EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002F0584R(03)

Rettifika għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA tal-Kunsill tat- 13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri ( ĠU L 190, 18.7.2002 . Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 34)

OJ L 17, 22.1.2009, p. 45–62 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2002/584/corrigendum/2009-01-22/oj

22.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 17/45


Rettifika għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 190, 18 ta' Lulju 2002 . Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 34)

F'paġna 1 Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA għandha tinqara kif ġej:

DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2002

dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri

(2002/584/ĠAI)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali ta’ l-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew ikkundannati definittivament u l-proċeduri ta’ l-estradizzjoni għandhom jiġu mħaffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu reat.

(2)

Il-programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet kriminali previst fil-punt 37 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere u adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2000 (3), jindirizza l-kwistjoni ta’ l-infurzar reċiproku tal-mandati ta’ arrest.

(3)

L-Istati Membri kollha jew xi wħud minnhom huma partijiet għal numru ta’ konvenzjonijiet fil-qasam ta’ l-estradizzjoni, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977. L-Istati Nordiċi għandhom liġijiet dwar l-estradizzjoni b'formulazzjoni identika.

(4)

Barra dan, it-tliet Konvenzjonijiet li ġejjin li jitrattaw l-estradizzjoni fl-intier tagħhom jew f’parti ġew miftehma bejn l-Istati Membri u jagħmlu parti mill-acquis ta’ l-Unjoni: il-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (4) (fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma partijiet għal dik il-Konvenzjoni), il-Konvenzjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1995 dwar proċedura ta’ estradizzjoni simplifikata bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (5) u l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (6).

(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma' bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8)

Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

(9)

Ir-rwol ta’ l-awtoritajiet ċentrali fl-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun limitat għall-assistenza prattika u amministrattiva.

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

(11)

Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jissostitwixxi kull strument preċedenti dwar l-estradizzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen li jikkonċernaw l-estradizzjoni.

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (7), b'mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta' l-issoktar ta' l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta' sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati mal-proċess ġust, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’mezzi tax-xandir oħra.

(13)

L-ebda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tiġi soġġettata għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti.

(14)

Peress li l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali, id-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tiġi protetta skond il-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

KAPITOLU 1

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit

1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew

1.   Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b'piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.   Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b'piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għall-konsenja skond mandat ta’ arrest Ewropew:

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

terroriżmu,

traffikar ta’ bnedmin,

sfruttament sesswali ta’ tfal u pornografija tat-tfal,

traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

traffikar illeċitu f’armi, munizzjon u splussivi,

korruzzjoni,

frodi, inkluż dak li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fit-tifsira tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej,

laundering ta’ flus li ġejjin minn reati,

falsifikar ta’ muniti, inkluża l-euro,

reati konnessi ma' l-informatika,

reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu fi speċi ta’ annimali li huma fil-perikolu li jinqerdu u fi speċi u varjietajiet ta’ pjanti li huma fil-perikolu li jinqerdu,

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

qtil, offiżi gravi fuq il-persuna,

kummerċ illeċitu f’organi u tessuti umani,

ħtif tan-nies, restrizzjoni illegali u ħtif ta’ ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u xogħlijiet ta’ l-arti,

frodi,

intrigi ta’ qerq u estorsjoni,

falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,

traffikar illeċitu f'sustanzi ormonali u affarijiet oħra li jippromovu l-iżvilupp,

traffikar illeċitu f’materjali nukleari jew radjoattivi,

traffikar f’vetturi misruqa,

stupru,

ħruq volontarju,

reati li huma fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

qbid illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/bastimenti,

sabotaġġ.

3.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin, waqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jżid kategoriji oħra ta’ reati mal-lista li tinsab fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 34(3), jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.

4.   Għal reati barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, irrespettivament mill-elementi kostitwenti jew ta’ kif inhu deskritt.

Artikolu 3

Raġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew

L-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni (minn hawn ‘il quddiem “l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni”) għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1.

jekk ir-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest hu kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jieħu azzjoni kriminali kontra r-reat skond il-liġi kriminali tiegħu;

2.

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ingħatat jew qed tingħata attwalment jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li ta s-sentenza;

3.

jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax, minħabba fl-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom hu bbażat il-mandat ta’ arrest skond il-liġi ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni.

Artikolu 4

Raġunijiet għan-nuqqas ta' esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew

L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

1.

jekk, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), l-att li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwix reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni; madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, regoli doganali u ta' kambju, l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew m’għandux ikun rrifjutat għar-raġuni li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta' taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ taxxi, dazji u regoli doganali u ta' kambju bħal-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

2.

fejn il-persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew qed tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni għall-istess att bħal dak li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew;

3.

fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni ddeċidew jew li ma jieħdux azzjoni kriminali għar-reat li fuqu hu bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew fejn sentenza finali inatat lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta’ l-istess atti, li ma tħalliex li jsiru proċedimenti oħra;

4.

fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġi kriminali tiegħu stess;

5.

jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni hi infurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta’ l-istess atti bil-kondizzjoni li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet skontata jew bħalissa qed tiġi skontata jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

6.

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

7.

fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jirrigwarda reati li:

(a)

huma kkunsidrati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni bħala li ġew imwettqin interament jew f'parti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni jew f’post trattat bħala tali; jew

(b)

ġew imwettqin barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru emittenti u l-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni ma jippermettix li tittieħed azzjoni kriminali għall-istess reati mwettqin barra mit-territorju tiegħu.

Artikolu 5

Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru f’każijiet partikolari

L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

1.

fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-finijiet ta’ l-esekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ detenzjoni imposta minn deċiżjoni mogħtija in absentia u jekk il-persuna kkonċernata ma ġietx imħarrka personalment jew infurmata b’mod ieħor bid-data u l-post tas-smigħ li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija in absentia, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħti assigurazzjoni kkunsidrata adatta biex tiggarantixxi li l-persuna soġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew ikollha opportunità biex tapplika għal kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti u li tkun preżenti għas-sentenza;

2.

jekk ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa punibbli b'piena ta’ kustodja għal għomorha jew ordni ta’ detenzjoni għal għomorha, l-esekuzzjoni ta' dan il-mandat ta’ arrest tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-Istat Membru emittenti jkollu dispożizzjonijiet fis-sistema legali tiegħu għal reviżjoni tal-piena jew tal-miżura imposta, fuq talba jew l-aktar tard wara 20 sena, jew għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ klemenza li għalihom il-persuna hi intitolata li tapplika taħt il-liġi jew prattika ta’ l-Istat Membru emittenti, bl-iskop li ma tiġix esegwita din il-piena jew il-miżura;

3.

fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta' esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.

Artikolu 6

Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti

1.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.

Artikolu 7

Rikors lill-awtorità ċentrali

1.   Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.   Stat Membru jista’, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat ta’ l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità(jiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u l-wasla ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

Stat Membru li jixtieq jagħmel użu mill-possibiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandu jikkomunika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informazzjoni konnessa ma’ l-awtorità ċentrali nominata jew l-awtoritajiet ċentrali nnominati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kollha ta’ l-Istat Membru emittenti.

Artikolu 8

Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew

1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

(a)

l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

(b)

l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u l-fax u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti;

(c)

l-indikazzjoni ta' l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

(d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

(e)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

(f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

(g)

jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.

2.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata jew f’data aktar tard, jiddikjara f’dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li hu ser jaċċetta traduzzjoni f'waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali oħra ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Kommunitajiet Ewropej.

KAPITOLU 2

PROĊEDURA TA’ KONSENJA

Artikolu 9

Trasmissjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

1.   Fejn il-post fejn tinsab il-persuna rikjesta hu magħruf, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ tittrasmetti l-mandat ta’ arrest Ewropew direttament lill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni.

2.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’, fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi li toħroġ twissija għall-persuna rikjesta fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS).

3.   Tali twissija għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 95 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni. Twissija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta’ arrest Ewropew akkompanjat bl-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1).

Għal perjodu transitorju, sakemm is-SIS tkun kapaċi titrasmetti l-informazzjoni kollha deskritta fl-Artikolu 8, it-twissija għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta’ arrest Ewropew sakemm tasal għand l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni l-oriġinali fil-forma debita.

Artikolu 10

Proċeduri dettaljati għat-trasmissjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

1.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tafx liema hi l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni kompetenti, għandha tagħmel l-inkjesti meħtieġa, inkluż permezz ta’ punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew (8), sabiex tikseb dik l-informazzjoni mill-Istat Membru ta' esekuzzjoni.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti hekk tixtieq, it-trasmissjoni tista’ ssir permezz tas-sistema ta’ telekomunikazzjonijiet protetta tan-Network Ġudizzjarju Ewropew.

3.   Jekk mhuwiex possibbli li s-servizzi tas-SIS jiġu msejħa, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ ssejjaħ lill-Interpol biex jittrasmetti mandat ta’ arrest Ewropew.

4.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ titrasmetti l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz ta’ kwalunkwe mezz protett li jista' jipproduċi rekords bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat Membru ta' esekuzzjoni li jistabbilixxi l-awtenitiċità tiegħu.

5.   Id-diffikultajiet kollha dwar it-trasmissjoni jew l-awtentiċità ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom jiġu trattati b'kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti, jew, fejn adatt, bl-involviment ta’ l-awtoritajiet ċentrali ta’ l-Istati Membri.

6.   Jekk l-awtorità li tirċievi mandat ta’ arrest Ewropew mhijiex kompetenti biex taġixxi fuqu, għandha awtomatikament titrasmetti l-mandat ta’ arrest Ewropew lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tagħha u għandha tinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti kif meħtieġ.

Artikolu 11

Drittijiet ta’ persuna rikjesta

1.   Meta persuna rikjesta tiġi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma lil dik il-persuna bil-mandat ta’ arrest Ewropew u bil-kontenut tiegħu, u wkoll bil-possibbiltà li tagħti l-kunsens għall-konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

2.   Persuna rikjesta li tiġi arrestata għall-fini ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollha d-dritt li tkun assistita minn avukat u minn interpretu skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.

Artikolu 12

Iż-żamma tal-persuna f'detenzjoni

Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f'detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f'konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.

Artikolu 13

Kunsens għall-konsenja

1.   Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk adatt, rinunzja espressa għall-benefiċċju tar-“regola ta’ l-ispeċjalità”, imsemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.

2.   Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, ikunu stabbiliti b’tali mod li juri li l-persuna kkonċernata tathom volontarjament u f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat.

3.   Il-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu rreġistrati formalment skond il-proċedura stabbilita mil-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.

4.   Fil-prinċipju, il-kunsens ma jistax jiġi rrevokat. Kull Stat Membru jista’ jipprevedi li l-kunsens u, jekk adatt, ir-renunzja jistgħu jiġu rrevokati, skond ir-regoli applikabbli taħt il-liġi domestika tiegħu. F’dan il-każ, il-perjodu bejn id-data tal-kunsens u dik tar-revoka tiegħu m’għandux jiġi kkunsidrat fl-istabbiliment tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 17. Stat Membru li jixtieq li jkollu rikors għal din il-possibbiltà għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill kif meħtieġ meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata u għandu jispeċifika l-proċeduri li permezz tagħhom għandha tkun possibbli r-revoka tal-kunsens u kwalunkwe emenda għalihom.

Artikolu 14

Smigħ tal-persuna rikjesta

Fejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni.

Artikolu 15

Deċiżjoni dwar il-konsenja

1.   L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta' żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f'konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni.

Artikolu 16

Deċiżjoni fil-każ ta’ iżjed minn talba waħda

1.   Jekk żewġ Stati Membri jew aktar ħarġu mandati ta’ arrest Ewropej għall-istess persuna, id-deċiżjoni dwar liema mill-mandati ta’ arrest Ewropej għandhom jiġu esegwiti għandha tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni b’konsiderazzjoni debita taċ-ċirkostanzi kollha u speċjalment is-serjetà relativa u l-post tar-reati, id-dati rispettivi tal-mandati ta’ arrest Ewropej u jekk il-mandat inħariġx għall-finijiet tat-teħid ta' azzjoni kriminali jew għall-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’ titlob il-parir ta’ l-Eurojust (9) biex tieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Fil-każ ta’ kunflitt bejn mandat ta’ arrest Ewropew u talba għall-estradizzjoni ppreżentata minn pajjiż terz, id-deċiżjoni dwar jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jew it-talba għall-estradizzjoni jieħdux preċedenza għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni b’konsiderazzjoni debita taċ-ċirkostanzi kollha, b'mod partikolari dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u dawk imsemmija fil-konvenzjoni applikabbli.

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri taħt l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Artikolu 17

Limiti ta' żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta' l-esekuzzjoni ta' mandat ta’ arrest Ewropew

1.   Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

2.   F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens.

3.   F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.   Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b'dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta' żmien jistgħu jiġu estiżi b’ 30 jum ieħor.

5.   Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.

6.   Għandhom jingħataw raġunijiet għal kwalunkwe ċaħda għall-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

7.   Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti ta' żmien previsti f’dan l-Artikolu, huwa għandu jinforma lill-Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-esekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandu jinforma lill-Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 18

Sitwazzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni

1.   Fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-fini tat-tmexxija ta’ proċedimenti kriminali, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha:

(a)

jew taqbel li l-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond l-Artikolu 19;

(b)

jew taqbel għat-trasferiment temporanju tal-persuna rikjesta.

2.   Il-kondizzjonijiet u t-tul tat-trasferiment temporanju għandhom ikunu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta' esekuzzjoni.

3.   Fil-każ ta’ trasferiment temporanju, il-persuna għandha tkun tista’ tirritorna lejn l-Istat Membru ta' esekuzzjoni sabiex tattendi smigħ dwarha bħala parti mill-proċedura ta’ konsenja.

Artikolu 19

Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni

1.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

2.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta' esekuzzjoni.

3.   L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni kompetenti tista’ tinkariga awtorità ġudizzjarja oħra ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna rikjesta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.

Artikolu 20

Privileġġi u immunitajiet

1.   Fejn il-persuna rikjesta tgawdi minn privileġġ jew immunità fir-rigward ta’ ġurisdizzjoni jew esekuzzjoni fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni, il-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 17 għandhom jibdew jiddekorru biss jekk, u mill-jum meta, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tiġi infurmata bil-fatt li l-privileġġ jew l-immunità ġew rinunzjati.

L-Istat Membru ta' esekuzzjoni għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva huma sodisfatti meta l-persuna ma tibqax tgawdi minn dan il-privileġġ jew l-immunità.

2.   Fejn il-poter li jiġu rinunzjati l-privileġġ jew l-immunità huwa ta' awtorità ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha titolbu jeserċita dak il-poter minnufih. Fejn il-poter li jiġu rinunzjati l-privileġġ jew l-immunità huwa ta’ awtorità ta’ Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja emittenti li titolbu jeserċita dak il-poter.

Artikolu 21

Kunflitt ta' obbligi internazzjonali

Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni fejn il-persuna rikjesta ġiet estradita lejn dak l-Istat Membru minn Pajjiż terz u fejn dik il-persuna hi protetta minn dispożizzjonijiet ta’ l-arranġament dwar l-ispeċjalità skond liema l-persuna kienet estradita. L-Istat Membru ta' esekuzzjoni għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għat-talba minnufih tal-kunsens ta’ l-Istat li minnu ġiet estradita l-persuna rikjesta biex il-persuna tista’ tiġi konsenjata lill-Istat Membru li ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx jibdew jiddekorru sal-jum li fiha ma jibqgħux japplikaw dawn ir-regoli ta’ l-ispeċjalità. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-Istat li minnu kienet estradita l-persuna rikjesta, l-Istat Membru ta' esekuzzjoni jiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva jibqaw sodisfatti.

Artikolu 22

Notifika tad-deċiżjoni

L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti bid-deċiżjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

Artikolu 23

Limiti ta' żmien għall-konsenja tal-persuna

1.   Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista' jkun f’data miftehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

2.   Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

3.   Jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma tħallietx minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta’ l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' esekuzzjoni u dawk emittenti għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma’ xulxin u jiftehmu dwar data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.

4.   Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f'perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu. L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.

5.   Ma' l-iskadenza tal-limiti ta' żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f'kustodja hija għandha tinħeles.

Artikolu 24

Konsenja posposta jew kondizzjonali

1.   L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’, wara li tiddeċiedi li tesegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, tipposponi l-konsenja tal-persuna rikjesta biex il-persuna tkun tista’ tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni jew, jekk hi diġà ġiet mogħtija sentenza, sabiex tkun tista’ tiskonta, fit-territorju tagħha, sentenza mogħtija għal att minbarra dak imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

2.   Minflok tipposponi l-konsenja, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tista’ tikkonsenja temporanjament il-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti skond kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' esekuzzjoni u dawk emittenti. Il-ftehim isir bil-miktub u l-kondizzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kollha fl-Istat Membru emittenti.

Artikolu 25

Transitu

1.   Kull Stat Membru għandu, ħlief meta jagħmel użu mill-possibbiltà ta’ rifjut meta t-transitu ta’ ċittadin jew resident hu meħtieġ għall-fini ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, jippermetti t-transitu mit-territorju tiegħu ta’ persuna rikjesta li qed tiġi konsenjata bil-kondizzjoni li tkun ġiet mogħtija informazzjoni dwar:

(a)

l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna soġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew;

(b)

l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest Ewropew;

(c)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat;

(d)

id-deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi tar-reat, inklużi d-data u l-post.

Fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hija ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ transitu, it-transitu jista’ jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lejn l-Istat Membru ta’ transitu biex tiskonta l-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità responsabbli li tirċievi rikjesti għat-transitu u d-dokumenti meħtieġa, kif ukoll kwalunkwe korrispondenza uffiċjali oħra konnessa ma’ rikjesti għat-transitu. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw din in-nomina lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

3.   Ir-rikjesta għat-transitu u l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità nnominata skond il-paragrafu 2 bi kwalunkwe mezz li jista' jipproduċi rekord bil-miktub. L-Istat Membru ta’ transitu għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu bl-stess proċedura.

4.   Din id-Deċiżjoni Kwadru ma tapplikax fil-każ ta’ trasport bl-ajru mingħajr waqfa skedata. Madankollu, jekk ikun hemm inżul mhux skedat, l-Istat Membru emittenti għandu jipprovdi lill-awtorità nnominata skond il-paragrafu 2 bl-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1.

5.   Fejn transitu jinvolvi persuna li għandha tiġi estradita minn pajjiż terz lejn Stat Membru dan l-Artikolu japplika mutatis mutandis. B'mod partikolarment l-espressjoni “mandat ta’ arrest Ewropew” għandha tkun ikkunsidrata li hi mibdula bi “talba għall-estradizzjoni”.

KAPITOLU 3

EFFETTI TAL-KONSENJA

Artikolu 26

Tnaqqis fil-perjodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta' esekuzzjoni

1.   L-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li qed tingħata.

2.   Għal dak il-għan, l-informazzjoni kollha dwar it-tul tad-detenzjoni tal-persuna rikjesta abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun trasmessa mill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni jew l-awtorità ċentrali nnominata skond l-Artikolu 7 lill-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-ħin tal-konsenja.

Artikolu 27

Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra

1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta' esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.   Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-persuna wara li kellha l-opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata m'għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f'dak it-territorju wara li telqet minnu;

(b)

ir-reat mhuwiex punibbli b'piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;

(c)

il-proċedimenti kriminali ma jikkawżawx l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni għal-libertà personali;

(d)

meta l-persuna setgħet tkun soġġetta għal piena jew miżura li ma tinvolvix iċ-ċaħda tal-libertà personali, b'mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok din, ukoll jekk il-piena jew il-miżura tista’ tikkawża restrizzjoni tal-libertà personali:

(e)

meta l-persuna tat il-kunsens biex tiġi konsenjata, fejn adatt fl-istess ħin li hi rrinunzjat għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 13;

(f)

meta l-persuna, wara l-konsenja tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ l-ispeċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi qabel il-konsenja tagħha. Ir-rinunzja għandha tiġi mogħtija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandha tiġi rreġistrata skond il-liġi domestika ta’ dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha titfassal b’tali mod li jkun magħmul ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandu jkollha d-dritt għal avukat;

(g)

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.   Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.

Artikolu 28

Konsenja jew estradizzjoni sussegwenti

1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens għall-konsenja ta’ persuna lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha hu kkunsidrat li ngħata, ħlief jekk f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Fi kwalunkwe każ, persuna li ġiet konsenjata lill-Istat Membru emittenti skond mandat ta’ arrest Ewropew tista’, mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, tiġi konsenjata lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal kwalunkwe reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-persuna rikjesta, li kellha opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata, m'għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat lejn dak it-territorju wara li telqet minnu;

(b)

fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens biex tiġi konsenjata lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew. Il-kunsens għandu jingħata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandu jkun reġistrat skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. Huwa għandu jkun imwassal b’tali mod li jkun ċar li l-persuna kkonċernata tatu volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat;

(c)

fejn il-persuna rikjesta mhijiex soġġetta għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 27(3)(a), (e), (f) u (g).

3.   L-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni tagħti l-kunsens għall-konsenja lil Stat Membru ieħor skond ir-regoli li ġejjin:

(a)

it-talba għall-kunsens għandha tiġi ppresentata skond l-Artikolu 9, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u t-traduzzjoni kif iddikjarat fl-Artikolu 8(2);

(b)

il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu fih innifsu soġġett għal konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru;

(c)

id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux iktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba;

(d)

il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, persuna li ġiet konsenjata skond mandat ta’ arrest Ewropew m’għandhiex tiġi estradita lejn Stat terz mingħajr il-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li kkonsenja l-persuna. Dan il-kunsens għandu jingħata skond il-Konvenzjonijiet li bihom dak l-Istat Membru hu marbut, kif ukoll il-liġi domestika tiegħu.

Artikolu 29

Konsenja ta’ proprjetà

1.   Fuq it-talba ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, l-awtorità ġudizzjarja ta' esekuzzjoni għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, taqbad u tikkonsenja l-proprjetà li:

(a)

tista’ tkun meħtieġa bħala evidenza, jew

(b)

ġiet akkwistata mill-persuna rikjesta bħala riżultat tar-reat.

2.   Il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi konsenjata anki jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jitwettaq minħabba fil-mewt jew il-ħarba tal-persuna rikjesta.

3.   Jekk il-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi maqbuda jew konfiskata fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, dan ta’ l-aħħar jista’, jekk il-proprjetà hi meħtieġa b'konnessjoni ma’ proċedimenti kriminali pendenti, iżommha temporanjament jew jikkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti, bil-kondizzjoni li tiġi ritornata.

4.   Kwalunkwe drittijiet li l-Istat Membru ta' esekuzzjoni jew li partijiet terzi jistgħu jkunu akkwistaw fil-proprjetà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ppreservati. Fejn jeżistu dawn id-drittijiet, l-Istat Membru emittenti għandu jirritorna l-proprjetà mingħajr ħlas lill-Istat Membru ta' esekuzzjoni malli jintemmu l-proċedimenti kriminali.

Artikolu 30

Spejjeż

1.   L-ispejjeż li saru fit-territorju ta’ Stat Membru ta' esekuzzjoni għall-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhom jitħallsu minn dak l-Istat Membru.

2.   L-ispejjeż oħra kollha għandhom jitħallsu mill-Istat Membru emittenti.

KAPITOLU 4

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 31

Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta’ l-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

(a)

il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, il-protokoll addizzjonali tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 safejn hi kkonċernata l-estradizzjoni;

(b)

il-Ftehim bejn it-12-il Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-simplifikazzjoni u l-modernizazzjoni ta’ metodi tat-trasmissjoni ta’ talbiet ta’ estradizzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989;

(c)

il-Konvenzjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1995 dwar proċedura simplifikata ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

(d)

il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

(e)

it-Titolu III, Kapitolu 4 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni.

2.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw strumenti ta' ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni Kwadru hi adottata safejn dawn l-istrumenti ta' ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru jiġu estiżi jew imwessa' u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-konsenja ta’ persuni li huma s-suġġett ta' mandati ta’ arrest Ewropej.

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu strumenti ta' ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Kwadru tkun daħlet fis-seħħ safejn dawn l-istrumenti ta' ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-provvedimenti ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru jkunu estiżi jew imwessgħa u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-konsenja ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest Ewropej, b'mod partikolari billi jistabbilixxu limiti ta' żmien iżjed qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17, billi jestendu l-lista ta’ reati stabbiliti fl-Artikolu 2(2), billi jillimitaw aktar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, jew billi jnaqqsu l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jew (2).

L-istrumenti ta' ftehim u l-arranġamenti msemmija fit-tieni subparagrafu fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw ir-relazzjonijiet ma’ Stati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

L-Istati Membri għandhom, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-istrumenti ta' ftehim u l-arranġamenti eżistenti msemmija fl-ewwel subparagrafu li jixtiequ jkomplu japplikaw.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsemmi fit-tieni subparagrafu, fi żmien tliet xhur mill-iffirmar tiegħu.

3.   Fejn il-konvenzjonijiet jew l-istrumenti ta' ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għat-territorji ta’ Stati Membri jew għat-territorji li għalihom Stat Membru jassumi l-kompetenza għar-relazzjonijiet esterni li għalihom din id-Deċiżjoni Kwadru ma tapplikax, dawn l-istrumenti għandhom ikomplu jirregolaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn dawk it-territorji u l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 32

Dispożizzjoni transitorja

1.   It-talbiet għall-estradizzjoni riċevuti qabel l-1 ta’ Jannar 2004 jkomplu jkunu rregolati minn istrumenti eżistenti dwar l-estradizzjoni. It-talbiet riċevuti wara dik id-data jkunu rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Kwadru. Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li tindika li bħala Stat Membru ta' esekuzzjoni hu ser ikompli jittratta talbiet dwar atti mwettqin qabel data li jispeċifika skond is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mis-7 ta’ Awissu 2002. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet dwar l-Awstrija u Ġibiltà

1.   Sakemm l-Awstrija ma tkunx modifikat l-Artikolu 12(1) ta’ l-“Auslieferungs-und Rechtshilfegesetz” u, l-aktar tard, sal-31 ta’ Diċembru 2008, tista’ tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' esekuzzjoni tagħha jirrifjutaw l-infurzar ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jekk il-persuna rikjesta hija ċittadina Awstrijaka u jekk l-att li għalih inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew mhuwiex punibbli taħt il-liġi Awstrijaka.

2.   Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għal Ġibiltà.

Artikolu 34

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru sal-31 ta’ Diċembru 2003.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Meta qed jagħmel dan, kull Stat Membru jista’ jindika li ser japplika immedjatament din id-Deċiżjoni Kwadru fir-relazzjoniiet tiegħu ma’ dawk l-Istati Membri li taw l-istess notifika.

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkomunika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni riċevuta skond l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 25(2). Huwa għandu wkoll jippubblika l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Abbażi ta’ l-informazzjoni kkomunikata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti leġislattivi.

4.   Il-Kunsill għandu fit-tieni nofs ta’ l-2003 jmexxi reviżjoni, b'mod partikolari ta’ l-applikazzjoni prattika, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Istati Membri kif ukoll il-funzjonament tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ġunju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAJOY BREY

ANNESS

MANDAT TA’ ARREST EWROPEW (10)

Dan il-mandat inħareġ minn awtorità ġudizzjarja kompetenti. Nitlob li l-persuna msemmija hawn taħt tiġi arrestata u konsenjata għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

(1)  ĠU C 332 E, 27.11.2001, p. 305.

(2)  Opinjoni mogħtija fid-9 ta' Jannar 2002, (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 12 E, 15.1.2001, p. 10.

(4)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(5)  ĠU C 78, 30.3.1995, p. 2.

(6)  ĠU C 313, 13.10.1996, p. 12.

(7)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(8)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI tad-29 ta' Ġunju 1998 rigward il-ħolqien ta' Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

(10)  Dan il-mandat għandu jinkiteb, jew jiġi tradott f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' esekuzzjoni, fejn dak l-Istat Membru jkun magħruf, jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata minn dak l-Istat.


Top