Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal- 21 ta’ Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK

Official Journal L 076 , 22/03/2011 P. 0056 - 0058


Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK

tal- 21 ta’ Marzu 2011

dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1) Fl-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali l-Unjoni tfittex li tavvanza l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità umana, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-liġi internazzjonali, kif previst fl-Artikolu 21 tat-Trattat. L-Unjoni tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubiji, fost l-oħrajn, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jikkondividu dawn il-prinċipji.

(2) Wieħed mill-objettivi tal-Unjoni huwa li tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-finijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3) L-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem l-"Istatut ta’ Ruma") daħal fis-seħħ fl- 1 ta’ Lulju 2002.

(4) L-Istati Membri kollha rratifikaw l-Istatut ta’ Ruma.

(5) Il-prinċipji tal-Istatut ta’ Ruma, kif ukoll dawk li jirregolaw il-funzjonament tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem l-"QKI"), huma allineati għal kollox mal-prinċipji u l-objettivi tal-Unjoni. Ir-reati serji fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-QKI huma ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha u għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(6) L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma determinati li jwaqqfu l-impunità ta’ min iwettaq dawk ir-reati billi jieħdu miżuri f’livell nazzjonali u billi jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jiżguraw il-prosekuzzjoni effettiva tagħhom.

(7) L-Unjoni u l-QKI ffirmaw ftehim dwar kooperazzjoni u assistenza fl- 10 ta’ April 2006 li daħal fis-seħħ fl- 1 ta’ Mejju 2006 [1].

(8) Il-prinċipji u r-regoli tal-liġi kriminali internazzjonali inkorporati fl-Istatut ta’ Ruma għandhom jitqiesu fi strumenti legali internazzjonali oħrajn.

(9) L-Unjoni hija konvinta li l-adeżjoni universali mal-Istatut ta’ Ruma hija essenzjali għall-effikaċja sħiħa tal-QKI u, għal dan il-fini, tikkunsidra li għandhom jiġu inkoraġġiti inizjattivi li jsaħħu l-aċċettazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma, dment li dawn ikunu konsistenti mal-ittra u l-ispirtu tal-Istatut ta’ Ruma.

(10) Huwa importanti ħafna li jiġu ppreservati l-integrità tal-Istatut ta’ Ruma u l-indipendenza tal-QKI.

(11) Permezz tal-Konklużjonijiet tiegħu tat- 30 ta’ Settembru 2002 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-Kunsill żviluppa sett ta’ prinċipji mehmuża ma’ dawk il-Konklużjonijiet sabiex iservu bħala linji gwida għall-Istati Membri meta jikkunsidraw il-ħtieġa u l-iskop ta’ ftehimiet jew arranġamenti possibbli fi tweġibiet għal proposti li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet ta’ ċediment ta’ persuni lill-QKI.

(12) Fil- 25 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar il-Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem il-"Konferenza ta’ Reviżjoni", li saret f’Kampala, l-Uganda, mill- 31 ta’ Mejju sal- 11 ta’ Ġunju 2010.

(13) Il-Konferenza ta’ Reviżjoni adottat emendi għall-Istatut ta’ Ruma, f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 tiegħu biex jiġi definit ir-reat ta’ aggressjoni u biex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom il-QKI setgħet teżerċita ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dak ir-reat; adottat emendi għall-Istatut ta’ Ruma li jespandu l-ġurisdizzjoni tal-QKI għal tliet delitti tal-gwerra addizzjonali meta dawn jitwettqu f’konflitti armati li mhumiex ta’ karattru internazzjonali; u ddeċidiet li żżomm, għalissa, l-Artikolu 124 tal-Istatut ta’ Ruma. Dawk l-emendi huma soġġetti għal ratifika jew aċċettazzjoni u għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu 121 tal-Istatut ta’ Ruma. Il-QKI għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq ir-reat ta’ aggressjoni soġġetta għal deċiżjoni li għandha tittieħed wara l- 1 ta’ Jannar 2017 mill-istess maġġoranza tal-Istati Partijiet peress kif hu meħtieġ għall-adozzjoni ta’ emenda għall-Istatut ta’ Ruma.

(14) L-Unjoni wegħdet fil-Konferenza ta’ Reviżjoni li tirrevedi u taġġorna l-istrumenti tagħha b’appoġġ għall-QKI u li tkompli bil-promozzjoni tal-universalità u l-preservazzjoni tal-integrità tal-Istatut ta’ Ruma.

(15) L-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma teħtieġ miżuri prattiċi li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġaw bis-sħiħ.

(16) Il-Pjan ta’ Azzjoni li, fost l-oħrajn, intalab b’Riżoluzzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali approvata mill-Parlament Ewropew fit- 28 ta’ Frar 2002 sabiex isegwi l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/443/PESK tal- 11 ta’ Ġunju 2001 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali [2] ġie adottat fl- 4 ta’ Frar 2004 u għandu jiġi adattat kif adatt.

(17) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK tas- 16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali [3] għandha titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

1. Bil-fini li tipprevjeni u trażżan it-twettiq ta’ reati serji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem il-"QKI") hija mezz essenzjali ta’ promozzjoni tar-rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem, biex b’hekk isir kontribut għal-libertà, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt kif ukoll kontribut għall-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni ta’ konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-finijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

2. L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tavvanza appoġġ universali għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem l-"Istatut ta’ Ruma") bil-promozzjoni tal-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fih, li tippreserva l-integrità tal-Istatut ta’ Ruma, li tappoġġa l-indipendenza tal-QKI u l-funzjonament effettiv u effiċjenti tagħha, li tappoġġa l-kooperazzjoni mal-QKI, u li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-komplementarjetà.

Artikolu 2

1. Sabiex tikkontribwixxi għall-objettiv tal-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fl-Istatut ta’ Ruma, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu kull sforz biex imexxu dan il-proċess ‘il quddiem billi jqajmu l-kwistjoni tal-iktar ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni wiesgħa possibbli għall-Istatut ta’ Ruma u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma f’negozjati, inklużi negozjati ta’ ftehimiet, jew djalogi politiċi ma’ Stati terzi, gruppi ta’ Stati jew organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, kull meta jkun adatt.

2. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni dinjija fl-Istatut ta’ Ruma u għall-implimentazzjoni tiegħu b’mezzi oħra wkoll, bħalma huma l-adozzjoni ta’ inizjattivi sabiex jippromwovu t-tixrid tal-valuri, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta’ Ruma u tal-istrumenti relatati. Sabiex tmexxi ‘l quddiem l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tikkoopera kif meħtieġ ma’ Stati oħra, istituzzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili interessati.

3. L-Istati Membri għandhom jikkondividu mal-Istati kollha interessati l-esperjenzi proprji tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma u, fejn adatt, jipprovdu forom oħrajn ta’ appoġġ għal dak l-objettiv. L-Istati Membri għandhom, meta mitluba, jikkontribwixxu b’assistenza teknika u, fejn adatt, finanzjarja għax-xogħol leġislattiv meħtieġ għall-parteċipazzjoni fl-Istatut ta’ Ruma u l-implimentazzjoni tiegħu minn Stati terzi. L-Unjoni tista’, meta mitluba, tikkontribwixxi wkoll permezz ta’ tali għajnuna. L-Istati li jkunu qegħdin iqisu jekk għandhomx jagħmlu parti mill-Istatut ta’ Ruma jew li jikkooperaw mal-QKI għandhom jiġu inkoraġġuti li jinformaw lill-Unjoni bid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom f’dik it-triq.

4. Huma u jimplimentaw dan l-Artikolu, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkoordinaw l-appoġġ politiku u tekniku għall-QKI rigward l-Istati jew il-gruppi ta’ Stati diversi.

Artikolu 3

Sabiex jappoġġaw l-indipendenza tal-QKI, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom, b’mod partikolari:

(a) jinkoraġġixu lill-Istati Partijiet li jittrasferixxu minnufih u bis-sħiħ il-kontributi vvalutati tagħhom f’konformità mad-deċiżjonijiet meħuda mill-Assemblea tal-Istati Partijiet;

(b) jagħmlu kull sforz sabiex l-Istati Membri jaderixxu għal u jirratifikaw malajr kemm jista’ jkun il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u jippromwovu din l-adeżjoni u r-ratifika minn Stati oħra; kif ukoll

(c) jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw kif adatt l-iżvilupp tat-taħriġ u l-assistenza għall-imħallfin, l-prosekuturi, l-uffiċjali u l-konsulenti fix-xogħol relatat mal-QKI.

Artikolu 4

1. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom isegwu mill-qrib l-iżviluppi dwar il-kooperazzjoni mal-QKI f’konformità mal-Istatut ta’ Ruma.

2. L-Unjoni għandha żżomm taħt reviżjoni l-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza.

3. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom iqisu l-konklużjoni, kif adatt, ta’ arranġamenti u ftehimiet ad hoc biex jippermettu l-funzjonament effettiv tal-QKI u għandhom jinkoraġġixxu lil partijiet terzi biex jagħmlu dan.

4. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu, kif adatt, jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati terzi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 30 ta’ Settembru 2002 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u għall-Prinċipji Gwida tal-UE annessi magħhom, rigward il-proposti għal ftehimiet jew arranġamenti dwar il-kondizzjonijiet għaċ-ċediment ta’ persuni lill-QKI.

Artikolu 5

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom, kif adatt, jieħdu inizjattivi jew miżuri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ komplementarjetà f’livell nazzjonali.

Artikolu 6

Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom, fejn adatt, jikkoordinaw miżuri mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 2 sa 5.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tal-Assemblea tal-Istati Partijiet f’kull rispett.

Artikolu 8

L-Unjoni għandha tiżgura konsistenza u koerenza bejn l-istrumenti u l-linji politiċi tagħha fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna u interna tagħha rigward l-aktar reati internazzjonali serji kif imsemmi fl-Istatut ta’ Ruma.

Artikolu 9

Il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni kif adatt.

Artikolu 10

B’dan id-dokument, il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK tħassret u ġiet sostitwita b’din id-Deċiżjoni. Ir-referenzi għall-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK li tħassret għandhom jinftiehmu li saru għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il- 21 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Ashton

[1] ĠU L 115, 28.4.2006, p. 50.

[2] ĠU L 155, 12.6.2001, p. 19.

[3] ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet