2011/836/PESK: Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà BiH/18/2011 tat- 2 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ħatra ta’ Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina

Official Journal L 332 , 15/12/2011 P. 0010 - 0010


Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà BiH/18/2011

tat- 2 ta’ Diċembru 2011

dwar il-ħatra ta’ Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina

(2011/836/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat- 12 ta’ Lulju 2004 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina [1] u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 6(1) tal-Azzjoni Konġunta 2004/570/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) biex jieħu deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.

(2) Permezz tad-Deċiżjoni 2009/836/PESK [2], il-KPS ħatar lill-Maġġur Ġeneral Bernhard BAIR bħala Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina.

(3) Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE rrakkomanda l-ħatra tal-Brigadier Ġenerali Robert BRIEGER bħala l-Kmandant tal-Forza tal-UE l-ġdid għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina.

(4) Il-Kumitat Militari tal-UE appoġġa r-rakkomandazzjoni.

(5) Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża.

(6) Fit- 12 u t- 13 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen adotta Dikjarazzjoni li tgħid li l-arranġamenti ‘Berlin plus’ u l-implimentazzjoni tagħhom ser japplikaw biss għal dawk l-Istati Membri tal-UE li huma wkoll jew membri tan-NATO jew partijiet fis-‘Sħubija għall-Paċi’, u li konsegwentement ikkonkludew ftehimiet dwar sigurtà bilaterali man-NATO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Brigadier Ġenerali Robert BRIEGER huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis- 6 ta’ Diċembru 2011.

Magħmul fi Brussell, it- 2 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

O. Skoog

[1] ĠU L 252, 28.7.2004, p. 10.

[2] ĠU L 299, 14.11.2009, p. 17.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet