EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0053

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli

OJ L 193, 20.7.2002, p. 1–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 036 P. 281 - 291
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 043 P. 139 - 149
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 043 P. 139 - 149
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 056 P. 212 - 222

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/04/2004

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/53/oj

32002L0053



Official Journal L 193 , 20/07/2002 P. 0001 - 0011


Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE

tat-13 ta’ Ġunju 2002

dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/457/KEE tad-29 ta’ Settembru 1970 dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli [2] ġiet emendata spiss u sostanzjalment [3]. Għal raġunjiet ta’ ċarezza u razjonalità, id-Direttiva msemmija għandha tiġi kodifikata.

(2) Il-produzzjoni ta’ żerriegħa agrikola u ta’ pjanti żgħar tokkupa post importanti fl-agrikoltura tal-Komunità.

(3) Għal din ir-raġuni, il-Kunsill adotta Direttivi li għandhom x’jaqsmu rispettivament mal-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (2002/54/KE) [4], żerriegħa mill-pjanti ta’ l-għalf (66/401/KEE) [5], żerriegħa taċ-ċereali [6], patata taż-żerriegħa (2002/56/KE) [7] u żerriegħa mill-pjanti taż-żejt u tal-fibra (2002/57/KE) [8].

(4) Jeħtieġ li jinbena katalgu komuni ta’ varjetajiet. Dan il-katalgu jista’ jinbena biss fuq il-bażi ta’ katalgi nazzjonali.

(5) L-Istati Membri kollha għandhom għalhekk jibnu katalgu wieħed jew aktar tal-varjetajiet aċċettati għaċ-ċertifikazzjoni u l-bejgħ fis-suq fit-territorju tagħhom.

(6) Dawn il-katalgi jridu jitfasslu skond regoli uniformi sabiex il-varjetajiet aċċettati jkunu distinti, stabbli u uniformi biżżejjed u li jkunu ta’ valur sodisfaċenti għall-koltivazzjoni u għall-użu.

(7) Huwa xieraq li jitqiesu regoli stabbiliti internazzjonali għal ċerti disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aċċettazzjoni ta’ varjetajiet fuq livell nazzjonali.

(8) Sabiex jitwettqu l-eżamijiet għall-aċċettazzjoni ta’ varjetà, numru kbir ta’ kriterji uniformi u l-ħtiġijiet minimi jridu jiġu preskritti.

(9) Disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tul ta’ żmien matul liema għandha tibqa’ valida l-aċċettazzjoni ta’ varjetà, mar-raġunijiet li fuqhom tista’ tiġi revokata l-aċċettazzjoni u ma prattiċi għall-manteniment tal-varjetà għandhom jiġu standardizzati u l-Istati Membri għandhom jgħarrfu wieħed lill-ieħor bl-aċċettazzjoni u l-irtirar ta’ varjetajiet.

(10) Huwa mixtieq li jiġu adottati regoli rigward kemm huma xierqa denonimazzjonijiet ta’ varjetajiet u l-iskambju ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri.

(11) Żerriegħa koperta minn din id-Direttiva għandha tiġi mibjugħa fis-suq fil-Komunità ladarba tiġi ppubblikata fil-katalgu komuni.

(12) Madankollu, l-Istati Membri għandhom jingħataw id-dritt li jesprimu permezz ta’ proċedura speċjali xi oġġezzjonijiet li jistgħu ikollhom għal varjetà.

(13) Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Serje Ċ, il-varjetajiet li qed jiżdiedu mal-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli.

(14) Disposizzjonijiet għandhom isiru għal miżuri li jgħarrfu l-ekwivalenza ta’ eżamijiet u l-ispezzjonijiet ta’ varjetajiet imwettqa fil-pajjiżi terzi.

(15) Regoli tal-Komunità m’għandhomx jgħoddu għal varjetajiet li ż-żerriegħa jew il-materjal ta’ propagazzjoni tagħhom huma murija li huma maħsuba għal esportazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

(16) Fid-dawl ta’ żviluppi xjentifiċi u tekniċi, huwa issa possibbli li jitrabbew varjetajiet permezz ta’ modifikazzjoni ġenetika. Għalhekk, meta jiġi stabbilit jekk jiġux aċċettati varjetajiet ġenetikament modifikati fit-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati [9] l-Istati Membri għandhom jikkunsidaw xi riskju li għandu x’jaqsam mar-rilaxx deliberat tagħhom fl-ambjent. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti il-kondizzjonijiet taħt liema varjetajiet ġenetikament modifikati bħal dawn huma aċċettati.

(17) Il-bejgħ fis-suq ta’ ikel mhux tas-soltu u ta’ ingredjenti ta’ l-ikel mhux tas-soltu huwa regolat fil-livell tal-Komunità bir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [10]. Għalhekk, huwa xieraq għall-Istati Membri wkoll li jikkunsidraw xi riskji ta’ saħħa ta’ l-ikel meta jkunu qed jistabbilixxu jekk jaċċettawx varjetajiet. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti il-kondizzjonijiet taħt liema dawn il-varjetajiet huma aċċettati.

(18) Fid-dawl ta’ l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi, għandhom jiddaħħlu regoli taħt liema żerriegħa trattata kimikament u materjal ta’ propagazzjoni jistgħu jinbiegħu fis-suq.

(19) Huwa essenzjali li jiġi żgurat li riżorsi ġenetiċi tal-pjanti huma konservati. Kondizzjonijiet għal dak il-għan għandhom jiddaħħlu biex jippermettu, fil-qafas ta’ leġislazzjoni dwar il-kummerċ taż-żerriegħa, il-konservazzjoni, permezz ta’ l-użu fuq il-post ta’ varjetajiet mhedda minn erożjoni ġenetika.

(20) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [11].

(21) Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-termini perentorji għat-trasposizzjoni tad-Direttivi dikjarati fl-Anness I, Parti B.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tikkonċerna l-aċċettazzjoni għal inklużjoni f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli ta’ dawk il-varjetajiet ta’ pitravi, pjanti mill-għalf, ċereali, patata u pjanta taż-żejt u tal-fibra li ż-żerriegħa tagħhom tista’ tiġi mibjugħa taħt disposizzjonijiet tad-Direttivi li jikkonċernaw rispettivament il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (2002/54/KE), żerriegħa mill-pjanti ta’ l-għalf (66/401/KEE), żerriegħa taċ-ċereali (66/402/KEE), patata taż-żerriegħa (2002/56/KE) u żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (2002/57/KE).

2. Il-katalgu komuni ta’ varjetajiet għandu jiġi kompilat fuq il-bażi tal-katalgi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

3. Din id-Direttiva m’għandhiex tgħodd għal varjetajiet, li ż-żerriegħa jew il-materjal ta’ propagazzjoni tagħhom huma murija li huma maħsuba għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

L-Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva "miżuri uffiċjali" jfissru miżuri meħuda:

(a) minn awtoritajiet ta’ l-Istat; jew

(b) minn xi persuna legali kemm jekk irregolata mill-pubbliku u kemm jekk permezz ta’ liġi privata, li taġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istat; jew

(ċ) fil-każ ta’ attivitajiet anċillari li huma wkoll taħt il-kontroll ta’ l-Istat, minn xi persuna naturali marbuta b’ġurament b’mod korrett għal dak il-għan;

basta iżda li l-persuni msemmija taħt (b) u (ċ) ma jieħdu l-ebda qligħ privat minn miżuri bħal dawn.

L-Artikolu 3

1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi katalgu wieħed jew aktar tal-varjetajiet aċċettati uffiċjalment għaċ-ċertifikazzjoni u l-bejgħ fis-suq fit-territorju tiegħu. Kull persuna tista’ tikkonsulta mal-katalgi.

2. Fil-każ ta’ varjetajiet (inbred lines, ibridi) li huma maħsuba biss bħala komponenti għal varjetajiet finali, id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1 jgħoddu biss sal-punt li ż-żerriegħa li jappartjenu għalihom għandhom jiġu mibjugħa fis-suq taħt l-ismijiet tagħhom.

Il-kondizzjonijiet taħt liema d-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1 għandhom jgħoddu wkoll għall-varjetajiet tal-komponent l-ieħor jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2). Sadanittant, fil-każ ta’ ċereali oħra għajr il-qamħ, l-Istati Membri jistgħu huma nfushom japplikaw dawk id-disposizzjonijiet lil varjetajiet ta’ komponenti oħra rigward żerriegħa maħsuba għaċ-ċertifikazzjoni fit-territorji tagħhom.

Varjetajiet ta’ komponenti għandhom jiġu ndikati bħala tali.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-aċċettazzjoni ta’ varjetà għal inklużjoni fil-katalgu komuni jew fil-katalgu ta’ Stat Membru ieħor hija ekwivalenti għal aċċettazzjoni għal inklużjoni fil-katalgi tagħhom. Jekk issir disposizzjoni bħal din, l-Istat Membru għandu jiġi rilaxxat mill-obbligazzjonijiet provvduti fl-Artikolu 7, l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 10(2) sa (5).

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetà hija aċċettata biss jekk tkun distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi. Il-varjetà trid tkun ta’ valur sodisfaċenti għall-koltivazzjoni u għall-użu.

2. Eżamijiet tal-valur għall-koltivazzjoni u għall-użu m’ għandhomx jinħteġu:

(a) għall-aċċettazzjoni ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex jekk dak li jrabbi jiddikjara li ż-żerriegħa tal-varjetà tiegħu mhiex maħsuba għall-produzzjoni ta’ pjanti għall-għalf;

(b) għall-aċċettazzjoni ta’ varjetajiet li ż-żerriegħa tagħhom trid tinbiegħ fis-suq minn Stat Membru ieħor li diġa’ aċċetta l-varjetajiet, wara li kkunsidraw il-valur tagħhom għall-koltivazzjoni u għall-użu;

(ċ) għall-aċċettazzjoni ta’ varjetajiet (inbred lines, ibridi) li huma maħsuba biss bħala komponenti għal varjetajiet ibridi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ paragrafu 1.

3. Fil-każ ta’ varjetajiet għal liema l-punt (a) tal-paragrafu 2 japplika, jista’ jiġi deċiż li, skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2), u sal-punt li dan huwa ġustifikat fl-interess taċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ żerriegħa fil-Komunità, li l-varjetajiet iridu jintwerew permezz ta’ eżami xieraq li huwa adattat għall-għan għal liema huwa dikjarat li huma maħsuba. F’każijiet bħal dawn, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għall-eżami.

4. Fil-każ ta’ varjetà ġenetikament modifikata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 90/220/KEE ir-rilaxx deliberat fl-ambjent tal-varjetà għandha tiġi aċċettata biss jekk il-miżuri xierqa kollha jkunu ttieħdu biex jiġu evitati effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa umana u l-ambjent.

5. Madankollu, fejn materjal li joħroġ minn varjetà ta’ pjanta hija maħsuba biex tintuża’ bħala ikel jew ingredjent ta’ l-ikel li jaqa’ taħt l-iskop tar-Regolament (KE) Nru 258/97, dak l-ikel jew ingredjent ta’ l-ikel m’għandux:

- jippreżenta periklu għall-konsumatur,

- iqarraq bil-konsumatur,

- jiddifferixxi minn ikel jew ingredjent ta’ l-ikel li huma maħsuba biex ibiddlu sal-punt li l-konsum normali tagħhom ikun ta’ żvantaġġ nutrittiv għall-konsumatur.

6. Fl-interess li jiġu konservati riżorsi ġenetiċi ta’ pjanti kif speċifikat fl-Artikolu 20(2), l-Istati Membri jistgħu joħorġu l-barra mill-kriterji ta’ aċċettazzjoni dikjarati fl-ewwel sentenza ta’ paragrafu 1 sakemm u safejn kondizzjonijiet speċifiċi huma stabbiliti skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 20(3)(a) u (b).

L-Artikolu 5

1. Varjetà tista’ titqies bħala distinta jekk, tkun xi tkun l-oriġini tagħha, artifiċjali jew naturali, tal-varjazzjoni inizjali minn liema irriżultat, tingħaraf b’mod ċar permezz ta’ karatteristika waħda jew aktar minn xi varjetà magħrufa fil-Komunità.

Il-karatteristiċi ta’ varjetà għandhom ikunu kapaċi ta’ għarfien preċiż u definizzjoni preċiża.

Varjetà magħrufa fil-Komunità għandha tkun xi varjetà li, fil-ħin meta l-applikazzjoni għall-aċċettazzjoni tal-varjetà li trid tiġi stmata issir kif suppost, hija:

- jew imniżżla f’lista fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli jew fil-katalgu ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ ħaxix ta’ l-ikel; jew

- mingħajr ma tkun tniżżlet f’lista f’wieħed minn dawk il-katalgi, ġiet aċċettata jew sottomessa għal aċċettazzjoni fl-Istat Membru msemmi jew fi Stat Membru ieħor, jew għaċ-ċertifikazzjoni u l-bejgħ fis-suq, jew għaċ-ċertifikazzjoni għal pajjiżi oħra,

kemm-il darba il-kondizzjonijiet m’ għandhomx jitwettqu fl-Istati Membri kollha konċernati qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-aċċettazzjoni tal-varjetà li trid tiġi stmata.

2. Varjetà għandha titqies bħala stabbli jekk, wara propagazzjoni jew moltiplikazzjonijiet suċċessivi jew fit-tmiem ta’ kull ċiklu (fejn dak li jrabbi iddefinixxa ċiklu partikolari ta’ propagazzjoni jew moltiplikazzjonijiet) tibqa’ lejali għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tagħha.

3. Varjetà għandha titqies bħala uniformi biżżejjed jekk, minbarra xi ftit aberrazzjonijiet, il-pjanti komposti minnha huma, meta jitqiesu l-fatturi distintivi tas-sistemi riproduttivi tal-pjanti, simili jew ġenetikament identiċi rigward il-karatteristiċi, meħuda bħala ħaġa waħda, li huma kkunsidrati għal dan il-għan.

4. Il-valur ta’ varjetà għall-koltivazzjoni jew għall-użu għandha titqies bħala sodisfaċenti jekk, meta mqabbla ma’ varjetajiet oħra aċċettati fil-katalgu ta’ l-Istat Membru msemmi, l-kwalitajiet tagħha, meta titqies fl-intier tagħha, toffri, għall-inqas fejn produzzjoni f’xi reġjun mogħti hija kkonċernata, titjib ċar jew għall-koltivazzjoni jew rigward l-użu li jista’ jsir mill-uċuh tar-raba’ jew il-prodotti li joħorġu minnhom. Fejn karatteristiċi oħra superjuri huma preżenti, jistgħu jitwarrbu karatteristiċi individwali inferjuri.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-varjetajiet li jiġu mill-Istati Membri l-oħra huma suġġetti għall-istess ħtiġijiet, b’mod partikolari rigward il-proċedura ta’ aċċettazzjoni, bħal dawk li japplikaw għal varjetajiet domestiċi.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-aċċettazzjoni ta’ varjetajiet tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta’ eżamijiet uffiċjali, partikolarment provi ta’ tkabbir, li jkopru numru suffiċjenti ta’ karatteristiċi għall-varjetà li trid tiġi deskritta. Il-metodi wżati għall-istabbilizzazzjoni ta’ karatteristiċi jridu jkunu eżatti u ta’ min joqgħod fuqhom. Sabiex tiġi stabbilita ċarezza, il-provi tat-tkabbir għandhom jinkludu għall-inqas il-varjetajiet komparabbli disponibbli li huma varjetajiet magħrufa fil-Komunità fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5(1). Għall-għanijiet li jiġi applikat l-Artikolu 9, varjetajiet komparabbli disponibbli oħra għandhom jiġu nklużi.

2. Dawn li ġejjin għandhom jiġu fissati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2), filwaqt li jitqies it-tagħrif xjentifiku u tekniku kurrenti:

(a) il-karatteristiċi li jridu jiġu koperti bħala minimu mill-eżamijiet ta’ l-ispeċi varji;

(b) il-ħtiġijiet minimi għat-twettieq ta’ l-eżami;

(ċ) l-arranġamenti meħtieġa għall-provi tat-tkabbir iridu jitwettqu bil-ħsieb li jiġi stmat il-valur għall-koltivazzjoni jew għall-użu; dawn l-arranġamenti jistgħu jistabbilixxu:

- il-proċeduri u l-kondizzjonijiet taħt liema l-Istati Membri kollha jew ħafna minnhom jistgħu jiftiehmu biex jinkludu fil-provi tat-tkabbir, permezz ta’ assistenza amministrattiva, varjetajiet għal liema talba għal aċċettazzjoni iddaħħlet fi Stat Membru ieħor,

- it-termini ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri parteċipanti,

- l-impatt tar-riżultati tal-provi tat-tkabbir,

- il-livelli li għandhom x’jaqsmu mat-tagħrif dwar provi tat-tkabbir għall-istima tal-valur għall-koltivazzjoni jew għall-użu.

3. Fejn eżami tal-komponenti ġenealoġiċi huwa meħtieġ sabiex jiġu studjati ibridi u varjetajiet sintetiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati ta’ l-eżami u d-deskrizzjoni tal-komponenti ġenealoġiċi huma, jekk jitlob hekk dak li jrabbi, trattati bħala konfidenzjali.

4. (a) Fil-każ ta’ varjetà ġenetikament modifikata riferita fl-Artikolu 4(4), għandha titwettaqstima ta’ riskju ambjentali ekwivalenti għal dik preskritta fid-Direttiva 90/220/KEE.

(b) Il-proċeduri li jiżguraw li l-istima tar-riskju ambjentali u elementi rilevanti oħra għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk preskritti fid-Direttiva 90/220/KEE għandhom jiddaħħlu fuq proposta mill-Kummissjoni, f’Regolament tal-Kunsill ibbażata fuq il-bażi legali fit-Trattat. Sakemm dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ varjetajiet ġenetikament modifikati għandhom jiġu aċċettati għal inklużjoni f’katalgu nazzjonali wara li jkunu ġew aċċettati għall-bejgħ fis-suq skond id-Direttiva 90/220/KEE.

(ċ) L-Artikoli 11 sa 18 tad-Direttiva 90/220/KEE m’għandhomx jibqgħu japplikaw għal varjetajiet ġenetikament modifikati ladarba r-Regolament riferit f’punt (b) fuq ikun daħal fis-seħħ.

(d) Id-dettalji tekniċi u xjentifiċi ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istima tar-riskju ambjentali għandhom jiġu adottati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2).

5. (a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetà maħsuba li tintuża għall-għan preskritt f’dan il-paragrafu hija aċċettata biss jekk:

- l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel diġà ġie awtorizzat skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97, jew

- id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni riferiti fir-Regolament (KE) Nru 258/97 jittieħdu skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2).

(b) Fil-każ preskritt fit-tieni indent tal-paragrafu (a), għandhom jitqiesu l-kriterji dikjarati fl-Artikolu 4(5) u l-prinċipji ta’ istima preskritti fir-Regolament (KE) Nru 258/97.

(ċ) Id-dettalji tekniċi u xjentifiċi ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri preskritti f’punt (b) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2).

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li meta tiġi depożitata applikazzjoni għall-aċċettazzjoni ta’ varjetà, l-applikant jindika jekk tkunx diġà saret applikazzjoni għall-aċċettazzjoni fi Stat Membru ieħor, liema Stat Membru kien ikkonċernat u jekk l-applikazzjoni ġietx konċessa.

L-Artikolu 9

1. Kull Stat Membru għandu jirranġa għal pubblikazzjoni uffiċjali tal-katalgu ta’ varjetajiet aċċettati fit-territorju tiegħu u ta’ l-isem tal-persuna jew persuni responsabbli għall-manutenzjoni tal-varjetà fil-pajjiż tiegħu. Meta diversi persuni jkunu responsabbli għall-manutenzjoni ta’ varjetà, l-ismijiet m’għandhomx għalfejn jiġu ppubblikati. Jekk l-ismijiet għandhom mhumiex pubblikati, il-katalgu għandu jindika l-awtorità li żżomm il-lista ta’ ismijiet ta’ persuni responsabbli għall-manutenzjoni tal-varjetà.

2. L-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiżguraw fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni li l-varjetà hija magħrufa bl-istess isem fl-Istati Membri kollha.

Jekk ikun magħruf li ż-żerriegħa jew il-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà msemmija huma mibjugħa f’pajjiż ieħor taħt isem differenti, dak l-isem għandu jkun indikat ukoll fil-katalgu.

3. Waqt li jitqies it-tagħrif disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li varjetà li ma tintgħarafx b’mod ċar:

- minn varjetà aċċettata minn qabel fl-Istat Membru msemmi jew fi Stat Membru ieħor, jew

- minn varjetà oħra li ġiet stmata rigward ċarezza, stabbilità u uniformità skond ir-regoli li jikkorrispondu ma’ dawk ta’ din id-Direttiva, mingħajr, madankollu, ma tkun varjetà magħrufa fil-Komunità fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5(1),

iġġorr l-isem ta’ dik il-varjetà. Din id-disposizzjoni m’għandhiex tapplika jekk ikun hemm ċans li dan l-isem iqarraq jew jikkawża konfużjoni rigward il-varjetà msemmija, jew jekk, skond id-disposizzjonijiet kollha ta’ l-Istat Membru konċernat li jirregola l-ismijiet tal-varjetajiet, fatturi oħra jipprevjenu l-utilizzazzjoni tiegħu, jew jekk id-drittijiet ta’ partijet terzi jimpedixxu l-użu ħieles ta’ dak l-isem li għandu x’jaqsam mal-varjetà msemmija.

4. L-Istati Membri għandhom jiġbru fajl fuq kull varjetà aċċettata, li jikkontjeni deskrizzjoni tal-varjetà u sommarju ċar tal-fatti kollha fuq liema kienet ibbażata l-aċċettazzjoni. Id-deskrizzjoni tal-varjetajiet għandhom jirrelataw ma’ pjanti prodotti direttament minn żerriegħa u pjanti żgħar tal-kategorija "żerriegħa ċertifikata u materjal ta’ propagazzjoni".

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetajiet ġenetikament modifikati li ġew aċċettati huma ndikati hekk b’mod ċar fil-katalgu tal-varjetajiet. Għandhom jiżguraw ukoll li kull persuna li tbiegħ fis-suq varjetà bħal din tindika b’mod ċar fil-katalgu tal-bejgħ tagħha li l-varjetà hija ġenetikament modifikata.

6. Sakemm u safejn huwa meqjus kemm huwa xieraq id-denominazzjoni ta’ varjetà, l-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 rigward id-drittijiet Komunitarji dwar il-varjetà tal-pjanti [12] għandu jgħodd.

Regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati rigward kemm huma xierqa id-denominazzjonijiet ta’ varjetajiet jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2).

L-Artikolu 10

1. Kull applikazzjoni jew irtirar ta’ applikazzjoni għal aċċettazzjoni ta’ varjetà, kull daħla fil-katalgu ta’ varjetajiet kif ukoll kull emenda għalihom għandhom jiġu mgħarrfa mill-aktar fis lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2. L-Istati Membri għandhom, għal kull varjetà ġdida aċċettata, jibgħatu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni deskrizzjoni qasira tal-karatterisitiċi l-aktar importanti għall-użu tagħha. Din id-disposizzjoni m’għandhiex tapplika fil-każ ta’ varjetajiet (inbred lines, ibridi) li huma maħsuba biss bħala komponenti għal varjetajiet finali. Għandhom, fuq talba, jikkomunikaw ukoll il-kwalitajiet speċjali li jippermettu lill-varjetà li tkun distingwibbli minn varjetajiet simili oħra.

3. Kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-fajls riferiti fl-Artikolu 9(4) dwar il-varjetajiet li huma aċċettati jew li waqfu milli jiġu aċċettati. Tagħrif skambjat li jikkonċerna dawn il-fajls għandu jiġi trattat bħala kunfidenzjali.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fajls ta’ aċċettazzjoni jkunu disponibbli għall-użu personali u esklussiv ta’ kull persuna kapaċi li turi interess leġittimu. Dawn id-disposizzjonijiet m’għandhomx japplikaw fejn it-tagħrif irid, taħt l-Artikolu 7(3), jiġi trattat bħala kunfidenzjali.

5. Fejn aċċettazzjoni ta’ varjetà hija rifjutata jew revokata, ir-riżultati ta’ l-eżamijiet għandhom isiru disponibbli għal persuni affettwati minn deċiżjoni bħal din.

L-Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-varjetajiet aċċettati jridu jinżammu skond il-prattiċi aċċettati għall-manutenzjoni tal-varjetà.

2. Għandu jkun possibbli li f’kull waqt jista’ jiġi spezzjonat il-manutenzjoni fir-rekords miżmuma mill-persuna jew il-persuni responsabbli għall-varjetà. Dawn ir-rekords għandhom ikopru l-produzzjoni tal-ġenerazzjonjiet kollha qabel iż-żerriegħa bażika jew materjal ta’ propagazzjoni.

3. Kampjuni jridu jintalbu mill-persuna responsabbli għall-varjetà. Kampjuni bħal dawn jistgħu jekk ikun meħtieġ jittieħdu b’mod uffiċjali.

4. Fejn ikun hemm manutenzjoni fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih il-varjetà ġiet aċċettata, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jassistu lil xulxin amministrattivament rigward verifikazzjoni.

L-Artikolu 12

1. Aċċettazzjoni għandha tkun valida sa’ l-aħħar ta’ l-għaxar sena tal-kalendarju wara l-aċċettazzjoni.

Aċċettazzjoni tal-varjetajiet mill-awtoritajiet ta’ dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża qabel l-unifikazzjoni Ġermaniża għandha tkun valida sa’ l-aktar tard l-aħħar ta’ l-għaxar sena tal-kalendarju wara d-dħul tagħhom fil-katalgu ta’ varjetajiet imfassla mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-Artikolu 3(1).

2. Aċċettazzjoni ta’ varjetà tista’ tiġġedded mill-ġdid f’intervalli msemmija jekk tkun għadha koltivata fuq skala li tiġġustifika dan, jew għandha tinżamm fl-interess ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi ta’ pjanti ġenetiċi, u basta iżda li l-ħtiġijiet rigward ċarezza, uniformità u stabbilità, jew il-kriterji stabbiliti taħt l-Artikolu 20(2) u (3), għadhom sodisfatti. Minbarra fil-każ ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti fit-tifsira ta’ l-Artikolu 20 applikazzjonijiet għal tiġdid għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard minn sentejn qabel ma jiskadi ż-żmien ta’ aċċettazzjoni.

3. Il-perjodu ta’ validità ta’ aċċettazzjoni għandha tiġi estiża proviżorjament sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

L-Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull dubju li jista’ jinħoloq wara l-aċċettazzjoni ta’ varjetà li jikkonċerna l-istima taċ-ċarezza tagħha jew ta’ isimha fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni huma ċċarati.

2. Fejn, wara aċċettazzjoni ta’ varjetà, huwa stabbilit li l-kondizzjoni li jikkonċerna ċ-ċarezza fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5 ma ġietx imwettqa fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni, l-aċċettazzjoni għandha tinbidel minn deċiżjoni oħra jew, fejn ikun xieraq, revokazzjoni, li tikkonforma ma’ din id-Direttiva.

Permezz ta’ din id-deċiżjoni l-oħra, il-varjetà għandha, b’effett mid-data ta’ l-aċċettazzjoni inizjali tagħha, ma tibqax titqies bħala varjetà magħrufa fil-Komunità fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5(1).

3. Fejn, wara aċċettazzjoni ta’ varjetà, huwa stabbilit li l-isem tagħha fit-tifsira ta’ l-Artikolu 9 ma kienitx aċċettabbli meta l-varjetà kienet aċċettata, l-isem għandu jiġi adattat b’tali mod li jikkonforma ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-isem ta’ qabel jista’ jintuża temporanjament bħala isem addizzjonali. L-arranġamenti dettaljati skond liema l-isem ta’ qabel jista’ jintuża’ bħala isem addizzjonali jistgħu jiġu preskritti skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2).

4. Skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) regoli jistgħu jiġu stabbiliti għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

L-Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li aċċettazzjoni ta’ varjetà hija revokata:

(a) jekk turi, b’eżami, li l-varjetà m’għadhiex distinta, stabbli jew uniformi biżżejjed;

(b) jekk il-persuna jew persuni responsabbli għall-varjetà titlob hekk, sakemm ikun hemm manutenzjoni tal-varjetà.

2. L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-aċċettazzjoni ta’ varjetà:

(a) jekk il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi adottati skond din id-Direttiva mhumiex imħarsa;

(b) jekk, fil-ħin ta’ l-applikazzjoni għal aċċettazzjoni jew matul eżami, partikolaritajiet foloz jew frawdolenti ġew forniti rigward il-fatturi fuq il-bażi ta’ liema ġiet konċessa l-aċċettazzjoni.

L-Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetà tiġi mħassra mill-katalgu tagħhom jekk aċċettazzjoni tal-varjetà ġiet revokata jew jekk il-perjodu ta’ validità ta’ l-aċċettazzjoni tkun skadiet.

2. L-Istati Membri jistgħu, rigward it-territorju tagħhom, iħallu perjodu għaċ-ċertifikazzjoni u l-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa jew materjal ta’ propagazzjoni l-iktar sat-30 ta’ Ġunju tat-tielet sena wara d-data ta’ skadenza ta’ l-aċċettazzjoni.

Fil-każ ta’ varjetajiet li ġew imniżżla f’lista skond l-Artikolu 16(1) fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet riferiti fl-Artikolu 17, il-perjodu ta’ aċċettazzjoni li jiskadi l-aħħar fost dawk konċessi mid-diversi Stati Membri taħt l-ewwel subparagrafu għandu japplika għal bejgħ fis-suq fl-Istati Membri kollha, basta iżda li ż-żerriegħa jew il-materjali ta’ propagazzjoni tal-varjetà kkonċernata ma tkunx ġiet suġġetta għal xi restrizzjoni fis-suq rigward il-varjetà.

L-Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’effett mill-pubblikazzjoni riferit fl-Artikolu 17, żerriegħa ta’ varjetajiet aċċettati skond din id-Direttiva jew skond il-prinċipji li jikkorrispondu għal dawk ta’ din id-Direttiva mhiex suġġetta għal xi restrizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-varjetà.

2. Stat Membru jista’, fuq applikazzjoni li trid tiġi trattata taħt il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) jew fl-Artikolu 23(3) fil-każ ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati, ikun awtorizzat li jipprojbixxi l-użu tal-varjetà fit-territorju kollu jew parti minnu jew li jippreskrivi kondizzjonijiet xierqa għal koltivazzjoni tal-varjetà skond, fil-każijiet provvduti fis-subparagrafu (ċ), flimkien mal-kondizzjonijiet għall-użu tal-prodotti li jirriżultaw minn koltivazzjoni bħal din:

(a) fejn ikun stabbilit li l-koltivazzjoni tal-varjetà tista’ tkun ta’ ħsara mill-lat ta’ saħħa tal-pjanti għall-koltivazzjoni ta’ varjetajiet jew speċi oħra; jew

(b) fejn provi uffiċjali ta’ tkabbir imwettqa fl-Istati Membri applikanti, bl-Artikolu 5(4) applikat korrispondentement, juru li l-varjetà, fl-ebda parti mit-territorju tiegħu, ma tipproduċi riżultati li jikkorrispondu għal dawk miksuba minn varjetà komparabbli aċċettata fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew, fejn ikun magħruf sew li l-varjetà mhiex adattata għal koltivazzjoni f’kull parti tat-territorju tiegħu minħabba fit-tip ta’ klassi ta’ maturità. L-applikazzjoni għandha tkun depożitata qabel l-aħħar tat-tielet sena tal-kalendarju wara dik ta’ l-aċċettazzjoni;

(ċ) fejn ikollu raġunijiet validi oħra għajr dawk diġà msemmija jew li setgħu kienu msemmija matul il-proċedura riferita fl-Artikolu 10(2) biex jikkunsidra li l-varjetà tippreżenta riskju għas-saħħa umana u għall-ambjent.

L-Artikolu 17

Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tat-tagħrif provvdut mill-Istati Membri u minħabba li din hija rċevuta, tippubblika fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej taħt it-titolu "Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċi ta’ Pjanti Agrikoli" lista tal-varjetajiet kollha li minnhom iż-żerriegħa u l-materjal ta’ propagazzjoni, taħt l-Artikolu 16, mhumiex suġġetti għal xi restrizzjonijiet ta’ bejgħ fis-suq rigward varjetà, u anke t-tagħrif meħtieġ taħt l-Artikolu 9(1) li jikkonċerna l-persuna jew il-persuni responsabbli għall-manutenzjoni tal-varjetà. L-avviż ippubblikat għandu jindika l-Istati Membri li rċevew awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 16(2) jew l-Artikolu 18.

L-avviż ippubblikat għandu jniżżel f’lista dawk il-varjetajiet għal liema perjodu ġie applikat skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2). Dan għandu jindika t-tul tal-perjodu u, fejn xieraq, l-Istati Membri għal liema l-perjodu ma japplikax.

L-avviż pubblikat għandu jindika b’mod ċar dawk il-varjetajiet li ġew ġenetikament modifikati.

L-Artikolu 18

Jekk ikun stabbilit li l-koltivazzjoni ta’ varjetà inkluża fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tista’ f’xi Stat Membru tkun ta’ ħsara mill-lat ta’ saħħa tal-pjanti għal koltivazzjoni ta’ varjetajiet jew speċi oħra, jew tippreżenta riskju għall-ambjent jew għas-saħħa umana, dak l-Istat Membru jista’ fuq applikazzjoni, ikun awtorizzat skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) jew fl-Artikolu 23(3) fil-każ ta’ varjetà ġenetikament modifikata li jipprojbixxi l-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa jew materjali ta’ propagazzjoni ta’ dik il-varjetà fit-territorju kollu jew parti minnu. Fejn ikun hemm periklu imminenti ta’ firxa ta’ organiżmi ta’ ħsara jew periklu imminenti għas-saħħa umana jew għall-ambjent, dik il-projbizzjoni tista’ tiġi mposta mill-Istat Membru kkonċernat kemm jista’ jkun malajr wara li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet depożitata sa dak il-waqt li tkun ittieħdet deċiżjoni finali. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien perjodu ta’ tliet xhur skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 23(2) jew l-Artikolu 23(3) fil-każ ta’ varjetà ġenetikament modifikata.

L-Artikolu 19

Fejn varjetà ma tibqax tiġi aċċettata fl-Istat Membru li jkun aċċettaha inizjalment, Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jkomplu jaċċettaw dik il-varjetà basta iżda li l-ħtiġijiet għal aċċettazzjoni jibqgħu jintlaħqu fit-territorju tagħhom u dak il-manteniment jibqa’ żgurat.

L-Artikolu 20

1. Kondizzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) biex jitqiesu l-iżviluppi rigward il-kondizzjonijiet taħt liema żerriegħa trattata kimikament tista’ tinbiegħ.

2. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/94 ta’ l-20 ta’ Ġunju 1994 dwar il-konservazzjoni, karatterizzazzjoni, ġbir u utilizzazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura [13], kondizzjonijiet speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) biex jitqiesu l-iżviluppi rigward il-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ġenetiċi ta’ pjanti matul it-tkabbir u l-bejgħ fis-suq ta’ landraces u varjetajiet li huma adattati b’mod naturali għall-kondizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda minn erożjoni ġenetika.

3. Il-kondizzjonijiet speċifiċi riferiti fil-paragrafu 2 fuq għandhom jinkludu b’mod partikolari il-punti li ġejjin:

(a) landraces u varjetajiet għandhom jiġu aċċettati skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Il-proċedura għal aċċettazzjoni uffiċjali għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalità u l-ħtiġijiet. B’mod partikolari r-riżultati ta’ testijiet mhux uffiċjali u tagħrif miksub minn esperjenza prattika matul il-koltivazzjoni, riproduzzjoni u l-użu u d-deskrizzjonijiet dettaljati tal-varjetajiet u d-denominazzjonijiet rilevanti tagħhom, kif mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat, għandhom jitqiesu, u jekk suffiċjenti, għandhom jirriżultaw f’eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ eżami uffiċjali. Fuq aċċettazzjoni ta’ landrace jew varjetà bħal din, għandha tiġi ndikata bħala "varjetà ta’ konservazzjoni" fil-katalgu komuni;

(b) restrizzjonijiet kwantitattivi xierqa.

L-Artikolu 21

Kondizzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) biex jitqiesu l-iżviluppi fl-erja ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi.

L-Artikolu 22

1. Huwa u jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi jekk:

(a) l-eżamijiet uffiċjali ta’ varjetajiet imwettqa fil-pajjiż terz joffru l-istess assigurazzjonijiet bħal dawk provvduti fl-Artikolu 7 u mwettqa fl-Istati Membri;

(b) l-ispezzjonijiet fuq prattiċi għall-manutenzjoni ta’ varjetajiet imwettqa fil-pajjiż terz joffru l-istess assigurazzjoni bħal dawk imwettqa mill-Istati Membri.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll rigward xi Stat Membru ġdid mid-data ta’ l-adeżjoni tiegħu sad-data li fiha se jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 23

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar iż-Żerriegħa u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, Ortikoltura u Forestrija mwaqqfa mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 66/399/KEE [14].

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu ta’ żmien preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu ta’ żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

L-Artikolu 24

Minbarra fejn provvdut mod ieħor fl-Artikoli 16 u 18, din id-Direttiva għandha mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ liġijiet nazzjonali ġustifikati fuq il-bażi ta’ protezzjoni ta’ saħħa u ħajja umana, ta’ l-annimali jew tal-pjanti jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali jew kummerċjali.

L-Artikolu 25

L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bihom.

L-Artikolu 26

1. Id-Direttiva 70/457/KEE kif emendata mid-Direttivi mniżżla f’lista fl-Anness I parti A, huma hawnhekk imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jikonċernaw il-limiti taż-żmien għat-trasposizzjoni tad-Deċiżjonijiet imsemmija mfassla fl-Anness I parti B.

2. Ir-referenzi għad-Direttivi għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness II.

L-Artikolu 27

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 28

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Rajoy Brey

[1] Opinjoni mogħtija fid-9 ta’ April 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 225, tat-12.10.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 98/96/KE (ĠU L 25, ta’ l-1.2.1999, p. 27).

[3] Ara l-Anness I, Parti A.

[4] Ara paġna 12 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU 125, tal- 11.7.1966, p. 2298/66. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2001/64/KE (ĠU L 234, ta’ l-1.9.2001, p. 60).

[6] ĠU 125, tal- 11.7.1966, p. 2309/66. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2001/64/KE.

[7] Ara paġna 60 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] Ara paġna 74 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[9] ĠU L 117, tat-8.5.1970, p. 15. Direttiva mħassra mid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 106, tas-17.4.2001, p. 1).

[10] ĠU L 43, ta’ l-14.2.1997, p. 1.

[11] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[12] ĠU L 227, ta’ l-1.09.1994, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2506/95 (ĠU L 258, tat-28.10.1995, p. 3).

[13] ĠU L 159, tat-28.6.1994, p. 1.

[14] ĠU 125, tal- 11.7.1966, p. 2289/66.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

PARTI A

DIRETTIVA MĦASSRA U L-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

(riferiti fl-Artikolu 26)

Direttiva 70/457/KEE (ĠU L 225, tat-12.10.1970, p. 1) | |

Direttiva tal-Kunsill 72/274/KEE (ĠU L 171, tad-29.7.1972, p. 37) | li tikkonċerna biss referenzi magħmula għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 70/457/KEE fl-Artikoli 1 u 2 |

Direttiva tal-Kunsill 72/418/KEE (ĠU L 287, tas-26.12.1972, p. 22) | l-Artikolu 7 biss |

Direttiva tal-Kunsill 73/438/KEE (ĠU L 356, tas-27.12.1973, p. 79) | l-Artikolu 7 biss |

Direttiva tal-Kunsill 78/55/KEE (ĠU L 16, ta' l-20.1.1978, p. 23) | l-Artikolu 6 biss |

Direttiva tal-Kunsill 79/692/KEE (ĠU L 205, tat-13.8.1979, p. 1) | l-Artikolu 3 biss |

Direttiva tal-Kunsill 79/967/KEE (ĠU L 293, ta' l-20.11.1979, p. 16) | l-Artikolu 2 biss |

Direttiva tal-Kunsill 80/1141/KEE (ĠU L 341, tas-16.12.1980, p. 27) | l-Artikolu 1 biss |

Direttiva tal-Kunsill 86/155/KEE (ĠU L 118, tas-7.5.1986, p. 23) | l-Artikolu 5 biss |

Direttiva tal-Kunsill 88/380/KEE (ĠU L 187, tas-16.7.1988, p. 31) | l-Artikolu 6 biss |

Direttiva tal-Kunsill 90/654/KEE (ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 48) | li tikkonċerna biss referenzi magħmula għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 70/457/KEE l-Artikolu 2 u l-Anness II(I)(6) |

Direttiva tal-Kunsill 98/95/KE (ĠU L 25, ta' l-1.2.1999, p. 1) | l-Artikolu 6 biss |

Direttiva tal-Kunsill 98/96/KE (ĠU L 25, ta' l-1.2.1999, p. 27) | l-Artikolu 6 biss |

PARTI B

DATI TA’ L-GĦELUQ GĦAT-TRASPOSIZZJONI F’LIĠI NAZZJONALI

(riferiti fl-Artikolu 26)

Direttiva | Data ta' l-għeluq għat-trasposizzjoni |

70/457/KEE | 1 ta' Lulju 1972 |

70/274/KEE | 1 ta' Lulju 1972 (l-Artikolu 1) |

1 ta' Jannar 1973 (l-Artikolu 2) |

72/418/KEE | 1 ta' Lulju 1972 (l-Artikolu 7) |

73/438/KEE | 1 ta' Lulju 1974 (l-Artikolu 7) |

78/55/KEE | 1 ta' Lulju 1977 (l-Artikolu 6) |

79/692/KEE | 1 ta' Lulju 1977 (l-Artikolu 3(9)) |

1 ta' Lulju 1982 (disposizzjonijiet oħra) |

79/967/KEE | 1 ta' Lulju 1982 (l-Artikolu 2) |

80/1141/KEE | 1 ta' Lulju 1980 (l-Artikolu 1) |

86/155/KEE | 1 ta' Marzu 1986 (l-Artikolu 5) |

88/380/KEE | 1 ta' Jannar 1986 (l-Artikolu 6(5) u (6)) |

1 ta' Lulju 1990 (disposizzjonijiet oħra) |

90/654/KEE | |

98/95/KE | 1 ta' Frar 2000 (Corrigendum ĠU L 126, ta' l-20.5.1999, p. 23) |

98/96/KE | 1 ta' Frar 2000. |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

TABELLA TAL-KORRELAZZJONI

Direttiva 70/457/KEE | Din id-Direttiva |

L-Artikolu 1(1) | L-Artikolu 1(1) |

L-Artikolu 1(2) | L-Artikolu 1(2) |

L-Artikolu 22 | L-Artikolu 1(3) |

L-Artikolu 2 | L-Artikolu 2 |

L-Artikolu 3(1) | L-Artikolu 3(1) |

L-Artikolu 3(1a) | L-Artikolu 3(2) |

L-Artikolu 3(2) | L-Artikolu 3(3) |

L-Artikolu 3(3) | L-Artikolu 3(4) |

L-Artikolu 3(4) | L-Artikolu 3(5) |

L-Artikolu 4 | L-Artikolu 4 |

L-Artikolu 5 | L-Artikolu 5 |

L-Artikolu 6 | L-Artikolu 6 |

L-Artikolu 7 | L-Artikolu 7 |

L-Artikolu 8 | L-Artikolu 8 |

L-Artikolu 9 | L-Artikolu 9 |

L-Artikolu 10 | L-Artikolu 10 |

L-Artikolu 11 | L-Artikolu 11 |

L-Artikolu 12 | L-Artikolu 12 |

L-Artikolu 12a | L-Artikolu 13 |

L-Artikolu 13 | L-Artikolu 14 |

L-Artikolu 14 | L-Artikolu 15 |

L-Artikolu 15 | L-Artikolu 16 |

L-Artikolu 16 | – |

L-Artikolu 17 | – |

L-Artikolu 18 | L-Artikolu 17 |

L-Artikolu 19 | L-Artikolu 18 |

L-Artikolu 20 | L-Artikolu 19 |

L-Artikolu 20a | L-Artikolu 20 |

L-Artikolu 21(1) | L-Artikolu 22(1) |

L-Artikolu 21(3) | L-Artikolu 22(2) |

L-Artikolu 23 | L-Artikolu 23(1), (2) u (4) |

L-Artikolu 23a | L-Artikolu 23(1), (3) u (4) |

L-Artikolu 24 | L-Artikolu 24 |

L-Artikolu 24a | L-Artikolu 21 |

– | L-Artikolu 25 |

– | L-Artikolu 26 |

– | L-Artikolu 27 |

– | L-Artikolu 28 |

– | L-ANNESS I |

– | L-ANNESS II |

– | |

--------------------------------------------------

Top