Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2011 tal- 21 ta’ Marzu 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1284/2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea
Official Journal L 076 , 22/03/2011 P. 0001 - 0003
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2011 tal- 21 ta’ Marzu 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1284/2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu, Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/169/PESK ta’ il- 21 ta’ Marzu 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/638/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea [1], adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 [2] li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea, f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2009/788/PESK [3] (li aktar tard ġiet sostitwita mid-Deċiżjoni 2010/638/PESK [4], b’reazzjoni għar-repressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà fuq dimostranti politiċi f’Conakry fit- 28 ta’ Settembru 2009. (2) Fil- 21 ta’ Marzu 2011, permezz tad-Deċiżjoni 2011/169/PESK, il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi imposti fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea għandhom jiġu emendati fid-dawl tas-sitwazzjoni politika u tar-Rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta’ Inkjesta li ngħatat is-setgħa li tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-avvenimenti tat- 28 ta’ Settembru 2009 fil-Ginea. (3) Ir-Regolament (UE) Nru 1284/2009, kif emendat minn dan ir-Regolament, jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Ir-Regolament (UE) Nru 1284/2009 għandu jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji. (4) Is-setgħa biex tiġi emendata l-lista fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1284/2009 għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika fir-Repubblika tal-Ginea, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emenda u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni 2010/638/PESK. (5) Il-proċedura għall-emenda tal-lista fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1284/2009 għandha tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi indikati, sabiex jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati kif adatt. (6) Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. (7) Ir-Regolament (UE) Nru 1284/2009 għandu jiġi emendat kif adatt, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (UE) Nru 1284/2009 huwa b’dan emendat kif ġej: (1) L-Artikolu 6(3) huwa sostitwit b’dan li ġej: "3. L-Anness II għandu jikkonsisti mill-persuni identifikati mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali bħala responsabbli għall-avvenimenti tat- 28 ta’ Settembru 2009 fir-Repubblika tal-Ginea, u mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi assoċjati magħhom, kif indikat mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/638/PESK tal- 25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea [*****]. (2) L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej: "Artikolu 15 Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness III abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.". (3) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: "Artikolu 15a 1. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 6(1), huwa għandu jemenda l-Anness II kif adatt. 2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. 3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp kif adatt. 4. Il-lista fl-Anness II għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u minn tal-inqas kull 12-il xahar." (4) L-Anness II huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il- 21 ta’ Marzu 2011. Għall-Kunsill Il-President C. Ashton [1] Ara paġna 59 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali. [2] ĠU L 346, 23.12.2009, p. 26. [3] Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/788/PESK tas- 27 ta’ Ottubru 2009 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea (ĠU L 281, 28.10.2009, p. 7). [4] Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/638/PESK tal- 25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 10). [*****] ĠU L 280, 26.10.2010, p. 10." -------------------------------------------------- ANNESS "ANNESS II Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 6(3) | Isem (u psewdonomi possibbli) | Informazzjoni għall-identifikazzjoni (data u post tat-twelid (d.t.t. u p.t.t.), numru tal-passaport (Pass.)/karta tal-identità, eċċ.) | Raġunijiet | 1. | Kaptan Moussa Dadis CAMARA | d.t.t: 01.01.64 jew 29.12.68 Pass: R0001318 | Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat- 28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea | 2. | Kmandant Moussa Tiégboro CAMARA | d.t.t: 01.01.68 Pass: 7190 | Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat- 28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea | 3. | Kurunell Dr. Abdoulaye Chérif DIABY | d.t.t: 26.02.57 Pass: 13683 | Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat- 28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea | 4. | Logutenent Aboubacar Chérif (psewdonomu Toumba) DIAKITÉ | | Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat- 28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea | 5. | Logutenent Jean-Claude PIVI (psewdonomu Coplan) | d.t.t: 01.01.60 | Persuna identifikata mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta bħala responsabbli għall-avvenimenti tat- 28 ta' Settembru 2009 fil-Ginea" | --------------------------------------------------