2011/534/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Settembru 2011 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li fihom iċ-ċomb u l-kadmju (notifikata bid-dokument numru C(2011) 6309) Test b’relevanza għaż-ŻEE

Official Journal L 234 , 10/09/2011 P. 0044 - 0045


Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat- 8 ta’ Settembru 2011

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li fihom iċ-ċomb u l-kadmju

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 6309)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/534/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjonijiet tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tagħha,

Billi:

(1) Id-Direttiva 2002/95/KE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb u tal-kadmju f’tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq wara l- 1 ta’ Lulju 2006.

(2) Is-sostituzzjoni taċ-ċomb fil-materjali dielettriċi taċ-ċeramika bbażati fuq il-PZT f’kapasiters li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti għadha mhux prattika mil-lat tekniku. L-użu taċ-ċomb f’dawk il-materjali għandu għalhekk jiġi eżentat mill-projbizzjoni.

(3) Is-sostituzzjoni tal-kadmju fil-fotoreżisturi f’akkoppjaturi ottiċi analogi applikati f’tagħmir awdjo professjonali għadha mhux prattika mil-lat tekniku. L-użu tal-kadmju f’dawk il-fotoreżisturi għandu għalhekk jiġi eżentat mill-projbizzjoni. Madankollu, dik l-eżenzjoni għandha tkun illimitata fiż-żmien minħabba li qed isir progress fir-riċerka għal teknoloġija ħielsa mill-kadmju u s-sostituti jistgħu jkunu disponibbli fit-tliet snin li ġejjin.

(4) Għalhekk, id-Direttiva 2002/95/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(5) Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/95/KE, il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet rilevanti.

(6) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2],

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it- 8 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez Potočnik

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.

[2] ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

--------------------------------------------------

ANNESS

L-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE huwa emendat kif ġej:

(a) jiddaħħal il-punt 7(c)-IV li ġej:

"7(c)-IV | Ċomb fil-materjali dielettriċi taċ-ċeramika bbażati fuq il-PZT f’kapasiters li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti" | |

(b) jiddaħħal il-punt 40 li ġej:

"40 | Kadmju fil-fotoreżisturi f’akkoppjaturi ottiċi analogi applikati f’tagħmir awdjo professjonali | Tiskadi fil- 31 ta’ Diċembru 2013" |

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet