Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1097/2010 tas- 26 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika fir-rigward tal-iskambju ta' dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali Test b’relevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 312 , 27/11/2010 P. 0001 - 0006
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1097/2010 tas- 26 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika fir-rigward tal-iskambju ta' dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI EWROPEA, Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 jistabbilixxi qafas komuni ġdid għar-reġistri kummerċjali esklużivament għall-finijiet tal-istatistika sabiex jinżamm l-iżvilupp tar-reġistri kummerċjali f'qafas armonizzat. (2) Skambju ta' dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni u l-banek nazzjonali ċentrali, u bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, esklużivament għal finijiet tal-istatistika, għandu jgħin jiżgura l-kwalità tal-informazzjoni dwar il-grupp tal-impriżi multinazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-format, il-miżuri ta' sigurtà u kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni ta' din id-dejta kunfidenzjali lill-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew, biex jiġi żgurat li d-dejta trażmessa tintuża esklużivament għall-finijiet tal-istatistika. (3) Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat- 23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew [2], id-dejta li l-membri tal-ESCB irċevew mill-awtoritajiet tal-ESS għandha tintuża esklużivament għal finijiet ta' statistika. Il-membri tal-ESCB għandhom jiżguraw ukoll it-tħaris fiżiku u loġiku tal-informazzjoni kunfidenzjali statistika pprovduta mill-awtoritajiet tal-ESS. L-ECB għandu jippubblika rapporti kunfidenzjali annwali dwar il-miżuri adottati biex tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni statistika. (4) Biex tiġi żgurata l-konsistenza, is-settijiet ta' dejta trażmessi skont dan ir-Regolament għandhom jużaw l-istess konvenzjonijiet ta' tismija, struttura, u definizzjoni tal-oqsma kif imsemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 192/2009 tal- 11 ta' Marzu 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika, fir-rigward tal-iskambju ta' dejta kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri [3]. (5) Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-format 1. Il-format stabbilit fil-parti A tal-Anness għandu jintuża għad-dejta trażmessa skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 177/2008. 2. Id-dejta u l-metadejta għandha tiġi trażmessa skont l-istandards tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea u bl-istruttura ddefinita fl-aktar verżjoni reċenti tal-Manwal ta' Rakkomandazzjonijiet tar-Reġistri Kummerċjali tal-Eurostat disponibbli mill-Kummissjoni (Eurostat). Artikolu 2 Il-miżuri ta' kunfidenzjalità Il-karatteristiċi speċifikati fil-parti B tal-Anness, inklużi l-indikaturi ta' kunfidenzjalità, jistgħu jiġu trażmessi, għal finijiet tal-istatistika biss, mill-Kummissjoni (Eurostat) lill-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew, kemm-il darba t-trażmissjoni tkun awtorizzata b'mod espliċitu mill-awtorità nazzjonali xierqa u li, fil-każ ta' dejta trażmessa lil bank ċentrali nazzjonali, tal-inqas unità waħda ta' grupp ta' impriżi multinazzjonali tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta' dak il-bank ċentrali nazzjonali. Artikolu 3 Il-miżuri ta' sigurtà 1. Kull trażmissjoni ta' dejta kunfidenzjali skont dan ir-Regolament lill-membri tal-ESCB għandha sseħħ biss wara li l-membri tal-ESCB, ġewwa l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, ikunu ħadu l-miżuri meħtieġa bi qbil mal-Artikolu 8a u 8b tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 biex jiżguraw: - il-ħarsien ta' din id-dejta, b'mod partikolari l-ħażna tad-dejta li ġiet indikata bħala kunfidenzjali f'żona ta' sigurtà b'aċċess ristrett u kkontrollat; - li d-dejta tintuża esklużivament għal finijiet ta' statitsika; - li l-informazzjoni dwar il-miżuri ġiet inkluża fir-rapport annwali kunfidenzjali msemmi fl-Artikolu 8b tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jew il-banek ċentrali nazzjonali jew il-Bank Ċentrali Ewropew infurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali xierqa bil-miżuri b'mezzi oħra. 2. Id-dejta għandha tiġi trażmessa f'forma kodifikata. Artikolu 4 Il-proċedura ta' trażmissjoni 3. Id-dejta u l-metadejta trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tiġi skambjata f'forma elettronika. 4. Id-dejta u l-metadejta għandha tiġi trażmessa permezz tas-sigurtà użata mill-Kummissjoni (Eurostat) għat-trażmissjoni ta' dejta kunfidenzjali, jew permezz ta' aċċess remot li jkun sikur. Artikolu 5 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, is- 26 ta’ Novembru 2010. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso [1] ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6. [2] ĠU L 318,27.11.1998, p. 8. [3] ĠU L 67, 12.3.2009, p. 14. -------------------------------------------------- ANNESS A. L-istruttura u l-format għat-trażmissjoni tad-dejta Il-settijiet ta' dejta li ġejjin li fihom informazzjoni kunfidenzjali huma inklużi fil-proċess ta' ġestjoni tal-kwalità tad-dejta tar-reġistru tal-Unjoni tal-gruppi ta' impriżi multinazzjonali u l-unitajiet kostitwenti tagħhom (minn issa 'l quddiem jissejjaħ "Reġistru Gruppi-Euro"): - Sett ta' dejta bir-riżultat tal-proċess ta' aggregazzjoni; - Settijiet ta' dejta b'informazzjoni dwar l-unitajiet legali; - Settijiet ta' dejta bl-informazzjoni dwar il-kontroll u s-siedja tal-unitajiet; - Settijiet ta' dejta b'informazzjoni dwar l-impriżi; - Settijiet ta' dejta b'informazzjoni dwar gruppi ta' impriżi globali; - Settijiet ta' dejta b'informazzjoni dwar gruppi ta' impriżi maqtugħa (truncated). Sett ta' dejta bir-riżultati dwar il-gruppi ta' impriżi globali u maqtugħa jiġi ġġenerat fi tmiem kull ċiklu ta' ġestjoni tal-kwalità tad-dejta tar-Reġistru Euro-Gruppi. Il-format applikabbli ta' dawn is-settijiet ta' dejta huwa dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 192/2009 għat-trażmissjonijiet bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali xierqa. Biex tiżgura li Stat Membru jirċievi reġistri ta' dejta konsistenti, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tapplika konvenzjonijiet identiċi ta' tismija, struttura u definizzjoni tal-oqsma għas-settijiet ta' dejta trażmessi lill-awtoritajiet nazzjonali xierqa u għas-settijiet ta' dejta trażmessi lill-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew. Biex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-grupp ta' impriżi multinazzjonali fl-Unjoni Ewropea, u suġġett għall-awtorizzazzjonijiet meħtieġa l-awtorità nazzjonali xierqa għandha teżaminal-korrezzjonijiet u l-kompletazzjonijiet fis-settijiet tad-dejta li tista' tirċievi mill-banek ċentrali u tintegrahom, fejn meħtieġ, fid-dejta li hija tittrażmetti lill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 177/2008. Dejta li tkun immarkata bħala kunfidenzjali mill-banek ċentrali nazzjonali jew il-Bank Ċentrali Ewropew għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali xierqa. B. Trażmissjoni tal-karatteristiċi Il-Kummissjoni (Eurostat), bl-approvazzjoni espliċita tal-awtorità nazzjonali xierqa u għal finijiet tal-istatistika biss, tista' tittrażmetti lill-banek ċentrali nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew il-karatteristiċi li ġejjin, inklużi l-indikazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, dwar il-gruppi ta' impriżi multinazzjonali u l-unitajiet kostitwenti tagħhom kemm-il darba, fil-każ tad-dejta trażmessa lil bank ċentrali nazzjonali, tal-inqas unità waħda mill-grupp tkun tinsab fit-territorju ta' dak l-Istat Membru. 1. UNITÀ LEGALI Karatteristiċi ta' identifikazzjoni | 1.1 | | Numru tal-identità | 1.2a | | Isem | 1.2b | | Indirizz (inkluż l-kodiċi postali) fl-iżjed livell dettaljat | 1.2c | Mhux obbligatorju | Numri tat-telefon u l-fax, indirizz elettroniku, u informazzjoni li tippermetti l-ġbir elettroniku ta' dejta | 1.3 | | Numru tar-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew, fin-nuqqas ta' dan, numru ieħor ta' identità amministrattiva | Karatteristiċi demografiċi | 1.4 | | Id-data ta' inkorporazzjoni għal persuni ġuridiċi jew id-data tar-rikonoxximent uffiċjali bħala operatur ekonomiku għal persuni fiżiċi | 1.5 | | Id-data li fiha l-unità legali ma baqgħetx tagħmel parti minn intrapriża (kif identifikat fi 3.3) | Karatteristiċi ekonomiċi ta' stratifikazzjoni | 1.6 | | Forma legali | Rabtiet ma' reġistri oħrajn | 1.7a | | Referenza għar-reġistru tal-operaturi intra-Unjoni stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta' Marzu 2004 dwar l-istatistika tal-Komunità marbuta mal-kummerċ tal-prodotti bejn l-Istati Membri [1], u referenza għar-reġistri tad-dwana jew għar-reġistru tal-operaturi extra-Unjoni. | Rabta mal-grupp ta' intrapriżi | 1.8 | | Numru ta' identità tal-grupp ta' intrapriżi maqtugħin (4.1), li lilu tappartjeni l-unità | 1.9 | | Data tal-assoċjazzjoni mal-grupp maqtugħ | 1.10 | | Data tas-separazzjoni minn mal-grupp maqtugħ | Il-kontroll tal-unitajiet | 1.11a | | Numru/i tal-identità tal-unità(jiet) legali residenti, kkontrollat/i mill-unità legali | 1.11b | | Numru tal-identità tal-unità legali residenti li tikkontrolla l-unità legali | 1.12a | | Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni u numru/i tal-identità jew isem(ismijiet) u indirizz(i) tal-unità(jiet) legali mhux residenti kkontrollat/i mill-unità legali | 1.12b | Kundizzjonali | Numru/i tal-VAT tal-unità(jiet) legali mhux residenti kkontrollat/i mill-unità legali | 1.13a | | Pajjiż tar-reġistrazzjoni, u numru tal-identità jew isem u indirizz tal-unità legali mhux residenti li tikkontrolla l-unità legali | 1.13b | Kundizzjonali | Numru tal-VAT tal-unità legali mhux residenti li tikkontrolla l-unità legali | Siedja tal-unitajiet | 1.14a | Kundizzjonali | (a)Numru/i tal-identità u(b)ishma (%) tal-unita(jiet)legali residenti li huma propjetà tal-unità legali | 1.14b | Kundizzjonali | (a)Numru/i tal-identità u(b)ishma (%) tal-unita(jiet)legali residenti li tippossiedi/jippossjedu l-unità legali | 1.15 | Kundizzjonali | (a)Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni u(b)numru/i tal-identità jew isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT u(c)ishma (%)tal-unita(jiet) legali mhux residenti li huma propjetà tal-unità legali | 1.16 | Kundizzjonali | (a)Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni u(b)numru/i tal-identità jew isem(ismijiet), indirizz(i), u numru/i tal-VAT u(c)ishma (%)tal-unita(jiet) legali mhux residenti li tippossjedi/jippossjedu l-unità legali | 3. INTRAPRIŻA Karatteristiċi ta' identifikazzjoni | 3.1 | | Numru tal-identità | 3.2a | | Isem | 3.2b | Mhux obbligatorju | Indirizzi postali, elettroniċi u tas-sit elettroniku | 3.3 | | Numru(i) tal-identità tal-unita(jiet) legali li minnha/hom hija magħmula l-intrapriża | Karatteristiċi demografiċi | 3.4 | | Id-data tal-bidu tal-attivitajiet | 3.5 | | Id-data tat-terminazzjoni finali tal-attivitajiet | Karatteristiċi ekonomiċi/Ta' stratifikazzjoni | 3.6 | | Kodiċi tal-attività ewlenija fil-livell tan-NACE b' 4 numri | 3.8 | | In-numru ta' persuni impjegati | 3.11 | | Settur u subsettur istituzzjonali skont is-Sistema Ewropea tal-Kontabilità | Rabta mal-grupp ta' intrapriżi | 3.12 | | Numru tal-identità tal-grupp ta' intrapriżi maqtugħin (4.1), li lilu tappartjeni l-unità | 4. GRUPP TA' INTRAPRIŻI Karatteristiċi ta' identifikazzjoni | 4.1 | | Numru tal-identità tal-grupp maqtugħ | 4.2a | | Isem il-grupp maqtugħ | 4.2b | Mhux obbligatorju | Indirizzi postali, elettroniċi u tas-sit elettroniku tal-uffiċċju ewlieni maqtugħ | 4.3 | Parzjalment kundizzjonali | Numru tal-identità tal-grupp ewlieni maqtugħ (ugwali għan-numru tal-identità tal-unità legali, li hija l-kap tal-grupp residenti). Kundizzjonali jekk l-unità li tikkontrolla hija persuna naturali li mhiex operatur ekonomiku; ir-reġistrazzjoni hija suġġetta għad-disponibilità ta' din l-informazzjoni fis-sorsi amministrattivi | 4.4 | | Tip ta' grupp ta' intrapriżi: 2. grupp maqtugħ ikkontrollat domestikament; 3. grupp maqtugħ ikkontrollat minn barra | Karatteristiċi demografiċi | 4.5 | | Data tal-bidu tal-grupp ta’ intrapriżi maqtugħin | 4.6 | | Data tat-tmiem tal-grupp ta’ intrapriżi maqtugħin | Karatteristiċi ekonomiċi/Ta' stratifikazzjoni | 4.7 | | Kodiċi tal-attività ewlenija tal-grupp maqtugħ f’livell tal-NACE b’2 numri | 4.9 | | Numru ta' persuni impjegati fil-grupp maqtugħ | Karatteristiċi ta' identifikazzjoni | 4.11 | | Numru tal-identità tal-grupp globali | 4.12a | | Isem il-grupp globali | 4.12b | Mhux obbligatorju | Pajjiż tar-reġistrazzjoni, indirizzi postali, elettroniċi u tas-sit elettroniku tal-uffiċċju ewlieni globali | 4.13a | | Numru tal-identità tal-grupp ewlieni globali, jekk il-grupp ewlieni huwa residenti (ugwali għan-numru tal-identità tal-unità legali li hija l-grupp ewlieni). Jekk il-grupp ewlieni globali mhuwiex residenti, il-pajjiż tiegħu tar-reġistrazzjoni | 4.13b | Mhux obbligatorju | In-numru tal-identità tal-mexxej tal-grupp globali, jew l-isem u l-indirizz jekk mhux residenti | Karatteristiċi ekonomiċi/ Ta' stratifikazzjoni | 4.14 | Mhux obbligatorju | In-numru ta' persuni impjegati globalment | 4.16 | Mhux obbligatorju | Pajjiż taċ-ċentru għad-deċiżjonjiet globali | 4.17 | Mhux obbligatorju | Pajjiżi fejn huma lokalizzati l-intrapriżi jew l-unitajiet lokali | [1] ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1. --------------------------------------------------