Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-politika tal-UE dwar l-ispazju

Il-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-ispazju tindirizza wħud mill-aktar sfidi urġenti llum, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-istimular tal-innovazzjoni teknoloġika u l-għoti ta’ benefiċċji soċjoekonomiċi liċ-ċittadini. It-teknoloġija, id-data u s-servizzi spazjali saru indispensabbli għall-ħajja taċ-ċittadini tal-UE.

Il-politika tal-UE dwar l-ispazju tindirizza ħafna mill-prijoritajiet politiċi tal-UE, bħal:

  • it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
  • li l-Ewropa ssir adegwata għall-era diġitali;
  • l-appoġġ għall-istil ta’ ħajja Ewropew;
  • il-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja.

Il-politika tal-UE dwar l-ispazju tinkludi l-programm spazjali tal-UE u sinerġiji mal-inizjattivi tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni spazjali (Orizzont UE), bħall-kompetittività għas-sistemi tal-ispazju u l-aċċess għall-ispazju. Din l-inizjattiva tal-aħħar hija bbażata fuq l-aġenda strateġika tar-riċerka u l-innovazzjoni għar-riċerka dwar l-ispazju ffinanzjata mill-UE li tappoġġja l-kompetittività u l-InvestEU. Il-politika tal-UE dwar l-ispazju se tippromwovi l-ħolqien ta’ ekosistema tal-ispazju ġdida tal-UE biex trawwem l-intraprenditorija u tippromwovi l-industrija tal-ispazju tal-UE (ara l-inizjattiva dwar l-intraprenditorija spazjali Cassini u l-pjan ta’ azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju).

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddefinixxi r-rwol tal-UE fil-politika dwar l-ispazju skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 189. B’mod partikolari, it-TFUE jagħti lill-UE s-setgħat li tfassal politika tal-UE dwar l-ispazju u li tiżviluppa miżuri biex timplimentaha fil-forma ta’ programm spazjali tal-UE.

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 jinkludi r-regolament li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-UE u l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSPA) u jalloka EUR 14.88 biljun għall-implimentazzjoni tiegħu.

ARA WKOLL

Top