jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġbru l-informazzjoni meħtieġa. Jekk l-awtorità kompetenti mitluba ma tistax tforni l-informazzjoni meħtieġa immedjatament, għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti li titlobha bir-raġunijiet. L-informazzjoni hekk mogħtija għandha tkun koperta bl-obbligu ta' segretezza professjonali li huma soġġetti għaliha l-persuni impjegati jew qabel impjegati mill-awtoritajiet kompetenti li jirċievu l-informazzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw li jaġixxu fuq talba għal informazzjoni meta:

- il-komunikazzjoni tista' taffettwa b'mod avvers is-sovranità, is-sigurtà jew il-politika pubblika ta' l-Istat Membru indirizzat,

- jkunu diġà inbdew proċeduri ġudizzjarji fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru indirizzat, jew

- meta ġudizzju finali jkun diġà ngħata fir-rigward ta' dawn il-persuni għall-istess azzjonijiet fl-Istat Membru indirizzat.

Fi kwalunkwe każ, għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba, kif dovut, u jipprovdu informazzjoni dettaljata kemm possibbli dwar dawk il-proċeduri jew dwar is-sentenza.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 226 tat-Trattat, awtorità kompetenti li ma jkux hemm azzjoni fuq it-talba tagħha għal informazzjoni fi żmien raġjionevoli jew li t-talba tagħha għal informazzjoni hi rifjutata tista' ġġib dik in-non-konformità għall-attenzjoni tal-Kumitat tar-Regolaturi ta' Titoli Ewropej, fejn isseħħ diskussjoni sabiex tintlaħaq soluzzjoni rapida u effettiva.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li huma soġġetti għalihom fi proċeduri ġudizzjarji taħt liġi kriminali, l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni skond il-paragrafu 1 jistgħu jużawha biss għalleżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fil-qasam ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva u fil-kuntest ta' proċeduri amministrattivi jew ġudizzjajra speċifikament relatati għall-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet. Madankollu, meta l-awtorità kompetenti li tikkomunika informazzjoni tagħti kunsens għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista' tużaha għal skopijiet oħra jew tgħaddiha lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati oħra.

3. Meta awtorità kompetenti tkun konvinta li atti kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva qegħdin jitwettqu, jew twettqu fit-terriotrju ta' Stat Membru ieħor jew li atti qegħdin jaffettwaw strumenti finanzjarji kkumerċjati f'suq regolat li jinstab fi Stat Membru ieħor, għandha tagħti notifika ta' dak il-fatt b'mod speċifiku kemm jista' jkun lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru l-ieħor. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru l-ieħor għandha tieħu azzjoni approprjata. Għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta' notifika bir-riżultat u, sa fejn possibbli, bi żviluppi interim sinifikanti. Dan il-paragrafu m'għandux jippreġudika l-kompetenzi ta' l-awtorità kompetenti li għaddiet l-informazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri varji li huma kompetenti għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 10 għandhom jikkonsultaw ma' xulxin dwar il-follow up propost għall-azzjoni tagħhom.

4. Awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed tista' titlob li titwettaq investigazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, fuq it-territorju ta' dan ta' l-aħħar.

Tista' imbagħad titlob li membri tal-personal proprju tagħha jitħallew jakkumpanjaw lill-persunal ta' l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru l-ieħor tul l-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha, madanakollu, tkun soġġetta in ġenerali għal kontroll globali ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hi kondotta.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw li jaġixxu fuq talba biex investigazzjoni tiġi kondotta kif previst fl-ewwel subparagrafu, jew fuq talba biex il-persunal tagħha jkun akkumpanjat mill-personal ta' l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor kif previst fit-tieni subparagrafu, meta din l-investigazzjoni tista' taffettwa ħażin is-sovranità, is-sigurtà jew il-politika pubblika ta' l-Istat indirizzat, jew meta proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà inbdew fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awotirtajiet ta' l-Istat indirizzat jew meta tkun diġà ingħatat sentenza finali fir-rigward ta' dawn il-persuni għall-istess azzjonijiet fl-Istat Membru indirizzat. F'dak il-każ, għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba kif dovut, u jipprovdu informazzjoni, dettaljata kemm jsita' jkun, dwar dawk il-proċeduri jew sentenza.

Mingħajr preġudizzju għad-dispsoizzjonijiet ta' l-Artikolu 226 tat-Trattat, awtorità kompetenti li ma jkunx hemm azzjoni fi żmien raġjonevoli jew tiġi rifjutata l-applikazzjoni tagħha għall-ftuħ ta' inkjesta jew fuq it-talba tagħha għal awtorizzazzjoni biex l-uffiċjali tagħha jakkumpanjaw dawk ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru l-ieħor tista' ġġib dik in-non-konformità għall-attenzjoni tal-Kumitat ta' Regolaturi ta' Titoli Ewropej, fejn isseħħ diskussjoni sabiex tintlaħaq soluzzjoni rapida u effettiva.

5. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' implimentazzjoni dwar proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni u spezzjonijiet trans-fruntieri kif imsemmija f'dan l-Artikolu.

L-Artikolu 17

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat ta' Titoli Ewropej istitwit b'Deċiżjoni 2001/528/KE (hawnhekk iżjed 'il quddiem magħruf bħala "il-Kumitat").

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'qies għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu, sakemm il-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skond din il-proċedura ma jimmodifikawx id-dispożizzjonijiet essenzjali ta' din id-Direttiva.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

4. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' implimentazzjoni diġà adottati, ma' l-iskadenza ta' perjodu ta' erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha li jeħtieġu l-adozzjoni ta' regoli u deċiżjonijiet tekniċi skond il-paragrafu 2 għandhom jiġu sospiżi. Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu iġeddu d-dispożizzjonijiet ikkonċernati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat u, għal dak l-iskop, għandhom jirreveduhom qabel l-iskadenza tal-perjodu msemmi fuq.

L-Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mit-12 ta' Ottubru 2003. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjon bihom.

Meta l-Istati membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

L-Artikolu 19

L-Artikolu 11 m'għandux jippreġudika l-possibiltà għal Stat Membru li jagħmel arranġamenti separati legali u amministrattivi għal territorji Extra-Ewropej li hu responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom dak l-Istat Membru.

L-Artikolu 20

Id-Direttiva 89/592/KEE u l-Artikolu 68(1) u l-Artikolu 81(1) tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 dwar l-ammissjoni ta' titoli għall-elenkar uffiċjali tal-borża u dwar informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fuq dawk it-titoli [10] għandha titħassar b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 21

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 22

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Jannar 2003.

Għall-Parlament

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Papandreou

[1] ĠU C 240 E, tat-28.8.2001, p. 265.

[2] ĠU C 80, tat-3.4.2002, p. 61.

[3] ĠU C 24, tas-26.1.2002, p. 8.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 (ĠU C E, tal- 25.9.2002, p. 19) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 184, tas-17.7.99, p. 23.

[6] ĠU L 334, tat-18.11.89, p. 30.

[7] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[8] ĠU L 191, tat-13.7.2001, p. 45.

[9] ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27. Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Parlament Ewropew u bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/64/KE (ĠU L 290, tas-17.11.2000, p. 27).

[10] ĠU L 184, tas-6.7.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

Top