Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1032/2010 tal- 15 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet dwar l-għoti ta' assistenza relatata ma’ attivtajiet militari lill-Côte-d'Ivoire
Official Journal L 298 , 16/11/2010 P. 0001 - 0004
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1032/2010 tal- 15 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet dwar l-għoti ta' assistenza relatata ma’ attivtajiet militari lill-Côte-d'Ivoire IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu, Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK tad- 29 ta’ Ottubru 2010 li ġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire [1], Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 tal- 31 ta' Jannar 2005 li jimponi restrizzjonijijiet dwar l-għoti ta' assistenza relatat ma' attivitajiet militari lill-Côte d’Ivoire [2] jipprevedi projbizzjonijiet dwar l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u dwar l-għoti ta' ċerta assitenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja. Dawk ir-restrizzjonijiet kienu approvati taħt il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/852/PESK tat- 13 ta' Diċembru 2004 dwar miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire [3]. (2) B’kont meħud tar-Riżoluzzjoni 1946(2010) tal- 15 ta' Ottubru 2010 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-Deċiżjoni 2010/656/PESK, huwa meħtieġ li jkun emendat ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 sabiex tkun permessa l-esportazzjoni ta' tagħmir mhux letali, kif ukoll ta' tagħmir mhux letali li jista' jintuża għal ripressjoni interna, maħsubin biss biex jippermettu lill-forzi ta' sigurtà Ivorjani jużaw biss forza xierqa u proporzjonata waqt iż-żamma tal-ordni pubbliku, kif ukoll l-għoti ta' assistenza teknika relatata, ta’ finanzjament u ta’ assistenza finanzjarja. (3) Il-lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-ripressjoni interna għandha tkun aġġornata wara rakkomandazzjonijiet magħmula minn esperti, b’kont meħud tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas- 27 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra [4]. (4) Huwa xieraq li l-Artikolu dwar il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni jkun aġġornat fid-dawl tal-prattika reċenti tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni. (5) Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 għandu jkun emendat kif jeħtieġ, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 huwa emendat kif ġej: (1) l-Artikolu 4(1) għandu jinbidel b’dan li ġej: "1. B’deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għal: (a) l-għoti ta' assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ armamenti u materjal relatat, fejn tali assistenza jew servizzi jkunu maħsubin biss għall-appoġġ u użu fir-rigward tal-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte-d’Ivoire (UNOCI) u l-forzi Franċiżi li jappoġġawa; (b) l-għoti ta' assistenza teknika relatata ma' tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju u protettiv, inkluż tali tagħmir maħsub għall-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet mill-UE, in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), fejn dawn l-attivitajiet ikunu ġew ukoll approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; (c) l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew ta’ protezzjoni, inkluż tali tagħmir maħsub għal operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet mill-UE, in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS; (d) l-għoti ta' assistenza teknika relatata ma’ armamenti u materjal relatat maħsubin biss għall-appoġġ jew użu fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni tal-forzi ta’ difiża u ta’ sigurtà taħt is-subparagrafu (f) tal-paragrafu 3 tal-Ftehim Linas-Marcoussis, fejn tali attivitajiet ikunu ġew ukoll approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; (e) l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma’ armamenti u materjal relatat maħsubin biss għall-appoġġ jew użu fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni tal-forzi ta’ difiża u ta’ sigurtà taħt is-subparagrafu (f) tal-paragrafu 3 tal-Ftehim Linas-Marcoussis; (f) il-bejgħ jew provvisti trasferiti jew esportati temporanjament lejn il-Côte d′Ivoire lill-forzi ta’ Stat li qed jieħu azzjoni, taħt il-liġi internazzjonali, unikament u direttament biex jiffaċilita l-evakwazzjoni tal-persuni bin-nazzjonalità tiegħu u ta’ dawk li lejhom għandu responsabbiltà konsulari fil-Côte d'Ivoire, fejn dawn l-attivitajiet ikunu ġew ukoll approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; (g) l-għoti ta' assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' tagħmir militari mhux letali maħsub biss biex jippermetti lill-forzi ta' sigurtà Ivorjani jużaw biss forza xierqa u proporzjonata waqt iż-żamma tal-ordni pubbliku."; (2) għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej: "Artikolu 4a 1. B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn l-esportatur jew il-fornitur tas-servizzi huwa stabbilit tista' tawtorizza, taħt dawk il-kundizzjonijiet li hi tqis xierqa, il-bejgħ, il-fornitura, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir mhux letali elenkat fl-Anness I jew l-għoti ta' assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' tali tagħmir mhux letali, wara li tkun iddeterminat li t-tagħmir mhux letali kkonċernat huwa maħsub biss biex jippermetti lill-forzi ta' sigurtà Ivorjani jużaw biss forza xierqa u proporzjonata waqt iż-żamma tal-ordni pubbliku. 2. L-Istat Membru relevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1. 3. L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew."; (3) l-Artikolu 9 għandu jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 9 Dan ir-Regolament għandu japplika: (a) fit-territorju kollu tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha; (b) abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru; (c) għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru; (d) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru; (e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni."; (4) l-Anness I għandu jinbidel bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament; (5) it-titolu tal-Anness I għandu jinbidel b’dan li ġej: "Lista ta' awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 4 u 4a". Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mid- 29 ta’ Ottubru 2010. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il- 15 ta’ Novembru 2010. Għall-Kunsill Il-President S. Vanackere [1] ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28. [2] ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5. [3] ĠU L 368, 15.12.2004, p. 50. [4] ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS "ANNESS I Lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 4a 1. Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej: 1.1 Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea [1] ("Lista Militari Komuni tal-UE"); 1.2 Munizzjon speċjalment maħsub għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti mfassla apposta għalihom; 1.3 Miri tal-armamenti mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE. 2. Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE. 3. Vetturi kif ġej: 3.1 Vetturi mgħammra b’kanun tal-ilma, imfassla jew immodifikati apposta għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet; 3.2 Vetturi mfassla jew immodifikati apposta biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lil persuni li jattakkawhom; 3.3 Vetturi mfassla jew immodifikati apposta biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir ta’ kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika; 3.4 Vetturi mfassla apposta għat-trasport jew it-trasferiment ta’ priġunieri u/jew detenuti; 3.5 Vetturi mfassla apposta għall-iskjerament tal-barrikati mobbli; 3.6 Komponenti għall-vetturi speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 mfassla apposta għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet. Nota 1 Dan il-punt ma jikkontrollax il-vetturi mfasslin apposta għall-finijiet ta’ tifi tan-nar. Nota 2 Għall-finijiet tal-punt 3.5 it-terminu "vetturi" jinkludi l-karrijiet. 4. Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej: 4.1 Tagħmir u apparat speċjalment maħsub biex iqabbad splużjonijiet b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inklużi settijiet tal-isparar, detonaturi, igniters, boosters u fil detonatur, u komponenti mfassla apposta għalihom; minbarra dawk imfassla apposta għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operat b’mezzi esplożivi ta’ tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tiegħu mhijiex il-ħolqien ta’ splużjonijiet (pereżempju, in-neffieħa tal-air-bags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f’daqqa tal-elettriku ta’ attivaturi ta’ bexxiexa għat-tifi tan-nar); 4.2 Kargi splussivi linear cutting mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE; 4.3 Splussivi oħrajn mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE u sustanzi relatati kif ġej: a. amatol; b. nitrocellulose (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu); c. nitroglycol; d. pentaerythritol tetranitrate (PETN); e. picryl chloride; f. 2,4,6-trinitrutolwin (TNT). 5. Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mill-ML 13 tal-Lista Militari Komuni tal-UE kif ġej: 5.1 Korazzi tal-persuna li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti; 5.2 Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew mill-frammenti, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi. Nota: Dan il-punt ma jikkontrollax: - tagħmir imfassal apposta għal attivitajiet sportivi; - tagħmir imfassal apposta għall-ħtiġijiet tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. 6. Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mill-ML 14 tal-Lista Militari Komuni tal-UE, għal taħriġ fl-użu ta’ armi tan-nar, u softwer mfassal apposta għalihom. 7. Tagħmir ta’ viżjoni għal bil-lejl, tal-ħolqien ta’ immaġni termali u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE. 8. Fildiferru mxewwek (barbed wire) li jaqta’. 9. Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b’xafra itwal minn 10 cm. 10. Tagħmir ta’ produzzjoni mfassal apposta għall-oġġetti speċifikati f’din il-lista. 11. Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f’din il-lista.". [1] ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19. --------------------------------------------------