Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Lulju 2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE

Official Journal L 192 , 22/07/2011 P. 0017 - 0032


Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas- 6 ta’ Lulju 2011

dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja [1],

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tiegħu tal- 14 ta’ Diċembru 2007, enfasizza r-rwol kruċjali li għandu t-turiżmu biex jiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni u talab lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industrija u partijiet interessati oħrajn biex jingħaqdu fl-implimentazzjoni f’ħinha tal-Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv.

(2) L-industrija tat-turiżmu tal-Unjoni tokkupa post importanti fl-ekonomija tal-Istati Membri b’attivitajiet turistiċi li jirrappreżentaw sors kbir ta’ potenzjal ta’ impjiegi. Kwalunkwe valutazzjoni tal-kompetittività tagħha teħtieġ għarfien tajjeb tal-volum tat-turiżmu, il-karatteristiki tiegħu, il-profil tat-turist u l-infiq fuq it-turiżmu u l-benefiċċji għall-ekonomiji tal-Istati Membri.

(3) Hemm bżonn ta’ data ta’ kull xahar sabiex jitkejlu l-influwenzi staġunali tat-talba fuq il-kapaċità tal-akkomodazzjoni turistika u b’hekk tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-operaturi ekonomiċi jiżviluppaw strateġiji u politika aktar addattati għat-titjib tal-firxa staġunali ta’ vaganzi u attivitajiet turistiċi.

(4) Il-maġġoranza tan-negozji Ewropej li joperaw fl-industrija tat-turiżmu huma żgħar jew ta’ daqs medju, u l-importanza strateġika tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fit-turiżmu Ewropew mhix limitata għall-valur ekonomiku u għall-potenzjal sostanzjali tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi. Fuqhom huma msejsa wkoll l-istabbiltà u l-prosperità ta’ komunitajiet lokali, billi jħarsu l-ospitalità u l-identità lokali li huma l-karatteristiċi tat-turiżmu fir-reġjuni tal-Ewropa. Minħabba d-daqs tal-SMEs, il-piż amministrattiv fuq l-SMEs jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, u għandha tiġi introdotta sistema ta’ limiti stabbiliti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqas il-piż ta’ rispons fuq il-partijiet responsabbli biex jipprovdu data statistika, partikolarment l-SMEs.

(5) In-natura li dejjem tinbidel tal-aġir tat-turiżmu mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE tat- 23 ta’ Novembru 1995 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku fil-qasam tat-turiżmu [2], bl-importanza li dejjem tikber ta’ vjaġġi qosra u żjarat fl-istess jum li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali f’ħafna reġjuni jew pajjiżi għad-dħul mit-turiżmu, l-importanza dejjem tikber ta’ akkomodazzjoni mhux mikrija jew akkomodazzjoni fi stabbilimenti iżgħar, u l-impatt li dejjem jikber tal-Internet dwar l-aġir tal-ibbukkjar tat-turisti u dwar l-industrija tat-turiżmu, ifisser li l-produzzjoni ta’ statistika tat-turiżmu għandha tiġi adattata.

(6) Biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-importanza makroekonomika tat-turiżmu fl-ekonomiji tal-Istati Membri bbażata fuq il-qafas aċċettat internazzjonalment tal-kontijiet satelliti għat-turiżmu, li juru l-effetti tat-turiżmu fuq l-ekonomija u l-impjiegi, hemm il-ħtieġa li jitjiebu d-disponibbiltà, il-kompletezza u l-komprensività tal-istatistika bażika tat-turiżmu bħala dħul għall-kumpilazzjoni ta’ kontijiet bħal dawn u, jekk titqies neċessarja mill-Kummissjoni, bħala tħejjija għal proposta leġiżlattiva għat-trażmissjoni ta’ tabelli armonizzati għall-kontijiet satelliti għat-turiżmu. Dan jitlob li r-rekwiżiti legali li bħalissa huma stabbiliti fid-Direttiva 95/57/KE jiġu aġġornati.

(7) Sabiex teżamina kwistjonijiet maġġuri ta’ tħassib ekonomiku u soċjali fis-settur tat-turiżmu, b’mod speċjali kwistjonijiet ġodda li jeħtieġu riċerka speċifika, il-Kummissjoni teħtieġ il-mikrodata. It-turiżmu fl-Unjoni għandu dimensjoni prinċipalment intra-Ewropea, li tfisser li l-mikrodata li toħroġ minn statistika Ewropea armonizzata fuq id-domanda tat-turiżmu barrani diġà tipprovdi sors ta’ statistika fuq id-domanda tat-turiżmu ġewwieni għall-Istat Membru destinatarju, mingħajr l-impożizzjoni ta’ piż addizzjonali, u b’hekk tiġi evitata osservazzjoni doppja fuq il-flussi tat-turiżmu.

(8) It-turiżmu soċjali jippermetti li l-ikbar ammont ta’ nies possibbli jipparteċipa fit-turiżmu u, barra minn hekk, jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-istaġunalità, isaħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea u jippromwovi l-iżvilupp reġjonali, barra li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ ekonomiji lokali speċifiċi. Sabiex tivvaluta l-parteċipazzjoni fit-turiżmu ta’ gruppi soċjodemografiċi differenti u sabiex timmonitora l-programmi tal-Unjoni fil-qasam tat-turiżmu, il-Kummissjoni teħtieġ data regolari dwar il-parteċipazzjoni fit-turiżmu u dwar l-aġir turistiku ta’ dawk il-gruppi.

(9) Qafas rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jista’ jgħin biex jiggarantixxi data kredibbli, dettaljata u komparabbli, li mbagħad tippermetti li l-istruttura u l-iżvilupp tal-provvista u tad-domanda tat-turiżmu jkunu ssorveljati b’mod xieraq. Komparibbiltà suffiċjenti fil-livell tal-Unjoni hi essenzjali fir-rigward ta’ metodoloġija, definizzjonijiet u l-programm ta’ data u metadata statistika.

(10) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea [3], li jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza għal dan ir-Regolament, jipprovdi li l-istatistika għandha tinġabar bi standards għoljin ta’ imparzjalità, trasparenza, kredibbiltà, oġġettività, indipendenza xjentifika, kost-effettività u kunfidenzjalità tal-istatistika.

(11) Fil-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistiċi Ewropej taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet tal-istatistika fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għandhom iqisu l-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta’ Prassi tal-Istatistika Ewropew adottat mill-Kumitat ta’ Programm tal-Istatistika fl- 24 ta’ Frar 2005 u mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Mejju 2005 dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbilità tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u Komunitarji.

(12) Sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi, is-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament, tal-iskadenzi tat-trażmissjoni tad-data u tal-Annessi, għajr għax-xorta fakultattiva tad-data meħtieġa u għal-limitazzjoni tal-ambitu kif definit fl-Annessi. Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadatta d-definizzjonijiet għat-tibdiliet fid-definizzjonijiet internazzjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fuq il-livell tal-għarfien espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(13) Il-Kumissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni [4].

(14) Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, speċifikament it-twaqqif ta’ qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid sistematiċi ta’ statistika Ewropea komparabbli u komprensiva dwar it-turiżmu, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba n-nuqqas ta’ karatteristiki statistiċi komuni u rekwiżiti ta’ kwalità komuni u minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza metodoloġika, iżda jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ qafas statistiku komuni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(15) Fid-dawl tat-tibdil tal-industrija tat-turiżmu, kif ukoll tibdil fit-tip ta’ data meħtieġa mill-Kummissjoni u minn utenti oħra tal-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/57/KE ma għadhomx aktar rilevanti. Minħabba li l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam jeħtieġ li tiġi aġġornata, id-Direttiva 95/57/KE għandha titħassar.

(16) Regolament hu l-mod xieraq kif jiġi żgurat l-użu ta’ standards komuni u l-produzzjoni ta’ statistika komparabbli.

(17) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid sistematiċi tal-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiġbru, jikkumpilaw, jipproċessaw u jittrażmettu statistika armonizzata dwar il-forniment u d-domanda tat-turiżmu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "perjodu ta’ referenza" tfisser perjodu li tirreferi għalih id-data;

(b) "sena ta’ referenza" tfisser perjodu ta’ referenza ta’ sena kalendarja waħda;

(c) "NACE Rev. 2" tfisser il-klassifika statistika komuni ta’ attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni, kif stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [5];

(d) "NUTS" tfisser il-klassifika komuni ta’ unitajiet territorjali għall-produzzjoni ta’ statistika reġjonali fl-Unjoni, kif stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [6];

(e) "ambjent tas-soltu" tfisser iż-żona ġeografika, għalkemm mhux neċessarjament waħda kontigwa, li fiha l-individwu jgħix il-ħajja tiegħu b’rutini regolari u għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ dawn il-kriterji: il-qsim ta’ fruntieri amministrattivi jew id-distanza mill-post ta’ residenza tas-soltu, id-dewmien taż-żjara, il-frekwenza taż-żjara, l-għan taż-żjara;

(f) "it-turiżmu" tfisser l-attività tal-viżitaturi li jagħmlu vjaġġ għal destinazzjoni ewlenija barra mill-ambjent tas-soltu tagħhom, għal inqas minn sena, għal kwalunkwe għan ewlieni inkluż in-negozju, il-ħin liberu, jew għan ieħor personali, għajr għal impjieg minn entità residenti fil-post li fih issir iż-żjara;

(g) "turiżmu domestiku" tfisser żjarat fi Stat Membru minn viżitaturi li huma residenti ta’ dak l-Istat Membru;

(h) "turiżmu ’l ġewwa" tfisser żjarat fi Stat Membru minn viżitaturi li mhumiex residenti ta’ dak l-Istat Membru;

(i) "turizmu ’l barra" tfisser żjarat minn residenti ta Stat Membru barra minn dak l-Istat Membru;

(j) "turiżmu nazzjonali" tfisser it-turiżmu domestiku u t-turiżmu ’l barra;

(k) "turiżmu intern" tfisser it-turiżmu t-turiżmu domestiku u t-turiżmu ’l ġewwa;

(l) "stabbiliment għall-akkomodazzjoni turistika" tfisser unità lokali tat-tip tal-attività, kif iddefinita fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal- 15 Marzu 1993 dwar l-unitajiet tal-istatistika għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta’ produzzjoni fil-Komunità [7], li jipprovdi bħala servizz imħallas - għalkemm il-prezz jista’ jkun parzjalment jew kompletament issussidjat - servizzi ta’ akkomodazzjoni għal waqfiet qosra kif deskritt fil-gruppi 55.1 (lukandi u akkomodazzjoni simili), 55.2 (akkomodazzjoni għal btajjel u għal waqfiet qosra oħra) u 55.3 (postijiet għall-kampeġġ, parkeġġi għal vetturi ta’ rikreazzjoni u parkeġġi għal karrijiet) ta’ NACE Rev. 2;

(m) "akkomodazzjoni mhix mikrija" tfisser, inter alia, akkomodazzjoni mingħajr ħlas ipprovduta minn familja jew ħbieb u akkomodazzjoni fi djar ta’ vaganza okkupati mis-sid, inklużi proprjetà time share;

(n) "żjarat fl-istess jum" tfisser iż-żjarat mingħajr waqfa għal-lejl li jsiru minn residenti barra mill-ambjent tas-soltu tagħhom u li orġinaw mill-post ta’ residenza tas-soltu tagħhom.

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 11 fir-rigward ta’ emendi għad-definizzjonijiet fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sabiex tallinja dawn id-definizzjonijiet ma’ bidliet fid-definizzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 3

Suġġetti koperti u karatteristiki tad-data meħtieġa

1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-data li għandha tiġi trażmessa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 għandha tirrelata ma’:

(a) it-turiżmu intern, fir-rigward tal-kapaċità u l-okkupanza tal-istabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika, għall-elementi varjabbli, il-perjodiċità u l-analiżijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 1, 2 u 3 tal-Anness I;

(b) it-turiżmu intern, fir-rigward tal-iljieli turistiċi mqattgħin fl-akkomodazzjoni mhux mikrija għall-fatturi varjabbli, il-perjodiċità u l-analiżijiet stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Anness I;

(c) it-turiżmu nazzjonali, fir-rigward tad-domanda tat-turiżmu, li tikkonċerna l-parteċipazzjoni fit-turiżmu, il-karatteristiki tal-vjaġġi turistiċi u tal-viżitaturi, għall-fatturi varjabbli, il-perjodiċità u l-analiżijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 1 u 2 tal-Anness II;

(d) it-turiżmu nazzjonali, fir-rigward tad-domanda tat-turiżmu, li jikkonċerna l-karatteristiki ta’ żjarat fl-istess jum għall-fatturi varjabbli, il-perjodiċità u l-analiżijiet stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness II.

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, fejn meħtieġ, li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 11, rigward l-adattazzjoni tal-Annessi, għajr għax-xorta fakultattiva tad-data meħtieġa u l-limitazzjoni tal-ambitu kif definiti fl-Annessi, sabiex jitqiesu żviluppi ekonomiċi, soċjali jew tekniċi. Meta tkun qed teżerċita s-setgħa tagħha skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe att iddelegat adottat ma jimponix piżijiet amministrattivi addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.

Artikolu 4

L-ambitu ta’ osservazzjoni

L-ambitu ta’ osservazzjoni għar-rekwiżiti stabbiliti:

(a) fl-Artikolu 3(1)(a) għandu jkun l-stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turististika kollha kemm huma, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(l), sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Anness I;

(b) fl-Artikolu 3(1)(b) għandu jkun l-iljieli turistiċi kollha mqattgħin minn residenti u dawk mhux residenti f’akkomodazzjoni mhux mikrija;

(c) fl-Artikolu 3(1)(c), fir-rigward tad-data dwar il-parteċipazzjoni fit-turiżmu, għandu jkun l-individwi kollha li joqogħdu fit-territorju tal-Istat Membru, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fit-Taqsima 1 tal-Anness II;

(d) fl-Artikolu 3(1)(c), fir-rigward tad-data dwar karatteristiki ta’ vjaġġi turistiċi u tal-viżitaturi, għandu jkun il-vjaġġi turistiċi kollha b’mill-inqas żjara ta’ lejl wieħed barra mill-ambjent tas-soltu mill-popolazzjoni residenti u li ntemmu waqt il-perjodu ta’ referenza, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fit-Taqsima 2 tal-Anness II;

(e) fl-Artikolu 3(1)(d), fir-rigward tal-karatteristiki ta’ żjarat fl-istess jum, għandu jkun iż-żjarat kollha fl-istess jum kif definiti fl-Artikolu 2(1)(n), sakemm mhux speċifikat mod ieħor fit-Taqsima 3 tal-Anness II.

Artikolu 5

Studji pilota

1. Il-Kummissjoni għandha tfassal programm għall-istudji pilota li jistgħu jitwettqu mill-Istati Membri fuq bażi volontarja sabiex jitħejjew l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ tabelli armonizzati għall-kontijiet satelliti tat-turiżmu u sabiex jiġu vvalutati l-benefiċċji fir-rigward tal-ispiża għall-kumpilazzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tfassal ukoll programm għall-istudji pilota li jistgħu jitwettqu mill-Istati Membri fuq bażi volontarja sabiex tiġi żviluppata sistema għall-ġbir ta’ data li turi l-effetti tat-turiżmu fuq l-ambjent.

Artikolu 6

Kriterji tal-kwalità u rapporti

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tad-data trażmessa.

2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji ta’ kwalità kif stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandhom japplikaw.

3. Kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) rapport dwar il-kwalità tad-data li għandha x’taqsam mal-perjodi ta’ referenza fis-sena ta’ referenza, u dwar kwalunkwe tibdil metodoloġiku li jkun sar. Ir-rapport għandu jiġi pprovdut fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza.

4. Fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ kwalità msemmija fil-paragrafu 2 għad-data koperta minn dan ir-Regolament, l-arranġamenti u l-istruttura tar-rapporti ta’ kwalità għandhom ikunu ddefiniti mill-Kummissjoni fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 7

Rapport ta’ evalwazzjoni

Sat- 12 ta’ Awwissu 2016 u, wara, kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-istatistika miġbura abbażi ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari, dwar ir-rilevanza tagħha u l-piż fuq is-settur tan-negozju.

Artikolu 8

Sorsi ta’ data

Fir-rigward tal-bażi li fuqha tinġabar id-data, l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżuri li dawn iqisu bħala xierqa biex iżommu l-kwalità tar-riżultati. L-Istati Membri jistgħu jipproduċu d-data statistika neċessarja billi jużaw kombinazzjoni tas-sorsi differenti li ġejjin:

(a) stħarriġ, fejn unitajiet ta’ rappurtaġġ jintalbu jagħtu data f’waqtha, eżatta u kompluta;

(b) sorsi oħra xierqa, inkluża data amministrattiva jekk din tkun attwali u rilevanti;

(c) proċeduri xierqa għall-istima statistika.

Artikolu 9

It-trażmissjoni tad-data

1. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data, inkluża data kunfidenzjali, lill-Kummissjoni (Eurostat), skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

2. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data mniżżla fl-Anness I u fit-Taqsimiet 1 u 3 tal-Anness II f’forma ta’ tabelli aggregati, skont standard ta’ interskambju speċifikat mill-Kummissjoni (Eurostat). Id-data għandha tiġi trażmessa jew imtellgħa b’mezzi elettroniċi fil-punt ta’ aċċess uniku għad-data għand il-Kummissjoni (Eurostat). L-arranġamenti prattiċi għat-trażmissjoni tad-data għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

3. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data mniżżla fit-Taqsima 2 tal-Anness II fil-forma ta’ fajls ta’ mikrodata - b’kull vjaġġ osservat imniżżel bħala rekord individwali fil-ġabra ta’ data trażmessa - li għandhom ikunu kompletament iċċekkjati, editjati u, fejn meħtieġ, imdaħħla skont l-istandard ta’ interskambju speċifikat mill-Kummissjoni (Eurostat). Id-data għandha tiġi trażmessa jew imtellgħa’ b’mezzi elettroniċi fil-punt ta’ aċċess uniku għad-data għand il-Kummissjoni (Eurostat). L-arranġamenti prattiċi għat-trażmissjoni tad-data għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

4. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu:

(a) id-data annwali mniżżla fit-Taqsimiet 1 u 2 tal-Anness I fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fl-Anness I;

(b) id-data ta’ kull xahar imniżżla fit-Taqsima 2 tal-Anness I fi żmien tliet xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza;

(c) l-indikaturi fundamentali rapidi li għandhom x’jaqsmu mal-iljieli mqattgħin minn residenti u dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika, kif imniżżla fit-Taqsima 2 tal-Anness I, fi żmien tmien ġimgħat wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza;

(d) id-data mniżżla fit-Taqsima 4 tal-Anness I fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, jekk l-Istat Membru kkonċernat jagħżel li jittrażmettiha;

(e) id-data mniżżla fl-Anness II fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza.

5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, fejn meħtieġ, atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 11, fir-rigward ta’ emendi għall-iskadenzi tat-trażmissjoni stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sabiex jitqiesu żviluppi ekonomiċi, soċjali jew tekniċi. Kull emenda ta’ dan it-tip għandha tqis il-prattika eżistenti tal-ġbir tad-data fl-Istati Membri.

6. Għad-data kollha meħtieġa minn dan ir-Regolament, l-ewwel perjodu ta’ referenza, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandu jibda fl- 1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 10

Manwal Metodoloġiku

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tħejji u taġġorna b’mod regolari manwal metodoloġiku li għandu jkun fih linji gwida dwar l-istatistika prodotta skont dan ir-Regolament, inklużi d-definizzjonijiet li se jiġu applikati għall-karatteristiki tat-tagħrif meħtieġ u l-istandards komuni mfassla biex jiżguraw il-kwalità tad-data.

Artikolu 11

Eżerċitar tad-delega

1. Is-setgħa biex tadotta atti ddelegati qed tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(2), 3(2) u 9(5) għandha tiġi kkonferita fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill- 11 ta’ Awwissu 2011 u l-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 2(2), 3(2) u 9(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni sabiex tirrevoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati li huma diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5. Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 2(2), 3(2) u 9(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

Artikolu 12

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 13

Revoka

Id-Direttiva 95/57/KE hija b’dan imħassra.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu riżultati skont id-Direttiva 95/57/KE għall-perjodi ta’ referenza kollha għall-2011.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is- 6 ta’ Lulju 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Buzek

Għall-Kunsill

Il-President

M. Dowgielewicz

[1] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ April 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ġunju 2011.

[2] ĠU L 291, 6.12.1995, p. 32.

[3] ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

[4] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[5] ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

[6] ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1.

[7] ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

TURIŻMU INTERN

Taqsima 1

KAPAĊITÀ TA’ STABBILIMENTI GĦALL-AKKOMODAZZJONI TURISTIKA

A. Fatturi varjabbli u analiżijiet li għandhom jiġu trażmessi

1. Fil-livell 2 reġjonali NUTS u fil-livell nazzjonali għandhom jiġu trażmessi għad-data annwali

Tip ta’ akkomodazzjoni | Fatturi varjabbli | Analiżijiet |

NACE 55.1 | In-numru ta’ stabbilimenti In-numru ta’ sodod In-numru ta’ kmamar tas-sodda | Tip ta’ lokalità (a) u (b) |

NACE 55.2 | In-numru ta’ stabbilimenti In-numru ta’ sodod | Tip ta’ lokalità (a) u (b) |

NACE 55.3 | In-numru ta’ stabbilimenti In-numru ta’ sodod | Tip ta’ lokalità (a) u (b) |

2. [fakultattiv] Fil-livell nazzjonali għandhom jiġu trażmessi għad-data annwali

Tip ta’ akkomodazzjoni | Fatturi varjabbli | Analiżijiet |

NACE 55.1 | In-numru ta’ stabbilimenti In-numru ta’ sodod In-numru ta’ kmamar tas-sodda | Klassi tad-daqsijiet |

3. Fil-livell nazzjonali għandhom jiġu trażmessi għad-data trijennali

Tip ta’ akkomodazzjoni | Fatturi varjabbli | Analiżijiet |

NACE 55.1 | In-numru ta’ stabbilimenti li jkollhom kamra tas-sodda waħda jew iżjed aċċessibbli għal persuni b’mobilità mnaqqsa, inklużi dawk li jużaw siġġu tar-roti | |

B. Limitazzjoni tal-ambitu

1. Għal "lukandi u akkomodazzjoni simili" u għal "akkomodazzjoni għal btajjel u għal waqfiet qosra oħra", l-ambitu tal-osservazzjoni għandu mill-inqas jinkludi l-istabbilimenti kollha għall-akkomodazzjoni turistika li għandhom 10 sodod jew aktar.

2. Għal "postijiet għall-kampeġġ, parkeġġi għal vetturi ta’ rikreazzjoni u parkeġġi għal karrijiet", l-ambitu ta’ osservazzjoni għandu mill-inqas jinkludi l-istabbilimenti kollha għall-akkomodazzjoni turistika li għandhom spazju ta’ 10 jew aktar.

3. L-Istati Membri li jkopru inqas minn 1 % tan-numru totali annwali tal-iljieli mqattgħin fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika fl-Unjoni Ewropea jistgħu jnaqqsu aktar l-ambitu ta’ osservazzjoni, biex jinkludu għall-inqas l-istabbilimenti kollha għall-akkomodazzjoni turistika li għandhom 20 sodda jew aktar (spazju ta’ 20 jew aktar).

C. Perjodiċità

L-ewwel sena ta’ referenza għall-fattur varjabbli trijennali elenkat taħt it-titolu A(3) għandha tkun l-2015.

Taqsima 2

OKKUPAZZJONI TA’ STABBILIMENTI GĦALL-AKKOMODAZZJONI TURISTIKA (DOMESTIKA U ’L ĠEWWA)

A. Fatturi varjabbli u analiżijiet li għandhom jiġu trażmessi għad-data annwali

1. Fil-livell 2 reġjonali NUTS u fil-livell nazzjonali

Tip ta’ akkomodazzjoni | Fatturi varjabbli | Analiżijiet |

Totali (kull tip ta’ stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika) | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | Tip ta’ lokalità (a) u (b) |

NACE 55.1 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Ir-rata netta ta’ okkupazzjoni tas-sodod Ir-rata netta ta’ okkupazzjoni ta’ kmamar tas-sodod | |

NACE 55.2 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

NACE 55.3 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

2. Fil-livell nazzjonali

Tip ta’ akkomodazzjoni | Fatturi varjabbli | Analiżijiet |

NACE 55.1 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | Tip ta’ lokalità (a) u (b) Il-pajjiż jew iż-żona ġeografika tal-ospiti [fakultattiva] Klassi tad-daqsijiet |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | Il-pajjiż jew iż-żona ġeografika tal-ospiti |

Ir-rata netta ta’ okkupazzjoni tas-sodod Ir-rata netta ta’ okkupazzjoni ta’ kmamar tas-sodod | [fakultattiva] Klassi tad-daqsijiet |

NACE 55.2 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | Tip ta’ lokalità (a) u (b) Il-pajjiż jew iż-żona ġeografika tal-ospiti |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | Il-pajjiż jew iż-żona ġeografika tal-ospiti |

NACE 55.3 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | Tip ta’ lokalità (a) u (b) Il-pajjiż jew iż-żona ġeografika tal-ospiti |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | Il-pajjiż jew iż-żona ġeografika tal-ospiti |

B. Fatturi varjabbli u analiżijiet li għandhom jiġu trażmessi għad-data ta’ kull xahar fil-livell nazzjonali

Tip ta’ akkomodazzjoni | Fatturi varjabbli | Analiżijiet |

NACE 55.1 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Ir-rata netta ta’ okkupazzjoni tas-sodod Ir-rata netta ta’ okkupazzjoni ta’ kmamar tas-sodod | |

NACE 55.2 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

NACE 55.3 | In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika In-numru ta’ ljieli mqattgħin minn dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

Wasliet ta’ residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika Wasliet ta’ dawk mhux residenti fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika | |

C. Limitazzjoni tal-ambitu

1. Għal "lukandi u akkomodazzjoni simili" u għal "akkomodazzjoni għal btajjel u waqfiet qosra oħra", l-ambitu tal-osservazzjoni għandu mill-inqas jinkludi l-istabbilimenti kollha għall-akkomodazzjoni turistika li għandhom 10 sodod jew aktar.

2. Għal "postijiet għall-kampeġġ, parkeġġi għal vetturi ta’ rikreazzjoni u parkeġġi għal karrijiet", l-ambitu ta’ osservazzjoni għandu mill-inqas jinkludi l-istabbilimenti kollha għall-akkomodazzjoni turistika li għandhom spazju ta’ 10 jew aktar.

3. L-Istati Membri li jkopru inqas minn 1 % tan-numru totali annwali tal-iljieli mqattgħin fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika fl-Unjoni Ewropea jistgħu jnaqqsu aktar l-ambitu ta’ osservazzjoni, biex għall-inqas jinkludu l-istabbilimenti kollha għall-akkomodazzjoni turistika li għandhom 20 sodda jew aktar (spazju ta’ 20 jew aktar).

4. Meta tiġi applikata limitazzjoni għall-ambitu kif deskritt skont (1), (2) jew (3), għandha tiġi trażmessa kull sena stima tan-numru totali ta’ ljieli mqattgħin waqt is-sena ta’ referenza minn residenti u dawk mhux residenti fl-istabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika esklużi mill-ambitu ta’ osservazzjoni.

5. Għall-ewwel sena ta’ referenza li għaliha hi mitluba d-data b’dan ir-Regolament, l-istima kif deskritt taħt (4) għandha tiġi trażmessa fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza.

6. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu aktar l-ambitu ta’ osservazzjoni għar-rata netta ta’ okkupazzjoni ta’ kmamar tas-sodda fil-lukandi u akkomodazzjoni simili, biex jinkludu mill-inqas l-istabbilimenti kollha għall-akkomodazzjoni turistika li għandhom 25 kamra tas-sodda jew aktar.

D. Indikaturi fundamentali rapidi

L-indikaturi fundamentali rapidi msemmija fl-Artikolu 9(4)(c) ta’ dan ir-Regolament huma l-fatturi varjabbli li jirreferu għan-numru ta’ ljieli mqattgħin kif imniżżel taħt it-Titolu B ta’ din it-Taqsima.

Taqsima 3

KLASSIFIKAZZJONIJIET LI JIĠU APPLIKATI GĦAT-TAQSIMA 1 U T-TAQSIMA 2

A. Tip ta’ akkomodazzjoni

It-tliet kategoriji li jintużaw għat-tip ta’ akkomodazzjoni, li jirreferu għall-gruppi NACE 55.1, 55.2 u 55.3, huma:

- lukandi u akkomodazzjoni simili,

- akkomodazzjoni għal vaganza u għal waqfiet qosra oħra,

- postijiet għall-kampeġġ, parkeġġi għal vetturi ta’ rikreazzjoni u parkeġġi għal karrijiet.

B. Tip ta’ lokalità (a)

It-tliet kategoriji li jintużaw għat-tip ta’ lokalità (a), li jirreferu għall-grad ta’ urbanizzazzjoni tal-muniċipalità (jew unità amministrattiva lokali ekwivalenti) fejn jinsabu l-istabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika, huma:

- żona ppopolata b’mod dens,

- żona intermedja,

- żona ppopolata b’mod skars.

C. Tip ta’ lokalità (b)

Iż-żewġ kategoriji li jintużaw għat-tip ta’ lokalità (b), li jirreferu għall-post qrib il-baħar tal-muniċipalità (jew unità amministrattiva lokali ekwivalenti) fejn jinsabu l-istabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika, huma:

- kostali,

- mhux kostali.

D. Klassi tad-daqsijiet

It-tliet kategoriji li jintużaw għall-klassi tad-daqsijiet, li jirreferu għan-numru ta’ kmamar tas-sodda fl-istabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika, huma:

- l-istabbilimenti żgħar: inqas minn 25 kamra tas-sodda,

- l-istabbilimenti ta’ daqs medju: bejn 25 u 99 kamra tas-sodda,

- l-istabbilimenti kbar: 100 kamra tas-sodda jew aktar; li jiġu rrappurtati b’mod separat fuq bażi fakultattiva: "bejn 100 u 249 kamra tas-sodda" u "250 kamra tas-sodda jew aktar".

E. Pajjiżi u żoni ġeografiċi

Il-kategoriji li jintużaw għall-pajjiż jew iż-żona ġeografika tar-residenza tal-ospiti li qed joqogħdu fi stabbilimenti għall-akkomodazzjoni turistika huma:

- l-Unjoni Ewropea (l-Unjoni); għandha tiġi rrappurtata separatament: kull Stat Membru,

- l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-EFTA); għandha tiġi rrappurtata separatament: l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera (inkluż Liechtenstein),

- pajjiżi Ewropej oħrajn (apparti mill-Unjoni jew l-EFTA; mhux inklużi r-Russja, it-Turkija, l-Ukrajna),

- ir-Russja,

- it-Turkija,

- l-Ukrajna,

- l-Afrika; għandha tiġi rrappurtata separatament: l-Afrika t’Isfel,

- l-Amerika ta’ Fuq; għandhom jiġu rrappurtati separatament: l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada,

- l-Amerika t’Isfel u l-Amerika Ċentrali; għandu jiġi rrappurtat separatament: il-Brażil,

- l-Asja; għandhom jiġu rrappurtati separatament: ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea,

- l-Awstralja. l-Oċeanja u territorji oħrajn; għandha tiġi rrappurtata separatament: l-Awstralja.

Taqsima 4

IT-TURIŻMU INTERN F’AKKOMODAZZJONI MHUX MIKRIJA

A. Fatturi varjabbli li għandhom jiġu trażmessi għad-data annwali

[fakultattiv] In-numru ta’ ljieli turistiċi mqattgħin f’akkomodazzjoni mhux mikrija matul is-sena ta’ referenza.

B. Analiżi

[fakultattivi] Il-fatturi varjabbli mniżżla taħt it-Titolu A għandhom jiġu analizzati skont il-pajjiż ta’ residenza tal-viżitaturi safejn ikunu kkonċernati r-residenti tal-Unjoni, filwaqt li viżitaturi li joqogħdu barra l-Unjoni għandhom jinġabru f’kategorija addizzjonali waħda.

--------------------------------------------------

ANNESS II

IT-TURIŻMU NAZZJONALI

Taqsima 1

PARTEĊIPAZZJONI FIT-TURIŻMU GĦAL GĦANIJIET PERSONALI

A. Fatturi varjabbli u analiżijiet li għandhom jiġu trażmessi għad-data annwali

Fatturi varjabbli | Analiżijiet skont id-dewmien u d-destinazzjoni ta’ vjaġġi turistiċi għal għanijiet personali | Analiżijiet soċjodemografiċi |

1.In-numru ta’ residenti, ta’ 15-il sena jew aktar, li jipparteċipaw fit-turiżmu b’għanijiet personali waqt is-sena ta’ referenza2.In-numru ta’ residenti, ta’ 15-il sena jew aktar, li ma jipparteċipawx fit-turiżmu b’għanijiet personali waqt is-sena ta’ referenza | (a)Kwalunkwe vjaġġ (jiġifieri mill-inqas vjaġġ wieħed ta’ mill-inqas lejl wieħed)(b)Vjaġġi domestiċi biss (jiġifieri mill-inqas vjaġġ domestiku wieħed ta’ mill-inqas lejl wieħed, iżda mhux vjaġġi ’l barra)(c)Vjaġġi ’l barra biss (jiġifieri mill-inqas vjaġġ ’il barra wieħed ta’ mill-inqas lejl wieħed, iżda mhux vjaġġi domestiċi)(d)Vjaġġi domestiċi u ’l barra (jiġifieri mill-inqas vjaġġ domestiku wieħed ta’ mill-inqas lejl wieħed u mill-inqas vjaġġ ta’ lejl wieħed ’il barra ta’ mill-inqas lejl wieħed)(e)Vjaġġi qosra (jiġifieri mill-inqas vjaġġ wieħed ta’ lejl wieħed sa tlitt iljieli)(f)Vjaġġi twal (jiġifieri mill-inqas vjaġġ wieħed ta’ erbat iljieli jew aktar)(g)Vjaġġi twal, vjaġġi domestiċi biss (jiġifieri mill-inqas vjaġġ domestiku wieħed ta’ erbat iljieli jew aktar, iżda l-ebda vjaġġ ’il barra ta’ erbat iljieli jew aktar)(h)Vjaġġi twal, vjaġġi ’l barra biss (jiġifieri mill-inqas vjaġġ ’il barra wieħed ta’ erbat iljieli jew aktar, iżda l-ebda vjaġġ domestiku ta’ erbat iljieli jew aktar)(i)Vjaġġi twal, vjaġġi domestiċi u ’l barra biss (jiġifieri mill-inqas vjaġġ domestiku wieħed ta’ erbat iljieli jew aktar u mill-inqas vjaġġ ’il barra ta’ erbat iljieli jew aktar) | 1.Sess2.Grupp ta’ età3.[fakultattiv] Livell edukattiv4.[fakultattiv] Sitwazzjoni ta’ impjieg5.[fakultattiv] Dħul ta’ dawk li joqogħdu fl-istess dar |

L-analiżijiet skont id-dewmien u d-destinazzjoni ta’ vjaġġi turistiċi għal għanijiet personali għandhom jingħaqdu mal-analiżijiet soċjodemografiċi.

B. Fatturi varjabbli u analiżijiet li għandhom jiġu trażmessi bħala data trijennali

Fatturi varjabbli | Analiżijiet skont ir-raġunijiet ewlenin għal min ma jipparteċipax fit-turiżmu għal għanijiet personali waqt is-sena ta’ referenza (b’possibbiltajiet ta’ tweġibiet diversi għal dawk li jwieġbu) | Analiżijiet soċjodemografiċi |

1.In-numru ta’ residenti, ta’15-il sena jew aktar, li jipparteċipaw fit-turiżmu għal għanijiet personali waqt is-sena ta’ referenza (jiġifieri li ma jkunux vjaġġaw b’waqfa ta’ mill-inqas lejl wieħed għal għanijiet personali matul is-sena ta’ referenza) | (a)Raġunijiet finanzjarji (l-ebda flus disponibbli għal vjaġġi ta’ vaganza, ma jistgħux jippermettu li jmorru għal vaganza)(b)Nuqqas ta’ ħin liberu minħabba impenji tal-familja(c)Nuqqas ta’ ħin liberu minħabba impenji tax-xogħol jew studju(d)Raġunijiet tas-saħħa jew mobilità mnaqqsa(e)Min jippreferi joqgħod id-dar, mingħajr motivazzjoni li jivvjaġġa(f)Sikurezza(g)Raġunijiet oħra | 1.Sess:2.Grupp ta’ età3.[fakultattiv] Livell edukattiv4.[fakultattiv] Sitwazzjoni ta’ impjieg5.[fakultattiv] Dħul ta’ dawk li joqogħdu fl-istess dar |

L-analiżijiet skont ir-raġunijiet ewlenin tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-turiżmu għal għanijiet personali waqt is-sena ta’ referenza għandhom jingħaqdu mal-analiżijiet soċjodemografiċi.

L-ewwel sena ta’ referenza għall-fatturi varjabbli trijennali għandha tkun l-2013.

C. Il-klassifikazzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-analiżijiet soċjodemografiċi

1. Sess : maskili, femminili.

2. Grupp ta’ età : inqas minn 15 [fakultattiva], 15-24, 25-34, 35-44, 45-54, 55-64, 65 jew aktar, b’subtotali għal 25-44 u 45-64.

3. Livell edukattiv : livell baxx (ISCED 0, 1 jew 2), medju (ISCED 3 jew 4), jew għoli (ISCED 5 jew 6).

4. Sitwazzjoni ta’ impjieg : impjegat (impjegat jew jaħdem għal rasu), qiegħed, student (jew tifel/tifla tal-iskola), oħrajn mhux fil-forza tax-xogħol.

5. Dħul ta’ dawk li joqogħdu fl-istess dar: : fi kwartili.

Taqsima 2

VJAĠĠI TURISTIĊI U VIŻITATURI LI JAGĦMLU L-VJAĠĠI

A. Fatturi varjabbli li għandhom jiġu trażmessi

| Fatturi varjabbli | Kategoriji li għandhom jiġu trażmessi | Perjodiċità |

1. | Xahar tat-tluq | | Annwali |

2. | Dewmien tal-vjaġġ f’numru ta’ ljieli | | Annwali |

3. | [Għal vjaġġi ‘l barra biss] Dewmien tal-vjaġġ: numru ta’ ljieli mqattgħin fit-territorju domestiku | | Trijennali |

4. | Pajjiż ewlieni tad-destinazzjoni | skont il-lista tal-pajjiżi fil-manwal metodoloġiku mfassal skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament | Annwali |

5. | L-għan ewlieni tal-vjaġġ | (a)Personali: divertiment, rikreazzjoni u vaganzi(b)Personali: żjarat lil qraba u ħbieb(c)Personali: oħrajn (eż. pellegrinaġġ, trattament tas-saħħa)(d)Professjonali/kummerċjali | Annwali |

6. | [Għal vjaġġi b’għanijiet personali biss] Tip ta’ destinazzjoni b’diversi possibbiltajiet ta’ tweġibiet | (a)Belt(b)Ħdejn il-baħar(c)Kampanja (inklużi l-għadajjar, ix-xmajjar, eċċ.)(d)Bastiment tal-kruċieri(e)Muntanji (reġjuni muntanjużi, għoljiet, eċċ.)(f)Oħrajn | Trijennali |

7. | [Għal vjaġġi b’għanijiet personali biss] Parteċipazzjoni tat-tfal fil-grupp tal-vjaġġ: | (a)Iva(b)Le | Trijennali |

8. | Mezz ewlieni ta’ trasport | (a)Ajru (servizzi ta’ titjiriet, skedati jew ċarter, jew servizzi oħrajn tal-ajru)(b)Passaġġ tal-ilma (linji u laneċ tal-passiġġieri, kruċieri, dgħajsa tad-divertiment, bastiment mikri, etċ)(c)Ferrovija(d)Xarabank, kowċ (skedati jew mhux skedati)(e)Vettura bil-mutur (privata jew mikrija)(f)oħrajn (eż. rota) | Annwali |

9. | Mezz ewlieni ta’ akkomodazzjoni | (a)Akkomodazzjoni mikrija: lukandi u akkomodazzjoni simili(b)Akkomodazzjoni mikrija: siti ta’ kampeġġ, karavan jew parkeġġi tat-trejlers (mhux residenzjali)(c)Akkomodazzjoni mikrija: akkomodazzjoni mikrija oħra (stabbilimenti tas-saħħa, ħostels taż-żgħażagħ, mollijiet, eċċ)(d)Akkomodazzjoni mhux mikrija: villeġġatura privata(e)Akkomodazzjoni mhux mikrija: akkomodazzjoni pprovduta mingħajr ħlas minn qraba jew ħbieb(f)Akkomodazzjoni mhux mikrija: akkomodazzjoni oħra mhux mikrija | Annwali |

10. | Ibbukkjar tal-vjaġġ: użu ta’ operatur tal-vjaġġi jew aġenzija tal-ivvjaġġar biex ikun ibbukkjat il-mezz ewlieni tat-trasport | (a)Iva(b)Le(c)Mhux magħruf | Trijennali |

11. | Ibbukkjar tal-vjaġġ: użu ta’ operatur tal-vjaġġi jew aġenzija tal-ivvjaġġar biex ikun ibbukkjat il-mezz ewlieni ta’ akkomodazzjoni | (a)Iva(b)Le(c)Mhux magħruf | Trijennali |

12. | [Għal dawk il-vjaġġi biss fejn l-ebda operatur tal-vjaġġi jew aġenzija tal-ivvjaġġar ma ntużaw għall-ibbukkjar tal-mezz ewlieni tat-trasport jew il-mezzi ewlenin ta’ akkomodazzjoni] Ibbukkjar tal-vjaġġ (indipendenti) | (a)Is-servizzi kienu bbukkjati direttament mal-fornitur tas-servizz(b)Ma kien meħtieġ l-ebda bbukkjar | Trijennali |

13. | Ibbukkjar tal-vjaġġ: vjaġġ li jinkludi pakkett | (a)Iva(b)Le | Trijennali |

14. | Ibbukkjar tal-vjaġġ: ibbukkjar minn fuq l-Internet tal-mezz ewlieni tat-trasport | (a)Iva(b)Le(c)Mhux magħruf | Trijennali |

15. | Ibbukkjar tal-vjaġġ: ibbukkjar minn fuq l-Internet tal-mezz ewlieni ta’ akkomodazzjoni | (a)Iva(b)Le(c)Mhux magħruf | Trijennali |

16. | In-nefqa tat-turist individwali matul il-vjaġġ fuq it-trasport | | Annwali |

17. | In-nefqa tat-turist individwali matul il-vjaġġ fuq l-akkomodazzjoni | | Annwali |

18. | [fakultattiv] In-nefqa tat-turist individwali matul il-vjaġġ fuq ikel u xorb f’kafejiet u ristoranti | | Annwali |

19. | Infiq ieħor tat-turist individwali matul il-vjaġġ; (19a) għandhom ikunu rrappurtati separatament: oġġetti dejjiema u ta’ oġġetti ta’ valur | | Annwali |

20. | Il-profil tal-viżitatur: is-sess, bl-użu tal-kategoriji li ġejjin | (a)Maskili(b)Femminili | Annwali |

21. | Il-profil tal-viżitatur: l-età, fi snin magħluqa | | Annwali |

22. | Il-profil tal-viżitatur: il-pajjiż ta’ residenza | | Annwali |

23. | [fakultattiv] Il-profil tal-viżitatur: livell edukattiv | (a)Livell baxx (ISCED 0, 1 jew 2)(b)Livell medju (ISCED 3 jew 4)(c)Livell għoli (ISCED 5 jew 6) | Annwali |

24. | [fakultattiv] Il-profil tal-viżitatur: sitwazzjoni ta’ impjieg | (a)Impjegat, (impjegat jew jaħdem għal rasu)(b)Qiegħed(c)Student/a (jew tifel/tifla tal-iskola)(d)Oħrajn li mhumiex fil-forza tax-xogħol | Annwali |

25. | [fakultattiv] Il-profil tal-viżitatur: dħul ta’ dawk kollha li joqogħdu fl-istess dar, fi kwartili | | Annwali |

B. Limitazzjoni tal-ambitu

L-ambitu ta’ osservazzjoni għandu jkun il-vjaġġi turistiċi kollha b’mill-inqas żjara ta’ lejl wieħed barra mill-ambjent tas-soltu mill-popolazzjoni residenti ta’ 15-il sena jew aktar u li jkunu ntemmu matul il-perjodu ta’ referenza. Id-data dwar il-popolazzjoni ta’ taħt il-15-il sena tista’ tiġi trasmessa separatament fuq bażi fakultattiva.

C. Perjodiċità

1. L-ewwel sena ta’ referenza għall-fatturi varjabbli trijennali u l-kategoriji mniżżla taħt it-titoli A(3), A(6), A(7) għandha tkun l-2013.

2. L-ewwel sena ta’ referenza għall-fatturi varjabbli trijennali u l-kategoriji mniżżla taħt it-titoli A(10) sa A(15) għandha tkun l-2014.

Taqsima 3

ŻJARAT TAL-ISTESS JUM

A. Fatturi varjabbli u analiżijiet li għandhom jiġu trażmessi fuq bażi annwali (żjarat ’il barra tal-istess jum)

Fatturi varjabbli | [fakultattiv] Analiżijiet | [fakultattiv] Analiżijiet soċjodemografiċi |

1.In-numru ta’ żjarat ‘il barra tal-istess jum għal għanijiet personali2.In-numru ta’ żjarat ‘il barra tal-istess jum għal għanijiet personali | (a)skont il-pajjiż tad-destinazzjoni | 1.Sess:2.Grupp ta’ età3.Livell edukattiv4.Sitwazzjoni ta’ impjieg5.Dħul ta’ dawk li joqogħdu fl-istess dar |

3.In-nefqa għaż-żjarat ‘il barra tal-istess jum għal raġunijiet privati4.In-nefqa għaż-żjarat ‘il barra tal-istess jum għal raġunijiet professjonali | (a)skont il-pajjiż tad-destinazzjoni(b)skont il-kategorija ta’ nefqa: trasport, xiri, ristoranti/kafejiet, oħra |

B. Fatturi varjabbli u analiżijiet li għandhom jiġu trażmessi fuq bażi trijennali (żjarat domestiċi tal-istess jum)

Fatturi varjabbli | [fakultattiv] Analiżijiet | [fakultattiv] Analiżijiet soċjodemografiċi |

1.In-numru ta’ żjarat domestiċi tal-istess jum għal għanijiet personali2.In-numru ta’ żjarat domestiċi tal-istess jum għal raġunijiet professjonali | | 1.Sess2.Grupp ta’ età3.Livell edukattiv4.Sitwazzjoni ta’ impjieg5.Dħul ta’ dawk li joqogħdu fl-istess dar |

3.In-nefqa għaż-żjarat domestiċi tal-istess jum għal għanijiet personali4.In-nefqa għaż-żjarat domestiċi tal-istess jum għal raġunijiet professjonali | (a)skont il-kategorija ta’ nefqa: trasport, xiri, ristoranti/kafejiet, oħra |

C. Il-klassifikazzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-analiżijiet soċjodemografiċi

Il-klassifikazzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-analiżijiet soċjodemografiċi huma dawk imniżżla fit-Titolu C tat-Taqsima 1 ta’ dan l-Anness.

D. Limitazzjoni tal-ambitu

L-ambitu ta’ osservazzjoni għandu jkun iż-żjarat kollha tal-istess jum barra mill-ambjent tas-soltu mill-popolazzjoni residenti ta’ 15-il sena jew aktar. Id-data dwar il-popolazzjoni taħt il-15-il sena tista’ tiġi trażmessa separatament jew fuq bażi fakultattiva.

E. Perjodiċità u perjodi tal-ewwel referenza

1. Il-karatteristiki taż-żjarat tal-istess jum imniżżla taħt it-titolu A għandhom jiġu trażmessi kull sena, b’rappurtar separat tal-erba’ kwarti tas-sena kalendarja ta’ qabel. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jibda fl- 1 ta’ Jannar 2014.

2. Il-karatteristiki taż-żjarat tal-istess jum imniżżla taħt it-titolu B għandhom jiġu trażmessi kull tliet snin, b’rappurtar separat tal-erba’ kwarti tas-sena kalendarja ta’ qabel. L-ewwel perjodu ta’ referenza għandu jibda fl- 1 ta’ Jannar 2015. Għall-ewwel perjodu ta’ referenza biss, it-trażmissjoni għandha tkun 693 fakultattiva.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet